KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fis‑6 ta’ Settembru 2018 (1)
Kawża C‑386/17
Stefano Liberato
vs
Luminita Luisa Grigorescu
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 5(2) – Artikolu 27 – Artikolu 35(3) – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ta’ obbligu ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 19 u 24 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Lis pendens – Ksur tar-regoli dwar il-lis pendens – Konsegwenzi – Projbizzjoni ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini”
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 19 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (2).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Stefano Liberato u Luminita Luisa Grigorescu dwar ir-rikonoxximent mill-qrati Taljani ta’ sentenza tal-qrati Rumeni, li tirrigwarda r-rabta matrimonjali, ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-obbligi ta’ manteniment.
3. Din il-kawża ser tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk il-ksur tar-regoli ta’ lis pendens mit-tieni qorti adita jistax jikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenza mogħtija minnha.
4. Fit-tmiem tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi, konformement mas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, P (3), li jitqies prinċipalment, li l-Artikolu 35(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (4), tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (5), u l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu li l-ksur tar-regoli ta’ lis pendens, stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 u fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, mill-qorti adita t-tieni jikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenza mogħtija minnha, ibbażata fuq il-kuntrarjetà għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.
I. Il-kuntest legali
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Nru 44/2001
5. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:
“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:
[…]
2. f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ manteniment, fil-qrati tal-post ta’ fejn il-kreditur tal-manteniment ikollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu jew, jekk il-materja tagħmel parti minn proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna, fil-qorti li, skond il-liġi tagħha, jkollha l-ġurisdizzjoni li tilqa’ dawk il-proċedimenti, sa kemm dik il-ġurisdizzjoni tkun ibbażata biss fuq in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-partijiet”.
6. L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej:
“1. Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.
2. Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”
7. L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament jipprovdi:
“1. Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fi qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mill-qorti li tkun l-ewwel invokata għandha tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha.
2. Meta dawn l-azzjonijiet ikunu pendenti quddiem il-qorti tal-prima istanza, xi qorti ieħor apparti mill-ewwel qorti invokata tista’ wkoll, fuq applikazzjoni ta’ wieħed mill-partijiet, tiċħad il-ġurisdizzjoni jekk il-qorti l-ewwel invokat ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet f’dak il-każ u li l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni ta’ dan.
3. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”
8. L-Artikolu 34 tal-istess regolament jipprevedi:
“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:
1. jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;
[…]
3. jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;
4. jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”
9. L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi:
“1. Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.
2. Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.
3. Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”
2. Ir-Regolament Nru 2201/2003
10. Il-premessi 11, 12, 21 u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdu:
“(11) L-obligazzjonijiet ta’ manteniment huma esklużi mill-iskop ta’ dan ir-Regolament peress li dawn huma diġà koperti mir-Regolament […] Nru 44/2001. Il-qrati li għandhom il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament ġeneralment għandhom il-ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment billi japplikaw l-Artikolu 5(2) tar-Regolament […] Nru 44/2001.
(12) Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.
[…]
(21) Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.
[…]
(33) Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali […].”
11. L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:
“1. Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:
(a) mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri
u
(b) il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.
2. Il-ġurisdizzjoni mogħtija fil-paragrafu 1 għandha tieqaf jekk kif:
(a) is-sentenza li tippermetti jew tirrifjuta l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg ġiet finalizzata;
(b) f’dawk il-każijiet fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri għadhom pendenti fid-data imsemmija f’ (a), sentenza f’dawn il-proċedimenti giet iffinalizzata;
(ċ) il-proċedimenti msemmija f’ (a) u f’(b) ġew mitmuma għal raġuni oħra.”
12. L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-Eżaminazzjoni nkwantu għall-ġurisdizzjoni”, jipprovdi:
“Fejn qorti ta’ Stat Membru għandha l-pussess dwar każ li m’għandiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddikjara b’mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”
13. L-Artikolu 19 tal-istess regolament, intitolat “Lis pendens u azzjonijiet dipendenti”, jipprevedi:
“1. Fejn il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni proprja żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel tigi stabbilita.
2. Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.
3. Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.
F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess l-ewwel.”
14. L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Ir-Rikonoxximent ta’ sentenza”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:
“1. Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.
[…]
4. Fejn ir-rikonoxximent ta’ xi sentenza titressaq bħala kwistjoni nċidentali f’qorti ta’ xi Stat Membru, dik il-qorti tista’ tiddetermina dik il-kwistjoni.”
15. L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ir-Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ”, jipprovdi:
“Sentenza dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:
(a) jekk jidher ċar li l-imsemmi rikonoxximent huwa kuntrarju għall-politika pubblika ta’ l-Istat Membru fejn ir-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub;
[…]
(ċ) jekk hija rrekonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih qiegħed jiġi mitlub r-rikonoxximent;
[…]”
16. L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ir-Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri”, jipprovdi kif ġej:
“Sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:
(a) Jekk l-imsemmi rikonoxximent jidħer ċar li huwa kuntrarju għall-politika pubblika ta’ l-Istat Membru li fih r-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub wara li jiġu kkunsidrati l-aħjar interessi ta’ l-minuri;
[…]
(e) jekk hija rrekonċiljabbli ma’ xi sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri mogħtija aktar tard fi Stat Membru fejn hemm it-talba ta’ rikonoxximent;
[…]”
17. L-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’reviżjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qrati ta’ l-oriġini”, jipprovdi:
“Il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova ta’ l-politika pubblika imsemmija fl-Artikoli 22(a) u 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 sa 14.”
B. Id-dritt Taljan
18. L-Artikolu 150 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Separazzjoni legali”, jipprovdi:
“Is-separazzjoni legali tal-konjuġi hija possibbli.
