KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
HENRIK SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2016 (1)
Kawża C‑119/15
Biuro podróży “Partner” Sp. z o.o., Sp. komandytowa w Dąbrowie Górniczej
vs
Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsovie, sezzjoni ċivili, il-Polonja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KE — Direttiva 2009/22/KE — Effet erga omnes ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali malli din il-klawżola tiġi iskritta f’reġistru pubbliku — Sanzjoni pekunjarja imposta fuq il-bejjiegħ jew fornitur li jkun uża tali klawżola jew klawżola ekwivalenti fil-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu mingħajr ma dan ikun ipparteċipa fil-proċedura li tirrigwarda l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal smigħ”
I – Introduzzjoni
1. Deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola li tkun tinsab f’kuntratt ma’ konsumatur tista’ evidentement ikollha natura vinkolanti bħala preċedent ġuridiku. L-Istati Membri jistgħu madankollu jagħtu lil tali deċiżjoni effett erga omnes, b’mod li jorbtu lil bejjiegħa jew fornituri li ma jkunux ipparteċipaw fil-proċedura? Din hija d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.
2. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn bejjiegħ jew fornitur u l-awtoritajiet Pollakki għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa fuq dan il-bejjiegħ jew fornitur minħabba li fil-kuntratti tiegħu mal-konsumaturi huwa juża klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa li huma ekwivalenti għal klawżoli li preċedentement ġew meqjusa inġusti u li huma inklużi, bħala tali, f’reġistru pubbliku, minkejja li dan il-bejjiegħ jew fornitur ma pparteċipax fil-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li huma inklużi fir-reġistru.
3. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment fuq il-punt dwar jekk, fis-sustanza, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (2), moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22/KE (3), jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża li biha din il-qorti hija adita.
4. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi, għall-ewwel darba, il-limiti tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 u l-bilanċ ġust bejn il-protezzjoni effikaċi tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti u d-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 93/13
5. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li:
“1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.
2. Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.
[…]
Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.
3. L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”
6. Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”
7. L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:
“1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”
8. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.
2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.
3. Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.”
9. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti f’din id-direttiva, sakemm dawn ikunu kompatibbli mat-Trattat.
10. L-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi kif ġej (4):
“1. Meta Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 8, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, kif ukoll bi kwalunkwe modifika sussegwenti, b’mod partikolari fejn dawk id-dispożizzjonijiet:
[…]
ikun fihom listi ta’ termini tal-kuntratt li għandhom jitqiesu bħala inġusti.”
2. Id-Direttiva 2009/22
11. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/22, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li:
“1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ azzjonijiet għal inġunzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 2 immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-Direttivi elenkati fl-Anness I, bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern.
2. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ksur għandu jfisser kull att kuntrarju tad-Direttivi elenkati fl-Anness I li jinbidlu bl-ordni legali interna tal-Istati Membri li jagħmlu l-ħsara lill-interessi kollettivi li saret riferenza għalihom fil-paragrafu 1.”
12. L-Anness I tad-Direttiva 2009/22, intitolat “Lista tad-direttivi koperti mill-Artikolu 1” isemmi, fil-punt 5, id-Direttiva 93/13.
13. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/22 intitolat “Azzjonijiet għal inġunzjoni”, jipprovdi li:
“1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti li jirregolaw l-proċeduri li jinbdew minn entitajiet kwalifikati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 li jfittxu:
a) li jwaqqfu jew jimpedixxu kwalunkwe ksur, bil-ħeffa kollha meħtieġa, fejn xieraq permezz ta’ proċedura sommarja;
b) fejn ikun il-każ, li jiksbu miżuri bħalma huma l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, kollha kemm hi jew parti minnha, fit-tali forma li tinftiehem li hi adegwata u/jew il-pubblikazzjoni ta’ stqarrija korrettiva bil-għan li jiġu eleminati l-effetti kontinwi tal-ksur;
c) safejn tippermetti s-sistema legali tal-Istat Membru konċernat, li jikkundannaw lill-konvenut telliefi għall-ħlasijiet għal ġewwa l-erarju pubbliku jew għal kull benefikant nominat jew previst fil- jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali, fl-eventwalità ta’ nuqqas li jikkonforma mad-deċiżjoni f’limitu ta’ żmien speċifikat mill-qrati jew awtoritajiet amministrattivi, ta’ ammont fiss għal kull ġurnata ta’ dewmien jew kull ammont ieħor li hemm provdut għalih fil-leġislazzjoni nazzjonali bil-għan li tkun żgurata l-konformità mad-deċiżjonijiet.”
B – Id-dritt Pollakk
1. Il-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi
14. L-Artikolu 24(1) u l-punt 1 tal-Artikolu 24(2) tal-Ustawa o ochronie konkurencji i konsumentów (liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi), tas-16 ta’ Frar 2007 (Dz. U. Nru 50, pożizzjoni 331), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdu li (5):
“1. L-użu ta’ prattiċi li jippreġudikaw l-interessi kollettivi tal-konsumaturi huwa pprojbit.
2. Prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi tfisser kull aġir illegali ta’ bejjiegħ jew fornitur li jhedded dawn l-interessi, b’mod partikolari:
1) l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li huma inklużi fir-reġistru tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, imsemmi fl-Artikolu 479 45 tal-liġi tas-17 ta’ Novembru 1964, dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili (Dz. U., Nru 43, pożizzjoni 296, kif emendata).”
15. L-Artikolu 26(1) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi jipprovdi li:
“1. Meta l-[president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi] jikkonstata l-ksur tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 24, huwa għandu jieħu deċiżjoni li tiddikjara li l-prattika inkwistjoni tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u jeżiġi t-twaqqif tagħha […]”
16. Il-punt 4 tal-Artikolu 106(1) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi jipprovdi li:
“1. Il-[president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi] jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jimponi fuq il-bejjiegħ jew fornitur multa li l-ammont tagħha ma għandux jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-sena finanzjarja ta’ qabel is-sena tal-impożizzjoni tal-multa, meta dak il-bejjiegħ jew fornitur, anki jekk biss b’mod involontarju:
[…]
4) għamel użu minn prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 24.”
