Language of document : ECLI:EU:T:2015:926

Kawża T‑343/13

CN

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Petizzjoni indirizzata lill-Parlament — Pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-Parlament ta’ ċertu data personali — Assenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-3 ta’ Diċembru 2015

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, mill-istituzzjonijiet, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħhom – Ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali – Inklużjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 8; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament Nru 45/2001 – Data dwar is-saħħa – Kunċett – Interpretazzjoni wiesgħa – Limiti

(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 10(1))

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament Nru 45/2001 – Neċessità ta’ legalità tal-ipproċessar – Kunsens tal-persuna kkonċernata – Kunċett – Preżentazzjoni ta’ petizzjoni li fiha informazzjoni sensittiva fuq is-sit tal-internet tal-Parlament Ewropew – Informazzjoni pprovduta lill-petizzjonant qabel il-preżentazzjoni li tippermettilu jevalwa l-aċċessibbiltà lill-pubbliku tal-petizzjoni tiegħu – Natura legali tal-ipproċessar

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikoli 2(h), 5(d) u 10(2)(a))

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Invokazzjoni ta’ illegalitajiet li jirriżultaw minn ksur ta’ drittijiet ta’ terzi – Inammissibbiltà

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament Nru 45/2001 – Dritt għat-tħassir tad-data – Kundizzjoni – Ipproċessar illegali tad-data kkonċernata – Tħassir b’korteżija ta’ data pproċessata legalment – Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikolu 16)

6.      Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni tad-data personali – Żvelar ta’ data bil-kunsens tal-persuna kkonċernata – Indħil fil-ħajja privata – Assenza

7.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert ikkawżat minn att illegali – Danni materjali u morali – Oneru tal-prova

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

9.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Dannu kkostitwit mill-ispejjeż relatati mal-proċedura prekontenzjuża – Spejjeż li jirriżultaw mill-għażla libera tar-rikorrent – Assenza ta’ rabta kawżali bejn id-dannu u l-aġir tal-istituzzjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ir-rekwiżit tal-aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jeħtieġ il-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Il-kriterju deċiżiv sabiex jitqies li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement serju huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi, minn istituzzjoni tal-Unjoni, li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

F’dan ir-rigward, billi d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea huwa żviluppat mir-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, għal dak li jikkonċerna l-atti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u mid-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-imsemmi regolament, dawn id-diversi dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi. Għaldaqstant, huma jistgħu jiġu invokati minn rikorrent fir-rikors tiegħu għad-danni.

(ara l-punti 44, 47)

2.      L-espressjoni “data dwar is-saħħa”, li tinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa, b’tali mod li tinkorpora l-informazzjoni kollha li tikkonċerna kull aspett, kemm fiżiku kif ukoll mentali, tas-saħħa ta’ persuna. Madankollu, dan il-kunċett ma jistax jiġi estiż sakemm jinkorpora espressjonijiet li ma jinkludux l-iżvelar ta’ ebda data dwar is-saħħa jew il-kundizzjoni medika ta’ persuna.

(ara l-punt 50)

3.      Peress li l-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l‑korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, ma jimponi ebda kundizzjoni rigward il-forma tal-kunsens ta’ persuna għall-ipproċessar ta’ data personali, il-preżentazzjoni tal-petizzjoni lill-Parlament Ewropew tista’ titqies li hija indikazzjoni tax-xewqat tal-persuna kkonċernata.

