Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Ġunju 2013 – Energa Power Trading vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-338/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Energa Power Trading Promitheias kai Emporias Energeias AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara u tiddeċiedi li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-Trattat, peress li, minkejja li ġiet mitluba li tagħmel dan, hija naqset milli tiddefinixxi il-pożizzjoni tagħha dwar l-ilment ippreżentat fid-9 ta’ Diċembru 2010, dwar għajnuna mill-Istat li l-awtoritajiet Griegi taw illegalment lil DEI; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, li jallega li l-Kummissjoni naqset mill-taġixxi fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat illegali mogħtija lil DEI.

Billi naqset li tieħu pożizzjoni – pożittiva jew negattiva – abbażi tal-ilment tar-rikorrenti li jallega għajnuna mill-Istat favur DEI minkejja sottomissjoni ta’ avviż formali peress li wara perijodu ta’ iktar minn 28 xahar (u fi kwalunkwe każ iktar minn 26 xahar), il-Kummissjoni naqset milli tagħlaq l-investigazzjoni preliminari fi żmien raġonevoli. Sa fejn l-imsemmi dewmien ma jistax jiġi ġġustifikat b’riferiment għal xi ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni naqset li taġixxi minkejja l-kompetenza esklużiva rispettiva tagħha, bi ksur tad-dispożizzjonijiet relatati tat-Trattat (jiġifieri, l-Artikoli 106, 107 u 265 TFUE) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE.