Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2023 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-833/17) 1

(“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-Italja favur ajruporti f’Sardegna għal obbligi ta’ servizz pubbliku – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Irtirar tal-att ikkontestat – Għejbien tas-suġġett tat-tilwima – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda), Airport Marketing Services Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida, I.-G. Metaxas-Maranghidis, S. Rating, avukati, u B. Byrne, solicitor)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Armati, D. Grespan u S. Noë, aġenti)

Intervenjent insostenn tal-kovenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Maceroni u A.-L. Meyer, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1861 tad-29 ta' Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) – l-Italja – Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1), sa fejn tikkonċernahom.

Dispożittiv

Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti minn Ryanair DAC u Airport Marketing Services Ltd.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

____________

1     ĠU C 63, 19.2.2018.