Language of document : ECLI:EU:C:2016:560

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Lulju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001– Artikolu 22(4) – Ġurisdizzjoni għat-tilwim fil-qasam ta’ proprjetà intellettwali – Artikolu 71 – Konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri f’oqsma partikolari – Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali – Ġurisdizzjoni għat-tilwim dwar it-trade marks u disinni Benelux – Artikolu 350 TFUE”

Fil-Kawża C‑230/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura

Brite Strike Technologies Inc.

vs

Brite Strike Technologies SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) u tal-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kunest ta’ tilwima bejn Brite Strike Technologies Inc, kumpannija stabbilita fi Plymouth, Massachusetts (l-Istati Uniti tal-Amerka) u Brite Strike Technologies SA, kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), rigward talba ta’ Brite Strike Technologies Inc intiża sabiex tannulla trade mark miżmuma minn Brite Strike Technologies SA.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. [...]

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

4        Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, dan “għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi”.

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni esklussiva”, kien jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[...]

4)      fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti, trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ.

[...]”

6        L-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fil-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Relazzjonijiet ta’ strumenti oħra” kien jipprovdi:

“Dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza f’materji speċifiċi li jinstabu fi strumenti tal-Komunità [...]”

7        L-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament kien jinkludi lista ta’ konvenzjonijiet konklużi bejn ċerti Stati Membri qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001 u li kien jipprovdi li dawn il-konvenzjonijiet huma ssostitwiti minn dan ir-regolament, sa fejn dawn jirrigwardaw l-oqsma li dan ir-regolament japplika għalihom.

8        L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab ukoll fil-Kapitolu VII tiegħu, kien jipprovdi:

“1. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni[jiet] li [għalihom] l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, jirregola ġurisdizzjoni jew r-Rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi.

2.      Bil-għan ta’ l-interpretazzjoni uniformi tiegħu, paragrafu 1 għandu jiġi applikat b’dan il-mod:

a)      dan ir-Regolament m’għandux ifixkel qorti ta’ Stat Membru, li jkun parti mill-konvenzjoni dwar materja partikolari, milli jassumi ġurisdizzjoni skond dik il-konvenzjoni, anki meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Membru ieħor li ma jkunx partu minn dik il-konvenzjoni. [...]

[...]”

9        Skont l-Artikolu 76 tiegħu, ir-Regolament Nru 44/2001 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2002.

10      Ir-Regolament Nru 44/2001 tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), li huwa applikabbli mill-10 ta’ Jannar 2015.

11      Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 22(4), fl-Artikolu 67 u fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 ġew adottati fl-Artikolu 24(4), fl-Artikolu 67 u fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012.

12      L-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

“Soġġett għall-Artikoli 70 u 71, dan ir-Regolament għandu, bejn l-Istati Membri, jabroga l-konvenzjonijiet li jkopru l-istess kwistjonijiet bħal dawk li għalihom japplika dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-konvenzjonijiet inklużi fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni skont il-punt (c) tal-Artikolu 76(1) u l-Artikolu 76(2) għandhom jiġu abrogati.”

13      Billi t-tilwima fil-kawża prinċipali kienet tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju fil‑21 ta’ Settembru 2012, il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni mqajma mit-talba għal deċiżjoni preliminari ser tiġi eżaminata fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001.

 Il‑KBPI

14      Il-Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni), tal‑25 ta’ Frar 2005, iffirmata f’Den Haag mir-Renju tal-Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-“KBPI”) daħlet fis-seħħ fil-1 ta’ Settembru 2006.

15      Il-KBPI ssostitwixxiet il-liġi unformi Benelux dwar it-trade marks (iktar ’il quddiem il-“LBT”).u l-liġi uniformi Benelux dwar disinni (iktar ’il quddiem l-“LBD”).

16      L-LBT daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1971 u kienet annessa mal-Konvenzjoni Benelux dwar trade marks ta’ prodotti tad-19 ta’ Marzu 1962, li fir-rigward tagħha kienet fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 1969. Din il-konvenzjoni tħassret bil-KBPI.

