KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fl-20 ta’ Jannar 2022 (1)
Kawża C-589/20
JR
vs
Austrian Airlines AG
(Talba għal deċiżjoni preliminari mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montreal – Artikolu 17(1) – Responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fir-rigward ta’ mewt jew inġurji personali sofferti minn passiġġiera – Rekwiżiti ta’ ‘inċident’ kawżali jseħħu ‘tul xi operazzjonijiet ta’ […] żbark’ – Passiġġier jaqa’ fuq it-taraġ ta’ imbarkament waqt l-iżbark – Artikolu 20 – Difiża ta’ negliġenza kontributorja – Nuqqas tal-passiġġier li jżomm mal-poġġaman”
I. Introduzzjoni
1. Dan il-każ jitratta dwar il-perikolu ta’ kuljum ta’ żliq jew waqgħat ta’ ħsara. Iqajjem, b’mod iktar preċiż, il-kwistjoni ta’ jekk, u, jekk iva, sa liema punt, trasportaturi bl-ajru huma responsabbli meta dawk l-okkorrenzi sfortunati jiġru lil passiġġieri abbord inġenju tal-ajru jew fuq faċilitajiet użati biex jimbarkawh jew jiżbarkawh.
2. F’dak ir-rigward, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija) irreferiet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (2) (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Montreal”). Dawn id-domandi ġew sottomessi fil-kuntest ta’ talba għad-danni miġjuba minn JR, passiġġiera fuq titjira internazzjonali, kontra Austrian Airlines AG, it-trasportatur li biegħ u opera dik it-titjira, dwar inġurji sostnuti meta hi waqgħet, għall-ebda raġuni aċċertabbli, fuq it-taraġ ta’ imbarkament waqt żbark.
3. L-ewwel domanda hija dwar jekk tali waqgħa tikkostitwixxix “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, li tinkorri r-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru skont dik id-dispożizzjoni. It-tieni domanda tirrigwarda jekk, f’dak il-kuntest, in-nuqqas tal-passiġġier li jżomm mal-poġġaman imwaħħal mat-taraġ ta’ imbarkament jammonta għal negliġenza kontributorja min-naħa tiegħu, li teżonera t-trasportatur mir-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 20 ta’ dik il-konvenzjoni. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega għala ż-żewġ domandi jsejħu, fil-fehma tiegħi, għal tweġiba sfumata, skont il-każ.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Il-Konvenzjoni ta’ Montreal
4. It-tielet premessa tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jgħidli l-Istati Partijiet “[jirrikonoxxu] l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn għal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni”.
5. Il-ħames premessa ta’ dik il-Konvenzjoni jgħid li “azzjoni kollettiva mill-Istat għal armozzazzjoni u kodifikazzjoni akbar ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru permezz ta’ Konvenzjoni ġdida hija l-mezz l-aktar adegwat biex jiġi akkwistat bilanċ ekwu ta’ l-interessi”.
6. L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, intitolat “Mewt u inġurji tal-passiġġieri - dannu lill-bagalji”, jipprovdi fil-paragrafu 1 li “it-trasportatur huwa responsabbli għad-danni sofferti fil-każ ta’ mewt jew inġurji personali ta’ passiġġier sakemm biss l-inċident li kkawża l-mewt jew l-inġurja seħħ abbord l-ajruplan jew tul xi operazzjonijiet ta’ imbark jew żbark”.
7. Skont l-Artikolu 20 ta’ dik il-konvenzjoni, intitolat “L-Eżonerazzjoni”, “jekk it-trasportatur jipprova li d-dannu ġie kkawżat jew kontribwit bin-negliġenza jew att ħażin jew negliġenti tal-persuna li titlob kumpens, jew il-persuna li mingħandha hu jew hi jieħdu d-drittijiet tiegħu/tagħha, it-trasportatur għandu jkun kompletament jew parzjalment eżonerat mir-responsabbiltà tiegħu lejn l-attur, sa fejn din in-negliġenza jew att ħażin jew negliġenti kkawżaw jew ikkontribwew għad-dannu. […] Dan l-Artikolu japplika għad-disposizzjonijiet kollha ta’ responsabbiltà f’din il-Konvenzjoni, inkluż il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 21”.
8. L-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, intitolat “Kumpens f’każ ta’ mewt jew inġurja ta’ passiġġieri”, jaqra kif ġej:
“1. Għal danni kkawżati taħt il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 17 li ma jaqbżux 100 000 Dritt Speċjali tal-Ġbid għal kull passiġġier, it-trasportatur ma jistax jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tiegħu.
2. It-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għal danni kkawżati taħt il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 17 sa fejn jeċċedu għal kull passiġġier 100 000 Dritt Speċjali tal-Ġbid jekk it-trasportatur jipprova illi:
(a) dan id-dannu ma ġiex ikkawżat min-negliġenza jew att ħażin jew negliġenza tat-trasportatur jew is-servjenti jew l-aġenti tiegħu; jew
(b) id-dannu kien dovut biss għal negliġenza jew att jew omissjoni ta’ parti terza.”
B. Dritt tal-Unjoni
9. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru (3), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 889/2002 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2027/97”), jgħid illi “r-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà.”
III. Fatti, proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari
10. Fit-30 ta’ Mejju 2019, JR, żewġha u binhom ta’ sentejn vjaġġaw mit-Tessaloniki (Greċja) għal Vjenna (Awstrija) fuq titjira operata minn Austrian Airlines, skont kuntratt ta’ trasport bl-ajru konkluż ma’ dik il-kumpannija.
11. Wara atterraġġ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Vjenna, l-ajruplan kien stazzjonat f’pożizzjoni ta’ żbark fuq barra. Taraġ ta’ imbarkament mikxuf b’poġġaman fuq kull naħa kien pożizzjonat kemm fuq quddiem kif ukoll fuq wara tal-inġenju ta’ l-ajru biex jippermettu lill-passiġġieri biex jiżbarkaw. JR u l-familja tagħha ħallew passiġġieri oħra jmorru qabilhom qabel ma huma nfushom jużaw it-taraġ ta’ quddiem. Ir-raġel ta’ JR beda nieżel it-taraġ l-ewwel, iżomm bagalja tal-idejn bir-roti f’kull id. Hu kważi waqa’ fl-aħħar terz tat-taraġ iżda rnexxielu jibqa’ fuq saqajh. JR imbagħad segwiet, iżżomm il-basket tal-idejn tagħha f’idha l-leminija filwaqt li ġġorr lill-binha f’idha x-xellugija. Hi waqgħet fejn żewġha kien kważi waqa’ qabel, tolqot it-tarf tat-taraġ. Hi soffriet ksur f’dirgħajha x-xellugija u ematoma fuq il-warrani.
12. JR ressqet rikors kontra Austrian Airlines quddiem il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija), tfittex danni ta’ EUR 4 675.00 flimkien ma’ interessi u spejjeż. Essenzjalment, hi allegat li, skont il-liġi Awstrijaka, it-trasportatur kien responsabbli għall-inġurji li soffriet peress li kien kiser l-obbligu kuntrattwali tiegħu li jiżgura s-sigurtà tal-passiġġieri. (5) F’dak ir-rigward, JR issottomettiet li, meta l-passiġġieri għandhom jiżbarkaw barra, hija prattika normali għat-trasportatur li jipprovdi taraġ ta’ imbarkament kopert u li jaċċerta li dan ma huwiex żejtni jew jiżloq. F’dan il-każ, minkejja x-xita, Austrian Airlines użaw taraġ skopert, u għaldaqstant żiedu r-riskju li xi ħadd jista’ jaqa’ fuq taraġ imxarrab. Barra minn hekk, it-tarġa li fuqha żelqet JR, skontha kienet żejtnija. Fil-fatt, it-taraġ tant kien jiżloq li żewġha kważi waqa’ fl-istess post eżatt fejn hi fil-fatt waqgħet, minkejja l-fatt li, wara li rat li żewġha kważi waqa’, hi ħadet iktar ħsieb billi refgħet lill-binha f’idejha biex iżżommu milli jaqa’ u niżlet l-isfel attenta ħafna.
