Language of document : ECLI:EU:T:2023:787

Kawża T48/22

IrRepubblika Ċeka

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (LGħaxar Awla) tas6 ta’ Diċembru 2023

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Proċedura ta’ clearance tal-konformità – Bidwi attiv – Artijiet bil-ħaxix permanenti – Kampjun ta’ kontroll – Ħlasijiet indebiti – Preżentazzjoni tardiva tal-applikazzjoni – Dixxiplina finanzjarja – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità”

1.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regoli komuni – Skema ta’ ħlas uniku skont iż-żona – Kunċett ta’ bidwi attiv – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi u gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw attività li taqa’ taħt il-lista ta’ esklużjoni – Esklużjoni – Eċċezzjoni – Kundizzjonijiet – Possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw dawn il-kundizzjonijiet u li jidentifikaw kriterji alternattivi – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1307/2013, Artikolu 9(2) u (7); Regolament tal-Kummissjoni Nru 639/2014, Artikolu 13(1) u (3))

(ara l-punti 50, 51, 55, 62, 63)

2.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regoli komuni – Skema ta’ ħlas uniku skont iż-żona – Kunċett ta’ bidwi attiv – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi u gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw attività li taqa’ taħt il-lista ta’ esklużjoni – Esklużjoni – Grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kunċett – Kumpanniji relatati – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1307/2013, premessa 10 u Artikoli 4(1)(a) u 9(2) u (7); Regolament tal-Kummissjoni Nru 639/2014, Artikolu 13(1) u (3))

(ara l-punti 69 sa 72, 76 sa 78, 82 sa 85, 89 sa 92, 94 sa 97, 102)

3.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEG u mill-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal infiq li jirriżulta minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Evalwazzjoni tat-telf sotnut mill-fondi – Infiq irregolari li ma jistax jiġi ddeterminat bi preċiżjoni suffiċjenti – Evalwazzjoni bbażata fuq korrezzjonijiet b’rata fissa – Ammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1306/2013, Artikolu 52(2))

(ara l-punti 106 sa 108, 127, 130)

4.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEG u mill-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal infiq li jirriżulta minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kontestazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat – Oneru tal-prova – Tqassim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1306/2013, Artikolu 52(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 908/2014, Artikolu 34(6))

(ara l-punti 115 sa 117, 159, 165, 239, 251)

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni – Kunċett – Dokument li ma jistabbilixxix il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni – Esklużjoni

(ara l-punti 176, 178 sa 180, 183)

6.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEG u mill-FAEŻR – Għoti ta’ għajnuna u ta’ primjums – Obbligu tal-Istati Membri li jwaqqfu sistema effikaċi ta’ kontrolli amministrattivi u ta’ kontrolli fil-post – Kontrolli ta’ segwitu fuq il-post – Kunċett – Għażla tal-kampjuni tal-benefiċjarji – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 809/2014, Artikoli 30(a) u 33a)

(ara l-punti 213 sa 219, 222)

7.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEG u mill-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal infiq li jirriżulta minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Obbligu tal-Istati Membri li jivverifikaw b’mod retroattiv in-nuqqas ta’ eliġibbiltà matul is-snin preċedenti ta’ żona mhux eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna matul sena waħda – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1306/2013, Artikolu 63; Regolament tal-Kummissjoni Nru 908/2014, Artikolu 7)

(ara l-punti 264 sa 266)

8.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEG u mill-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal infiq li jirriżulta minn irregolaritajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Modalitajiet ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna u għal ħlas

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 57(7); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1306/2013, Artikolu 72; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 640/2014, Artikolu 13, u Nru 809/2014, Artikolu 14)

(ara l-punti 276, 278, 282, 284, 286)

9.      Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEG u mill-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Dixxiplina finanzjarja – Korrezzjoni finanzjarja imposta fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance tal-konformità – Obbligu tal-Kummissjoni li timponi wkoll korrezzjoni fuq il-krediti li huma s-suġġett tad-dixxiplina finanzjarja – Annullament totali jew parzjali tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata għal ċerta skema ta’ għajnuna li jwassal b’mod awtomatiku u ġeneralizzat għall-annullament tal-korrezzjoni b’rata fissa għad-dixxiplina finanzjarja – Assenza – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1306/2013, Artikoli 25, 26 u 52, u Nru 1307/2013, Artikolu (8); Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 907/2014, Artikolu 12(2) u Nru 908/2014, Artikolu 34)

(ara l-punti 290 sa 292, 300, 305 sa 310)


Sunt

Fl‑2017, il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni (1) kontra r-Repubblika Ċeka sabiex tivverifika jekk, għas-snin 2015 sa 2017, il-kontroll imwettaq minnha tal-għajnuna mħallsa lill-bdiewa taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) kienx twettaq konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni”).

