Language of document : ECLI:EU:F:2009:30

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

2 ta’ April 2009 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Għażla tal-proċedura – Kap ta’ rappreżentanza – Pożizzjoni vakanti – Kollokament fl-interess tas-servizz – Nuqqas ta’ kompetenza – Kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ kollokament”

Fil-Kawża F-128/07,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA,

Andreas Menidiatis, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Rhode-Saint-Genèse (il-Belġju), irrappreżentat minn S. A. Pappas, avocat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Berscheid u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

kompost minn H. Kanninen, President, H. Kreppel u S. Van Raepenbusch (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors ippreżentat quddiem ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-31 ta’ Ottubru 2007 permezz ta’ faks (l-oriġinal ġie ppreżentat fis-7 ta’ Novembru ta’ wara), A. Menidiatis jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006 li tiċħad il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni vakanti ta’ kap tar-rappreżentanza tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej f’Ateni (il-Greċja) u li nnominat lis-Sinjur P. għal din il-pożizzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-kollokament fl-interess tas-servizz

2        Skont l-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”):

“L-uffiċjali għandhom ikunu assenjati wieħed mill-istati amministrattivi li ġejjin :

a)      mpieg attiv;

(b)      sekondar [kollokament];

(ċ)      leave fuq raġunijiet personali;

(d)      stat mhux attiv;

(e)      leave għal servizz militari

(f)      vakanzi parentali jew vakanzi tal-familja.”

3        L-Artikolu 36 tar-Regolamenti jipprovdi:

“Uffiċjal f’impieg attiv huwa wieħed li jwettaq id-dmirijiet tiegħu marbutin mal-post li għalih kien maħtur jew assenjat temporanjament taħt il-kondizzjonijiet fit-Titolu IV.”

4        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Uffiċjal sekondat [kollokat] huwa uffiċjal stabbilit li, bid-deċiżjoni ta’ l-awtorità tal-ħatra:

a)      kien idderiġit fl-interessi tas-servizz :

–        biex iservi temporanjament f’post barra l-istituzzjoni tiegħu;

jew

–        li temporanjament [j]assisti persuna li żżomm uffiċċju pprovdut fit-Trattati jew il-President elett ta’ waħda mill-istituzzjonijiet jew organi tal-Komunitajiet, jew wieħed mill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew il-Kumitat tar-Reġjun [tal-Unjoni Ewropea], jew grupp fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

–        biex iservi temporanjament f’post li huwa nkluż fil-lista ta’ postijiet iffinanzjati mill-approprijazzjonijiet tar-riċerka u investiment u li l-awtoritajiet tal-buDĠet ikklassifikaw bħala temporanji;

[…]”

5        Skont l-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Sekondar [kollokament] fl-interessi tas-servizz għandha tkun regolata mir-regoli li ġejjin:

a)      id-deċiżjoni fuq is-sekondar għandha tittieħed mill-awtorità tal-ħatra wara li jinstema’ l-uffiċċjal ikkonċernat;

b)      it-tul ta’ żmien tas-sekondar għandu jkun stabbilit mill-awtorità tal-ħatra;

c)      fl-aħħar ta’ kull sitt xhur, l-uffiċjal ikkonċernat jista’ jitlob li dan is-sekondar jintemm;

d)      uffiċjal sekondat skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 37(a) huwa ntitolat għal pagament differenzali fejn ir-remunerazzjoni totali li jġorr il-post li għalih huwa sekondat hija anqas minn dik li jġorr il-grad tiegħu u l-iskala fl-istituzzjoni ewlenija; huwa għandu l-istess ikun intitolat għal rifużjoni ta’ l-ispejjeż addizzjonali kollha marbutin mas-sekondar tiegħu;

e)      uffiċjal sekondat skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 37(a) għandu jkompli jħallas il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni bbażati fuq il-paga ta’ mpieg attiv li jġorr il-grad tiegħu u l-iskala ta’ l-istituzzjoni ewlenija tiegħu;

f)      uffiċjal sekondat għandu jżomm postu, id-dritt tiegħu għall-avvanzament għal skala ogħla u l-eliġibilita’ tiegħu għal promozzjoni;

g)      meta s-sekondar tiegħu tispiċċa uffiċjal għandu minnufih jerġa’ jmur lura fil-post li qabel kien okkupat minnu.”

6        Fl-aħħar nett, it-tabella tal-awtoritajiet tal-ħatra għall-persunal irremunerat mill-baġit amminstrattiv, li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Ġunju 2005, emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006)2318, tat-13 ta’ Ġunju 2006, dwar l-eżerċizzju tal-poteri mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (Kondizzjonijiet tal-impjieg) lill-awtorità awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (ippubblikata fl-Avviżi Amministrattivi Nru 47‑2005 tal-24 ta’ Ġunju 2005, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra”, tipprovdi, b’mod partikolari, fil-punt 5 tal-Parti III “Żvolġiment tal-karriera”, fir-rigward tal-kollokament fl-interess tas-servizz :

“Għall-[k]ap tal-kabinett, għall-[v]iċi-kap tal-kabinett u għall-[k]ap tar-rappreżentanza: din is-setgħa [ta’ ħatra] hija ddelegata lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-persunal u l-amministrazzjoni, bi ftehim mal-president, fil-każ ta’ kollokament ma’ membru tal-Kummissjoni. Id-Direttorat-Ġenerali tal-oriġini għandu jiġi informat.” [verżjoni mhux uffiċjali]

 Id-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju

7        Fit-28 ta’ April 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2004)1597, dwar il-persunal ta’ grad medju, ippubblikata fl-Avviżi Amministrattivi Nru 73‑2004 tat-23 ta’ Ġunju 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju”)

8        L-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju jipprovdi:

“Funzjonijiet u persunal tal-grad medju

Funzjoni ta’ grad medju hija ddefinita skont iż-żewġ kriterji kumulattivi:

–        tkun tikkonsisti fit-tmexxija permanenti u kontinwa ta’ unità tal-amministrazzjoni,

–        tkun inkluża fl-organigramma uffiċjali tal-Kummissjoni.

Għaldaqstant, persuna li tissodisfa dawn iż-żewġ kriterji kumulattivament, tkun tagħmel parti mill-persunal tal-grad medju.

Konsegwentement, il-funzjonijiet ta’ kap ta’ unità, kap ta’ delegazzjoni […], kap ta’ uffiċċju jew ta’ rappreżentanza fl-Istati Membri kif ukoll ta’ viċi-kap ta’ delegazzjoni fil-livell AD 13/AD 14 […] huma funzjonijiet ta’ grad medju […], irregolati bid-deċiżjoni preżenti.

Dawn il-pożizzjonijiet għandhom jimtlew jew fil-grad AD 9/AD 12, jew fil-gradi AD 13/AD 14.” [verżjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 14(2) tad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju tipprovdi kif ġej:

“Kapijiet ta’ uffiċċji jew ta’ rappreżentanzi fl-Istati Membri

2.1 Selezzjoni

L-intervisti finali pprovduti fil-punt 3 tal-Artikolu 8(1), u fl-Artikolu 10(1) għandhom isiru mid-Direttur-Ġenerali tal-istampa u tal-komunikazzjoni, mid-Direttur-Ġenerali tal-persunal u mis-Segretarju-Ġenerali jew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, minn relatur maħtur (ara l-punt 3 tal-Artikolu 8(1)).

2.2 Ħatra

Għall-impjiegi fil-grad AD 9/AD 12, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tkun id-Direttur-Ġenerali tal-istampa u l-komunikazzjoni.

Għall-impjiegi fil-grad AD 13/AD 14, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tkun id-Direttur-Ġenerali tal-istampa u l-komunikazzjoni, bi ftehim mal-president u mal-membri tal-Kummissjoni responsabbli għall-persunal u għall-istampa u l-komunikazzjoni.

[…]” [verżjoni mhux uffiċjali]

10      Il-punt 9.2 tal-Gwida Amministrattiva, tal-10 ta’ Diċembru 2004, dwar ir-rwol, il-funzjonijiet, is-selezzjoni u l-ħatra tal-persunal ta’ grad medju tal-Kummissjoni (A*9/A*12 u A*13/A*14, iktar ’il quddiem il-“Gwida Amministrattiva”), jipprovdi kif ġej:

“Selezzjoni : l-intervisti finali mal-kapijiet ta’ uffiċċji jew ta’ rappreżentanzi fl-Istati Membri għandhom isiru mid-Direttur-Ġenerali tal-istampa u l-komunikazzjoni, mid-Direttur-Ġenerali tad-DĠ ADMIN, mis-Segretarju-Ġenerali jew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, minn relatur maħtur […].

Ħatra: għall-impjiegi fil-grad AD 9/AD 12, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tkun id-Direttur-Ġenerali tal-istampa u l-komunikazzjoni.

Għall-impjiegi fil-grad AD 13/AD 14, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tkun id-Direttur-Ġenerali tal-istampa u l-komunikazzjoni, bi ftehim mal-president u mal-membri tal-Kummissjoni responsabbli għall-persunal u għall-istampa u l-komunikazzjoni.” [verżjoni mhux uffiċjali]

 Id-deċiżjoni dwar il-proċeduri relatati mal-ħatra ta’ pożizzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza

11      Il-Kummissjoni adottat ukoll, fis-7 ta’ Lulju 2004, id-Deċiżjoni C(2004)2662 dwar il-proċeduri relatati mal-ħatra ta’ pożizzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-kap ta’ rappreżentanza”), li l-Artikolu 1 tagħha jipprovdi:

“Il-pożizzjonijiet ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni fl-Istati Membri għandhom jimtlew jew bil-kollokament ta’ uffiċjal (skont [it-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 37) u tal-Artikolu] 38 tar-Regolamenti tal-Persunal), jew bir-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju bil-kuntratt [skont l-Artikolu 2(ċ)] tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, fil-grad A*/AD 12).” [verżjoni mhux uffiċjali]

12      Il-proċedura applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ kollokament ta’ uffiċjal bħala kap ta’ rappreżentanza ġiet stabbilita mid-Direttur-Ġenerali tad-Direzzjoni-Ġenerali (DĠ) “Persunal u amministrazzjoni” permezz ta’ noti tal-20 ta’ April u tas-26 ta’ Mejju 2005. Din il-proċedura tinkludi l-istadji li ġejjin:

“–      Ħatra ta’ relatur mid-DĠ [‘Persunal u amministrazzjoni’];

–        trażmissjoni tal-kandidaturi lid-DĠ [‘Komunikazzjoni’];

–        proċedura ta’ preselezzjoni, adozzjoni ta’ lista qasira;

–        intervista mad-Direttur-Ġenerali tad-DĠ [‘Komunikazzjoni’] u mar-relatur;

–        trażmissjoni tar-rapport ta’ selezzjoni lid-DĠ [‘Persunal u amministrazzjoni’; d]an ir-rapport għandu jinkludi l-fażi ta’ preselezzjoni, għażla ta’ lista qasira;

–        proċedura bil-miktub tal-[kumitat konsultattiv tal-ħatra (KKĦ)];

–        għażla finali tad-Direttur-Ġenerali tad-DĠ [‘Komunikazzjoni’];

–        proċedura semplifikata (ftehim tal-[k]abinetti tal-[p]resident, kif ukoll tal-[v]iċi-[p]resident Wallström u tal-[v]iċi-[p]resident Kallas);

–        deċiżjoni tal-[v]iċi-[p]resident Kallas.” (traduzzjoni mill-Ingliż) [verżjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

13      Fid-9 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2006/961, intiż għall-kollokament ta’ uffiċjal jew għar-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni fil-Greċja.

14      Dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Il-pożizzjoni hija miftuħa għall-uffiċjali u membri tal-persunal temporanju tal-grupp ta’ funzjonijiet A* li huma attwalment impjegati mal-Kummissjoni fid-data tal-għeluq tal-kandidaturi. Il-kandidati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni li ġejjin:

1. ikollhom minn tal-inqas għaxar snin ta’ esperjenza professjonali [postuniversitarja] preferibbilment fil-qasam tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni, tal-istampa jew/u tal-affarijiet politiċi u ekonomiċi, inkluż minn tal-inqas ħames snin fi rwol ta’ koordinament u/jew f’kuntest ta’ tim.

2. ikollhom għarfien sod tal-Grieg, miktub u mitkellem, u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea. Għarfien tajjeb tal-Franċiż u/jew tal-Ingliż ikun ta’ vantaġġ.

Il-funzjonijiet ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni għandhom jimtlew jew bil-kollokament ta’ uffiċjal (skont [it-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 37 u tal-Artikolu] 38 tar-Regolamenti tal-Persunal), jew bir-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju bil-kuntratt [skont l-Artikolu 2(ċ)] tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fil-grad A* 12. It-terminu tal-mandat inizjali [...] ser ikun ta’ tliet snin, u jkun jista’ jiġġedded darba għal perijodu ta’ mhux iktar minn sentejn.

Jekk il-kandidat magħżul huwa uffiċjal fi grad sostanzjali ogħla mill-grad A*12, huwa għandu jkun sekondat bil-grad u l-iskala attwali tiegħu.” [verżjoni mhux uffiċjali]

15      Ir-rikorrent kif ukoll ħdax-il kandidati oħra ppreżentaw il-kandidatura tagħhom għall-pożizzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ateni. Matul l-ewwel fażi ta’ selezzjoni, wara li kienu ġew eżaminati l-fajls tal-kandidaturi, bord tal-preselezzjoni għażel seba’ minn dawn il-kandidati sabiex jiġu mistiedna għall-intervista ta’ preselezzjoni. L-isem tar-rikorrent ma kienx fost il-kandidati magħżula.

16      L-intervisti preliminari mal-bord ta’ preselezzjoni saru fil-15 u fit-18 ta’ Mejju 2006. Mis-seba’ kandidati intervistati, il-bord ippropona lid-Direttur-Ġenerali tad-DĠ “Komunikazzjoni” li jagħżel erba’ minn fost dawn il-kandidati sabiex jiġu mistiedna għall-intervisti finali.

17      L-erba’ kandidati li ntgħażlu ġew mistiedna għall-intervista ma’ bord ta’ selezzjoni, kompost mis-Sinjur Sørensen, Direttur-Ġenerali tad-DĠ “Komunikazzjoni”, mis-Sinjur K., bħala relatur, u mis-Sinjur R., bħala segretarju. L-intervisti saru fis-7 ta’ Lulju 2006.

18      Matul l-intervisti finali, is-Sinjur P. kiseb marka ta’ 82/100 u t-tliet kandidati l-oħra kisbu rispettivament 65/100, 69/100 u 74/100.

19      Il-kumitat konsultattiv tal-ħatra, fl-avviż tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2006, wasal għall-konklużjoni li, “fid-dawl tal-kandidatura ta’ kull kandidat skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 u l-Artikolu 38] u tal-fajl personali tagħhom, il-kandidaturi tas-Sinjuri Y., K. u P. jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni”. Madankollu, huwa kkunsidra li l-“kandidatura tas-Sinjur P. għandha tingħata attenzjoni partikolari”.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sinjur Kallas, tal-20 ta’ Diċembru 2006, is-Sinjur P. ġie sekondat fl-interess tas-servizz bħala kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ateni, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, għal terminu ta’ tliet snin. Permezz tal-istess deċiżjoni, is-Sinjur P. ġie kklassifikat fil-grad AD 12.