13. Fir-risposta tagħhom, Austrian Airlines issottomettew, l-ewwel, li ma kisrux l-obbligu tagħhom ta’ sigurtà. L-użu tat-taraġ ta’ imbarkament mgħammar bi treads perforati/immewwġin biex inaqsu r-riskju ta’ żlieq, aċċerta li l-passiġġieri setgħu jiżbarkaw mingħajr riskju. Barra minn hekk, it-taraġ inkwistjoni kien f’kundizzjoni teknika tajba u ma kienx imxarrab jew żejtni u għalhekk ma jiżloqx. It-tieni, u fi kwalunkwe każ, għandu jkun raġonevolment mistenni minn JR li żżomm mal-poġġaman, speċjalment jekk kienet għadha kemm rat lil żewġha kważi jaqa’. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-waqgħa tagħha seħħet speċifikament minħabba li kienet qiegħdha żżomm lil binha. It-tielet, JR għażlet li ma tfittix trattament ulterjuri fi sptar fil-qrib immedjatament wara l-inċident, minkejja l-istruzzjonijiet u pariri mediċi mogħtija lilha, iżda minflok vjaġġat lura lejn Linz (l-Awstrija), fejn ma fittxitx trattament sa tard filgħaxija tat-30 ta’ Mejju 2019. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-inġurji tagħha ma ġewx aggravati mid-dewmien fit-trattament.
14. Permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2020, il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat) ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. Flimkien mal-fatti miġbura fil-qosor hawn fuq fil-punt 11, dik il-qorti stabbiliet ulterjorment li madwar 60 passiġġiera kienu użaw it-taraġ ta’ imbarkament qabel JR, l-ebda minnhom ma kienu żelqu jew ilmentaw li kienu jiżolqu. It-taraġ kien magħmul minn folji mmewġin tal-metall, li jiżguraw kwalità partikolari kontra ż-żliq. Tali taraġ huma f’użu kostanti fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Vjenna, fejn l-ebda taraġ kopert ma huwa disponibbli. Barra minn hekk, dawk il-biċċiet tat-tagħmir huma ċertifikati u t-taraġ ta’ imbarkament inkwistjoni kien f’kundizzjoni tajba u ma wera l-ebda sinjali ta’ difetti jew dannu. Fil-ġurnata inkwistjoni, filwaqt illi t-tarġien kienu verament niedja għax kienet għamlet ix-xita qabel, ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li kienu mxarrbin peress li ma kinitx ix-xita fil-ħin meta l-passiġġieri żbarkaw. Lanqas ma kienu żejtnija, jew b’xi mod koperti roqgħat kbar ta’ ħmieġ. Biċċiet żgħar ta’ ħmieġ iżolati, f’għamla ta’ tikek ta’ konsistenza mhux magħrufa instabu fuq l-aħħar tliet tarġien biss, iżda ma setax jiġi stabbilit li dawk il-biċċiet ta’ ħmieġ kienu jiżolqu jew anke li chewing gum kien weħel mat-tarġien. Fl-aħħar, JR kienet rat lil żewġha kważi jaqa’ mbagħad kienet waqgħet hi fl-istess post. Minbarra l-fatt li l-ebda minnhom ma kienu użaw il-poġġaman, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit għala waqgħet ir-rikorrenti.
15. Fid-dawl ta’ dawk il-fatti, u skont id-dritt Awstrijak, il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li Austrian Airlines ma kinux kisru l-obbligi ta’ sikurezza tagħhom. Trasportatur bl-ajru għandu jieħu dawk il-miżuri biss li jistgħu jiġu raġonevolment mistennija minnu. F’dak ir-rigward, l-użu ta’ taraġ ta’ imbarkament b’uċuħ li ma jiżolqux kien biżżejjed biex jiżgura li l-passiġġieri setgħu jiżbarkaw l-inġenju tal-ajru mingħajr riskju. Fi kwalunkwe każ, kull passiġġier għandu jħares fejn hu sejjer. Minkejja kienet rat lil żewġha kważi jaqa’, JR ma ħadet l-ebda prekawzjoni biex tipprevjeni l-waqgħa tagħha stess. Kien ikun raġonevoli għaliha li tieħu pawża u mbagħad tuża l-poġġaman qabel ma tkompli l-inżul tagħha. Kien ikun possibbli wkoll għal JR li tfittex l-għajnuna ta’ żewġha. In-nuqqas tagħha li tilħaq għall-poġġaman minkejja kien diġà ġie identifikat riskju fisser li l-waqgħa tagħha kienet primarjament tort tagħha stess.
16. JR ippreżentat appell kontra dik is-sentenza quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg). Dik il-qorti tinnota li r-responsabbiltà ta’ Austrian Airlines għandha tiġi evalwata mhux b’referenza għad-dritt Awstrijak, iżda għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Montreal. F’dak ir-rigward, tiddubita jekk waqgħa bħal dik li JR esperjenzat tikkwalifika bħala “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) ta’ dik il-konvenzjoni, kif definit fis-sentenza tal-kawża Niki Luftfahrt. (6) Fi kwalunkwe każ, tistaqsi jekk in-negliġenza tal-passiġġier – li naqas milli jżżomm mal-poġġaman – jeżonerax it-trasportatur minn kwalunkwe responsabbiltà skont l-Artikolu 20 tal-konvenzjoni.
17. Kontra dak l-isfond, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tirreferi s-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
“(1) L-Artikolu 17(1) tal-[Konvenzjoni ta’ Montreal], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘inċident’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri sitwazzjoni fejn passiġġier, huwa u niżel mill-ajruplan, jaqa’ – għal raġuni mhux magħrufa – fl-aħħar terz tat-taraġ mobbli użat sabiex wieħed jitla’ jew jinżel mill-ajruplan u jsofri korriment, liema korriment ma kienx ikkawżat minn oġġett użat għas-servizz lill-passiġġieri fis-sens [tas-sentenza tal-kawża Niki Luftfahrt] u dan meta jitqies li t-taraġ ma kienx difettuż u, b’mod partikolari, lanqas ma kien jiżloq?
(2) L-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ [Montreal] għandu jiġi interpretat fis-sens li eventwali responsabbiltà tal-kumpannija tal-ajru hija kompletament eskluża fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 1 u f’sitwazzjoni fejn il-passiġġier ma kienx qiegħed iżomm mal-poġġaman tat-taraġ meta waqa’?”
18. It-talba għal deċiżjoni preliminari, datata 15 ta’ Settembru 2020, waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Novembru 2020. JR, Austrian Airlines, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-ebda smigħ ma nżamm f’dan il-każ.
IV. Analiżi
19. Il-Konvenzjoni ta’ Montreal hija trattat li jistabbilixxi regoli uniformi li jirregolaw il-ġarr internazzjonali bl-ajru. Fiha, notevolment tiddefinixxi l-obbligi ta’ trasportaturi bl-ajru lejn il-passiġġieri li magħhom ikunu ikkonkludew kuntratt ta’ trasport. Peress li dik il-konvenzjoni ġiet konkluża, inter alia, mill-Unjoni, (7) kienet parti integrali mill-ordni legali tal-Unjoni mid-data li daħlet fis-seħħ sa fejn tikkonċerna l-Unjoni, jiġifieri t-28 ta’ Ġunju 2004. Għaldaqstant, minn dik id-data, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni tagħha. (8)
20. Kif tosserva sewwa l-qorti tar-rinviju (9), il-Konvenzjoni ta’ Montreal tapplika fil-proċeduri prinċipali. Fil-fatt, JR ikkonkludiet kuntratt ta’ trasport ma’ Austrian Airlines u dak il-kuntratt ikkonċerna “ġarr internazzjonali”, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 1 tal-konvenzjoni, peress li l-post tat-tluq u l-post tad-destinazzjoni ta’ dik it-titjira jinsabu fi ħdan it-territorji taż-żewġ Stati Partijiet, jiġifieri r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Awstrija. (10)
21. Kapitolu III tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jikkontjeni diversi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru. B’mod partikolari, l-Artikolu 17(1) jitratta r-responsabbiltà tagħhom fil-każ ta’ “mewt jew inġurji personali” ta’ passiġġieri. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-ksur u l-ematoma sostnuti minn JR (11) fil-kapaċità tagħha ta’ passiġġier u li għalihom hi qiegħda tfittex kumpens minn Austrian Airlines jikkostitwixxu tali “inġurji personali”.
22. Il-pretensjoni ta’ JR għalhekk jaqa’ b’mod pulit fi ħdan l-iskop tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Barra minn hekk, f’tali każ, dik id-dispożizzjoni tapplika esklużivament. Fil-fatt, skont l-Artikolu 29 tal-konvenzjoni, tkun liema tkun il-kawża ta’ azzjoni invokata mir-rikorrent biex isostni it-talba tiegħu – liġi domestika tat-tort, responsabbiltà kuntrattwali, eċċ. –, għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ responsabbiltà stabbiliti f’dak it-trattat jew inkella tiġi miċħuda. Fi kliem ieħor, “jekk rimedju għall-inġurja ma huwiex disponibbli taħt il-Konvenzjoni, ma huwiex disponibbli affattu” (12). Għalhekk, minkejja l-pretensjoni ta’ JR hija bbażata fuq ir-regoli Awstrijaċi ta’ responsabbiltà ċivili, is-suċċess tagħha jiddependi fl-aħħar mill-aħħar mhux fuq il-kontenut ta’ dawk ir-regoli, iżda fuq il-kostruzzjoni proprja tal-konvenzjoni (13).