2. Il-kodiċi ta’ proċedura ċivili
17. L-Artikoli 47942(1), 47943 u 47945(1) sa (3) tal-Ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (liġi dwar il-kodiċi tal-proċedura ċivili) tas-17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal-2014, pożizzjoni 101), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ proċedura ċivili”), jipprovdu li (6):
“Artikolu 47942
1. Jekk it-talba tintlaqa’, il-qorti tirriproduċi, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha, il-kontenut tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali u tipprojbixxi l-użu tagħhom.
Artikolu 47943
Id-deċiżjoni definittiva tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward ta’ terzi mal-inklużjoni tal-klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 47945(2).
Artikolu 47945
1. Kopja tad-deċiżjoni definittiva li tilqa’ t-talba għandha tintbagħat mill-qorti lill-[president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi].
2. Il-[president tal-uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi] għandu, abbażi tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, iżomm ir-reġistru tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali.
3. Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 2 huwa pubbliku.”
III – Il-fatti u l-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
18. Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2011, il-president tal-Urząd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (uffiċċju tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“UOKiK”) impona multa ta’ 21 127 zlotys Pollakki (PLN) (madwar EUR 4 940) fuq il-kumpannija HK Zakład Usługowo Handlowy “Partner” Sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “HK Partner”), li teżerċita attività ekonomika, fost l-oħrajn, fil-qasam tas-servizzi turistiċi. Din id-deċiżjoni ġiet adottata skont l-Artikolu 24(1) u l-punt 1 tal-Artikolu 24(2) kif ukoll skont il-punt 4 tal-Artikolu 106(1) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, minħabba li HK Partner użat klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ ta’ vjaġġi meqjusa li huma ekwivalenti għal klawżoli li qabel tqiesu illegali, u li tniżżlu fir-reġistru pubbliku tal-klawżoli inġusti, imsemmi fl-Artikolu 47945(2) tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili (iktar ’il quddiem ir-“reġistru tal-klawżoli inġusti”) (7).
19. HK Partner ressqet azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-president tal-UOKiK tat-22 ta’ Novembru 2011 quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (qorti reġjonali ta’ Varsavja – qorti tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem is-“SOKiK”), billi talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u, b’mod sussidjarju, it-tnaqqis tas-sanzjoni pekunjarja. Matul il-proċedura quddiem is-SOKiK, HK Partner ġiet diviża u b’riżultat ta’ dan ir-rikorrenti, il-kumpannija Biuro podróży “Partner” Sp. Z o.o. (iktar ’il quddiem il-“Biuro podróży Partner”), ħadet id-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ HK Partner marbutin mal-attività turistika. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2013, is-SOKiK ċaħdet l-azzjoni billi qablet mal-evalwazzjoni tal-president tal-UOKiK fir-rigward tal-ekwivalenza tal-klawżoli użati minn HK Partner mal-klawżoli li jinsabu fir-reġistru tal-klawżoli inġusti.
20. Il-Biuro podróży Partner appellat quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili, il-Polonja”) fejn talbet l-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2011 tal-president tal-UOKiK u, b’mod sussidjarju, l-annullament tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2013 tas-SOKiK u r-rinviju tal-kawża quddiem dik il-qorti biex tiġi eżaminata mill-ġdid.
21. Peress li s-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili) kellha xi dubji rigward l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 6(1) u 7 tad-[Direttiva 93/13], u tal-Artikoli 1 u 2 tad-[Direttiva 2009/22], l-użu ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li l-kontenut tagħhom huwa ekwivalenti għal dak ta’ klawżoli meqjusa illegali jista’ jitqies, fir-rigward ta’ professjonist [bejjiegħ jew fornitur] ieħor li ma pparteċipax fil-proċedura li wasslet għall-inklużjoni fir-reġistru ta’ klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali meqjusa illegali, bħala aġir illegali li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, jikkostitwixxi prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u li, fil-proċedura amministrattiva nazzjonali, jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa?
2. Fid-dawl tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 [TFUE], qorti tat-tieni istanza li d-deċiżjoni tagħha, mogħtija fl-appell, tista’ tkun is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni, kif inhu previst [mill-Kodiċi ta’ proċedura ċivili tar-Repubblika tal-Polonja], hija qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu appellati taħt id-dritt intern, jew hija s-Sąd Najwyższy (Qorti suprema, [il-Polonja]), li għandha l-kompetenza sabiex tisma’ appell ta’ kassazzjoni?”
22. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċara tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (8), it-tieni domanda preliminari ma tqajjem punti ta’ liġi ġodda. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi ttrattata biss l-ewwel domanda preliminari li hija l-unika waħda li ma ġietx ittrattata qabel.
23. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li saret fid-9 ta’ Marzu 2016.
IV – Analiżi ġuridika
A – Osservazzjonijiet preliminari
1. Dwar is-sistema Pollakka għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti
24. Qabelxejn, jeħtieġ li jingħataw ftit dettalji fuq is-sistema Pollakka għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti, li timplementa tliet tipi ta’ kontroll tal-klawżoli inġusti, jiġifieri kontroll individwali, kontroll in abstracto u kontroll amministrattiv (9).
25. Il-kontroll individwali jiġi eżerċitat f’każ ta’ kawżi quddiem il-qrati ordinarji bejn il-konsumaturi u bejjiegħa jew fornituri fir-rigward tan-natura inġusta tal-klawżoli li jitniżżlu fil-kuntratti partikolari. Id-deċiżjoni ġudizzjarja dwar kontroll individwali torbot biss lill-partijiet fil-proċedura.