Is-separazzjoni tista’ tkun ġudizzjarja jew bonarja.
Huma biss il-konjuġi li għandhom id-dritt jitolbu s-separazzjoni legali jew l-approvazzjoni tal-ftehim ta’ separazzjoni.”
19. L-Artikolu 151 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat, “Separazzjoni ġudizzjarja”, jipprevedi:
“Is-separazzjoni tista’ tintalab meta jkun hemm, anki indipendentement mir-rieda ta’ wieħed mill-konjuġi jew tat-tnejn, fatti li jirrendu intollerabbli t-tkomplija tal-ħajja flimkien jew li jippreġudikaw serjament l-edukazzjoni tat-tfal.
L-imħallef li jiddikjara s-separazzjoni għandu jiddikjara jekk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti u jekk tkun tressqet talba f’dan is-sens, lil liema mill-konjuġi għandha tiġi imputata s-separazzjoni, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-imġieba ta’ dak il-konjuġi kuntrarja għad-doveri li jirriżultaw miż-żwieġ.”
20. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, għall-finijiet tax-xoljiment definittiv tar-rabtiet taż-żwieġ (divorzju), id-dispożizzjoni applikabbli ratione temporis hija l-punt 2(b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3 tal-legge Nru 898 (Disciplina dei casi di scioglimento del matrimonio) (Liġi Nru 898 (Regoli Applikabbli fil-Każ ta’ Xoljiment taż-Żwieġ)] (6), tal‑1 ta’ Diċembru 1970, li jipprovdi kif ġej:
“Ix-xoljiment jew il-waqfien tal-effetti ċivili taż-żwieġ jista’ jintalab minn wieħed mill-konjuġi:
[…]
2) fil-każ fejn:
[…]
b) is-separazzjoni legali tal-konjuġi ġiet deċiża permezz ta’ sentenza li kisbet l-awtorità ta’ res judicata jew is-separazzjoni bonarja ġiet ġuridikament ikkonfermata, jew kien hemm separazzjoni de facto, meta s-separazzjoni de facto tkun bdiet mill-inqas sentejn qabel it-18 ta’ Diċembru 1970. F’kull każ, it-talba għax-xoljiment jew għall-waqfien tal-effetti ċivili taż-żwieġ hija suġġetta għall-kundizzjoni li s-separazzjoni damet b’mod mhux interrott għal mill-inqas tliet snin li jibdew jiddekorru mill-mument li fih il-konjuġi dehru quddiem il-President tal-Qorti fil-kuntest tal-proċedura ta’ separazzjoni legali, inkluż meta l-proċedura kontenzjuża tkun saret.”
21. Il-qorti tar-rinviju żżid li r-responsabbiltà tal-ġenituri u l-obbligu ta’ manteniment tat-tfal huma rregolati bl-istess mod, fil-każ ta’ separazzjoni u ta’ divorzju, mill-Artikoli 337a sa 337g tal-Kodiċi Ċivili.
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22. S. Liberato u L. Grigorescu żżewwġu f’Ruma (l-Italja) fit‑22 ta’ Ottubru 2005, u għexu flimkien f’dan l-Istat Membru sat-twelid tal-wild tagħhom fl-20 ta’ Frar 2006. Ir-rapport taż-żwieġ tagħhom progressivament mar għall-agħar. L-omm ħadet lill-wild tagħhom fir-Rumanija u ma reġatx daħlet fir-residenza tal-familja fl-Italja (7).
23. B’rikors tat-22 ta’ Mejju 2007, S. Liberato ppreżenta quddiem it-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo, l-Italja) talba intiża għas-separazzjoni legali u għall-kustodja tal-wild. L. Grigorescu saret parti fil-proċedura u talbet li s-separazzjoni tiġi ddikjarata bħala imputabbli lir-raġel tagħha, li l-kustodja tal-wild tiġi fdata esklussivament lilha u li kontribuzzjoni għall-manteniment tal-wild tiġi stabbilita fil-konfront tal-missier.
24. B’sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2012 (8), it-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo) iddikjarat is-separazzjoni legali tal-konjuġi imputabbli lil L. Grigorescu u, b’digriet separat, bagħtet lura l-kawża għal deċiżjoni għal dak li jirrigwarda t-talbiet reċiproċi tal-partijiet dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri.
25. Filwaqt li l-proċedura dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri kienet għadha pendenti fl-Italja, L. Grigorescu ressqet proċeduri quddiem il-Judecătoria București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bukarest, ir-Rumanija) fit-30 ta’ Settembru 2009, u talbet id-divorzju, il-kustodja esklussiva tal-wild u kontribuzzjoni għall-manteniment tal-wild mingħand il-missier.
26. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura kontradittorja fir-rigward ta’ S. Liberato, huwa qajjem, preliminarjament, l-eċċezzjoni ta’ lis pendens minħabba li l-proċedura ta’ separazzjoni kienet inbdiet fl-Italja fl-ewwel lok. Madankollu, permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2010, il-Judecătoria București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Bukarest) iddikjarat ix-xoljiment tar-rabtiet taż-żwieġ, tat il-kustodja tal-wild lill-omm u stabbilixxiet l-iskeda ta’ żjarat tal-missier u l-ammont tal-manteniment li huwa kellu jħallas favur il-wild.
27. Din is-sentenza kisbet l-awtorità ta’ res judicata wara sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) tat‑12 ta’ Ġunju 2013 li kkonfermat is-sentenza tat-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) tat‑3 ta’ Diċembru 2012, li ċaħdet l-appell ippreżentat minn S. Liberato kontra s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2010.