23. F’dak ir-rigward, l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jipprovdi li l-passiġġier imweġġa’ għandu azzjoni kontra t-trasportatur bl-ajru “sakemm biss l-inċident li kkawża […] l-inġurja seħħ abbord l-ajruplan jew tul xi operazzjonijiet ta’ imbark jew żbark”.
24. Meta dawk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti, id-difiżi disponibbli għat-trasportatur huma pjuttost limitati u jvarjaw skont l-ammont ta’ danni li ser jingħataw lir-rikorrent. Jekk il-valur tat-talba ma jaqbeżx il-100 000 Dritt Speċjali tal-Ġbid (iktar ’il quddiem “DSĠ”) (14), l-Artikolu 21(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jgħid li t-trasportatur bl-ajru “ma jistax jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tiegħu”. Jekk it-talba hija iktar minn dak il-limitu, it-trasportatur jista’, skont l-Artikolu 21(2) tal-konvenzjoni jillimita (15) r-responsabbiltà tiegħu billi jipprova, essenzjalment, li l-inġurja tal-passiġġier ma kienx riżultat tat-tort/negliġenza tiegħu. Huwa paċifiku li t-talba ta’ JR ma taqbeżx il- 100 000 DSĠ, għalhekk Austrian Airlines ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jagħmlu użu minn dik id-difiża partikolari.
25. Madankollu, minkejja dak li tissuġġerixxi l-formulazzjoni li tidher mhux kwalifikata tal-Artikolu 21(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, difiża oħra tibqa’ għad-dispożizzjoni tat-trasportatur f’dik is-sitwazzjoni. Jista’, fil-fatt, jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tiegħu – biss – billi jipprova negliġenza kontributorja min-naħa tar-rikorrent, skont l-Artikolu 20 tal-konvenzjoni. Fil-fatt, dik id-dispożizzjoni tapplika għall-każijiet kollha ta’ dannu li hemm referenza għalihom f’dak it-trattat, inkluż “inġurji personali” ta’ passiġġier, anke meta l-valur tat-talba ma taqbeżx il-100 000 DSĠ (16).
26. F’dak il-kuntest, id-domandi sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrelataw għall-kundizzjonijiet tat-talba (Artikolu 17(1)) u d-difiża tiegħu (Artikolu 20). L-ewwel domanda hija dwar il-kostruzzjoni proprja tal-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tat-tifsira tad-dispożizzjoni preċedenti. It-tieni domanda tikkonċerna l-kwistjoni ta’ negliġenza kontributorja prevista f’dan l-aħħar. L-Artikolu 17(1) diġà ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-kawża Niki Luftfahrt. L-Artikolu 20 ma kienx. Fuq kollox, risposta għad-domandi sottomessi ma tistax tiġi dedotta konklussivament mill-ġurisprudenza eżistenti, minkejja ċertu lezzjonijiet ġenerali jistgħu.
27. L-ewwel, il-kunċetti fil-Konvenzjoni ta’ Montreal, bħal “inċident” u “negliġenza”, għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u awtonomi, skont ir-regoli ta’ interpretazzjoni tad-dritt ġenerali internazzjonali, li huma vinkolanti fuq l-Unjoni Ewropea (17).
28. F’dak ir-rigward, it-tieni, dawn il-kunċetti għandhom jinftiehmu skont ir-regola tad-dritt tal-użanza internazzjonali, kif kodifikati fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta’ Mejju 1969 (18). Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Montreal għaldaqstant għandhom jiġu interpretati in bona fide skont it-tifsira komuni li għandha tingħata lit-termini tagħhom fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-objettiv u għan tagħhom (19) – li jinkludi “li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru” filwaqt li jinżamm “bilanċ ekwu” bejn dawn l-aħħar interessi u dawk tat-trasportaturi bl-ajru (20).
29. Inżid, bħala tielet punt, li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija biss waħda mill-ġurisdizzjonijiet kompetenti li tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Montreal, u peress li l-applikazzjoni uniformi ta’ dik il-konvenzjoni fl-Istati Partijiet kollha hija l-ideal li għandu jiġi segwit, huwa xieraq għall-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħdha tiddeċiedi fuq kunċetti bħal “inċident” u “negliġenza”, biex tieħu inkunsiderazzjoni, u tieħu ispirazzjoni minn, id-deċiżjonijiet mgħotija mill-qrati ta’ dawk l-Istati Partijiet (21).
30. Ser niddiskuti, fit-taqsimiet li jmiss, id-domandi sottomessi fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali. Madankollu, qabel dan, ser nagħmel l-aħħar kumment, dwar il-fatti ta’ dan il-każ. Jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li, mentri xi wħud minn dawk il-fatti huma paċifiċi, il-partijiet għall-proċeduri prinċipali jargumentaw dwar ċirkustanzi oħra, jiġifieri jekk it-taraġ ta’ imbarkament inkwistjoni kienx niedi, żejtni u għalhekk jiżloq, u jekk dik kinitx ir-raġuni tal-waqgħa ta’ JR. Huma ma jaqblux ukoll dwar jekk JR kinitx negliġenti ta’ li ma żammitx mal-poġġaman (22). Madankollu, il-qrati nazzjonali diġà stabbilixxew u evalwaw dawk il-fatti kollha. Huma sabu li t-taraġ ma kienx jiżloq jew difettuż bl-ebda mod, u li għalhekk kien impossibbli li jiġi stabbilit għala waqgħet JR u li fil-fatt kienet negliġenti (23). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba fuq il-bażi ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet (24). Ser nagħmel l-istess f’dawn il-konklużjonijiet.
A. Dwar waqgħat u “inċidenti” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (l-ewwel domanda)
31. Żewġ rekwiżiti kumulattivi joħorġu mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Biex ikun responsabbli t-trasportatur bl-ajru, l-“inġurji personali” sostnuti mill-passiġġier għandhom (i) ikunu ġew ikkawżati minn “inċident” (ii) ikunu seħħu “abbord l-ajruplan” jew “tul xi operazzjonijiet ta’ imbark jew żbark”.
32. It-tieni rekwiżit ma huwiex il-kwistjoni hawnhekk. Il-qorti tar-rinviju tassumi li hija ssodisfatta u għalhekk ma ssottomettiet l-ebda domanda fuq dik il-kwistjoni. Madankollu Austrian Airlines targumenta dak il-punt quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Essenzjalment, tissottometti li l-kunċetti ta’ “imbark” u “żbark” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-konvenzjoni għandha tkun limitata għall-proċess tal-mgħodija tal-għatba tal-ajruplan fil-punt ta’ imbark jew żbark, jiġifieri li tirfes ġewwa jew barra mill-ajruplan, minn jew lejn it-taraġ ta’ imbarkazzjoni jew jetway. Għalhekk, meta JR waqgħet fl-aħħar terz tat-taraġ ma kinitx għadha “tiżbarka”. Sabiex nipprovdi l-qorti nazzjonali b’risposta utli, ser nindirizza dan l-argument fil-qosor.