26. Min-naħa l-oħra, il-kontroll in abstracto jiġi eżerċitat minn qorti speċjalizzata, jiġifieri s-SOKiK, u huwa suġġett għal proċedura partikolari rregolata, fost l-oħrajn mill-Artikolu 47942(1), mill-Artikolu 47943 u mill-Artikolu 47945 (1) sa (3) tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili (10). Dan il-kontroll, li jirrigwarda biss il-klawżoli li jitniżżlu f’kundizzjonijiet ġenerali, għandu bħala għan li jelimina l-klawżoli li huma ta’ natura inġusta. L-evalwazzjoni tas-SOKiK hija bbażata fuq il-formulazzjoni tal-klawżola kkontestata u hija għaldaqstant indipendenti mill-mod li bih tintuża din il-klawżola fil-kuntratti partikolari (11). Is-SOKiK tista’, fost l-oħrajn, tkun adita minn kull konsumatur, kemm jekk dan ikun marbut bil-kuntratt kif ukoll jekk le, mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu għad-difiża tal-interessi tal-konsumaturi u kif ukoll mill-president tal-UOKiK (12).
27. Meta s-SOKiK tiddeċiedi fuq in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali fil-kuntest ta’ kontroll in abstracto, hija tirriproduċi fid-dispożittiv tad-deċiżjoni, skont l-Artikolu 47942(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, il-kontenut tal-klawżola kkontestata u tipprojbixxi l-użu tagħha. Id-deċiżjoni definittiva li tilqa’ t-talba tiġi mbagħad ippubblikata u l-klawżola meqjusa inġusta titniżżel fir-reġistru tal-klawżoli abbużivi li jinżamm mill-president tal-UOKiK. Skont il-Gvern Pollakk, meta klawżola titniżżel fir-reġistru, ma jkunx possibbli li din tiġi kkorreġuta jew li titneħħa mir-reġistru.
28. Il-kontroll amministrattiv huwa, skont il-Gvern Pollakk, marbut strettament mal-kontroll in abstracto, peress li jimplementa d-deċiżjonijiet tas-SOKiK. Fil-fatt, waqt il-kontroll amministrattiv, il-president tal-UOKiK jeżamina jekk il-klawżola kkontestata hijiex identika jew ekwivalenti għal klawżola kuntrattwali mniżżla fir-reġistru tal-klawżoli inġusti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kontenut tal-klawżola kkontestata u tal-effetti tagħha għall-konsumatur. Biex ikun hemm l-ekwivalenza, ma huwiex meħtieġ li l-kontenut tal-klawżoli pparagunati jkun identiku. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-klawżola kkontestata tikkorrispondi mal-każ tal-klawżola mniżżla f’dak ir-reġistru. Il-bejjiegħ jew fornitur li l-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali tiegħu jkunu s-suġġett ta’ kontroll amministrattiv ġeneralment ma għandux il-possibbiltà li jikkontesta n-natura inġusta tal-klawżola kkontestata, fiċ-ċirkustanzi partikolari, imma biss l-ekwivalenza tagħha għal klawżoli li jkunu diġà mniżżla fir-reġistru.
29. Meta l-president tal-UOKiK jikkonstata ksur tal-projbizzjoni prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 24(2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi (13), huwa jordna, permezz ta’ deċiżjoni, it-twaqqif tal-prattika li tippreġudika l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u, eventwalment, l-impożizzjoni ta’ multa fuq il-bejjiegħ jew fornitur skont il-punt 4 tal-Artikolu 106(1) ta’ din il-liġi.
30. Id-deċiżjonijiet tal-president tal-UOKiK huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju magħmul mis-SOKiK bħala qorti tal-ewwel istanza u mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili) bħala qorti tat-tieni istanza (14). Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan l-istħarriġ ġudizzjarju għandu bħala għan mhux li jeżamina n‑natura inġusta tal-klawżola kkontestata, imma biss l-ekwivalenza tagħha għal klawżoli oħra li jinsabu fir-reġistru tal-klawżoli inġusti.
2. Fuq il-portata tal-ewwel domanda preliminari
31. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li jeżistu dubji dwar l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 24(2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, u tal-Artikolu 47943 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili (15), li jqajmu diverġenzi kemm fil-ġurisprudenza kif ukoll fil-kummentarji. Skont il-qorti tar-rinviju, hemm żewġ teżijiet li jaffaċċjaw lil xulxin fuq dan is-suġġett.
32. Skont l-ewwel teżi, difiża mill-president tal-UOKiK, fil-kawża prinċipali, u li hija bbażata fuq qari litterali tal-Artikolu 47943 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili, id-deċiżjonijiet mogħtija mis-SOKiK fil-kuntest tal-kontroll in abstracto għandhom effett erga omnes fir-rigward ta’ kull bejjiegħ jew fornitur, malli jitniżżlu fir-reġistru tal-klawżoli inġusti (16) (iktar ’il quddiem l-“ewwel teżi ta’ interpretazzjoni”).
33. Skont it-tieni teżi, kif deskritta mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Pollakk, deċiżjoni tas-SOKiK li tikkonstata l-illegalità ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet penerali tikkonċerna biss il-klawżola konkreta kkonċernata mill-proċedura u torbot biss lill-partijiet fil-kawża.
34. Il-qorti tar-rinviju tqis li, biex jiġu interpretati korrettament id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, ħaġa li tiġġustifika t-talba għal deċiżjoni preliminari. B’mod iktar speċifiku, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, kif ukoll l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22, jipprekludux il-leġiżlazzjoni Pollakka applikabbli kif interpretata skont l-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni u, b’mod partikolari, jekk tali interpretazzjoni hijiex konformi mad-dritt fundamentali għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur.
35. Għalkemm fil-kuntest tal-proċedura mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, inkluż fuq l-għażla bejn iż-żewġ modi ta’ interpretazzjoni, u lanqas fuq il-kompatibbiltà tar-regoli ta’ dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, peress li dawn huma obbligi esklużivament tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi fuq ir-rinviju preliminari, għandha ġurisdizzjoni li tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettu lill-qorti nazzjonali tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt nazzjonali mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (17).