28. Sussegwentement, il-proċedura ta’ separazzjoni fl-Italja ġiet konkluża b’sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2013 tat-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo). Din il-qorti attribwixxiet il-kustodja esklussiva tal-wild lill-missier u ordnat ir-ritorn immedjat tiegħu fl-Italja. L-imsemmija qorti stabbilixxiet ukoll l-iskeda ta’ żjarat tal-omm fl-Italja, taħt is-superviżjoni tas-servizzi soċjali u tal-Ministeru Pubbliku, u imponiet fuq l-omm kontribuzzjoni għall-manteniment tal-wild.
29. It-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo) ċaħdet it-talba inċidentali li permezz tagħha L. Grigorescu talbet ir-rikonoxximent fl-Italja tas-sentenza ta’ divorzju mogħtija mit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) fit‑3 ta’ Diċembru 2012, abbażi tar-Regolament Nru 2201/2003. It-Tribunale di Teramo (il-Qorti Distrettwali ta’ Teramo) osservat li l-proċedura ta’ divorzju kienet inbdiet fir-Rumanija fl‑2009, wara l-proċedura ta’ separazzjoni legali mressqa fl-Italja fl‑2007, u li t-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) kienet kisret l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 billi ma ssospendietx il-proċedura quddiemha.
30. L. Grigorescu appellat minn din is-sentenza u ressqet, b’mod preliminari, talba inċidentali intiża għar-rikonoxximent tas-sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) tat‑12 ta’ Ġunju 2013 li ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ lis pendens minħabba li, skont il-qorti tar-rinviju, iż-żewġ kawżi ma kellhomx suġġett identiku skont id-dritt proċedurali Rumen (9). B’sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2014, il-Corte d’appello di L’Aquila (il-Qorti tal-Appell ta’ L’Aquila, l-Italja) bidlet is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza u laqgħat l-eċċezzjoni dwar l-awtorità ta’ res judicata miksuba mis-sentenza ta’ divorzju mogħtija mill-qrati Rumeni, li kienet tirrigwarda wkoll il-kustodja tal-wild u l-kontribuzzjoni għall-manteniment ta’ dan tal-aħħar. Din il-qorti qieset li l-ksur, mill-korpi ġudizzjarji aditi t-tieni, jiġifieri l-qrati Rumeni, tar-regoli dwar il-lis pendens fid-dritt tal-Unjoni ma kienx “rilevanti” għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-miżuri definittivi adottati mir-Rumanija, li s-sentenzi Rumeni ma humiex irrikonċiljabbli ma’ dawk mogħtija fl-Italja u kkonkludiet li ma kienet teżisti l-ebda raġuni, partikolarment ta’ ordni pubbliku, li tostakola r-rikonoxximent tas-sentenza Rumena.
31. S. Liberato appella fil-kassazzjoni minn din is-sentenza tal-Corte d’appello di L’Aquila (il-Qorti tal-Appell ta’ L’Aquila).
32. Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, tindika li s-sentenza mogħtija fir-Rumanija tirrigwarda r-rabta matrimonjali, ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-obbligu ta’ manteniment. Fil-proċedura ta’ separazzjoni legali mibdija fl-Italja, ġew ifformulati l-istess talbiet, ħlief f’dak li jirrigwarda t-talba dwar ir-rabta matrimonjali, li ma hijiex identika, peress li l-ordinament ġuridiku Taljan jeżiġi li jiġi stabbilit, qabel id-divorzju, li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi għas-separazzjoni legali bejn il-konjuġi ġew issodisfatti.
33. Qabel kollox, din il-qorti tindika li ma jeżistux raġunijiet ibbażati fuq l-Artikolu 22(ċ) tar-Regolament Nru°2201/2003, fuq l-Artikolu 23(e) ta’ dan ir-regolament jew fuq l-Artikolu 34(4) tar-Regolament Nru°44/2001, li jostakolaw ir-rikonoxximent tas-sentenza Rumena f’dak li jirrigwarda rispettivament l-istatus matrimonjali, ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-obbligi ta’ manteniment.
34. Skont din il-qorti, għandu jiġi eżaminat, sussegwentement, jekk id-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-lis pendens fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, ġewx miksura mill-qrati tal-Istat Membru li fih ingħatat is-sentenza li r-rikonoxximent tagħha qiegħed jiġi mitlub u, jekk dan huwa l-każ, jekk dan il-ksur jistax jitqies bħala raġuni li tostakola r-rikonoxximent minħabba l-kuntrarjetà manifesta għall-ordni pubbliku.
35. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-lis pendens fid-dritt tal-Unjoni hija l-espressjoni tal-prinċipju kardinali tas-sistema ta’ fiduċja u ta’ kooperazzjoni li fuqha huwa bbażat il-moviment liberu tas-sentenzi ġudizzjarji bejn l-Istati Membri. Il-lis pendens hija bbażata fuq tliet prinċipji, jiġifieri, l-awtonomija ta’ dan il-kunċett, il-projbizzjoni, għall-qorti adita t-tieni li tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel, u l-prijorità ratione temporis tal-qorti adita l-ewwel, li hija obbligatorja għall-qorti adita t-tieni.
36. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-eċċezzjoni ta’ lis pendens imqajma minn S. Liberato f’kull fażi tal-proċedura Rumena, u b’mod partikolari quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), ġiet miċħuda fuq il-bażi tal-identiċità perfetta tal-kawża, tas-suġġett u tal-partijiet, b’applikazzjoni, minn naħa, tar-regola proċedurali nazzjonali Rumena ta’ lis pendens, u, min-naħa l-oħra, tal-kunċett ta’ “lis pendens” fid-dritt tal-Unjoni, hekk kif jidher fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Minn dan hija ddeduċiet li l-qrati Rumeni fehmu ħażin il-kliem tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 li qiegħed fuq l-istess livell it-talbiet għal separazzjoni legali, għal divorzju u għal annullament taż-żwieġ u għaldaqstant ma jeħtieġx l-identiċità tal-kawża u tas-suġġett.