33. Il-Konvenzjoni ta’ Montreal ma toffri l-ebda definizzjoni tal-kunċetti ta’ “imbark” jew “żbark” li jinsabu fl-Artikolu 17(1). Madankollu, skont ir-regoli ta’ interpretazzjoni riprodotti fil-punt 28 hawn fuq, ma nara l-ebda raġuni għala għandhom jiġu interpretati fil-mod dejjaq issuġġerit minn Austrian Airlines. L-ewwel, fit-tifsira ordinarja tagħha, il-frażi “imbark” tirreferi, f’sens wiesgħa, għall-att li l-passiġġieri (jew merkanzija, eċċ) jittellgħu fuq ajruplan (jew bastiment, eċċ) qabel vjaġġ, filwaqt li “żbark” tfisser l-oppost. It-tieni, it-termini “xi operazzjonijiet” użati fl-Artikolu 17(1) (25) iwasslu l-intenzjoni tal-abbozzaturi tal-konvenzjoni li jkopru, b’dawk il-kunċetti, firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet, li ċarament ma humiex limitati għall-att ta’ rfis ġewwa jew barra l-ajruplan – jew anke l-att ta’ tlugħ jew inżul it-taraġ ta’ imbarkament f’dak il-każ. It-tielet, fuq dak l-aħħar punt, jista’ jiġi argumentat li fi ħdan il-kuntest ta’ vjaġġar bl-ajru modern, “imbark” u “żbark” huma proċessi kumplessi, li ħafna drabi jinvolu ħafna xtiebi, kurituri, shuttles u taraġ qabel wieħed jasal fis-siġġu tiegħu jew, bil-maqlub, fl-aħħar jirfes f’ċertu pajjiż. Ir-raba’, l-objettiv u l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal ukoll jitolbu ħarsa wiesgħa. Jekk l-opinjoni ta’ Austrian Airlines kien korrett, l-effett utile tal-Artikolu 17(1) kien, għall-kuntrarju, ikun limitat pjuttost drastikament. Fil-fatt, qrati nazzjonali fehmu dawn il-kunċetti bħala wiesgħa biżżejjed li jinkludu – fl-interessi tal-passiġġieri – avvenimenti li jseħħu fuq it-tarmak, f’xarabankijiet shuttle li jwassluhom għall-ajruplani jew terminali ta’ ajruporti, jew anke ġewwa ‘żoni sterili’ ta’ dawk it-terminali, sakemm – fl-interessi ta’ trasportaturi bl-ajru – il-passiġġieri huma taħt il-kontroll tal-persunal tat-trasportatur meta dawn jiġru (26). Fil-qosor, il-kunċett ta’ “żbark” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) ovvjament jinkludi, iżda ma huwiex limitat għal, nżul mit-taraġ ta’ imbarkament wara atterraġġ.
34. Il-kwistjoni kontroversjali tikkonċerna l-ewwel rekwiżit. Essenzjalment, bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal ikoprix sitwazzjoni li fiha passiġġier jaqa’ fuq it-taraġ ta’ imbarkament waqt li jkun qiegħed jiżbarka, anke jekk ir-raġuni għal waqgħa tiegħu ma tistax tiġi stabbilita u, b’mod partikolari, ma kinitx minħabba “oġġett użat għas-servizz lill-passiġġieri” jew kwalunkwe difett jew żlieq tat-taraġ.
35. Niftakar li l-Konvenzjoni ta’ Montreal ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “inċident” li jinsab fl-Artikolu 17(1). Il-qrati nazzjonali jużaw, f’dak ir-rigward, definizzjoni konstatata iktar minn 30 sena ilu vis-à-vis l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja. Fid-deċiżjoni seminali tagħha fil-kawża Air France vs Saks, (27) il-United States Supreme Court (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti) interpretat dak il-kunċett bħala li jkopri “avveniment jew ġrajja mhux mistennija jew mhux tas-soltu li hija esterna għall-passiġġier”. Fil-kawża Niki Luftfahrt, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovvdiet definizzjoni tagħha. Hi ddeċidiet li, skont it-tifsira ordinarja ta’ dak it-terminu, “inċident” huwa “avveniment involontarju li joħloq dannu mhux previst” (28). L-unika differenza sostantiva bejn dawn iż-żewġ definizzjonijiet hija fil-kriterju ta’ “esternalità”, introdott fl-ewwel iżda jidher nieqes mit-tieni, punt li ser nerġa’ ndur lura għalih hawn taħt (29).
36. Isegwi wkoll minn maġġoranza ta’ deċiżjonijiet nazzjonali u s-sentenza fil-kawża Niki Luftfahrt li, peress li t-trasportatur huwa responsabbli ta’ inġurja ta’ passiġġier skont l-Artikolu 17(1) “sakemm biss” tkun ġiet ikkawżata min “inċident” li seħħ abbord l-ajruplan jew tul il-proċess ta’ imbark jew żbark, l-ebda kundizzjonijiet addizzjonali ta’ responsabbiltà ma għandhom jiġu “furzati” f’dak il-kunċett – inkella l-loġika sempliċi ta’ dik id-dispożizzjoni tiġi żnaturata.
37. B’mod partikolari, l-ewwel, kif il-Qorti tal-Ġustizzja qalet espressament f’dik is-sentenza, ir-responsabbiltà tat-trasportatur skont l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal ma għandhiex tiddependi fuq jekk l-inġurja tal-passiġġier tirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ perikolu tipikament assoċjat mal-avjazzjoni. Minkejja xi qrati nazzjonali ħadu l-fehma opposta, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament osservat li l-qari ta’ tali kundizzjoni fil-kunċett ta’ “inċident” ma jkunx konsistenti la mat-tifsira ordinarja tiegħu u lanqas mal-objettivi segwiti mill-konvenzjoni (30). Għalhekk, l-argument mqajjem minn Austrian Airlines li waqgħa mit-taraġ għal isfel hija – bla dubju – perikolu tal-ħajja ta’ kuljum huwa irrilevanti fit-tweġiba tad-domanda sottomessa mill-qorti tar-rinviju.
38. It-tieni, jekk l-inġurja tal-passiġġier kinitx ikkawżata minn “oġġett użat għas-servizz lill-passiġġieri”, kif imsemmi mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha, hija wkoll irrilevanti fil-fehma tiegħi, minkejja fid-difiża ta’ dik il-qorti, xi ambigwità teżisti fuq dak il-punt. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet fis-sentenza fil-kawża Niki Luftfahrt li l-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) “ikopri s-sitwazzjonijiet kollha li jseħħu fuq inġenju tal-ajru li fih oġġett użat għas-servizz lill-passiġġieri jkun ikkawża ferita fiżika lil passiġġier” (31).
39. Madankollu, niddubita bil-qawwa li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni, b’dik id-dikjarazzjoni, li tirrestrinġi dak il-kunċett b’kundizzjoni ġdida, barranija għall-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1), meta kienet għadha kemm ċaħdet oħra fl-istess sentenza (32). Fil-fehma tiegħi, dik id-dikjarazzjoni hija pjuttost intiża li tkun deskrizzjoni astratta taċ-ċirkustanzi involuti f’dak il-każ – li involva l-waqgħa ta’ tazza li tintrema ta’ kafè sħun, mogħtija mill-persunal tat-trasportatur, minn mejda li tingħalaq u tikkawża samta lil passiġġier. Ħafna avvenimenti li jseħħu abbord ajruplani jew fil-proċess ta’ imbark jew żbark jistgħu jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “inċident”, kif stabbilit fil-punt 35 hawn fuq, anke jekk jistgħu ma jinvolvux “oġġetti użati għas-servizz lill-passiġġieri”, u viċi versa. Jekk, f’dan il-każ, il-waqgħa ta’ JR kinitx minħabba tali “oġġett” hija għalhekk mhux il-kwistjoni (33).
40. It-tielet, kuntrarju għal dak li Austrian Airlines jidhru li qiegħdin jissuġġerixxu, ir-responsabbiltà tat-trasportatur skont l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal ma tistax tiddependi fuq it-tort/negliġenza min-naħa tiegħu. Filwaqt li dik tista’ tkun kundizzjoni ta’ responsabbiltà fit-tort nazzjonali/liġi kuntrattwali, il-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ma tirreferix għal xi element ta’ dan it-tip. Għal darb’oħra, dak li huwa importanti huwa jekk “inċident” seħħ f’ċertu sitwazzjonijiet, u dak il-kunċett huwa wieħed oġġettiv. Il-fatt li, f’dan il-każ, Austrian Airlines ħadu ħsieb raġonevoli biex jipprevjenu l-inġurja ta’ JR (34) huwa għalhekk irrilevanti meta jiġi għal deċiżjoni jekk dik l-inġurja kinitx ikkawżata minn tali avveniment (35).
41. Apprezzament tar-reġim ta’ responsabbiltà kollha stabbilit fil-Konvenzjoni ta’ Montreal fil-każ ta’ “inġurji personali” sostnut minn passiġġier jikkonferma dik l-interpretazzjoni. Niftakar li tort/negliġenza min-naħa tat-trasportatur, jew aħjar in-nuqqas tagħha, tista’ tilgħab parti fl-istadju tad-difiża, skont l-Artikolu 21(2) ta’ dik il-konvenzjoni. It-trasportatur jista’ kultant jillimita r-responsabbiltà tiegħu billi jipprova li, minkejja “inċident” seħħ, hu ma għandux jaħti għall-inġurja. (36) Għalhekk tort/negliġenza ma tistax possibbilment tkun komponent ta’ dak il-kunċett.