17      L-Artikolu 37A tal-LBT kien jipprovdi:

“Ħlief f’każ ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni territorjali, dik għandha tkun iddeterminata, fil-qasam tat-trade marks, mid‑domiċilju tal-konvenut jew mill-post fejn tnissel l-obbligu kkontestat, ġie jew għandu jiġi eżerċitat. Il-post tal-preżentazzjoni jew tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark fl-ebda każ ma jista’ waħdu jiddetermina l-ġurisdizzjoni.

Meta l-kriterji stabbiliti hawn fuq ikunu insuffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni territorjali, l-attur jista’ jressaq il-każ quddiem il-qorti tad-domiċilju jew tar-residenza tiegħu, jew jekk ma għandux domiċilju jew residenza fit-territorju Benelux, quddiem il-qorti tal-għażla tiegħu, fi Brussell, f’Den Haag jew fil-Lussemburgu.”

18      L-LBD daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1975 u kienet annessa mal-Konvenzjoni Benelux dwar disinni, tal-25 ta’ Ottubru 1966, li kienet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 1974. Din il-konvenzjoni wkoll kienet tħassret mill-KBPI.

19      L-Artikolu 29(1) tal-LBD kien ifformulat f’termini li jikkorrispondu ma’ dawk tal-Artikolu 37A tal-LBT.

20      Il-Konvenzjoni Brussell dwar trade marks ta’ prodotti u l-Konvenzjoni Benelux dwar disinni ma kinux inklużi fil-lista li tinsab fl-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 44/2001.

21      Skont il-preambolu tiegħu, il-KBPI b’mod partikolari għandha bħala skop li “tissostitwixxi l-konvenzjonijiet, il-liġijiet uniformi u l-protokolli li jemendaw dwar it-trade marks jew id-disinni tal-Benelux b’konvenzjoni waħda li tirregola kemm id-dritt tat-trade marks kif ukoll id-dritt tad-disinni b’mod sistematiku u trasparenti”, u li “tissostitwixxi l-Uffiċju Benelux tat-Trade Marks u l-Uffiċju Benelux tad-Disinni bl-Organizzazzjoni Benelux tal-Proprjetà Intelletwali (trade marks u disinni) li twettaq il-missjoni tagħha permezz ta’ korpi ta’ deċiżjoni u ta’ eżekuzzjoni li għandhom ġurisdizzjoni tagħhom u kumplimentarja”.

22      L-Artikolu 1.2 tal-KBPI jipprovdi:

“1.Hija stabbilita Organizzazzjoni Benelux tal-Proprjetà Intelletwali (trade marks u disinni) [...]

2.      Il‑korpi tal-Organizzazzjoni huma:

a.      il‑Kumitat tal-Ministri [...];

b.      il‑Kunsill ta’ Amministrazzjoni [...];

c.      l-Uffiċċju Benelux tal-Proprjetà Intelletwali (trade marks u disinni) [...].”

23      L-Artikolu 1.5 tal-KBPI jippreċiża:

“1.      L-Organizzazzjoni għandha s-sede tagħha f’Den Haag.

2.      L-Uffiċċju huwa stabbilit f’Den Haag.

3.      Bini ieħor tal-Uffiċċju jista’ jiġi stabbilit fi bnadi oħra.”

24      L‑Artikolu 2.2 tal-KBPI jipprovdi:

“[...] Id-dritt esklużiv għat-trade mark jinkiseb bir-reġistrazzjoni tat-trade mark, li l-preżentazzjoni tagħha titwettaq fit-territorju Benelux (preżentazzjoni Benelux) jew tirriżulta minn reġistrazzjoni mal-Uffiċċju internazzjonali (preżentazzjoni internazzjonali).”

25      Skont l-Artikolu 2.4 initio u (f) tal-KBPI:

“Ma jagħtix dritt għal trade mark:

[...]

f.      ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li l-preżentazzjoni tagħha twettqet b’mala fide, b’mod partikolari:

1.      il-preżentazzjoni, magħmula b’konoxxenza jew b’nuqqas ta’ konoxxenza li ma hijiex skużabbli tal-użu normali magħmul b’bona fide fl‑aħħar tliet snin fit-territorju Benelux, ta’ trade mark simili għal prodotti jew servizzi simili, minn terz li ma tax il-kunsens tiegħu;

2.      il-preżentazzjoni, magħmula b’konoxxenza, li tirriżulta minn relazzjonijiet diretti, mill-użu normali magħmul in bona fide minn terz fl-aħħar tliet snin barra mit-territorju Benelux, minn trade mark li tixxiebah għal prodotti jew servizzi li jixxiebhu, sakemm ma jkunx hemm kunsens minn dan it-terz jew li dan l-għarfien ikun inkiseb biss sussegwentement il-bidu tal-użu li l-proprjetarju tal-preżentazzjoni jkun għamel mit-trade mark fit-territorju Benelux.”