37. Fir-rigward tas-sentenza dwar l-obbligu ta’ manteniment lejn il-wild, il-qorti tar-rinviju tirrileva li din hija suġġetta kawżalment għas-sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u ma tistax tiġi sseparata minnha, la fuq livell loġiku u lanqas fuq livell legali, peress li din tiddependi fuq is-sentenza prinċipali. Hija tqis li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (10), minkejja li din id-dispożizzjoni ma hijiex direttament applikabbli (11).
38. Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza finali Rumena li qiegħed jintalab ir-rikonoxximent tagħha ngħatat minn qorti li ma kellhiex ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni tal-kawża, peress li ġiet adita t-tieni.
39. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan il-ksur jirrigwarda mhux biss l-applikazzjoni ta’ kriterju għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni bejn żewġ Stati Membri, iżda wkoll, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjoni tal-lis pendens fis-sistema tar-rikonoxximent awtomatiku u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Istati Membri, l-implimentazzjoni ta’ prinċipju ta’ ordni pubbliku proċedurali fid-dritt tal-Unjoni, li jimmaterjalizza ruħu permezz tal-moviment legali tas-sentenzi fi ħdan l-Unjoni. Il-prinċipju ta’ prijorità ratione temporis, li huwa l-bażi tar-regola proċedurali li abbażi tagħha titqajjem il-lis pendens, huwa ta’ importanza fundamentali fil-kuntest tad-dritt proċedurali tal-Unjoni, peress li dan għandu l-funzjoni li jiġu evitati inizjattivi ġudizzjarji intiżi biss sabiex jopponu r-riżultat tal-proċess fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim mas-sentenzi fuq il-mertu diġà mogħtija mill-qorti kompetenti adita l-ewwel li l-ġurisdizzjoni tagħha ġiet aċċettata, f’dan il-każ, b’mod inkontestabbli.
40. Il-qorti ssostni wkoll li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jipprojbixxi l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini, jirreferi għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 3 sa 14 ta’ dan ir-regolament u mhux għar-regola tal-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament.
41. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-ksur tar-regoli dwar il-lis pendens, li jinsabu fl-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu impatt esklużivament fuq l-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni, bil-konsegwenti applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, jew, għall-kuntrarju, jista’ jikkostitwixxi raġuni li tipprekludi r-rikonoxximent fl-Istat Membru li fih ġiet adita l-qorti inizjali, tas-sentenza mogħtija fl-Istat Membru li fih ġiet adita l-qorti sussegwenti, mill-perspettiva ta’ ordni pubbliku proċedurali, peress li l-Artikolu 24 tar-Regolament KE Nru 2201/2003 jirreferi biss għar-regoli li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni inklużi fl-Artikoli 3 sa 14, u mhux fis-sussegwenti Artikolu 19?
2) L-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, intiż biss bħala kriterju determinattiv tal-ġurisdizzjoni, tmur kontra l-kunċett tad-dritt tal-Unjoni tal-lis pendens kif ukoll il-funzjoni u l-iskop tar-regola, intiża li tistabbilixxi sett ta’ regoli vinkolanti, ta’ ordni pubbliku proċedurali, li jiggarantixxi l-ħolqien ta’ spazju komuni kkaratterizzat mill-fiduċja u mill-lealtà proċedurali reċiproka bejn l-Istati Membri, li fih ikun jista’ jitwettaq ir-rikonoxximent awtomatiku u l-moviment liberu ta’ deċiżjonijiet [sentenzi]?”
III. L-analiżi tiegħi
42. Id-determinazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar il-lis pendens, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, teħtieġ li jiġu ppreċiżati, minn qabel, id-dispożizzjonijiet kollha li għandhom jiġu interpretati kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ lis pendens.
A. Osservazzjonijiet preliminari
1. Fuq ir-riformulazzjoni tad-domandi preliminari
43. Għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju qegħda tagħmel id-domandi tagħha biss fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003, filwaqt li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawża prinċipali tirrigwarda mhux biss ir-responsabbiltà tal-ġenituri, iżda wkoll l-obbligi ta’ manteniment, li ma humiex koperti minn dan ir-regolament (12).
44. Konsegwentement, għandhom jiġu fformulati d-domandi magħmula b’riferiment għall-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru°44/2001, li huwa applikabbli peress li l-azzjonijiet inbdew qabel it-18 ta’ Ġunju 2011 (13).
45. Hemm ukoll lok li jiġi kkunsidrat li, permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistgħux jiġu interpretati bħala li ma jipprojbixxux li l-ksur tar-regoli ta’ lis pendens, stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 u fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, mill-qorti adita t-tieni jista’ jikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenza mogħtija minnha, ibbażata fuq il-kuntrarjetà għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub li jinkludi regoli proċedurali kkunsidrati bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
2. Fuq l-identiċità tal-mekkaniżmu previst mir-Regolamenti Nru 44/2001 u 2201/2003 fil-każ ta’ lis pendens
46. Dawn iż-żewġ regolamenti jimponu lill-qorti adita t-tieni tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha fil-każ ta’ lis pendens (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003[(15)] huwa redatt f’termini simili għal dawk użati fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, li ssostitwixxa l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni […] [(16)], u jistabbilixxi mekkaniżmu ekwivalenti għal dak previst fiż-żewġ artikoli msemmija l-aħħar sabiex jiġu ttrattati każijiet ta’ lis […] pendens. Għaldaqstant għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward dawn l-artikoli msemmija l-aħħar” (17).
