Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Jannar 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Corte suprema di cassazione – l-Italja) – Stefano Liberato vs Luminita Luisa Grigorescu

(Kawża C-386/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 5(2) – Artikolu 27 – Artikolu 35(3) – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 19 – Lis pendens – Artikolu 22(a) – Artikolu 23(a) – Nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi fil-każ ta’ kuntrarjetà manifesta għall-ordni pubbliku – Artikolu 24 – Projbizzjoni ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini – Raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ibbażata fuq ksur tar-regoli dwar il-lis pendens – Assenza)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Stefano Liberato

Konvenuta: Luminita Luisa Grigorescu

Dispożittiv

Ir-regoli ta’ lis pendens stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, u fl-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta, fil-kuntest ta’ tilwima dwar kwistjonijiet matrimonjali, kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jew kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment, il-qorti adita t-tieni tagħti, bi ksur ta’ dawn ir-regoli, sentenza li tkun saret definittiva, dawn jipprekludu li l-qrati tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti adita l-ewwel jirrifjutaw, għal din ir-raġuni biss, li jirrikonoxxu din is-sentenza. B’mod partikolari dan il-ksur ma jistax, waħdu, jiġġustifika n-nuuqas ta’ rikonoxximent ta’ din is-sentenza minħabba l-kuntrarjetà manifesta tagħha għall-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat.

____________

1     ĠU C 338, 9.10.2017.