36. Infakkar, f’dan ir-rigward, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dak kollu fil-ġurisdizzjoni tagħha biex tinterpreta r-regoli nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll l-għan tad-dritt tal-Unjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u filwaqt li tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnha, sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-Direttiva 93/13 u tasal għal soluzzjoni konformi mal-għan intiż minnha (18).
37. Minkejja l-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, jidhirli li din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva 93/13 fl-intier tagħha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Karta, b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tagħha li jirrigwarda d-dritt għal smigħ. Infakkar, f’dan ir-rigward, li bl-għan li tipprovdi risposta utli għall-qorti li ressqet quddiemha domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ titwassal sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma għamlitx riferiment għalihom fid-domanda tagħha (19).
38. Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha tinftiehem, fil-fehma tiegħi, bħala li tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22 u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa fuq bejjiegħ jew fornitur li juża, fil-kuntratti tiegħu mal-konsumaturi, klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li jitqiesu ekwivalenti għall-klawżoli diġà meqjusa inġusti u mniżżla, minħabba f’hekk, f’reġistru pubbliku, minkejja li dan il-bejjiegħ jew fornitur ma pparteċipax fil-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fir-reġistru.
B – Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13
1. Rimarki ġenerali
39. Is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni (20). F’dan ir-rigward, l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw “mezzi adegwati u effettivi” biex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi (21) u li jipprovdu li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi, billi, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, itendu “li [j]issostitwixx[u] l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom” (22).
40. Ftit li xejn hemm dubju li sistema bħalma hija prevista mil-leġiżlazzjoni Pollakka hija adatta biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (23). Bl-għoti ta’ effett erga omnes lid-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ kontroll in abstracto u bil-fatt li tiġi permessa l-impożizzjoni ta’ multi sostanzjali (24) fuq il-bejjiegħa jew fornituri, tali sistema toħloq ostakolu effikaċi u rapidu għall-użu ta’ klawżoli meqjusa inġusti kif ukoll ta’ klawżoli simili li għandhom effett negattiv simili għall-konsumatur. Barra minn hekk, tali sistema tipprekludi l-evażjoni tal-leġiżlazzjoni permezz ta’ modifiki żgħar, ta’ natura redazzjonali u stilistika, tal-klawżoli diġà pprojbiti (25).
41. Kif isostni l-Gvern Pollakk, id-Direttiva 93/13 ma tipprovdix mudell partikolari li għandu jiġi applikat mill-Istati Membri sabiex jitwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti. Hija lanqas ma tippreċiża l-effett ġuridiku ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, peress li d-Direttiva hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jirreferi għaldaqstant għall-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri (26), u l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jawtorizza wkoll l-adozzjoni jew iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk previsti f’din id-direttiva (27). Madankollu minn dan ma jirriżultax li l-Istati Membri jgawdu libertà assoluta biex jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti applikabbli għall-klawżoli inġusti. Kif jirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu kompatibbli mat-trattat.
42. Issa, b’kuntrast ma’ dak li jsostni l-Gvern Pollakk, jidhirli li sistema bħalma hija dik irrakkomandata mid-difensuri tal-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni ma hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Karta. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’l isfel intiżi li jirrispondu għall-argumenti mressqa mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni.
2. Fuq l-evalwazzjoni konkreta u individwali tan-natura inġusta
a) Fuq l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13
43. Mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li n-natura inġusta ta’ klawżola li tkun tinsab fil-kuntratti ma’ konsumatur tiġi evalwata “billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu” (28).
44. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura inġusta, klawżola kuntrattwali ma tistax tkun iżolata mill-kuntest tagħha. Din l-evalwazzjoni, għaldaqstant, ma hijiex assoluta, imma pjuttost relattiva, inkwantu hija tiddependi fuq il-fatti partikolari li jirrigwardaw il-konklużjoni tal-kuntratt (29), inkluż l-effett kumulattiv tal-klawżoli kollha tal-kuntratt (30).
45. Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma tistax tippronunzja ruħha fuq l-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ klawżola inġusta għal klawżola partikolari li għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti nazzjonali (31).
46. Klawżola kuntrattwali tista’ għaldaqstant titqies li hija inġusta f’ċerti ċirkustanzi iżda ma tkunx hekk f’oħrajn (32), partikolarment fid-dawl tal-prezz imħallas mill-konsumatur (33). L-evalwazzjoni tan-natura inġusta tista’ wkoll tinbidel maż-żmien minħabba bdil tad-dritt applikabbli għall-kuntratt (34).
47. Evidentement, jeżistu klawżoli kuntrattwali manifestament inġusti, ħaġa li tiffaċilita l-evalwazzjoni li għandha tagħmel il-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, mingħajr madankollu ma titneħħa n-natura konkreta ta’ din l-evalwazzjoni. Tali klawżoli spiss ikunu jiksru wkoll ir-regoli imperattivi tal-liġijiet nazzjonali tal-konsumatur jew tal-kuntratti.
48. Deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li tikkonstata, b’mod ġenerali, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali jew in-nuqqas ta’ konformità ta’ din mar-regoli imperattivi jkollha evidentement, inkwantu preċedent, effetti indiretti sinjifikattivi fuq bejjiegħa jew fornituri oħra li jużaw, fil-kuntratti tagħhom mal-konsumaturi, klawżoli identiċi jew simili, fejn tali bejjiegħa jew fornituri jkollhom naturalment jistennew evalwazzjoni simili waqt xi stħarriġ ġudizzjarju li jirrigwarda l-kuntratti tagħhom. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tvarja minn kuntratt għall-ieħor skont iċ-ċirkustanzi partikolari u d-dritt applikabbli li jikkonċernaw il-kuntratt u l-klawżola kkonċernati.