3. Fuq il-mekkaniżmu stabbilit fil-każ ta’ lis pendens u l-iskop tiegħu
47. Hekk kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003, “il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi mekkaniżmu ċar u effikaċi sabiex jiġu riżolti l-każijiet ta’ lis […] pendens (ara, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 40)” (18).
48. Dan il-mekkaniżmu li “huwa bbażat fuq l-ordni kronoloġiku li fih il-qrati ġew aditi” (19), jikkonsisti għall-qorti adita t-tieni f’li tissospendi l-proċeduri ex officio, sakemm il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel tiġi stabbilita.
49. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, “sabiex il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel tiġi stabbilita fis-sens tal-Artikolu 19(1) [tar-R]egolament [Nru 2201/2003], biżżejjed li l-qorti adita l-ewwel ma tkunx ċaħdet ex officio l-ġurisdizzjoni tagħha u li l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun ikkontestat tali ġurisdizzjoni qabel jew sal-mument tat-teħid ta’ pożizzjoni kkunsidrat, mid-dritt nazzjonali tagħha, bħala l-ewwel difiża sostantiva ppreżentata quddiem din il-qorti (ara, b’analoġija, is-sentenza Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 44)” (20).
50. B’mod iktar konkret, hekk kif irrakkomandat il-Qorti tal-Ġustizzja, “[s]kont il-possibiltajiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha, it-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha tista’, fejn iż-żewġ kawżi jinvolvu l-istess partijiet, tistaqsi lill-parti li tinvoka l-eċċezzjoni ta’ lis […]pendens tal-eżistenza tal-allegata kawża u tal-kontenut tat-talba. Barra minn dan, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 2201/2003 huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn il-qrati, din il-qorti tista’ tinforma lill-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha tat-[dwar it-]tressiq tat-talba quddiemha, tiġbed l-attenzjoni ta’ din tal-aħħar għall-possibbiltà ta’ lis alibi pendens, tistieden lil din tal-aħħar tikkomunikalha l-informazzjoni dwar it-talba pendenti quddiemha u li tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 jew li tikkomunikalha kull sentenza li diġà ttieħdet f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, it-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha tista’ tikkuntattja lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tagħha” (21).
51. In-natura imperattiva tar-regoli ta’ lis pendens stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 (22) hija ġġustifikata mill-iskop tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “dawn ir-regoli huma intiżi sabiex jevitaw proċeduri paralleli quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti u d-deċiżjonijiet kunfliġġenti li jistgħu jirriżultaw minn dan” (23).
52. Huma jipparteċipaw fl-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent ipso jure tas-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri, li huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.
4. Fuq il-kundizzjonijiet tal-lis pendens u l-applikazzjoni tagħhom għall-kawża prinċipali
53. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti użati sabiex tiġi determinata sitwazzjoni ta’ lis pendens, b’mod partikolari fir-Regolamenti Nri 44/2001 u 2201/2003, għandhom jiġu kkunsidrati bħala awtonomi.
54. B’hekk, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod espliċitu dan il-prinċipju billi bbażat ruħha fuq l-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 2201/2003 u fuq “ċ-ċirkustanza li t-test tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, minflok jirreferi għat-terminu ta’ ‘lis […] pendens’ kif użat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti tal-Istati Membri, jistabbilixxi numru ta’ kundizzjonijiet materjali bħala elementi ta’ definizzjoni” (24).
55. Fir-rigward tat-talbiet relattivi għar-rabta matrimonjali, mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, meta mqabbel mal-Artikolu 19(2) tiegħu, jirriżulta li l-unika kundizzjoni li għandha tiġi eżaminata, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ proċeduri paralleli, tirrigwarda lill-partijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni sabiex tistabbilixxi dan espliċitament fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, A (25). B’hekk hija kkonstatat li “sitwazzjoni ta’ lis […] pendens tista’ teżisti meta żewġ qrati ta’ Stati Membri differenti jiġu aditi […] bi proċedura għal separazzjoni legali fil-każ ta’ waħda u bi proċedura għal divorzju fil-każ tal-oħra jew meta titressaq quddiem it-tnejn li huma talba għal divorzju” (26).
56. Jekk, waqt l-istanza relattiva għar-rabta matrimonjali, ikun tressqu xi talbiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, ir-regoli tal-lis pendens relattivi għas-separazzjoni japplikaw (27).
57. Dan huwa minnu wkoll fi kwistjonijiet ta’ manteniment meta t-talba “tagħmel parti mi[ll-]proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna”, konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 44/2001.
58. Wara d-deċiżjoni ta’ divorzju, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kundizzjoni ta’ identiċità tas-suġġett u tal-kawża hija meħtieġa, fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, skont l-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament (28). Fir-rigward tat-talba dwar l-obbligu ta’ manteniment, ir-regoli ta’ lis pendens stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, applikabbli fil-kawża preżenti, jeżiġu li jiġu vverifikati l-identiċità tas-suġġett, tal-kawża u tal-partijiet.
59. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-prijorità mogħtija lill-qorti adita l-ewwel tibqa’ sakemm din ma tkunx ċaħdet il-ġurisdizzjoni tagħha, wara li tkun b’mod obbligatorju ivverifikata, konformement mal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 (29), f’kull fażi tal-proċedura (30).
60. B’hekk, fil-kawża prinċipali, minn meta ġiet adita l-qorti Rumena, il-mekkaniżmu previst fil-każ ta’ lis pendens kellu jiġi implimentat minnha kemm għad-deċiżjoni fuq is-separazzjoni kif ukoll għall-konsegwenzi tagħha fir-rigward tal-wild, li kien jirresjedi fir-Rumanija, minħabba l-effett tal-proroga tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Taljana (31).