26      L-Artikolu 2.5 tal-KBPI jipprovdi:

“1.      Il-preżentazzjoni Benelux tat-trade marks issir mal-amministrazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll mal-Uffiċċju, fil-forom stabbiliti mir-regolament ta’ eżekuzzjoni [...].

[...]

4.      Meta l-preżentazzjoni ssir ma’ amministrazzjoni nazzjonali, din titrażmetti l-preżentazzjoni Benelux lill-Uffiċċju, kemm f’terminu wara li tkun irċeviet il-preżentazzjoni, kf ukoll wara li kkonstatat li l-preżentazzjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti.

[...]”

27      Skont l-Artikolu 2.8 tal-KBPI:

“1.      Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-artikoli [dwar il-motivi ta’ rifjut li l-Uffiċċju jista’ japplika u għall-oppożizzjoni li tista’ titressaq quddiem l-Uffiċċju], it-trade mark ippreżentata hija rreġistrata, jekk ikunu ġew issodisfatti d-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ eżekuzzjoni, għall-prodotti jew servizzi msemmija mill-applikant. [...]

2.      L-applikant jista’, jekk ikun issodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 2.5, jitlob lill-Uffiċċju skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ eżekuzzjoni, li mingħajr dwemien iwettaq ir-reġistrazzjoni tal-preżentazzjoni. L‑artikoli [dwar il-motivi ta’ rifjut li l-Uffiċċju jista’ japplika u l-oppożizzjoni li tista’ titressaq quddiem l-Uffiċċju] japplikaw għat-trade marks hekk irreġistrati, peress li l-Uffiċċju huwa awtorizzat li jiddeċiedi li jħassar ir-reġistrazzjoni u li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ fl-appel jitlob li tinżamm ir-reġistrazzjoni.”

28      L-Artikolu 2.10(2) tal-KBPI jżid li “l-Uffiċċju jirreġistra l-preżentazzjoniijet internazzjoniali li għalihom l-estensjoni tal-protezzjoni fit-territorju Benelux ġiet mitluba”.

29      L-Artikolu 2.28(3) tal-KBPI jipprovdi: “Sa fejn il-proprjetarju tar-reġistrazzjoni preċedenti jew it-terz imsemmi fl-Artikolu 2.4[...]f, jieħu parti fl-azzjoni, kull persuna kkonċernata tista’ tinvoka n-nullità:

[...]

b.      tar-reġistrazzjoni li ma tagħtix dritt għat-trade mark skont l-Artikolu 2.4.[...]f; [...] in-nullità li tirriżulta mill-Artikolu 2.4[...]f għandha tiġi invokata f’terminu ta’ ħames snin mid-data ta’ reġistrazzjoni. [...]”.

30      L-Artikolu 4.6 tal‑KBPI, intitolat “Ġurisdizzjoni territorjali” jipprovdi:

“1. Ħlief f’każ ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni territorjali, dik għandha tkun iddeterminata, fil-qasam tat-trade marks u disinni, mid‑domiċilju tal-konvenut jew mill-post fejn tnissel l-obbligu kkontestat, ġie jew għandu jiġi eżerċitat. Il-post tal-preżentazzjoni u tar‑reġistrazzjoni ta’ trade mark jew ta’ disinn fl-ebda każ ma jista’ waħdu jiddetermina l-ġurisdizzjoni.

2.      Meta l-kriterji stabbiliti hawn fuq ikunu insuffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni territorjali, l-attur jista’ jressaq il-każ quddiem il-qorti tad-domiċilju jew tar-residenza tiegħu, jew jekk ma għandux domiċilju jew residenza fit-territorju Benelux, quddiem il-qorti tal-għażla tiegħu, fi Brussell, f’Den Haag jew fil-Lussemburgu.