42. Fil-qosor, id-“domanda proprja” li għandha tiġi mwieġba hija waħda dejqa. Hi ssarraf f’dan li ġej: l-inġurja tal-passiġġier kienet ikkawżata minn avveniment li jilħaq id-definizzjoni oġġettiva ta’ “inċident”, kif stabbilit fil-punt 35 hawn fuq?
43. Għal JR, il-Gvern Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni, dik id-domanda għandha titwieġeb fl-affermattiv f’dan il-każ. Skont id-definizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma jissottomettu li waqgħa bħal dik li JR esperjenzat hija evidentement avveniment “ta’ ħsara” u “involontarju”. Barra minn hekk, filwaqt li dejjem hemm riskju ta’ waqgħa fuq it-taraġ ta’ imbarkament, u n-nies fil-fatt jaqgħu kultant, huwa madankollu kkunsidrat li jkun “imprevist” meta jiġri (37).
44. Min-naħa l-oħra, għal Austrian Airlines, id-domanda għandha tiġi mwieġba fin-negattiv. Jissottomettu, essenzjalment, li ma kien hemm l-ebda “inċident” f’dan il-każ peress li xejn “mhux mistenni”, “insolitu”, jew “imprevist” ikkawża l-waqgħa tar-rikorrenti. Passiġġieri regolarment jinżlu taraġ ta’ imbarkament wara t-titjira tagħhom. Barra minn hekk, bil-fatti tal-proċeduri prinċipali meqjusa, ma kien hemm xejn barra mill-ordinarju, bħal pereżempju differenza ta’ livell mhux mistennija bejn l-art tal-ajruplan u t-taraġ, lanqas difett jew sustanza li kienet tagħmilhom jiżolqu. F’dak ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tidher li taqbel.
45. Dawn il-fehmiet opposti jirriflettu approċċi differenti meħuda minn qrati nazzjonali f’ċirkustanzi simili.
46. Fil-fatt, xi deċiżjonijiet nazzjonali jsegwu l-loġika mressqa minn JR, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni. Skont dawn id-deċiżjonijiet, waqgħa ta’ passiġġier ġeneralment tikkwalifika bħala “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (38).
47. Deċiżjonijiet nazzjonali oħra – li, sa fejn naf jien, jirrappreżentaw maġġoranza kbira – isegwu l-loġika suġġerita minn Austrian Airlines. Skont dawk id-deċiżjonijiet, “inċident” ma huwiex rikonoxxut kull darba passiġġier jaqa’ u jweġġa’ lilu nnifsu. Il-mistoqsija kruċjali hija għala waqa’/waqgħet. “Inċident” jidher li jseħħ fejn il-waqgħa ġiet ikkawżata minn xi fattur mhux mistenni jew mhux tas-soltu, estern għall-passiġġier. Pereżempju, “inċidenti” kienu rikonoxxuti li jkunu ġraw fejn il-passiġġieri żelqu u waqgħu fuq it-taraġ ta’ imbarkament minħabba l-presenza ta’ borra/silġ jew ilma fuq it-taraġ (39), moviment f’salt tagħhom (40) jew waqgħa mhux mistennija bejn l-art tal-ajruplan u l-jetway (41). Passiġġieri jaqgħu abbord l-ajruplan għax żelqu fuq tebgħa ta’ sapuna fl-art tat-tojlet (42) jew inkella għax passiġġier ieħor f’daqqa waħda rifes fuq sieqhom (43) kienu wkoll ikkunsidrati vittmi ta’ “inċidenti”. Min-naħa l-oħra, fejn passiġġier waqa’ għall-ebda raġuni aċċertabbli (44), jew fejn il-waqgħa kienet biss tort l-istat ta’ saħħa preċedenti tiegħu (45), it-talba ġiet miċħuda.
48. Fil-fehma tiegħi, il-loġika sottostanti għal dak it-tieni approċċ huwa dak it-tajjeb, għal numru ta’ raġunijiet.
49. L-ewwel, minkejja, fil-lingwa ta’ kuljum, it-terminu “inċident” huwa ta’ spiss magħqud ma’ dak ta’ “inġurja”, li ma huwiex l-istess fil-Konvenzjoni ta’ Montreal. L-Artikolu 17(1) jiddistingwi bejn “inġurji personali” sofferti mill-passiġġier u l-“inċident” li kkawżahom. Għalhekk, wieħed għandu jissepara kawża u effett. Jien normalment nikkunsidra li l-att tal-waqgħa ma hijiex kawża, iżda l-effett ta’ xi ħaġa oħra: hija r-reazzjoni ta’ persuna għal kawża.
50. Għalhekk, meta wieħed jistaqsi jekk “inċident” seħħ, wieħed ma jistax iħares lejn il-waqgħa b’mod iżolat mingħajr ma jikkunsidra dak li kkawżaha. Niftakar li, skont l-Artikolu 17(1), ir-rikorrent irid jistabbilixxi li “inċident” ikkawża l-inġurja tiegħu. “Jien waqajt” hija spjegazzjoni dgħajfa f’dak ir-rigward.
51. It-tieni, fuq dak l-aħħar punt, ħafna raġunijiet jistgħu jwasslu għal persuna biex taqa’ b’mod mhux volontarju u tweġġa’ lilha nnifisha. Jistgħu jkunu “interni” għal dik il-persuna – pereżempju ħass ħażin minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu jew tagħha – jew “esterna” għaliha – pereżempju laqgħa għal għarrieda ma’ wiċċ jiżloq.
52. F’dak ir-rigward, jidher pjuttost ovvju għalija li meta passiġġier jaqa’ abbord l-ajruplan, jew waqt il-proċess ta’ imbark jew żbark, għal raġunijiet li huma purament “interni” għalih, dak il-passiġġier ma jistax ikollu pretensjoni kontra t-trasportatur bl-ajru skont l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. (46) Pereżempju, minkejja puplesija hija ċertament – biex nuża l-formulazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – “avveniment involontarju li joħloq dannu mhux previst”, ma tistax raġonevolment tikkwalifika bħala “inċident” fis-sens tat-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. L-istess raġunament japplika għal passiġġier li jagħtih ħass ħażin minħabba l-istat tas-saħħa preċedenti tiegħu, jaqa’ mal-art u b’riżultat iweġġa’ lilu nnifsu.
53. Fil-fatt, hemm raġuni għala, kif fakkart fil-punt 35 iktar ’il fuq, qrati nazzjonali qraw b’mod konsistenti kriterju ta’ “esternalità” fil-kunċett ta’ “inċident”. Minkejja jistrieħ fuq it-tifsira ordinarja tat-terminu, dak il-kunċett jibqa’ wieħed awtonomu, użat fi trattat biex jilħaq għan partikolari – inkluż, nfakkar, “li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru” filwaqt illi żżomm “bilanċ ekwu ta’ l-interessi” (47). Għaldaqstant għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dak l-għan. F’dak ir-rigward, qrati nazzjonali ġustament ikkunsidraw li l-abbozzaturi tal-Konvenzjoni ta’ Montreal ma kellhomx l-intenzjoni li jagħmlu lit-trasportaturi bl-ajru responsabbli għal kwistjonijiet ta’ saħħa preċedenti tal-passiġġieri tagħhom li jinzertaw jimmanifestaw ruħhom abbord l-ajruplan jew waqt il-proċess ta’ imbark jew żbark (48). Minħabba dan, filwaqt li l-kriterju ta’ “esternalità” jidher assenti mid-definizzjoni provvduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Niki Luftfahrt, niddubita serjament li riedet tiċħdu (49).
54. Għalhekk, huwa biss jekk il-waqgħa ta’ passiġġier hija kkawżata minn xi fattur “estern” għandu jiġi kkunsidrat li safa’ vittma ta’ “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Madankollu, peress li kwalunkwe inġurja hija l-prodott ta’ katina ta’ kawżi, huwa biżżejjed li xi ħolqa fil-katina tikkostitwixxi tali fattur (50).
55. It-tielet, infakkar li, biex avveniment jista’ jiġi kwalifikat bħala “inċident”, dan għandu jkun “mhux mistenni” jew “insolitu” jew, biex nuża s-sinonimu użat mill-Qorti tal-Ġustizzja, “mhux previst”. F’dak ir-rigward, huwa stabbilit sew fil-ġurisprudenza nazzjonali li ma hemm l-ebda “inċident” f’każijiet fejn inġurja tirriżulta mir-reazzjoni partikolari, personali jew stramba tal-passiġġier stess għall-operazzjoni tas-soltu, normali u mistennija tal-ajruplan jew il-faċilitajiet provduti għal imbark jew żbark (51). Fis-sentenza fil-kawża Altenrhein Luftfahrt (52), jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja approvat dak l-approċċ. Hi ddeċidiet li passiġġier li soffra inġurja serja f’dahru, bħala riżultat ta’ hekk imsejjaħ “inżul bis-saħħa”, ma kienx vittma ta’ “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, peress li dak l-inżul kien fil-limiti ta’ funzjonament normali tal-ajruplan u għalhekk ma setax jiġi kkunsidrat bħala “mhux previst” (53).