49. Konsegwentement, sistema li tipprovdi, b’mod ġenerali, li n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali tkun stabbilita darba għal dejjem, waqt proċedura ġudizzjarja in abstracto, jidhirli li hija diffiċli, jekk mhux impossibbli, biex tkun irrikonċiljata mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, peress li dan tal‑aħħar jeżiġi li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tkun konkreta u bbażata fuq ċirkustanzi partikolari.
b) Fuq il-lista tal-klawżoli inġusti li jinsabu fl-anness tad-Direttiva 93/13
50. Id-Direttiva 93/13 tinkludi, fl-anness tagħha, lista li l-Artikolu 3(3) tagħha jikklassifika bħala “lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti” (35).
51. Il-Kummissjoni kienet oriġinarjament ipproponiet lista verament “sewda” tal-klawżoli meqjusa inġusti dejjem, imbagħad lista “griża” tal-klawżoli preżunti inġusti. Dan l-approċċ madankollu ma sabx is-sostenn tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li għadda biex għażel lista purament indikattiva (36). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “[k]lawżola li tidher hemmhekk ma għandhiex neċessarjament tiġi kkunsidrata bħala inġusta u [li], għall-kuntrarju, klawżola li ma tidhirx hemmhekk tista’ madankollu tiġi ddikjarata inġusta” (37).
52. L-għażla tal-leġiżlatur fir-rigward tan-natura tal-lista turi sewwa, fil-fehma tiegħi, id-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom fl-identifikazzjoni tal-klawżoli li jkunu dejjem inġusti, inkluż għal klawżoli bħalma huma dawk li jinsabu f’dik il-lista li jitqiesu li huma partikolarment problematiċi fir-rigward tal-iżbilanċ maħluq għad-detriment tal-konsumatur (38). Dan jimmanifesta ruħu wkoll fil-flessibbiltà li joffri t-test tal-lista (39).
c) Fuq il-possibbiltà li jiġu adottati listi nazzjonali tal-klawżoli inġusti skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13
53. Meta, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, Stat Membru “jadotta dispożizzjonijiet […] [li j]kun fihom listi ta’ termini tal-kuntratt [klawżoli kuntrattwali] li għandhom jitqiesu bħala inġusti”, huwa għandu, skont l-Artikolu 8a(1) ta’ din id-direttiva, l-obbligu li jinforma b’dan lill-Kummissjoni (40). B’kuntrast mal-lista indikattiva li tinsab fl-anness ta’ din id-direttiva, il-listi nazzjonali adottati skont l-Artikolu 8 jista’ jkollhom effett vinkolanti, kemm jekk huma “suwed” kif ukoll jekk huma “griżi” (41).
54. L-espressjoni “jadotta dispożizzjonijiet”, li tinsab fl-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 93/13, timplika madankollu, fil-fehma tiegħi, li tali lista nazzjonali għandha tkun stabbilita b’mod leġiżlattiv, jiġifieri b’liġi jew b’regoli amministrattivi adottati skont il-liġi. Il-mekkaniżmu stabbilit bl-Artikolu 8 u bl-Artikolu 8a(1) ta’ din id-direttiva jimplika għaldaqstant li l-leġiżlatur għandu jifformula bi preċiżjoni l-klawżoli pprojbiti jew preżunti inġusti billi, bir-reqqa, ibbilanċja l-interessi differenti u xi kultant opposti, u li l-imsemmija klawżoli għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni. Nirrileva li l-proċedura leġiżlattiva, li tista’ tinvolvi lill-partijiet interessati, ittendi min-natura tagħha għall-adozzjoni ta’ regoli ġenerali u astratti.
55. Issa, sistema bħalma hija dik proposta mid-difensuri tal-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni tawtorizza fil-fatt lill-qrati nazzjonali, iktar milli lil-leġiżlatur, sabiex jistabbilixxu, każ b’każ, lista “sewda” li abbażi tagħha jista’ jkun ippenalizzat l-użu ta’ klawżoli identiċi jew ekwivalenti. F’dan il-kuntest, il-klawżoli meqjusa inġusti jiddaħħlu waħda wara l-oħra fir-reġistru tal-klawżoli inġusti li fir-realtà huwa redatt mill-bejjiegħa jew fornituri. Minn dan jirriżulta ċar li tali sistema ma hijiex paragunabbli mal-adozzjoni tal-listi nazzjonali awtorizzati bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13.
56. Barra minn hekk, jidhirli li huwa diffiċli li tali sistema tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta u li jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jirreprimuh (42).
57. Fid-dawl tan-numru sinjifikattiv u dejjem jikber tal-iskrizzjonijiet fir-reġistru tal-klawżoli inġusti (43), din is-sistema tqajjem ukoll dubji fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (44), fejn il-bejjiegħa jew fornituri bilfors ikollhom diffikultajiet biex jidentifikaw is-sitwazzjoni legali li fiha huma jaġixxu u biex jipprevedu l-konsegwenzi. Dawn id-dubji huma partikolarment serji għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jiġi ssanzjonat l-użu ta’ klawżoli li huma biss “ekwivalenti” għall-klawżoli mniżżla fir-reġistru (45).
3. Fuq id-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur
58. Marbuta mill-qrib mal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, dwar l-evalwazzjoni konkreta tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, hija l‑kwistjoni tad-dritt ta’ bejjiegħ jew fornitur li jirrifjuta n-natura inġusta tal-klawżoli li huwa juża fi-kuntratti mal-konsumaturi.
59. Minn qari a contrario sensu tal-Artikolu 3(1) ta-Direttiva 93/13 jirriżulta li klawżola kuntrattwali ma titqiesx li hija inġusta jekk hija kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali (46). F’dan ir-rigward, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-bejjiegħ jew fornitur li jippretendi li klawżola standardizzata kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali. Minn dan niddeduċi li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-bejjiegħ jew fornitur, bħala minimu, id-dritt li juri li l-klawżola kkontestata kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali u li, konsegwentement, ma hijiex inġusta, fil-każ partikolari, fis-sens ta’ din id-direttiva.