3.      Il-qrati għandhom japplikaw ex officio r-regoli stabbiliti fis‑subparagrafi 1 u 2 sabiex jikkonstataw espressament il-ġurisdizzjoni tagħhom.

[...]”

31      Il-KBPI ma tidhirx fil-lista li jirreferi għaliha l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1215/2012.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

32      Brite Strike Technologies SA hija kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu li tappartjenti għan-netwerk li jqassam il-prodotti ta’ illuminazzjoni tattika żviluppati mill-kumpannija Amerikana Brite Strike Technologies Inc.

33      Fl-4 ta’ Frar 2010, Brite Strike Technologies SA ppreżentat is-sinjal verbali “Brite Strike” għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Benelux.

34      L-Uffiċċju Benelux tal-Proprjetà Intellettwali (trade marks u disinni) stabbilit f’Den Haaġ (il-Pajjiżi l-Baxxi), wettaq din ir-reġistrazzjoni.

35      Fil-21 ta’ Settembru 2012, Brite Strike Technologies Inc. ippreżentat rikors quddiem ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) kontra Brite Strike Technologies SA, intiż sabiex din it-trade mark tiġi annullata skont l-Artikoli 2.4 u 2.28 tal-KBPI.

36      Billi rreġistrat it-trade mark inkwistjoni, Brite Strike Technologies SA kienet aġixxiet b’mala fide. Billi kienet taf li s-sinjal verbali “Brite Strike” kien intuża minn Brite Strike Technologies Inc, fl-Istati tal-Benelux, Brite Strike Technologies SA kienet irreġistrat dan is-sinjal inkwantu trade mark Benelux bl-għan biss li tikseb dritt esklużiv għal użu ta’ dan is-sinjal u biex għalhekk tipprekludi lil Brite Strike Technologies Inc. milli tkompli tuża hija stess dan is-sinjal fil-Benelux.

37      Brite Strike Technologies SA qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Fil-fehma tagħha, ir-rikors kellu jiġi ppreżentat fil-Lussemburgu u mhux f’Den Haag.

38      Ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) tikkonstata li, jekk ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4.6 tas-KBPI kellha tiġi applikata, minn dan jirriżulta li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi din it-tilwima. Jekk, min-naħa l-oħra, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 kellha tipprevali, din ikollha ġurisdizzjoni.

39      Għalhekk għandu jsir enfasi dwar ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 44/2001 u l-KBPI.

40      F’dan ir-rigward, ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) tiċċita sentenza tal-Gerechtshof Den Haag (qorti tal-appell ta’ Den Haag) tas-26 ta’ Novembru 2013. Fil-punti 28 sa 34 ta’ din is-sentenza, din l-aħħar qorti kkunsidrat li, fir-rigward tal-fatt li l-KBPI ġiet konkluża wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament tipprevali.

41      Ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) tqis, madankollu, li l-kwistjoni tar-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 44/2001 u l-KBPI għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Il-BCIP għandha [għar-raġunijiet indikati fil-punti 28-34 tas-sentenza tal-Gerechtshof Den Haag (qorti tal-appell ta’ Den Haag) tas-26 ta’ Novembru 2013 jew għal oħrajn] tiġi kkunsidrata bħala konvenzjoni li saret wara, hekk li l-Artikolu 4.6 tagħha ma jistax jitqies bħala regola partikolari fis-sens tal-Artikolu 71 tar-Regolament ta[r-Regolament Nru 44/2001]?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva:

2)      Jirriżulta mill-Artikolu 22(4) tar-Regolament ta[r-Regolament Nru 44/2001] li kemm il-qorti Belġjana kif ukoll il-qorti Netherlandiża u l-qorti Lussemburgiża għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva [għat-tieni domanda], kif għandu jiġi stabbilit, f’kawża bħal din, jekk hijiex il-qorti Belġjana jew dik Netherlandiża jew il-qorti Lussemburgiza li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali? Huwa possibbli li (madankollu) jiġi applikat l-Artikolu 4.6 tal-BCIP sabiex tiġi stabbilita (b’mod iktar preċiż) il-ġurisdizzjoni internazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

43      Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li tilwima bħal dik bejn Brite Strike Technologies Inc. u Brite Strike Technologies SA tista’ taqa’ kemm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-KBPI kif ukoll taħt dak tar-Regolament Nru 44/2001.

