Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Parma (l-Italja) fit-30 ta’ Ottubru 2020 – Casa di Cura Città di Parma SpA vs Agenzia delle Entrate

(Kawża C-573/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Commissione tributaria provinciale di Parma

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Casa di Cura Città di Parma SpA

Konvenuta: Agenzia delle Entrate

Domandi preliminari

Jeżisti kunflitt bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali u d-dritt [tal-Unjoni Ewropea], u, b’mod iktar speċifiku, bejn, il-ħames paragrafu tal-Artikoli 19 u l-Artikolu 19a tad-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 633/72 (jiġifieri l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-mekkaniżmu msejjaħ ‘pro-rata ta’ nuqqas ta’ tnaqqis tal-VAT’) u l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 388/77/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977 1 ?

L-inugwaljanza fit-trattament li teżisti bejn l-operaturi Taljani attivi fis-settur tas-saħħa, li huma meqjusa bħala “konsumaturi finali” (li fuqhom hija imposta l-VAT) u l-operaturi ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea attivi fis-settur tas-saħħa (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza u Spanja) li huma meqjusa bħala “operaturi intermedjarji” (li għandhom dritt għal tnaqqis tal-VAT) [hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea]?

Teżisti inugwaljanza fit-trattament fir-rigward tas-sistema tal-VAT bejn l-Istati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea ġaladarba, minflok l-eżenzjoni mill-VAT applikata fl-Italja, fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza u Spanja), l-istess servizzi mediċi-sanitarji huma suġġetti għall-VAT, fatt li jwassal sabiex servizzi mediċi-sanitarji identiċi jikkorrispondu għal rati differenti tal-VAT u, minħabba dan il-fatt, għal dritt għal tnaqqis differenti?

L-inugwaljanza eżistenti bejn l-operaturi Taljani attivi fis-settur tas-saħħa (inkluża l-Casa di Cura Città di Parma) u l-operaturi tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza u Spanja) inkonnessjoni mal-issuġġettar għall-VAT ta’ servizzi mediċi-sanitarji ta’ dawn tal-aħħar u, konsegwentement, b’differenza mill-operaturi l-oħra attivi fis-settur tas-saħħa, mad-dritt konness għal tnaqqis u/jew rimbors tal-VAT imħallsa fuq l-akkwisti [hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea?

____________

1     Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).