61. Issa, mis-sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) tat‑12 ta’ Ġunju 2013, jirriżulta li l-qorti Rumena applikat ħażin id-dritt tal-Unjoni (32) billi ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ lis pendens, imqajma minn S. Liberato, ibbażata fuq it-talbiet dwar ir-rabta matrimonjali. Fil-fatt, hija qabel kollox rriferiet għad-dritt nazzjonali Rumen li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-lis pendens u għall-awtorità ta’ res judicata sabiex wara tqis li “[j]irriżulta b’mod ċar mit-tfassil ta[l-]Artikolu 19 [tar-Regolament Nru 2201/2003] li jelenka b’mod distint it-tlett ipoteżi ta’ lis pendens, jiġifieri ‘il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet’, li ż-żewġ talbiet paralleli għandhom ikollhom inkomuni biss wieħed mit-tliet suġġetti u mhux żewġ suġġetti distinti fosthom dawk espliċitament u elenkati b’mod limitat fit-test. […] [F]il-kawża preżenti, iż-żewġ talbiet għandhom it-tnejn suġġett distint, jiġifieri s-separazzjoni fl-Italja u d-divorzju fir-Rumanija, fatt li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003. Huwa ġustament li l-qorti tal-appell ikkonstatat li s-sistema Rumena tinjora l-istituzzjoni tas-separazzjoni. Għaldaqstant, huwa evidenti li ma jistax ikun hemm ‘identiċità’ ma’ tali talba mressqa quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Anki kieku din l-istituzzjoni kienet irrikonoxxuta, għandu jiġi nnotat li ma hemm l-ebda identiċità bejn id-divorzju u s-separazzjoni”.
62. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-eċċezzjoni ta’ lis pendens sostnuta minn S. Liberato f’kull fażi tal-proċedura kienet ibbażata fuq din il-proroga tal-ġurisdizzjoni marbuta mat-talba għas-separazzjoni legali u mhux mar-regoli applikabbli fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jew ta’ manteniment.
63. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li, wara li ngħatat is-sentenza dwar ir-rabta matrimonjali fid-19 ta’ Jannar 2012 mill-qorti Taljana (33), il-kwistjoni ta’ lis pendens hija ħafna iktar diffiċli sabiex tiġi analizzata (34). Fil-fatt, din setgħet tibqa’ titqajjem fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri biss minnħabba l-verifika pożittiva minn din il-qorti tal-ġurisdizzjoni tagħha. Fl-opinjoni tiegħi, din tista’ tirriżulta biss mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(2)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 (35), li għandu, fl-opinjoni tiegħi, jingħaqad mat-tfittxija tal-aqwa interess tal-wild li kien iġġustifika, bil-kunsens tal-omm, il-proroga tal-ġurisdizzjoni fil-bidu tal-proċedura (36).
64. Peress li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi ġġustifikat li l-qorti Taljana għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod inċidentali, fuq ir-rikonoxximent tas-sentenza Rumena li temmet il-lis pendens, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li dawn ġew ivverifikati (37).
65. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandu jiġi ppreċiżat issa liema konsegwenzi għandhom jinstiltu min-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ lis pendens, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.
B. Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ lis pendens
66. Għandhom jiġu rrilevati qabel kollox iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-qorti adita l-ewwel, li quddiemha għadhom pendenti l-istess talbiet bejn l-istess partijiet (38), għandha tiddeċiedi fuq talba inċidentali għal rikonoxximent tas-sentenza finali mogħtija mill-qorti adita t-tieni.
67. Bħala konsegwenza, minħabba din ir-raġuni biss, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (39), li tipprovdi li, fil-każ ta’ lis pendens, sentenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri mogħtija minn tieni qorti adita, bi ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-proċeduri (40), “ma taffettwax” dik li għandha tingħata mill-qorti adita l-ewwel (41), ma hijiex transponibbli għall-kawża prinċipali, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 67 tas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (42), li s-sentenza kontenzjuża mogħtija mill-qorti adita t-tieni ma kinitx definittiva. Barra minn hekk, l-inċertezza fuq ir-residenza tal-wild u r-rabta mal-proċedura intiża għar-ritorn tiegħu jiġġustifikaw ukoll is-soluzzjoni speċifika adottata f’din il-kawża.
68. Bħala konsegwenza, fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-ksur tar-regoli ta’ lis pendens għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent stabbiliti mir-Regolamenti Nru 2201/2003 u 44/2001.
69. Fil-kuntest tal-proċedura pendenti li ma tirrigwardax iktar is-separazzjoni (43), il-qorti tar-rinviju kkonstatat ġustament li, fost ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent previsti mir-Regolament Nru 2201/2003, huwa biss il-kriterju tal-kuntrarjetà manifesta għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi s-sentenza mogħtija fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri (44), imsemmi fl-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, li għandu jiġi analizzat flimkien mal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, dan jeskludi l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ ordni pubbliku għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 3 sa 14 tal-imsemmi regolament.
70. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat tali kwistjoni fis-sentenza P.
71. Id-differenza bejn iċ-ċirkustanzi inkwistjoni f’dik il-kawża (45) u dawk tal-kawża prinċipali ma tidhirlix li hija determinanti, peress li, minn naħa, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-artikulazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jew il-koordinazzjoni ta’ proċeduri paralleli ma’ dawk li jawtorizzaw rifjut ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor, u, minn naħa l-oħra, din hija bbażata fuq prinċipji ġenerali riprodotti kważi b’mod identiku mis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (46).