44      Fil-fatt, minn naħa, din it-tilwima tirrigwarda l-validità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Benelux u għandha, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, tiġi solvuta abbażi tal-Artikoli 2.4 u 2.28 tal-KBPI.

45      Min-naħa l-oħra, jirriżulta neċessarjament mill-inklużjoni ta’ “proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ [...] trade marks u disinni [...]” fil-Kapitolu II, Sezzjoni 6 tar-Regolament Nru 44/2001, li l-validità tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks tagħmel parti mill-“materji ċivili u kummerċjali” msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament.

46      Billi r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 hija irrikonċiljabbli mar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċifikament prevista fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI għat-tilwim dwar it-trade marks u disinni Benelux, għandu jiġi stabbilit liema minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija applikabbli.

47      Huwa f’dan il-kuntest li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li r-regola ta’ ġurisidizzjoni għat-tilwim dwar trade marks u disinni Benelux, stabbilita fl-Artikolu 4.6 tas-KBPI, tiġi applikata għal dan it-tilwim.

48      L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 kien jidher fil-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Relazzjonijiet ma’ strumenti oħra”, u kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan ir-regolament “m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni[jiet] li [għalihom] l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, jirregola ġurisdizzjoni jew r-Rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi”.

49      Minkejja l-użu tat-termini “konvenzjoni[jiet] li [għalhom] l-Istati Membri jkunu parti”, li jissuġġerixxu li huma biss konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri kollha li jaqgħu taħt dan l-Artikolu 71, jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni tal-paragrafu 2(a) tiegħu li l-konvenzjonijiet imsemmija kienu jinkludu wkoll dawk li kienu ġew konklużi biss minn ċerti Stati Membri.

50      Barra minn hekk, jirriżulta minn qari konġunt tal-Artikoli 69 u 71 tar-Regolament Nru 44/2001, li dan l-aħħar artikolu, li l-formulazzjoni ġenerali ħafna tiegħu qed tiġi eżaminata, ma għandux jiġi interpretat fis-sens li dan japplika biss fir-rigward ta’ konvenzjonijiet li jorbtu diversi Stati Membri bil-kundizzjoni li pajjiż terz jew iktar ikunu wkoll partijiet għal tali konvenzjonijiet.

51      Jekk isegwi li r-relazzjoni bejn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament Nru 44/2001 u dawk li jinsabu f’ċerti konvenzjonijiet, kienet irregolata, favur dawn il-konvenzjonijiet, mill-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, madankollu, din id-dispożizzjoni ma tatx il-possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu, permezz tal-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet ġodda jew l-emenda ta’ konvenzjonijiet li huma diġà fis-seħħ, regoli li jkollhom supremazija fuq dawk ta’ dan ir-regolament (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 38).

52      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa l-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) li, fir-rigward tal-konvenzjonijiet relatati ma’ materji partikolari, għamel riferiment għall-konvenzjonijiet li għalihom l-Istati kontraenti “huma jew ser ikunu” partijiet. Permezz tal-użu tal-kliem “jew ser ikunu”, dan l-Artikolu 57 ippreċiża li r-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Brussell ma pprekludewx l-applikazzjoni ta’ regoli differenti li għalihom ser jissottoskrivu l-Istati kontraenti, fil-futur, permezz tal-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet speċjali. Dan il-kliem ma ġiex adottat fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punti 37 u 38).

53      Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, imfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, tirrifletti l-ġurisprudenza stabbilita li, bl-istabbiliment ta’ regoli komuni, l-Istati Membri ma għandhomx iżjed id-dritt li jikkonkludu ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw dawn ir-regoli (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 38).