21      Permezz ta’ nota tal-21 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrent ġie informat li l-kandidatura tiegħu ġiet miċħuda u li s-Sinjur P. inħatar għal pożizzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ateni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

22      Fit-28 ta’ Frar 2007, ir-rikorrent ippreżenta lment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, quddiem id-Direttur-Ġenerali tad-DĠ “Komunikazzjoni” kontra d-deċiżjoni kkontestata. Dan l-ilment ġie trażmess lid-dipartiment kompetenti tad-DĠ “Persunal u amminstrazzjoni” u ġie rreġistrat fis-17 ta’ April 2007.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2007, innotifikata lir-rikorrent fl-1 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment imsemmi iktar ’il fuq.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

24      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors infondat;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.

26      Fi tmiem is-seduta, it-Tribunal stieden lill-Kummissjoni tittrażmettilu informazzjoni fattwali dwar ir-rabta personali li, fil-fehma tiegħu, tgħaqqad lill-kapijiet ta’ rappreżentanza mal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-istrateġija tal-komunikazzjoni u li tiġġustifika r-rikors għall-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ipprovdut fid-deċiżjoni dwar il-kap ta’ rappreżentanza. Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba permezz ta’ nota tal-31 ta’ Ottubru 2008, li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-istess jum permezz ta’ faks (l-oriġinal ġiet ippreżentata fit-3 ta’ Novembru 2008), liema nota ġiet trażmessa lir-rikorrent, għall-osservazzjonijiet, fl-4 ta’ Novembru 2008 ta’ wara. Ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu b’nota tal-14 ta’ Novembru 2008, li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-istess jum permezz ta’ faks (l-oriġinal ġiet ppreżentata fid-19 ta’ Novembru 2008). F’dan il-jum, ingħalqet il-proċedura orali u bdiet id-deliberazzjoni f’din il-kawża.

27      Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Diċembru 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fetaħ il-proċedura orali mill-ġdid u stieden lill-Kummissjoni tippreżenta, skont il-każ, osservazzjonijiet fil-qasir dwar in-nota tar-rikorrent, tal-14 ta’ Novembru 2008, imsemmija iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba billi ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub fil-15 ta’ Diċembru 2008.

 Id-dritt

28      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka diversi motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq l-illegalità u n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura ta’ selezzjoni, it-tieni nett, fuq l-illegalità tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, it-tielet nett, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal, il-ħames nett, fuq l-illegalità tat-tnaqqis fil-livell tal-pożizzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza f’Ateni u l-illegalità tad-deċiżjoni dwar il-kap ta’ rappreżentanza, is-sitt nett, fuq it-tardività tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, is-seba’ nett, fuq il-ksur tar-regoli dwar ir-rotazzjoni tal-persunal li jokkupa postijiet sensittivi, it-tmien nett, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta aċċess għad-dokumneti mitluba mir-rikorrent fl-ilment tiegħu, u fl-aħħar nett, id-disa nett, fuq abbuż ta’ poter.

29      Huwa b’mod partikolari neċessarju li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità u n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura ta’ selezzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza.

 L-argumenti tal-partijiet

30      L-ewwel motiv tar-rikorrent huwa suddiviż f’żewġ partijiet.

31      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrent isostni li l-intervent tal-membri tal-Kummissjoni fil-proċedura ta’ ħatra ta’ kapijiet ta’ rappreżentanza huwa illegali. Huwa jikkonstata li, fil-kawża inkwistjoni, il-kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ateni nħatar b’deċiżjoni tal-Viċi President Kallas wara li kiseb il-kunsens tal-kabinetti tal-President tal-Kummissjoni, tal-Viċi President Wallström u tal-Viċi President Kallas.