60. Id-dritt tal-bejjiegħ jew fornitur, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13, li jipprovdi argumenti u provi biex jeħles mill-oneru tal-prova, jidhirli li jifforma parti mid-dritt iktar ġenerali u iktar wiesa’ li joħroġ mill-Artikolu 47 tal-Karta, li fid-dawl tiegħu għandhom jinqraw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 (47).
61. L-Artikolu 47 tal-Karta jiggarantixxi lil kull persuna (48), fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta (49), id-dritt għal smigħ, kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll matul il-proċedura ġudizzjarja (50). Skont kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dritt jinkludi l-possibbiltà għal persuni kollha li jesprimu ruħhom, b’mod utli u effettiv, l-opinjoni tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li għandha mnejn taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhom, sakemm l-awtorità kompetenti tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-informazzjoni rilevanti kollha (51). Dan japplika, evidentement, għal deċiżjoni li timponi sanzjoni pekunjarja fuq bejjiegħ jew fornitur.
62. Fil-kuntest ta’ stħarriġ ġudizzjarju bħalma huwa dak imsemmi fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, id-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur iservi żewġ funzjonijiet distinti. Fl-ewwel lok, huwa jagħti lill-bejjiegħ jew fornitur il-possibbiltà li jipprova li ċ-ċirkustanzi partikolari li jirrigwardaw il-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat kienu differenti minn dawk diġà evalwati fil-proċedura preċedenti li stabbilixxiet in-natura inġusta ta’ klawżola identika jew ekwivalenti. Fit-tieni lok, id-dritt għal smigħ jagħti lill-bejjiegħ jew fornitur il-possibbiltà li jinvoka motivi, kemm jekk ta’ natura fattwali jew legali, li ma jkunux ġew invokati, indipendentement mir-raġuni għal dan, waqt il-proċedura preċedenti in abstracto, u li jikkorreġi żbalji mwettqa matul din il-proċedura (52).
63. Minn dan nikkonkludi li d-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur fil-kuntest tad-direttiva 93/13 ma jistax ikun limitat għall-punt dwar jekk il-klawżola kkontestata kinitx suġġetta għal negozjati individwali, imma għandu jinkludi kull element rilevanti għall-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola (53). Għaldaqstant, il-bejjiegħ jew fornitur għandu jkollu wkoll il-possibbiltà li jipprova li l-klawżola kkontestata ma toħloqx, fiċ-ċirkustanzi partikolari, żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur, billi juri, b’mod partikolari, li l-effett dannuż ta’ din il-klawżola huwa bbilanċjat bi klawżoli oħrajn tal-istess kuntratt jew mill-prezz imnaqqas imħallas mill-konsumatur (54).
64. Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Pollakk, jidhirli li sistema bħal dik li tirriżulta mill-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni biżżejjed id-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur, peress li dan tal-aħħar ma għandux il-possibbiltà, la matul il-kontroll amministrattiv u lanqas matul l-istħarriġ ġudizzjarju quddiem is-SOKiK u s-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili), li jinvoka l-assenza, fiċ-ċirkustanzi partikolari, tan-natura inġusta tal-klawżola kkontestata u li jġib prova ta’ dan (55). Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, dawn il-proċeduri ma għandhomx bħala suġġett il-kontroll tan-natura inġusta tal-klawżola kkontestata nnifisha, imma biss l-ekwivalenza għal klawżoli li jinsabu fir-reġistru tal-klawżoli inġusti.
65. Għalkemm, kif isostni l-Gvern Pollakk, ma jistax jiġi eskluż li l-qrati nazzjonali, meta jeżaminaw l-ekwivalenza bejn il-klawżola kkontestata u dik li tinsab fir-reġistru tal-klawżoli abbużivi, jikkunsidraw il-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 (56), xorta waħda jibqa’ l-fatt li din l-evalwazzjoni, fi kwalunkwe każ, għandha l-għan biss li tistabbilixxi l-istat identiku jew l-ekwivalenza taż-żewġ klawżoli (57) u li l-bejjiegħ jew fornitur ma jistax jikkontesta n-natura inġusta nnifisha tal-klawżola kkontestata billi jirreferi għaċ-ċirkustanzi partikolari, inkluż in-negozjati individwali tal-klawżola kkontestata, jew għall-argumenti ġodda li ma ġewx invokati waqt il-kontroll in abstracto. F’tali sistema, id-dritt tal-bejjiegħ jew fornitur previst fl-Artikolu 47 tal-Karta huwa suġġett, għaldaqstant, għal restrizzjonijiet sinjifikattivi (58).
66. B’mod parallel, il-kompetenza tal-qorti li tagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju hija limitata kunsiderevolment, ħaġa li tqajjem minnha nfisha kwistjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta li jeżiġi “rimedju effettiv” (59). Barra minn hekk, tali sistema tippreġudika wkoll id-dritt tal-konsumatur li jirrinunzja għan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ klawżola inġusta (60).
67. Ċertament, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, id-dritt għal smigħ jista’ jinvolvi restrizzjonijiet sakemm dawn jikkorrispondu b’mod effettiv għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (61). F’dan ir-rigward, il-Gvern Pollakk isostni, fil-fehma tiegħi b’mod korrett, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija intiża li twaqqaf, malajr u b’mod effettiv, l-użu ta’ klawżoli illegali fid-diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jseħħu fis-suq u li tevita pluralità ta’ proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw klawżoli ekwivalenti ta’ kundizzjonijiet ġenerali użati mid-diversi bejjiegħa jew fornituri (62).
68. Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet, għalkemm ċertament li huma validi, ma jistgħux jiġġustifikaw, fil-fehma tiegħi, ir-restrizzjoni partikolarment serja tad-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur li tirriżulta mill-Artikolu 47943 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili u mill-punt 1 tal-Artikolu 24(2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-konsumaturi, kif interpretati skont l-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni, fid-dawl, ukoll, tan-natura mhux negliġibbli tal-multi li jistgħu jiġu imposti fuq il-bejjiegħ jew fornitur skont il-punt 4 tal-Artikolu 106(1) ta’ din il-liġi (63).
69. In-natura definittiva tal-inklużjoni tal-klawżoli fir-reġistru tal-klawżoli inġusti tikkorrobora wkoll il-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kif interpretata skont l-ewwel teżi ta’ interpretazzjoni, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (64).
70. Kif tafferma l-Kummissjoni, jidher li jeżistu miżuri alternattivi li jiffaċilitaw protezzjoni effikaċi tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti filwaqt li jiggarantixxu d-dritt għal smigħ tal-bejjiegħ jew fornitur. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux ikunu preklużi milli jimplementaw miżuri li jistabbilixxu preżunzjoni tan-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali (65), li l-użu tagħhom jista’ jkun issanzjonat, sakemm il-bejjiegħ jew fornitur ma jurix, matul il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja, li ma humiex hekk fiċ-ċirkustanzi partikolari billi jipprova, partikolarment, li dawn kienu s-suġġett ta’ negozjati individwali.
71. Barra minn hekk, l-assenza ta’ effett erga omnes ma jfissirx li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali ma jkollhiex effett dissważiv, inkwantu bejjiegħa jew fornituri oħrajn ikollhom it-tendenza li jieqfu jużaw il-kundizzjonijiet analogi (66).
C – Fuq l-azzjonijiet kollettivi għall-waqfien
1. Fuq l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 93/13
72. Kif tafferma l-Kummissjoni, id-Direttiva 93/13 tippermetti, skont l-Artikolu 7(2) u (3) tagħha, azzjonijiet kollettivi għall-waqfien li effettivament imorru lil hinn mir-relazzjoni kuntrattwali fis-sens li huma indipendenti minn kull kunflitt individwali u jistgħu jiġu introdotti mill-persuni u l-organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi (67). Kif tindika l-espressjoni “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7” li tinsab fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2) tal-istess direttiva huma ta’ natura komplementari fir-rigward tal-azzjonijiet individwali (68).
73. L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jipprovdi għal kontroll in abstracto ta’ natura preventiva u dissważiva (69) li huwa intiż li jiddetermina “jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti” filwaqt li l-Artikolu 7(3) tal-istess direttiva jippermetti li l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2) ta’ din tal-aħħar jistgħu jkunu diretti, b’mod separat jew b’mod konġunt, kontra diversi bejjiegħa jew fornituri tal-istess settur jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom.
74. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-azzjonijiet individwali u kollettivi għandhom, fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 “għanijiet u effetti legali differenti” (70). Barra minn hekk, skont it-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13, l-azzjonijiet kollettivi ma jimplikawx “verifika minn qabel tal-kondizzjonijiet ġenerali eżistenti f’setturi ekonomiċi individwali”. Minn dan niddeduċi li l-kontroll ex ante magħmul fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva ma jistax jippreġudika l-kontroll ex post magħmul fil-kuntest ta’ azzjoni individwali li jikkonċerna partijiet oħrajn (71), ħaġa li teskludi effettivament li l-effetti tad-deċiżjonijiet meħudin fi tmiem l-azzjonijiet kollettivi jiġu estiżi għall-bejjiegħa jew fornituri li ma pparteċipawx fil-proċedura (72).
75. Din il-konklużjoni hija msaħħa b’fattur ieħor li huwa l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13. Għaldaqstant, ma jagħmilx sens, fil-fehma tiegħi, li tiġi permessa l-introduzzjoni ta’ proċeduri bejn ħafna partijiet, skont dan il-paragrafu, jekk id-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-azzjonijiet kollettivi msemmija fl-Artikolu 7(2) tal-istess direttiva kienu jorbtu diġà b’mod vinkolanti lil kull bejjiegħ jew fornitur. Ix-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva jimmilita wkoll favur l-interpretazzjoni li d-deċiżjonijiet meħudin matul l-azzjonijiet kollettivi għall-waqfien imsemmija fl-Artikolu 7(2) u (3) jorbtu biss lill-partijiet fl-azzjoni kollettiva partikolari (73).
76. Ċertament, għal dak li jikkonċerna l-klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li rarament ikunu s-suġġett ta’ negozjati individwali, l-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva u azzjoni individwali, rispettivament, tkun spiss simili, jekk mhux identika, minkejja li l-partijiet tal-azzjonijiet ma jkunux l-istess. Konsegwentement, id-deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva tikkostitwixxi preċedent b’saħħtu għall-evalwazzjoni li għandha ssir matul azzjoni individwali sussegwenti li tirrigwarda klawżola identika jew ekwivalenti u tista’ wkoll toħloq preżunzjoni fir-rigward tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-bejjiegħ jew fornitur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura kollettiva ma għandux ikun imċaħħad mill-possibbiltà, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13 u l-Artikolu 47 tal-Karta, li jirrifjuta tali preżunzjoni fil-kuntest tal-azzjoni individwali.
2. Fuq il-portata tas-sentenza Invitel
77. Kif jenfasizzaw il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242), li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva, ma jipprekludix li jiġi estiż l-effett tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali fil-kuntest ta’ azzjoni għall-waqfien ikkontemplata fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva “fir-rigward tal-konsumaturi kollha li jkunu kkonkludew, mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, kuntratt li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess [kundizzjonijiet ġenerali], inkluż fir-rigward tal-konsumaturi li ma kinux parti fil-proċedura għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni” (74).