54      Din il-limitazzjoni tapplika wkoll f’dak li jikkonċerna l-konklużjoni, mill-Istati Membri, ta’ ftehimiet bejniethom stess. Fil-fatt, fir-rigward tas-supremazija li jgawdi minnha, bħala principju, bħala regola ġenerali, id-dritt tal-Unjoni dwar il-konvenzjonijiet konklużi bejn l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci, 235/87, EU:C:1988:460, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-konklużjoni bejn l-Istati Membri ta’ konvenzjonijiet li jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni bħala prinċipju hija pprojbita.

55      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-KBPI tmurx kontra din il-limitazzjoni, li jkollu bħala konsegwenza li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jawtorizzax l-applikazzjoni tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI għad-dannu tal-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament.

56      F’dan l-eżami, għandu jittieħed kunsiderazzjoni tal-fatt li l-KBPI hija ftehim konkluż bejn ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tal-unjoni reġjonali tagħhom, il-Benelux. Għalhekk, l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 350 TFUE, li jipprovdi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-eżistenza u t-twettiq ta’ din l-unjoni reġjonali, sa fejn l-għanijiet imfittxija minnha ma jintlaħqux bl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

57      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, din id-dispożizzjoni tippermetti lir-Renju tal-Belġju, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jħallu fis-seħħ, permezz ta’ deroga għar-regoli tal-Unjoni, ir-regoli li japplikaw fil-kuntest tal-unjoni reġjonali tagħhom, sa fejn din l-unjoni reġjonali tinsab lil hinn mill-implementazzjoni tas-suq intern (ara, fir-rigward tal-Artikolu 233 KEE, li l-formulazzjoni tiegħu ġiet adottata fl-Artikolu 306 KE u sussegwentement fl-Artikolu 350 TFUE, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1984, Pakvries, 105/83, EU:C:1984:178, punt 11, u tat-2 ta’ Lulju 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑473/93, EU:C:1996:263, punt 42). Sabiex din tkun iġġustifikata, tali regola għandha, minbarra dan, tkun indispensabbli għall-funzjonament tajjab tas-sistema Benelux (sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et, C‑367/93 sa C‑377/93, EU:C:1995:261, punti 25 kif ukoll 40).

58      Fir-rigward tal-ewwel minn dawn ir-rekwiżiti, hemm lok li jitfakkar li l-implementazzjoni tas-suq intern fil-qasam ta’ trade marks u disinni tinkludi, b’mod parallel, is-sistema ta’ titoli b’effet unitarju tal-Unjoni rregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21) kif ukoll bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU 2002, L 3, p. 1), u, min-naħa l-oħra, l-armonizzazzjoni parzjali tar-regoli dwar it-trade marks u d-disinni tal-Istati Membri mwettqa bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25) u mid-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120).

59      Fil-kuntest tal-Benelux, it-trade marks u d-disinni tat-tliet Stati Membri kkonċernati ġew issostitwiti b’titoli b’effett unitarju. Din is-sistema, li teżisti f’parallel ma’ dik relatata mat-titoli b’effett unitarju tal-Unjoni, tinsab, filwaqt li tintegra l-armonizzazzjoni parzjali mwettqa mid-Direttiva 2008/95 u mid-Direttiva 98/71, lil hinn minnha. Fil-fatt, it-trade marks u d-disinni Benelux huma suġġetti għal leġiżlazzjoni għalkollox uniformi, li tinkludi regoli istituzzjonali u proċedurali komuni. Fost dawn tal-aħħar hemm l-Artikolu 4.6 tal-KBPI.

60      Fir-rigward tat-tieni rekwiżit imfakkar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, kull deroga għandha, sabiex tkun iġġustifikata mill-Artikolu 350 TFUE, tkun indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema Benelux inkwistjoni, fid-dawl tal-iskop tal-Artikolu 350 TFUE, li jikkonsisti li jiġi evitat li l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkollha bħala effett li tfaxxa l-Benelux jew li tostakola l-iżvilupp tiegħu (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1984, Pakvries, 105/83, EU:C:1984:178, punt 11, u tat-2 ta’ Lulju 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑473/93, EU:C:1996:263, punt 42).