Il-konklużjonijiet preliminari ta’ din l-investigazzjoni rrilevaw in-nuqqas ta’ konformità tas-sistema ta’ kontroll implimentata sabiex jiġi vverifikat l-għoti tal-għajnuna skont iż-żona mħallsa lill-bdiewa, taħt dawn il-fondi, għas-snin ikkonċernati. In-nuqqasijiet ikkonstatati kienu relatati ma’ ħames kontrolli prinċipali li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-istatus ta’ bidwi attiv tal-applikant għall-għajnuna, l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, l-għażla tal-kampjun tal-benefiċjarji ta’ għajnuna li għandhom ikunu suġġetti għal kontroll, (iktar ’il quddiem l-“għażla tal-kampjun ta’ kontroll”), l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti u l-preżentazzjoni tardiva tal-applikazzjonijiet.

Fil-konklużjonijiet finali tal-investigazzjoni, ikkomunikati fis‑26 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni tagħha li r-Repubblika Ċeka kienet kisret ħames kontrolli prinċipali u, għall-ksur kollu allegat, ipproponiet li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni somma li tammonta għal EUR 44 098 570.70 (2). Korrezzjoni finanzjarja li tikkorrispondi għal dan l-ammont ġiet imposta fuq ir-Repubblika Ċeka permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (3).

Ir-Repubblika Ċeka talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija tikkontesta, fost oħrajn, il-ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv, l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll u l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti.

Il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors u ddeċidiet, f’dan il-kuntest, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “bidwi attiv” u ta’ “grupp ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi”, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. Hija pprovdiet ukoll kjarifiki dwar in-natura tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 34(6) tar-Regolament Nru 908/2014 u kjarifiki fir-rigward tal-arranġament relatat mal-għażla tal-kampjun ta’ kontroll, mal-ħlasijiet indebiti u mal-preżentazzjoni tardiva tal-applikazzjoni.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet, qabelxejn, il-motiv imqajjem mir-Repubblika Ċeka li permezz tiegħu din tal-aħħar ikkontestat il-ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv.

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Ċeka sostniet li hija ma kisritx l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, waqt il-kontroll tal-istatus ta’ bidwi attiv tal-applikant għall-għajnuna, il-kumpanniji relatati. Issa, għalkemm il-kunċetti ta’ “gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi” u ta’ “kumpanniji relatati” la huma ddefiniti mir-Regolament Nru 1307/2013 u lanqas mir-Regolament Nru 639/2014 (4), il-Kummissjoni madankollu indikat, f’preżentazzjoni indirizzata lill-Istati Membri, li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni jistgħu jiġu eżerċitati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew mill-gruppi tagħhom direttament jew permezz ta’ kumpannija relatata. Hija sostniet ukoll, f’ittra mibgħuta lill-Ministeru Ġermaniż għall-Ikel u għall-Agrikoltura, fid‑29 ta’ Jannar 2016, li sussegwentement tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri l-oħra, li “kumpannija relatata” kienet tfisser kull entità direttament jew indirettament relatata mal-applikant għall-għajnuna permezz ta’ relazzjoni ta’ kontroll fil-forma ta’ pussess sħiħ jew maġġoritarju.

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-inklużjoni tal-kumpanniji relatati fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma tmurx kontra l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, essenzjalment, grupp jindika numru ta’ entitajiet relatati ma’ xulxin fi ħdan l-istess organizzazzjoni. Għalhekk, it-terminu “grupp” għandu jiġi interpretat bħala li huwa simili għat-terminu “iggruppar” u bħala li jkopri kull grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi relatati ma’ xulxin fi ħdan l-istess organizzazzjoni tal-kumpannija bejn wieħed u ieħor strutturata. Minn dan isegwi li grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jinkludi l-kumpanniji relatati.