Fil-fatt, kieku petizzjonant raġonevolment attent jaqra attentament l-informazzjoni pprovduta mill-Parlament fuq is-sit tal-internet tiegħu dwar il-pubblikazzjoni tal-petizzjoni, din kellha tippermettilu jevalwa l-portata tal-azzjoni tiegħu u l-konsegwenzi tagħha. F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ petizzjoni li ssemmi speċifikament il-fatt li istituzzjoni tal-Unjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq, għall-finijiet tal-karriera tiegħu, l-istat ta’ saħħa tal-petizzjonant li huwa uffiċjal tal-Unjoni u dak tat-tifel tiegħu, din l-indikazzjoni tax-xewqa tiegħu hija speċifika peress li l-Parlament informa lill-petizzjonant, fil-mument tal-preżentazzjoni, bil-fatt li l-ilment tiegħu kien ser ikun aċċessibbli fuq l-internet, u li dan tal-aħħar ta l-kunsens espress tiegħu billi mmarka l-kaxxi fuq il-formola li kienu jikkonċernaw l-ipproċessar pubbliku u r-reġistrazzjoni f’reġistru aċċessibbli fuq l-internet, mingħajr ma l-kunsens tiegħu għandu għalfejn jiġi dedott b’mod impliċitu minn kwalunkwe azzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-petizzjonant ta l-kunsens espress tiegħu għall-iżvelar tal-informazzjoni sensittiva dwar saħħtu, fis-sens tal-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001. Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għall-ipproċessar tad-data personali li ma hijiex id-data personali sensittiva tal-petizzjonant.

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna d-data personali li ma tidhirx fost dik imsemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 45/2001, bħal dik dwar il-karriera tal-petizzjonant, l-ipproċessar tagħha huwa suġġett għas-sistema prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament. Skont l-Artikolu 5(d) ta’ dan ir-regolament, l-ipproċessar jista’ jitwettaq, b’mod partikolari, meta l-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens kategoriku tagħha. Fi kliem ieħor, l-ipproċessar jista’ jitwettaq meta l-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens tagħha b’ċertezza u mingħajr ambigwità. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001 jeħtieġ li l-kunsens ikun espress, l-Artikolu 5(d) tal-imsemmi regolament jeżiġi kunsens kategoriku. Huwa loġiku li, fid-dawl tan-natura tad-data personali sensittiva, jitqies li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kunsens fis-sens tal-Artikolu 5(d) tar-Regolament Nru 45/2001 ma jistgħux ikunu iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 10(2)(a) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punti 59, 70, 74, 76-79)

4.      Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-kundizzjoni relatata mal-ksur ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, huwa neċessarju li l-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjoni invokata tkun effettiva fir-rigward tal-persuna li tinvokaha u, għaldaqstant, li din il-persuna tkun fost dawk li d-dispożizzjoni inkwistjoni tagħtihom drittijiet. Ma tistax tiġi aċċettata bħala sors ta’ kumpens regola li ma tipproteġix l-individwu kontra l-illegalità li huwa jinvoka, iżda li tipproteġi individwu ieħor. Minn dan jirriżulta li rikorrent ma jistax jinvoka, fil-kuntest tar-rikors tiegħu għad-danni, illegalitajiet li jirriżultaw mill-allegat ksur ta’ drittijiet ta’ terz.

(ara l-punt 86)

5.      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 45/2001, war il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, jagħti d-dritt li jinkiseb it-tħassir tad-data personali biss meta l-ipproċessar ikun illegali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata insostenn ta’ talba għat-tħassir meta l-ipproċessar huwa legali. Il-fatt li l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata ddeċidiet li tilqa’ talba għal tħassir ma jimplikax fih innifsu r-rikonoxximent tal-illegalità tal-ipproċessar inizjali.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(3) tad-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001, adottati mill-Parlament Ewropew, jipprovdi li, meta t-talba għal tħassir ta’ data personali tiġi aċċettata, dan għandu jsir minnufih. Din id-dispożizzjoni tkopri sitwazzjonijiet li fihom it-talba hija aċċettata minħabba li tkun fondata, jiġifieri għar-raġuni li l-ipproċessar huwa illegali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa loġiku li għandu jsir minnufih. Min-naħa l-oħra, meta it-talba ma tkunx fondata, iżda tiġi aċċettata b’korteżija, ma hemmx raġuni għaliex jiġi impost l-obbligu ta’ tħassir minnufih. F’dan il-każ, il-Parlament huwa obbligat biss jeżegwixxi l-impenn tiegħu f’terminu raġonevoli.

(ara l-punti 90, 100)

6.      Għal dak li jirrigwarda l-iżvelar ta’ data personali minn istituzzjoni tal-Unjoni, ma huwiex possibbli li jitqies li hemm indħil minn awtorità pubblika fil-ħajja privata fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem meta l-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens tagħha għal dan l-iżvelar.

(ara l-punt 107)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 110)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 118, 119)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 123, 124)