Appell ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2024 minn XH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-22 ta’ Novembru 2023 fil-Kawża T-613/21, XH vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-75/24 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: XH (rappreżentant: P. Nowak, adwokat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza appellata;
konsegwentement, tagħti lill-appellanti l-benefiċċju tat-talbiet tagħha;
tannulla d-Deċiżjoni Ares(2020)7335515, D/374/20 tal-4 ta’ Diċembru 2020, dwar ir-rifjut tat-talba għal assistenza tal-appellanti tal-1 ta’ Awwissu 2020, u d-Deċiżjoni R/138/21, Ares(2021) tat-2 ta’ Lulju 2021, bi tweġiba għall-ilment ippreżentat mill-appellanti fit-28 ta’ Frar 2021, id-Deċiżjoni Ares(2021)3466486 tas-26 ta’ Mejju 2021 dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ invalidità u d-deċiżjoni maħruġa mill-Awtorità tal-Ħatra fit-30 ta’ Settembru 2021, ARES(2021)5949362, R/301/21, bi tweġiba għall-ilment ippreżentat mill-appellanti fil-31 ta’ Mejju 2021;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali manifestament żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha tal-evidenza, żnaturat il-punti tal-proċess u żbaljat fil-liġi – ksur tal-Artikoli 12, 12a u 24 u 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, nuqqas li tapplika l-Artikolu 56 tar-Regolamenti tal-Persunal.
Il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi, żnaturat il-punti tal-proċess u kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta ċaħdet l-ewwel u t-tieni motiv li jallegaw żball manifest ta’ evalwazzjoni, ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ smigħ xieraq.
____________