Konsegwentement, l-applikant għall-għajnuna, grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jista’ jeżerċita l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni kemm direttament kif ukoll permezz ta’ kumpannija relatata li tagħmel parti mill-istess grupp. Bl-istess mod, jekk l-applikant għall-għajnuna ma jkunx grupp, iżda persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel parti minn grupp, huwa jista’ jeżerċita l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni direttament jew permezz ta’ kumpanija relatata li tagħmel parti mill-istess grupp.

Fit-tieni lok, l-inklużjoni tal-kumpanniji relatati fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma tmurx kontra d-definizzjoni ta’ “bidwi” li tinsab fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ rabta bejn il-kunċett ta’ “bidwi attiv” u dak ta’ “bidwi”, fis-sens ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li tippreċiża li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-istatus ta’ bidwi attiv, persuna għandha, l-ewwel, tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013 dwar il-kunċett ta’ “bidwi”. L-eżistenza ta’ rabta bejn dan il-kunċett u dak ta’ “bidwi attiv” ma tistax, fil-fatt, tikkontesta l-konklużjoni li skontha, taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-applikant għall-għajnuna jista’ jeżerċita l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni kemm direttament kif ukoll permezz ta’ kumpannija relatata li tagħmel parti mill-istess grupp. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament ma jirriżultax li, sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala bidwi, persuna fiżika, persuna ġuridika jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi għandhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom direttament.

Fit-tielet lok, l-inklużjoni tal-kumpanniji relatati fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma tmurx kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li jiġi evitat ir-riskju ta’ frodi kontra l-baġit tal-Unjoni u li jiġu limitati l-ħlasijiet, taħt il-politika agrikola komuni, għall-bdiewa biss li jeżerċitaw verament attività agrikola. Fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kumpanniji relatati, l-applikanti jkunu jistgħu, fil-fatt, iqassmu l-attivitajiet tagħhom bejn diversi entitajiet ġuridiċi relatati sabiex jevitaw il-limiti imposti minn din id-dispożizzjoni fuq ir-rikonoxximent tal-istatus tagħhom ta’ bidwi attiv. Il-kontroll imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huwa għalhekk limitat għall-attivitajiet agrikoli eżerċitati direttament mill-applikant, bl-esklużjoni ta’ dawk imwettqa permezz ta’ kumpanniji relatati.

Huwa, barra minn hekk, b’mod żbaljat li r-Repubblika Ċeka ssostni li r-riskju li l-applikant għall-għajnuna jaqsam, b’mod intenzjonali, l-attivitajiet tiegħu f’diversi entitajiet ġuridiċi sabiex jevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 huwa previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 (5). Fil-fatt, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ din id-dispożizzjoni u tar-restrizzjonijiet fil-qasam ta’ provi relatati ma’ ħolqien artifiċjali eventwali tal-kundizzjonijiet meħtieġa bil-għan tal-kisba tal-vantaġġi previsti mil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali, jista’ jkun li prattika abbużiva li tikkonsisti f’li tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-istatus ta’ bidwi attiv ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013, iżda tikkostitwixxi madankollu ksur tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li din id-dispożizzjoni waħedha hija biżżejjed sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-applikant għall-għajnuna jaqsam l-attivitajiet tiegħu f’diversi entitajiet ġuridiċi sabiex jevita l-verifika tal-istatus tiegħu ta’ bidwi attiv taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-inklużjoni tal-kumpanniji relatati fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, dan tal-aħħar jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fir-rigward tal-effetti tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Issa, f’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar u preċiż li grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel parti minn grupp jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni kemm direttament kif ukoll permezz ta’ kumpannija relatata li tagħmel parti mill-istess grupp.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet, parzjalment, il-motiv intiż li jikkontesta l-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll.