56. Għaldaqstant, biex tirriżulta r-responsabbiltà tat-trasportatur, il-waqgħa ta’ passiġġier għandha tirriżulta minn xi ħaġa minbarra r-reazzjoni tiegħu tal-funzjonament normali tal-ajruplan jew il-faċilitajiet hawn fuq imsemmija. Fil-fatt, jekk passiġġier jaqa’ minħabba li l-pressjoni normali ġewwa l-kabina tal-ajruplan tistordieh, ma narax għaliex dan għandu jiġi trattat b’mod differenti mill-ferita fid-dahar fil-kawża Altenrhein Luftfahrt. Il-fatt li l-passiġġier fl-ewwel xenarju waqa’ ma’ l-art, filwaqt li l-passiġġier fix-xenarju l-ieħor baqa’ bilqiegħda, għandu jkun irrilevanti fil-fehma tiegħi.
57. Ovvjament, jekk xi ħaġa hija “mhux prevista” jew, għall-kuntrarju, tas-soltu, normali u mistennija tiddependi fuq il-perspettiva ta’ min jew liem wieħed jadotta. F’dak ir-rigward, qrati nazzjonali għandhom tendenza li jadottaw il-perspettiva tal-vittma (54). Madankollu, fil-kawża Altenrhein Luftfahrt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tagħmel dan, peress li jista’ jwassal għal “riżultat paradossali” tal-istess avveniment li jiġi klassifikat bħala “mhux previst” u, għalhekk, bħala “inċident” għal ċertu passiġġieri, iżda mhux għall-oħrajn. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma adottatx il-perspettiva tat-trasportatur lanqas. Minflok, hi għażlet perspettiva iktar oġġettiva u iddeċidiet li l-“inżul bis-saħħa” involut f’dak il-każ kien tas-soltu, normali u mistenni peress li ma eċċediex il-limiti stabbiliti mir-rekwiżiti essenzjali dwar l-operazzjoni tal-ajruplan inkwistjoni (55).
58. Naqbel li livell ta’ oġġettività huwa meħtieġ. L-adozzjoni ta’ perspettiva soġġettiva ta’ waħda jew l-oħra mill-partijiet interessati mhux dejjem iwassal għal riżultat bilanċjat (56). Madankollu, standards industrijali, inkluż ir-rekwiżiti essenzjali li jikkonċernaw il-funzjonament tal-ajruplan jew il-faċilitajiet użati għall-imbark jew żbark, filwaqt kultant rilevanti, ma għandhomx ikunu fatturi deċiżivi. Pereżempju, jekk passiġġier jaqa’ u jweġġa’ lilu nnifsu abbord l-ajruplan minħabba turbolenza tal-arja għal għarrieda, wieħed għandu, fil-fehma tiegħi, jikkonkludi li l-inġurja kienet ikkawżata minn avveniment “mhux mistenni” u għalhekk b’“inċident” irrispettivament minn jekk tali turbolenza eċċedietx il-limiti stabbiliti f’dawn ir-rekwiżiti essenzjali.
59. Fil-fehma tiegħi, il-karattru “mhux mistenni”, “insolitu” jew “imprevist” tal-avveniment li kkawża l-inġurja għandu jiġi evalwat mill-perspettiva ta’ spettatur diżinteressat, jiġifieri passiġġier ipotetiku, b’xi esperjenza preċedenti – u tajba/pożittiva – tal-ivjaġġar bl-ajru (57). Tali spettatur, ċertament ma jistenniex, pereżempju, li jsib xi sustanza barranija jew oġġett – ilma, borra, żejt, qoxra ta’ banana, eċċ – fl-art ta’ kabina jew fuq it-taraġ ta’ imbarkament.
60. Fil-qosor, “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal iseħħ meta l-waqgħa ta’ passiġġier tiskatta – għall-inqas parzjalment – minn xi fattur “estern” għal dik il-persuna. Barra minn hekk, dak il-fattur għandu jkun “mhux mistenni”, “insolitu” (jew espress mod ieħor, “imprevist”), mill-perspettiva ta’ spettatur diżinteressat. Dak huwa l-każ partikolarment meta l-waqgħa tinvolvi l-presenza ta’ xi sustanza jew oġġett li ma jifformax parti mill-funzjonament normali tal-ajruplan jew il-faċilitajiet ipprovduti għall-imbark jew żbark.
61. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, meta passiġġier jiżloq u jaqa’ fuq tebgħa żejtnija fl-art tal-kabina, fuq taraġ ta’ imbarkament mgħotti bil-borra, jew bħala riżultat ta’ ċirkostanzi simili oħra, l-inġurja riżultanti hija kkawżata minn “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Min-naħa l-oħra, meta passiġġier jaqa’, kif għamlet JR fiċ-ċirkustanzi tal-proċeduri prinċipali, fuq taraġ ta’ imbarkament li ma jiżolqux, difettużi jew perikolużi b’xi mod ieħor mhux tas-soltu, u fejn ukoll ma huwiex stabbilit li l-waqgħa kienet skattat minn fattur ieħor “mhux mistenni”, “mhux tas-soltu” jew “mhux previst” – distakk għal għarrieda bejn l-ajruplan u t-taraġ, eċċ –, mela ma hemm l-ebda tali “inċident”. Dik il-waqgħa ma tikkostitwixxi xejn iktar ħlief ir-reazzjoni partikolari, personali jew stramba – u inspjegabbli – tal-passiġġier għall-funzjoni tas-soltu, normali u mistennija ta’ dak it-taraġ (58).
62. Fil-fehma tiegħi, kwalunkwe interpretazzjoni oħra tmur kontra l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (59) B’mod partikolari, jekk il-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) kellu jinftiehem, kif suġġerit minn JR, il-Gvern Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni, bħala li jkopri kwalunkwe waqgħa ta’ ħsara u involontarja ta’ passiġġier, irrispettivament mill-fattur li jagħti bidu, mela l-iskop ta’ dik id-dispożizzjoni jkun jiġi estiż irraġonevolment għad-detriment tat-trasportaturi bl-ajru (60).
63. Fil-fatt, tirrendi lit-trasportaturi bl-ajru responsabbli għal inċidenti li jirriżultaw minn raġunijiet li jvarjaw minn kwistjonijiet ta’ saħħa preċedenti sa goffaġni pura tal-passiġġieri kkonċernati. F’dak ir-rigward, ikun verament viċin għal li jinżammu responsabbli għal kull dannu li jiġri abbord l-ajruplani tagħhom jew waqt il-proċess ta’ imbark jew żbark, anke jekk l-abbozzaturi tal-Konvenzjoni ta’ Montreal preċiżament użaw it-terminu “inċident” fl-Artikolu 17(1) minflok “avveniment” sabiex inaqqsu l-kategorija ta’ pretensjonijiet li jistgħu jinġiebu minn passiġġieri għal “inġurja personali” (61). Tali inċidenti jkunu diffiċli biex jiġu mbassra u impossibbli biex jiġu evitati. Għalhekk jista’ jitfa’ piż tqil ħafna ta’ kumpens fuq trasportaturi bl-ajru, li jkun diffiċli biex jiġi determinat u ikun b’mod ċar inkompatibbli mal-bilanċ bil-qies ta’ interessati milħuq minn dik il-konvenzjoni (62).
64. Huwa minnu li, kif ifakkru JR u l-Kummissjoni, l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal tipprovdi difiża lit-trasportaturi bl-arja fil-każ ta’ negliġenza kontributorja. Dik id-dispożizzjoni tista’ fil-fatt teżonerahom f’ċertu ċirkustanzi, fejn waqgħa tinvolvi n-negliġenza tar-rikorrent. Madankollu, jkun ta’ ftit għajnuna fil-ħafna istanzi fejn tali negliġenza ma setgħetx tiġi stabbilita – pereżempju, fejn passiġġier jaqa’ fin-nofs tat-tarmak għall-ebda raġuni aċċertabbli, jew fejn il-waqgħa hija biss minħabba l-istat ta’ saħħa preċedenti tiegħu (63).
65. Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni mogħtija f’dawn il-Konklużjonijiet, fil-fehma tiegħi, ma timponix tali piż fuq trasportaturi bl-ajru (64), filwaqt li tippermetti passiġġieri jiġu kkumpensati “faċilment u malajr”, kif meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Niki Luftfahrt (65). Il-kunċett ta’ “inċident” jibqa’ wieħed wiesa’, u l-piż li jistrieħ fuq ir-rikorrent skont l-Artikolu 17(1) huwa baxx. Hu jeħtieġ sempliċiment jistabbilixxi – b’suċċess – li kien hemm xi tip ta’ fattur mhux mistenni jew mhux tas-soltu, estern għalih jew għaliha, li ikkawża jew ikkontribwixxa għal waqgħa tiegħu – bħal pereżempju l-presenza tal-borra fuq it-tarġien tat-taraġ ta’ imbarkament –, xejn inqas, iżda wkoll xejn iżjed. Ir-rikorrent ma għandux bżonn li jistabbilixxi għala xi ħaġa mhux mistennija jew mhux tas-soltu ġrat – għala kien hemm il-borra fuq it-taraġ, jew xi ħaġa oħra (66). B’mod partikolari, huma għandux bżonn jipprova, kif joħroġ mill-punt 40 hawn fuq, li huwa attribwibbli għat-tort/negliġenza min-naħa tat-trasportatur – jista’ wkoll jirriżulta mill-kondotta ta’ terzi jew minn att ta’ natura.
66. Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni dak imsemmi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha, fil-fehma tiegħi, tkun li l-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal ikopri sitwazzjoni li fiha l-passiġġier jaqa’ fuq it-taraġ ta’ imbarkament waqt l-iżbark, sakemm dik il-waqgħa irriżultat minn xi fattur mhux mistenni jew mhux tas-soltu li huwa estern għall-passiġġier.
B. Dwar id-difiża tan-negliġenza kontributorja prevista fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (it-tieni domanda)
67. Jekk “inċident” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal seħħ huwa ħaġa waħda. Jekk dak l-“inċident” huwa kumpensabbli huwa oħra. Minkejja huwa l-każ fil-prinċipju, infakkar li l-Artikolu 20 ta’ dik il-konvenzjoni jipprovdi difiża lit-trasportatur, fil-forma ta’ eċċezzjoni fuq negliġenza kontributorja.
68. F’dak il-kuntest, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, skont dik id-dispożizzjoni, il-fatt li passiġġier, li waqa’ fuq it-taraġ ta’ imbarkament waqt żbark, ma żammx mal-poġġaman għandu, f’ċirkustanzi bħal ma huma dawk fil-proċeduri prinċipali, jeżonera t-trasportatur bl-ajru mir-responsabbiltà tiegħu u, jekk iva, sa liema punt.
69. Ovvjament, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux ser ikollha għalfejn twieġeb it-tieni domanda jekk twieġeb għall-ewwel waħda kif issuġġerit f’dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju jkollha tiċħad it-talba ta’ JR – peress illi ma jkunx stabbilit li l-inġurja tagħha kienet ikkawżata b’“inċident” – mingħajr ma jkollha għalfejn tindirizza l-kwistjoni ta’ negliġenza kontributorja. Għalhekk ser niddiskutiha biss fl-alternattiv.
70. B’mod ġenerali, l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jiffunzjona, skont iċ-ċirkustanzi, bħala difiża sħiħa jew parzjali kontra, notevolment, talba għal “inġurji personali” skont l-Artikolu 17(1). Fil-fatt, jippermetti lit-trasportatur li jeżonera lilu nnifsu parzjalment jew anke totalment mir-responsabbiltà li toħroġ mid-dispożizzjoni tal-aħħar. Jiġifieri, l-qorti tapplika tnaqqis parzjali jew totali għas-somma ta’ danni li kieku fil-kuntrarju tingħata lir-rikorrent.
71. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, għall-kundizzjonijiet ta’ eżoneru, l-Artikolu 20 jiċċentra fuq is-sitwazzjoni fejn “id-dannu ġie kkawżat jew kontribwit bin-negliġenza jew att ħażin jew negliġenti tal-persuna li titlob kumpens” (67). Għalhekk il-kondotta tal-passiġġier, kemm jekk “att” jew “ommissjoni”, mhux biss għandha tkun parti mill-katina ta’ kawżi li wasslu għall-inġurja tiegħu iżda għandha tinvolvi wkoll xi element ta’ “negliġenza” jew xi tip ieħor ta’ mġieba “ħażin[a]”. It-trasportatur għandu l-oneru tal-prova f’dak ir-rigward (68).
72. Dawn il-kunċetti ta’ att “ħażin” jew ommissjoni u “negliġenza” ma humiex definiti fil-Konvenzjoni ta’ Montreal. Infakkar li huma xorta madankollu jirċievu tifsira uniformi u awtonoma, skont ir-regoli ta’ interpretazzjoni stabbiliti fil-punt 28 hawn fuq. Il-prinċipji ġenerali li joħorġu mil-liġijiet tal-Istati Partijiet u d-dritt tal-Unjoni (69) ukoll jipprovdu indikazzjonijiet rilevanti.
73. Fit-tifsira ordinarja ta’ dawk it-termini, “ħażin” hija ġeneralment sinonimu ta’ inġust, illegali, ta’ ħsara jew kulpabbli (70), filwaqt li “negliġenza” tfisser iktar preċiżament in-nuqqas li tingħata l-kura u l-attenzjoni meħtieġa lil xi ħadd jew xi ħaġa għal min jew xiex inti responsabbli. Ser nikkonċentra fuq dak it-tieni kunċett fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, peress li l-“att ħażin jew negliġenti” previst fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal x’aktarx tirrigwarda xi kondotta intenzjonali tar-rikorrent, fi kliem ieħor, xenarju li ma huwiex involut f’dan il-każ.
74. Fil-kuntest tal-Artikolu 20, kif josservaw ġustament il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, il-punt ma huwiex jekk ir-rikorrent naqas li jagħti l-kura u attenzjoni meħtieġa lit-trasportatur bl-ajru, iżda jekk hu naqas li jagħmel dan fir-rigward is-sigurtà tiegħu stess (71). F’sens ġenerali, persuna taġixxi b’mod negliġenti jekk hi tonqos milli teżerċita “attenzjoni raġonevoli” f’sitwazzjoni partikolari. Fil-qasir, it-trasportatur għandu juri li r-rikorrent ma eżerċitax “attenzjoni raġonevoli” għas-sigurtà tagħha taħt iċ-ċirkustanzi u, għal dik ir-raġuni, tikkawża jew tikkontribwixxi għall-inġurja tagħha. Dak li huwa “raġonevoli” huwa evalwat oġġettivament, billi titqabbel il-kondotta proprja tal-persuna kkonċernata ma’ dik li persuna – ipotetika – raġonevolment diliġenti kien ikollha fl-istess sitwazzjoni (72).
75. Żewġ raġunijiet ta’ negliġenza kontributorja potenzjali ġew imqajma minn Austrian Airlines fil-proċeduri prinċipali: l-ewwel, il-fatt li JR naqset milli żżomm mal-poġġaman tat-taraġ ta’ imbarkament sabiex tnaqqas ir-riskju li taqa’, minkejja hi kienet għadha kemm rat lil żewġha kważi jaqa’; it-tieni, il-fatt li hi għażlet li ma tiġix trattata fi sptar qrib immedjatament wara l-inċident iżda minflok vjaġġat għad-dar qabel ma għamlet dan, li setgħa aggrava l-inġurji tagħha – fi kliem ieħor, hi naqset milli “ittaffi t-telf tagħha” (73). It-tnejn huma, fil-fehma tiegħi, rilevanti skont l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix jekk tali ċirkustanzi fil-fatt jammontaw għal negliġenza min-naħa tal-passiġġier. Fil-fatt, hija konvinta li tammonta, mill-inqas fir-rigward tan-nuqqas li żżomm mal-poġġaman. Kif spjegajt fil-punt 30 hawn fuq, ma huwiex fir-rwol tiegħi li nitfa dubju fuq dik id-deċiżjoni. Madankollu ser nagħmel żewġ kummenti relatati.