72. Fis-sentenza P, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ix-xewqa tagħha li tadotta l-istess approċċ restrittiv tar-raġunijiet li jippermettu l-oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ sentenza, filwaqt li rriferiet għal dak adottat fil-każ ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, fatt li jiġġustifika, b’mod opportun għall-kawża prinċipali, minħabba ż-żewġ regolamenti applikabbli, li jitqies li din id-deċiżjoni għandha sservi bħala bażi għar-risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.
73. Il-Qorti fakkret, minn naħa li, “skont il-premessa 21 [tar-] [R]egolament [Nru 2201/2003], dan huwa bbażat fuq il-kunċett li r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka u li r-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent għandhom jinżammu għall-minimu neċessarju” (47) u, min-naħa l-oħra li, “[f’]din is-sistema, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jistabbilixxi r-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati kontra r-rikonoxximent ta’ sentenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, għandu jiġi interpretat b’mod strett peress li jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament” (48).
74. Dawn l-għanijiet u l-prinċipji ġġustifikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi, fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-projbizzjoni ta’ kull stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru (49) u “jippreċiża espliċitament li l-Artikolu 23(a) tal-istess regolament ma jistax jiġi invokat sabiex isir tali stħarriġ” (50) fir-rigward tal-Artikoli 3 sa 14 ta’ dan ir-regolament (51). Din ir-regola bażika, li ma huwiex possibbli li ssir deroga minnha direttament jew indirettament, tirriżulta wkoll mill-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u mill-preżunzjoni tar-regolarità tal-verifika tagħhom minn kull qorti meta tiġi adita.
75. Minħabba dawn il-motivi kollha, fis-sentenza P il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet għall-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 il-projbizzjoni tal-applikazzjoni tal-kriterju mislut mill-kuntrajetà għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub (52).
76. Madankollu, għalkemm l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament jidher, bħal dan l-Artikolu 15, fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, dan ma jikkompletax id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jattribwixxu l-ġurisdizzjoni li jinsabu fit-Taqsimiet 1 u 2, peress li dan jinsab fit-Taqsima 3 li tirrigwarda d-“[d]ispożizzjonijiet komuni”.
77. Għaldaqstant, inqis li s-soluzzjoni tas-sentenza P għandha tiġi trasposta. Fil-fatt, meta l-qorti adita l-ewwel, li tkun qegħda tiddeċiedi fuq talba inċidentali għal rikonoxximent, tivverifika jekk ir-regoli ta’ lis pendens ġewx applikati korrettament mill-qorti adita t-tieni u, għaldaqstant, ir-raġunijiet li minħabba fihom hija ma ċaħditx il-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti adita l-ewwel tkun qegħda tistħarreġ il-verifika minnha tal-ġurisdizzjoni tagħha. Issa, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprojbixxilha tagħmel dan.
78. Barra minn hekk, minħabba l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, hekk kif esponejthom preċedentement, dan l-istħarriġ ma jistax jiġi llimitata għall-verifika tad-dati li fihom tiġi adita qorti. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli fil-fażi tar-rikonoxximent tas-sentenza tista’ tirriżulta problematika wkoll. Fil-fatt, huwa possibbli li jiġi kkonċepit, speċjalment fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u fil-każ ta’ proroga tal-ġurisdizzjoni, li, wara l-iskambji bejn il-qrati, il-qorti adita l-ewwel tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha minħabba partikolarment kriterji ta’ ġurisdizzjoni, jiġifieri, kemm hija qrib ġeografikament il-post ta’ residenza tal-wild u l-aqwa interess tiegħu (53).
79. Barra minn hekk, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza P, “l-qorti tal-Istat fejn issir it-talba ma tistax, taħt piena li tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, tirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi raġuni li hija tqis li, f’din is-sentenza, id-dritt nazzjonali jew id-dritt Komunitarju ġie applikat b’mod żbaljat” (54). B’hekk, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi ġġustifikat li n-nuqqas ta’ soluzzjoni ta’ kunflitt ta’ ġurisprudenza (55) fil-każ ta’ proċeduri paralleli, jiġi ttrattat b’mod iktar strett mill-verifika tal-ġurisdizzjoni (56), jew mill-iżbalji mwettqa f’dan il-każ, li huma eżenti minn kull stħarriġ konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 u ta’ diversi regolamenti Ewropej oħra.
80. Minn dawn l-elementi kollha niddeduċi li, minkejja n-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għall-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini li dan jistabbilixxi, tapplika wkoll fil-każ ta’ ksur tar-regoli ta’ lis pendens (57).
81. Fir-rigward tat-talbiet dwar il-manteniment, hemm lok li jiġi rrilevat li ma tqum l-ebda diffikultà minħabba l-kliem tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (58).
82. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu li l-ksur tar-regoli ta’ lis pendens, stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 u fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, mill-qorti adita t-tieni, jikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenza mogħtija minnha, ibbażata fuq il-kuntrarjetà għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.
83. Għall-kompletezza, nixtieq nippreċiża li, jekk kellu jiġi aċċettat li l-kriterju tal-ordni pubbliku huwa applikabbli, is-sentenza P tistabbilixxi, għal darba oħra, il-limiti li għandhom jiġu affermati mill-ġdid (59).
84. Fil-fatt, din is-sentenza hija bbażata fuq prinċipji stabbiliti diversi drabi fl-okkażjoni tal-interpretazzjoni tar-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent li jinsabu f’diversi regolamenti li jirregolaw il-moviment liberu tas-sentenzi (60) kif ukoll fuq il-ħtieġa għal-leġiżlatur li jieħu inkunsiderazzjoni l-“aħjar interessi tal-wild” (61), fil-każ ta’ rifjut ta’ rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà stabbilita li jiġu emendati d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lil wild.