F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li l-kontrolli standard huma differenti, minħabba l-għan u l-iskop tagħhom, mill-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post. Għalhekk, filwaqt li l-kontrolli standard jikkonċernaw 5 % tal-benefiċjarji kollha li jippreżentaw applikazzjoni għal ħlas bażiku jew applikazzjoni għal ħlas uniku skont iż-żona u huma intiżi li jistabbilixxu numru minimu ta’ benefiċjarji suġġetti għal kontroll sabiex tiġi żgurata verifika effettiva, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet f’dak li jirrigwarda d-diversi skemi ta’ għajnuna u miżuri ta’ sostenn, il-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post jikkonċernaw biss il-benefiċjarji li kienu s-suġġett ta’ sanzjoni amministrattiva mnaqqsa minħabba li wettqu, matul is-sena preċedenti, dikjarazzjoni eċċessiva taż-żoni eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-kontrolli ta’ segwitu huma intiżi li jiġi vverifikat jekk, wara l-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva mnaqqsa minħabba dikjarazzjoni eċċessiva taż-żoni, il-benefiċjarji ta’ għajnuna wettqux ksur ġdid li jagħti lok għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva sħiħa. In-natura speċifika tal-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post hija barra minn hekk ikkonfermata mit-titolu tal-Artikolu 33a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 (6), li jikklassifikahom espressament bħala “[kontrolli addizzjonali]”, fatt li jissuġġerixxi li dawn huma distinti mill-kontrolli standard sa fejn dawn jissuġġettaw lill-benefiċjarji ta’ għajnuna għal kontroll addizzjonali. Il-Qorti Ġenerali qieset, konsegwentement, li l-Kummissjoni kienet korretta meta qieset li l-benefiċjarji li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa, matul is-sena preċedenti, kellhom jiġu distinti minn dawk li kienu s-suġġett ta’ kontroll standard.

Madankollu, il-Kummissjoni wettqet ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja applikata għall-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-kontrolli standard ma jikkorrispondix għall-gravità tan-nuqqas ta’ konformità allegat.

Fil-fatt, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova li tippermetti li jinftiehem għaliex id-dannu li seħħ fl‑2017 seta’ jseħħ ukoll fl‑2015 u fl‑2016 u jagħti lok għal obbligu ta’ rkupru retroattiv. Il-Qorti Ġenerali rrilevat, ukoll, li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 (7) invokat mill-Kummissjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fl-aħħar hija enfasizzat li l-Kummissjoni lanqas ma tista’ tinvoka l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 jew l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 sabiex tiġġustifika l-irkupru retroattiv tal-ħlasijiet indebiti, sa fejn hija tirreferi għall-ewwel darba għal dawn id-dispożizzjonijiet fir-risposta. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni tista’ ssostni l-allegazzjonijiet tagħha abbażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, dawn ma jipproduċux il-prova li d-dubju espress jikkostitwixxi dubju serju u raġonevoli. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-impożizzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja relatata mal-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-kontrolli standard, ta’ ammont ta’ EUR 18 833.24.

Fl-aħħar, il-motiv intiż li jikkontesta l-ksur li jirrigwarda l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti ġie milqugħ ukoll. L-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 fil-fatt ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li jivverifikaw, b’mod retroattiv, jekk żona mhux eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna matul sena kinitx ukoll mhux eliġibbli matul is-snin preċedenti. L-allegat obbligu tal-Istati Membri li jwettqu kontroll retroattiv tal-eliġibbiltà ta’ żona lanqas ma jirriżulta mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 u lanqas, barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (8). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja applikata għall-infiq imwettaq mir-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-iskema ta’ ħlas uniku skont iż-żona, b’rabta mal-allegat ksur li jirrigwarda l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti, ta’ ammont ta’ EUR 17 855 884.41.


1      Abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83) u tal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil-mument tal-investigazzjoni.


2      Li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja konformement mal-Artikolu 12(6) sa (8) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU 2014, L 255, p. 18).


3      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2020 tas‑17 ta’ Novembru 2021 li teskludi mill-finanzjament mill-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2021, L 413, p. 10).


4      Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1).


5      Din id-dispożizzjoni tipprevedi: “Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi, ma għandu jingħata ebda vantaġġ previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali favur persuna fiżika jew ġuridika li dwarha jkun ġie stabbilit li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ vantaġġi bħal dawn inħolqu artifiċjalment, kuntrarju għall-objettivi ta’ dik il-leġislazzjoni.”


6      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1394 tas‑16 ta’ Awwissu 2016 (ĠU 2016, L 225, p. 50).


7      Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).


8      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni (T‑40/21, EU:T:2022:515, punti 54 u 55).