76. L-ewwel, kif diġà jidher ċar mill-punt 74 hawn fuq, jekk passiġġier aġixxa b’mod negliġenti f’sitwazzjoni speċifika hija kwistjoni fattwali ħafna. Pereżempju, il-fatt li passiġġier, li waqa’ fuq taraġ ta’ imbarkament waqt li kien qiegħed jiżbarka, ma żammx mal-poġġaman jista’ kultant, iżda mhux dejjem, jikkwalifika bħala negliġenza kontributorja min-naħa tiegħu (74). Jekk persuna raġonevolment diliġenti kinitx tagħmel hekk fl-istess sitwazzjoni jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi ta’ madwar, bħan-numru tal-passiġġieri fuq it-taraġ, jekk kinitx ix-xita jew le, jekk il-persuna ppreżentat riskju miżjud li taqa’ – għax hi kienet għajjiena wara titjira twila, ġġorr bagalja tqila jew tifel imfixkel f’idha, eċċ. Ugwalment, il-fatt li passiġġier għażel li ma jirċievix trattament mediku immedjatament wara li waqa’ jista’ kultant jikkostitwixxi nuqqas min-naħa tiegħu li jtaffi t-telf tiegħu. Madankollu, dak jiddependi minn ċirkustanzi varji bħal-limitu sa fejn l-inġurja dehret li kienet serja f’dak il-mument partikolari, jekk il-persunal tat-trasportatur informa jew idderieġa l-persuna mweġġa’ lejn is-servizzi mediċi disponibbli, jew anke jekk it-tabib tal-għażla tal-passiġġier qiegħed il-bogħod.
77. Dan iwassalni għat-tieni punt tiegħi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kultant tieħu fuqha nnifisha li twieġeb domandi mfassla għal sett ta’ fatti dettaljati u speċifiċi. Il-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet (75), hija eżempju prim ta’ dik it-tendenza. Hemm, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss tiddeċiedi, fil-fatt, fuq jekk dawk is-settijiet ta’ fatti jikkwalifikaw bħala “ċirkostanzi straordinarji” (76). Bir-rispett nħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja li żżomm lura milli tagħmel hekk meta jiġi għall-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Inkella, hi tista’ tispiċċa b’influss ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jitolbuha li tevalwa numru ta’ xenarji b’fatti speċifiċi. Hi għandha pjuttost tillimita lilha nnifisha biex tistabbilixxi kriterji ta’ evalwazzjoni astratti u ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, u tħalli l-qrati nazzjonali jiddeċiedu.
78. Fir-rigward, issa, tal-konsegwenzi legali li għandhom joħorġu minn deċiżjoni ta’ negliġenza kontributorja, l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jgħid li t-trasportatur għandu (77) jkun “kompletament jew parzjalment eżonerat mir-responsabbiltà tiegħu […] sa fejn din in-negliġenza jew att ħażin jew negliġenti [tar-rikorrent] kkawżaw jew ikkontribwew għad-dannu”.
79. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif dik il-loġika għandha tiġi applikata fil-proċeduri prinċipali. Peress li, min-naħa waħda, fil-fehma tagħha, JR kienet negliġenti li ma żammitx mal-poġġaman u li, min-naħa l-oħra, Austrian Airlines ma kinitx (78), għala ma għandux it-trasportatur jiġi kompletament eżonerat mir-responsabbiltà tiegħu għall-“inċident” li seħħ lir-rikorrenti? (79) Jasal għall-punt li jiġi mistoqsi kif wieħed għandu jiddeċiedi fuq il-livell ta’ eżoneru – sħiħ jew parzjali u, jekk iva, kemm – it-trasportatur għandu jibbenefika minnu f’ċertu każ fejn in-negliġenza kontributorja tkun ġiet stabbilita.
80. Din hija kwistjoni diffiċli. Fil-fatt, id-difiża ta’ negliġenza kontributorja tinsab ġeneralment fir-reġimi ta’ responsabbiltà tradizzjonali, li huma bbażati fuq ħtija. Fejn dak li jagħmel id-dannu u l-vittma kull wieħed ikkommettew nuqqas li kkontribwixxa għall-ħsara ta’ dan l-aħħar, responsabbiltà hija mqassma bejn it-tnejn, ibbażata fuq is-sehem rispettiv tagħhom ta’ responsabbiltà, u d-danni huma kkalkulati skont dan (80). Madankollu, fil-kuntest ta’ talba dwar “inġurji personali” skont l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal peress li, kontra tan-negliġenza tar-rikorrent, tort/negliġenza min-naħa tat-trasportatur hija irrilevanti (81), kif, allura, tista’ ssir tali apporzjonament ta’ responsabbiltà?
81. X’aktarx, l-ebda risposta ġenwinament sodisfaċenti għal din l-enigma ma tista’ tinsab fit-teorija legali. Fuq livell prattiku, madankollu, soluzzjoni tikkonsisti, fil-fehma tiegħi, fl-evalwazzjoni tal-punt sa fejn l-inġurja tal-passiġġier kienet ikkawżata (i) mill-“inċident” rilevanti u (ii) min-negliġenza tiegħu stess. Dan jammonta għal eżerċizzju ta’ kawżalità komparattiva, li għandha ssir ukoll mill-qrati nazzjonali (82). Fl-aħħar, in-negliġenza kontributorja hija kwistjoni ta’ ġustizzja. Ma kienx ikun ġust għal trasportatur li jkun kompletament responsabbli għall-inġurja ta’ passiġġier sempliċiment għax “inċident” huwa parti mill-katina ta’ kawżi li wasslu għalih, filwaqt li dan l-aħħar ikkontribwixxa wkoll għall-inġurja tiegħu. Dik id-difiża tikkontribwixxi, bħala tali, f’li jiġi żgurat il-“bilanċ ta’ interessi” indirizzat mill-abbozzaturi tal-Konvenzjoni ta’ Montreal.
82. Pereżempju, meta passiġġier jaqa’ fuq taraġ ta’ imbarkament waqt żbark minħabba (i) l-fatt li hu żelaq fuq roqgħa mhux mistennija ta’ borra fuq it-taraġ u (ii) il-fatt li hu ma żammx mal-poġġaman – jekk huwa kkunsidrat negliġenti fiċ-ċirkustanzi – mela s-sehem ta’ responsabbiltà tar-rikorrent għandu, ġustament, jassolvi it-trasportatur minn parti tar-responsabbiltà li l-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal inkella jimponi fuqu għall-“inċident”. F’dak il-kuntest, in-nuqqas tal-passiġġier li jilħaq għall-poġġaman għandu probabbilment jiġi trattat bħala n-nuqqas ta’ persuna involuta f’ħabta ta’ karozzi kkawżata minn terzi biex taqfel iċ-ċinturin ta’ sikurezza tagħha: hija kontribuzzjoni għall-ħsara li tiġġustifika tnaqqis parzjali tad-danni mogħtija. Eżoneru totali tat-trasportatur għandu, min-naħa l-oħra, ikun limitat għal każijiet ta’ negliġenza serja min-naħa tar-rikorrent (83).
83. Fid-dawl ta’ dak imsemmi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fil-fehma tiegħi li l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal japplika, fil-kuntest ta’ talba skont l-Artikolu 17 ta’ dik il-konvenzjoni, fejn ir-rikorrent ma eżerċitax attenzjoni raġonevoli għas-sigurtà tiegħu u, għal dik ir-raġuni, kkawża jew ikkontribwixxa għall-inġurja tiegħu. Dan għandu jiġi evalwat mill-qrati nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha. Il-livell ta’ eżoneru tat-trasportatur jiddependi fuq il-punt sa fejn l-inġurja kienet ikkawżata (i) mill-“inċident” rilevanti u (ii) min-negliġenza tar-rikorrenti. Eżoneru totali huwa limitat għal każijiet ta’ negliġenza serja min-naħa tar-rikorrent.
V. Konklużjoni
84. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet msemmija, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domandi preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija) kif ġej:
(1) L-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata min-naħa tagħha mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-kunċett ta’ “inċident” fis-sens tat-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni tkopri sitwazzjoni li fiha passiġġier jaqa’ fuq it-taraġ ta’ imbarkament, sakemm dik il-waqgħa seħħet minn xi fattur mhux mistenni jew mhux tas-soltu li huwa estern għall-passiġġier.
(2) L-Artikolu 20 ta’ dik il-konvenzjoni għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li japplika fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom ir-rikorrent ma eżerċitax attenzjoni raġonevoli għas-sigurtà tiegħu u, għal dik ir-raġuni, ikkawża jew ikkontribwixxa għall-inġurja tiegħu. Dan għandu jiġi evalwat mill-qrati nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha. Il-livell ta’ eżoneru tat-trasportatur jiddependi mill-punt sa fejn l-inġurja ġiet ikkawżata (i) mill-“inċident” rilevanti u (ii) min-negliġenza tiegħu stess. L-eżoneru totali huwa limitat għal każijiet ta’ negliġenza serja min-naħa tar-rikorrent.