78. Dan ir-riżultat ftit li xejn huwa sorpriża, u pjuttost huwa l-korollarju tan-natura u l-għan tal-azzjonijiet kollettivi għall-waqfien. Meta klawżola kuntrattwali tkun ġiet iddikjarata nulla u pprojbita fil-kuntest ta’ azzjoni għall-waqfien, irid jiġi żgurat evidentement li l-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat ma għadux juża l-istess kundizzjonijiet ġenerali, inkluż il-klawżola meqjusa inġusta, f’ebda wieħed mill-kuntratti tiegħu. Jekk le, l-azzjonijiet għall-waqfien previsti fl-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 93/13 ikunu mċaħħda mill-effett utli tagħhom.
79. Fil-punt 40 tas-sentenza Invitel, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ġustament li l-applikazzjoni ta’ sanzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta fir-rigward tal-konsumaturi kollha li, mal-bejjiegħ jew fornitur, ikkonkludew kuntratt ta’ konsum li fir-rigward tiegħu japplikaw l-istess kundizzjonijiet ġenerali “tiggarantixxi li dawn il‑konsumaturi ma jkunux marbuta bl-imsemmija klawżola” (75), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant għamlet riferiment għal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li jimponi fuq l-Istati Membri, skont kliem il-Qorti tal-Ġustizzja li “jisiltu l-konsegwenzi kollha” li jirriżultaw skont il-liġi nazzjonali, minn konstatazzjoni dwar in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali, sabiex il-konsumaturi ma jkunux marbuta bl-imsemmija klawżola (76).
80. Fil-fehma tiegħi, ftit li xejn hemm dubju li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għall-każ preżenti.
81. Fil-motivazzjoni tal-konklużjoni tagħha, fis-sentenza Invitel (77), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment espliċitu għall-punti 57 sa 61 tal-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali li, min-naħa tiegħu, esprima “oġġezzjonijiet serji” fir-rigward tal-effett erga omnes fil-konfront tal-bejjiegħa jew fornituri li ma pparteċipawx fil-proċedura tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkontestata, preokkupazzjonijiet li jiena naqbel magħhom kompletament (78).
82. Barra minn hekk, il-kwistjoni li kellha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, jiġifieri l-estensjoni tas-sanzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta fir-rigward tal-konsumaturi li kkonkludew mal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat kuntratt ta’ konsum li għalih japplikaw l-istess kundizzjonijiet ġenerali, kienet manifestament differenti minn dik imressqa mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, li tirrigwarda l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji fuq il-bejjiegħa jew fornituri li ma pparteċipawx fil-proċedura ta’ kontroll in abstracto.
83. Għalhekk, ma jidhirlix li interpretazzjoni wiesgħa tal-portata tas-sentenza Invitel (79), b’mod li tkopri leġiżlazzjoni li tipprevedi li jkun hemm effett erga omnes fir-rigward ta’ kull bejjiegħ jew fornitur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura, hija ġġustifikata u hija, fi kwalunkwe każ, ftit li xejn konformi mad-drittijiet fundamentali tal-bejjiegħ jew fornitur (80).
3. Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/22
84. L-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13 li jiena nipproponi ma tistax tkun affettwata mill-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22, li għalihom għamlet riferiment il-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha.
85. Id-Direttiva 2009/22 li tirrigwarda l-azzjonijiet kollettivi ta’ inibizzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi għandha l-għan li tiżgura l-effett sħiħ ta’ ċertu numru ta’ direttivi, inkluża d-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari, li tiġġieled il-ksur fi ħdan l-Unjoni (81).
86. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2009/22 jimponi fuq l-Istati Membri biex jinnominaw il-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi kollettivi ppreżentati mill-entitajiet ikkwalifikati fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intiżi, inter alia, li jwaqqfu kull att li jmur kontra d-Direttiva 93/13, sabiex jiksbu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew ta’ stqarrija korrettiva u sabiex jikkundannaw lill-konvenut tellief sabiex iħallas somma lit-teżor pubbliku jew lill kull benefiċjarju nominat mid-dritt nazzjonali, f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.
87. Għal dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn id-Direttiva 2009/22 u d-Direttiva 93/13, l-ewwel waħda hija komplementari fir-rigward tal-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 93/13 li jirrigwardaw ukoll l-azzjonijiet għall-waqfien (82).
88. Jien ma nara ebda indikazzjoni, la fit-test tad-Direttiva 2009/22 u lanqas fix-xogħol preparatorju tagħha (83), fis-sens li l-Istati Membri huma awtorizzati jagħtu lid-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-azzjonijiet imsemmija f’din id-direttiva effett erga omnes fil-konfront tal-bejjiegħa jew fornituri li ma jkunux ipparteċipaw fil-proċedura għall-waqfien. Kieku dan kien il-każ, id-Direttiva 2009/22 tiġi tisboq is-sistema stabbilita mid-Direttiva 93/13, li din l-ewwel direttiva hija intiża li tikkompleta, ħaġa li wieħed ma jistax jippreżumi fin-nuqqas ta’ rieda espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni.
89. L-emendar tad-dritt tal-Unjoni b’mod li jippermetti lill-Istati Membri jestendu l-effetti tad-deċiżjonijiet li jiddikjaraw klawżola kuntrattwali bħala inġusta fir-rigward ta’ “kuntratti analogi”, ġie madankollu ttrattat taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni (84). Issa, dan ma jagħmilx ħlief jikkonferma li tali soluzzjoni ma hijiex possibbli fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri fil-kuntest tad-direttivi 93/13 u 2009/22.
V – Konklużjoni
90. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie VI Wydział Cywilny (qorti tal-appell ta’ Varsavja, sezzjoni ċivili, il-Polonja) kif ġej:
Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/13/KE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ multa fuq il-bejjiegħ jew fornitur li, fil-kuntratti mal-konsumatur tiegħu, juża klawżoli ta’ kundizzjonijiet ġenerali li jitqiesu li huma ekwivalenti għall-klawżoli diġà meqjusa inġusti u diġà mniżżla, minħabba f’hekk, f’reġistru pubbliku, meta dan il-bejjiegħ jew fornitur ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fir-reġistru.