85. Bħala konsegwenza, ikollu jiġi deċiż mill-ġdid li “l-Artikolu 23(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ ksur ċar, fid-dawl tal-aħjar interessi tal-wild, ta’ regola tad-dritt li titqies li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jew ta’ dritt irrikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku, din id-dispożizzjoni ma tippermettix lill-qorti ta’ dan l-Istat Membru, li tqis li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kustodja ta’ wild, li tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li tat deċiżjoni fuq il-kustodja ta’ dan il-wild” (62).
86. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ksur tar-regoli ta’ lis pendens jippreġudika, minħabba l-funzjoni tagħhom fis-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku tas-sentenzi fi ħdan l-Unjoni, prinċipju ta’ ordni pubbliku proċedurali li jiżgura l-moviment tas-sentenzi.
87. Issa, tali klassifikazzjoni ma tistax tiġi aċċettata, peress li dawn ir-regoli ma għandhomx importanza li tista’ titqabbel ma’ dawk adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tqis li r-rikonoxximent tas-sentenza jippreġudika l-ordni pubbliku proċedurali tal-Unjoni (63). Tali evalwazzjoni għandha tkun koerenti mal-prinċipji esposti preċedentement, jiġifieri l-limitazzjoni tar-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 2201/2003, in-natura eċċezzjonali tar-rikors għall-klawżola ta’ ordni pubbliku u l-projbizzjoni għall-qorti tal-Istat Membru mitlub li tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi raġuni li hija tqis li d-dritt tal-Unjoni ġie applikat ħażin.
88. Jien konxju perfettament tal-impatt tal-analiżi tiegħi fil-kuntest magħruf sew tal-istrumentalizzazzjoni tar-regoli ta’ lis pendens, imħeġġa mill-firxa wiesgħa ta’ kriterji ta’ ġurisdizzjoni offruta mir-Regolament Nru 2201/2003, speċjalment fil-każ li tiġi adita qorti ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu ma tippermettix li jintalab id-divorzju immedjatament (64).
89. Jista’ jiġi sostnut ukoll li, minħabba l-portata wiesgħa ħafna tas-soluzzjoni, li ma tistax tiġi llimitata għar-regolamenti applikabbli għal kwistjonijiet familjali, il-pilastri tal-prinċipju ta’ rikonoxximent ipso jure tas-sentenzi jistgħu jiddgħajfu serjament min-nuqqas ta’ sanzjoni ta’ ksur ta’ regola imperattiva li tinsab f’diversi regolamenti Ewropej.
90. Madankollu, tali biża’ ma tistax tiġi ġġustifikata peress li dawn ir-regolamenti huma bbażati speċifikament fuq il-kooperazzjoni kif ukoll fuq il-fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri u l-istess loġika bħal dik li tippresjedi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija f’kull Stat Membru għandha tiġi adottata (65).
91. Konsegwentement, bħala prinċipju, ma huwiex konċepibbli li l-każijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ lis pendens jimmultiplikaw, u dan iktar u iktar meta, bil-kontra tal-qorti Rumena fil-kawża prinċipali, il-qrati tal-Istati Membri ilhom sa mis-sena 2015 familjari mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 u ser jibbenefikaw fil-futur, permezz tal-kawża prinċipali, mill-interpretazzjoni supplimentari tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-regoli ta’ lis pendens fil-kunflitti tal-familja (66).
92. Barra minn hekk, għandha tiġi enfasizzata l-fakultà offruta lill-qrati li jipprevjenu d-diffikultajiet inerenti għall-kunflitti proċedurali permezz tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u d-djalogu bejn il-qrati, hekk kif deskritti preċedentement (67), billi jispiraw ruħhom ukoll mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 kif ukoll tal-Artikolu 17 tar-Regolamenti 2016/1103 u 2016/1104 (68).
93. Insostni wkoll li, fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, fir-rigward tal-aqwa interess tal-wild li għandu jiggwida kull soluzzjoni (69), il-prevenzjoni tad-diffikultajiet ta’ rikonoxximent tas-sentenzi hija obbligatorja. F’dan ir-rigward, fil-kawża prinċipali, kien ikun opportun kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tħalliet tiddeċiedi iktar kmieni (70) fuq il-kundizzjonijiet ta’ lis pendens. L-implimentazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 setgħat tiġi kkontemplata wkoll fuq talba ta’ waħda mill-partijiet jew fuq l-inizjattiva ta’ waħda mill-qrati (71).
94. Barra minn hekk, jekk, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-ksur tar-regoli ta’ lis pendens kellu jirriżulta mill-injoranza tar-regolamenti applikabbli u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew jekk dan wassal sabiex jiġu ppreġudikati drittijiet proċedurali ta’ valur ogħla bħal dawk li, pereżempju, jiżguraw l-espressjoni tal-argumenti tal-ġenitur li ma jirresjedix miegħu l-wild (72) kif ukoll l-osservanza tat-termini raġonevoli għal sentenza, jidhirli li jkun għaldaqstant iġġustifikat li tiġi invokata r-raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent ibbażata fuq l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub li jinkludi d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.
95. Fl-aħħar, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ teżamina jekk rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwiex opportun (73), fil-każ tal-applikazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, u tal-falliment tas-sistema ta’ rimedji stabbilita f’kull Stat Membru, ikkompletata mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, li għandu jiġi implimentat sabiex jiġi evitat ksur tal-ordni pubbliku qabel ma jseħħ (74).
IV. Konklużjoni
96. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kif ġej:
L-Artikolu 35(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali u l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu li l-ksur tar-regoli ta’ lis pendens, stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 u fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, mill-qorti adita t-tieni, jikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenza mogħtija minnha, ibbażata fuq il-kuntrarjetà għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.