61      F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 4.6 tal-KBPI, hemm lok li jiġi rrilevat li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li din id-dispożizzjoni tidderoga minnha, hija dik dwar il-ġurisdizzjoni għat-tilwim relatat mt-trade marks u disinni li tinsab fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 u, sa mill-10 ta’ Jannar 2015, fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 1215/2012. Din ir-regola tad-dritt tal-Unjoni tistabbilixxi bħala kriterju ta’ ġurisdizzjoni l-post fejn iseħħ ir-reġistru (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT, C‑4/03, EU:C:2006:457, punt 22).

62      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, għat-tilwim dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea, il-leġiżlatur tal-Unjoni, skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 44/2001, ukoll idderoga minn din l-istess regola ta’ ġurisdizzjoni, billi jipprevedi, fl-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009, regola differenti ta’ ġurisdizzjoni, li hija b’mod partikolari bbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u tiżgura għalhekk li, f’kull Stat Membru, qrati jistgħu jkunu aditi b’tilwim dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea. Din ir-regola tevita li dan it-tilwim ikun ikkonċentrat quddiem il-qrati tar-Renju ta’ Spanja, Stat Membru li fit-territorju tiegħu l-preżentazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet huma ċċentralizzati u fih isseħħ ir-reġistrazzjoni.

63      Fir-rigward tal-fatt li t-trade marks u disinni Benelux jaqgħu taħt sistema li tinsab lil hinn fit-tliet Stati Membri kkonċernati, mill-istruttura ġudizzjarja stabbilita mill-Benelux, ibbażata fuq sistema deċentralizzata li tinkludi mekkaniżmu ta’ rinviji preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja Benelux, u min-natura multilingwi ta’ din l-unjoni reġjonali, ir-regola kkodifikata fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI, li hija b’mod partikolari bbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u għalhekk tiżgura li t-tilwimiet dwar it-trade marks u disinni Benelux jistgħu jiġu ttrattati, skont il-każ, minn qorti Belġjana, Lussemburgiża jew Olandiża, minflok ma jkunu kkonċentrati, skont l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, sussegwentement tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 1215/2012, quddiem il-qrati Olandiżi tal-post fejn il-preżentazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet huma ċċentralizzati u jseħħ ir-reġistru, tista’, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, u minn analoġija li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkonstata f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni għat-tilwim dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea, tiġi kklassifikata bħala indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ trade marks u disinni Benelux.

64      Isegwi li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri fid-dawl tal-Artikolu 350 TFUE, ma jipprekludix lir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jsommu fis-seħħ, permezz ta’ deroga għall-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 u għall-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni għat-tilwim dwar it-trade marks u disinni Benelux, li huma stabbilixxew fl-Artikolu 37A tal-LBT u fl-Artikolu 29(1) tal-LBD, sussegwentement ikkonfermata mill-Artikolu 4.6 tal-KBPI.

65      F’dak li jikkonċerna l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-applikazzjoni ta’ konvenzjoni permezz ta’ deroga għal regola sabbilita mill-Unjoni fil-qasam ta’ ġurisdizzjoni u rikonoxximent jew eżekuzzjoni ma tistax tippreġudika l-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni, bħall-prinċipji evokati f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni fil-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ ċertezza legali għall-partijiet fil-kawża u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 49, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Nipponkoa Insurance, C‑452/12, EU:C:2013:858, punt 36), hemm lok li jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 4.6 tal-KBPI, li hija artikolata madwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, ikkompletata minn ġurisdizzjonijiet oħra li jippreżentaw rabta stretta mas-suġġett tat-tilwima, hija konformi mal-prinċipji stabbiliti f’dawn il-premessi 11 u 12.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri fid-dawl tal-Artikolu 350 TFUE, ma jipprekludix li r-regola ta’ ġurisdizzjoni għat-tilwim dwar it-trade marks u disinni Benelux, stabbilita fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI, tiġi applikata għal dan it-tilwim.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

67      Fid-dawl tar-risposta miġjuba għall-ewwel domanda u għall-inapplikabbiltà tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 li tirriżulta minn dan, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 350 TFUE, ma jipprekludix li r-regola ta’ ġurisdizzjoni għat-tilwim dwar it-trade marks u disinni Benelux, stabbilita fl-Artikolu 4.6 tal-Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni), tal-25 ta’ Frar 2005, iffirmata f’Den Haag mir-Renju tal-Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tiġi applikata għal dan it-tilwim.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.