32      Madankollu, dan l-involviment tal-membri tal-Kummissjoni fil-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni ma huwiex oġġettivament ġustifikat, peress li dawn tal-aħħar ma għandhomx poteri jew responsabbiltajiet ta’ tmexxija u ma humiex marbuta li jkollhom relazzjonijiet diretti mal-kapijiet ta’ rappreżentanza, li min-naħa tagħhom, jibqgħu jżommu l-pożizzjoni tagħhom irrispettivament mit-tul tal-mandat tal-kummissarji. Ir-rappreżentanzi jikkostitwixxu unitajiet deċentralizzati tad-DĠ “Komunikazzjoni”, mingħajr status politiku. L-għażla tal-intuitu personae tal-kapijiet ta’ rappreżentanza, skont l-istess proċedura bħal dik tas-selezzjoni tal-membri tal-kabinetti tal-kummissarji, ma għandha l-ebda bażi legali.

33      Fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrent sostna li l-kollokament għall-finijiet li “temporanjament tassisti persuna li żżomm uffiċċju” skont it-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, jimplika l-preżenza fiżika tal-uffiċjal sekondat ma’ din il-persuna. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma pproduċietx prova ta’ kuntatti frekwenti, regolari u strutturati li jirriflettu relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-kap ta’ rappreżentanza u, b’mod speċifiku, il-kummissarju responsabbli għall-istrateġija tal-komunikazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jirreferi għar-rabta organika u ġerarkika bejn il-kapijiet ta’ rappreżentanza mas-servizzi tad-DĠ “Komunikazzjoni”.

34      Il-Kummissjoni twieġeb li f’dan il-każ, ma hemmx inkwistjoni reklutaġġ, iżda kollokament, skont it-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa ġustifikat min-natura tal-pożizzjoni.

35      Qabelxejn, minn naħa, ir-rappreżentanza għandha l-kompitu li tipprovdi informazzjoni u tikkomunika mal-mezzi tax-xandir nazzjonali u reġjonali u mal-pubbliku ġenerali dwar il-politika tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, li tipprovdi lill-Kummissjoni analiżi dwar is-sitwazzjoni politika tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, hija intermedjarja bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istat Membru kkonċernat, bil-kap ta’ rappreżentanza li jaġixxi bħala l-vuċi tal-Kummissjoni fl-Istat Membru kkonċernat, u dan b’kooperazzjoni mill-viċin mal-kummissarju responsabbli għall-komunikazzjoni.

36      Tali funzjonijiet huma, mingħajr dubju, ta’ natura politika sensittiva, u konsegwentement, dan il-fatt jispjega l-limitu ta’ tliet snin għall-mandat ta’ kap ta’ rappreżentanza.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-selezzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza ma tistax tiġi ttrattata bl-istess mod bħal dik ta’ kap ta’ diviżjoni fil-grad AD 12 li huwa impjegat fi Brussell. Kien minħabba din ir-raġuni li l-Kummissjoni ddeċidiet li tissekonda, fl-interess tas-servizz, “l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ kap tar-rappreżentanza ma’ membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-istrateġija tal-komunikazzjoni”. Dan jimplika kollokament funzjonali tal-kapijiet ta’ rappreżentanza, anki jekk ir-rappreżentanzi nfushom, minn perspettiva organizzattiva, jagħmlu parti mid-DĠ “Komunikazzjoni”.

38      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li t-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeżiġix l-eżistenza ta’ pożizzjoni speċifika, li tagħmel parti mill-kabinett tal-kummissarju u li, minn perspettiva organizzattiva, hija inkluża f’organigramma distinta minn dik tas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jenfasizzaw espliċitament il-funzjonijiet li għandhom jitwettqu, li jeżiġu, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ rabta partikolari bejn l-uffiċjal sekondat u l-membru tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Lulju 1998, Forcheri vs Il‑Kummissjoni, T‑162/96, ĠabraSP p. I‑A‑421 u II‑1203, punt 65).

