Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Settembru 2010 - Gill vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-471/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Brendan Gill (Lifford, l-Irlanda) (rappreżentanti: A.M. Collins SC, N.J. Travers, Barrister u D.P. Barry, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata taħt in-numru C(2010) 4752 tat-13 ta' Lulju 2010 bħala ittra lill-Irlanda, u li ġiet innotifikata lir-rikorrent fis-16 ta' Lulju 2010, sabiex jiġu rrifjutati talbiet ta' kapaċità ta' sikurezza sabiex jiġi mtawwal l-MFV Brendelen u sabiex l-MFV Brendelen imtawwal jiġi ssostitwit bil-bastiment tas-sajd pelaġiku ġdid li ġie propost, u sabiex tiġi ssostitwita d-deċiżjoni li tirrigwarda l-imsemmija talbiet inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/245, tal-4 ta' April 2003, dwar it-talbiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-MAGP IV sabiex jittieħed kont tat-titjib fis-sikurezza, fin-navigazzjoni marittima, fl-iġjene, fil-kwalità tal-prodott u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għal bastimenti ta' tul totali ta' iktar minn 12-il metru (ĠU 2003 L 90, p. 48), li ġiet annullata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent, permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta' Ġunju 2006 fil-Kawżi magħquda T-218/03 sa T-240/03 Boyle et vs Il-Kummissjoni [2006] ECR II-1699; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors u skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata taħt in-numru C(2010) 4752 tat-13 ta' Lulju 2010 bħala ittra lill-Irlanda, u li ġiet innotifikata lir-rikorrent fis-16 ta' Lulju 2010, sabiex jiġu rrifjutati talbiet ta' kapaċità ta' sikurezza sabiex jiġi mtawwal l-MFV Brendelen u sabiex l-MFV Brendelen imtawwal jiġi ssostitwit bil-bastiment tas-sajd pelaġiku ġdid li ġie propost, u sabiex tiġi ssostitwita d-deċiżjoni li tirrigwarda l-imsemmija talbiet inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/245 tal-4 ta' April 2003 dwar it-talbiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-MAGP IV sabiex jittieħed kont tat-titjib fis-sikurezza, fin-navigazzjoni marittima, fl-iġjene, fil-kwalità tal-prodott u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għal bastimenti ta' daqs totali ta' iktar minn 12-il metru (ĠU 2003 L 90, p. 48), li ġiet annullata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent, permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta' Ġunju 2006 fil-Kawżi magħquda T-218/03 sa T-240/03 Boyle et vs Il-Kummissjoni [2006] ECR II-1699.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi li ġejjin:

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jissottometti li l-konvenuta aġġixxiet mingħajr bażi legali. L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 97/413/KE tas-26 ta' Ġunju 1997 li jikkonċerna l-għanijiet u r-regoli ddettaljati għar-ristrutturar tas-settur tas-sajd tal-Komunità għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 1997 u l-31 ta' Diċembru 2001 bil-għan li jikseb bilanċ fuq bażi sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-esplojtazzjoni (ĠU 1997 L 175, p. 27) tkompli tipprovdi l-bażi legali adatta għad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, il-Kummissjoni allegatament ma kellhiex bażi legali sabiex tadotta d-deċiżjoni bħala deċiżjoni ad hoc.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent jissottometti li l-Kummissjoni kisret rekwiżit proċedurali essenzjali. Ir-rikorrent jissottometti li d-deċiżjoni kkontestata, taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 97/413/KE, kellha tiġi adottata skont il-proċedura tal-kumitat ta' ġestjoni u li, billi għażlet li tadotta d-deċiżjoni fuq bażi ad hoc, il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali.

Fit-tielet lok, ir-rikorrent jissottometti li billi interpretat b'mod żbaljat l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 97/413/KE, il-Kummissjoni eċċediet is-setgħat tagħha, b'mod partikolari billi bbażat ruħha fuq kriterji irrilevanti u billi injorat id-definizzjoni tal-"isforz tas-sajd" li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE u fil-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tas-sajd li kienet fis-seħħ meta r-rikorrent ressaq it-talba tiegħu għal tunnellaġġ ta' sikurezza, f'Diċembru tal-2001.

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata fiha diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni tat-talba tiegħu għal tunnellaġġ ta' sikurezza. Ir-rikorrent b'mod partikolari jsostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tiegħu minħabba volum ikbar taħt il-gverta prinċipali tal-bastiment il-ġdid propost meta mqabbel mal-Brendelen, hija manifestament żbaljata, l-istess bħalma hija żbaljata l-preżunzjoni li l-"isforz tas-sajd" tal-bastiment il-ġdid għandu jkun ikbar minn dak tal-Brendelen oriġinali u minn dak imtawwal.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni kisret d-dritt tiegħu għal trattament ugwali. Ir-rikorrent isostni li ċ-ċaħda min-naħa tal-Kummissjoni, tat-talba tiegħu minħabba volum ikbar taħt il-gverta prinċipali tal-bastiment il-ġdid propost tiegħu tikkostitwixxi trattament differenti manifest li jammonta għal diskriminazzjoni illegali kontrih meta mqabbel mal-approċċ kompletament differenti adottat fir-rigward ta' wħud mit-talbiet għal tunnellaġġ ta' sikurezza addizzjonali li ġew aċċettati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245, kif ukoll fir-rigward ta' waħda mit-talbiet li kienet ġiet inizjalment miċħuda b'dik id-deċiżjoni iżda sussegwentement aċċettata bid-deċiżjoni inkluża fid-Dokument tal-Kummissjoni C(2010) 4765, tat-13 ta' Lulju 2010.

____________