39      L-involviment ta’ tliet kabinetti ta’ kummissarji fil-kuntest tal-proċedura ta’ kollokament ta’ uffiċjal intiż li jwettaq funzjonijiet ta’ kap ta’ rappreżentanza huwa ġustifikat, b’mod speċifiku, bir-responsabbiltajiet partikolari marbuta ma’ dan tal-aħħar.

40      Il-fatt li t-tul tal-kollokament ta’ kap ta’ rappreżentanza f’Ateni ma jistax jikkorrispondi mat-terminu tal-mandat ta’ kummissarju huwa irrilevanti, peress li hija biss l-Awtorità tal-Ħatra li tista’ tiddeċiedi dwar it-tul ta’ kollokament fl-interess tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Jannar 2002, Reynolds vs Il-Parlament, T‑237/00, Ġabra p. II‑163, punti 51 sa 53, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il-Parlament, T‑237/00, ĠabraSP p. I‑A‑385 u II‑1731, punti 64 sa 66).

41      Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet ippreżentati fil-31 ta’ Ottubru 2008, bħala tweġiba għall-mistoqsija magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kif indikat fil-punt 26 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni terġa’ ssostni, sabiex tiġġustifika r-rikors għall-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-intensità tal-kuntatti bejn il-kummissarju responsabbli għall-istrateġija tal-komunikazzjoni u l-kapijiet ta’ rappreżentanza tvarja skont l-avvenimenti politiċi u l-aġenda tal-kulleġġ tal-kummissarji. Fid-dawl tad-distanza ġeografika bejn il-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni u l-uffiċċji tas-27 rappreżentanzi, huwa impossibbli li jsir kuntatt dirett bejn il-kummissarju kkonċernat u s-27 kap ta’ rappreżentanza fuq bażi ta’ kull ġimgħa, u anki ta’ kull xahar. Madankollu, il-frekwenza tal-kuntatti diretti bejn il-persuna li magħha qiegħed isir il-kollokament u l-persuna sekondata ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, kundizzjoni ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-evalwazzjoni dwar jekk jeżistux relazzjonijiet ta’ fiduċja reċiproka ma hijiex neċessarjament ibbażata fuq parametri li jistgħu jkunu kkwantifikati, bħan-numru ta’ laqgħat diretti jew in-numru ta’ telefonati. L-importanti huwa l-kontenut ta’ dawn ir-relazzjonijiet li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ikunu ta’ natura kunfidenzjali.

42      Il-kuntatt dirett bejn il-kapijiet ta’ rappreżentanza u l-kummissarju responsabbli mill-istrateġija tal-komunikazzjoni jista’ jieħu diversi forom. Bħala regola ġenerali, dan jinkludi:

–        telefonati jew posta elettronika bejn il-kummissarju u l-membri tal-kabinett tiegħu, minn naħa, u l-kapijiet ta’ rappreżentanza, min-naħa l-oħra; dawn il-kuntatti jvarjaw, skont l-avvenimenti fuq livell nazzjonali u fuq il-livell Komunitarju, u jiżdiedu qabel żjarat mill-kummissarju fl-Istat Membru kkonċernat;

–        żjarat mill-kummissarju fl-Istat Membru kkonċernat, li matulhom huwa jkun akkompanjat mill-kap ta’ rappreżentanza ;

–        missjonijiet mill-kap ta’ rappreżentanza fi Brussell, li matulhom hija obbligatorja laqgħa mal-kummissarju;

–        parteċipazzjoni tal-kummissarju f’laqgħat tal-kapijiet ta’ rappreżentanza fi Brussell minn tal-inqas darbtejn f’sena;

–        rapporti mfassla mill-kapijiet ta’ rappreżentanza, li jiġu trażmessi direttament lill-kummissarju.

43      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jikkontesta l-kompetenza tal-Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sinjur Kallas, bħala awtorità tal-ħatra, fil-qasam ta’ kollokament ta’ uffiċjal bħala kap ta’ rappreżentanza. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka l-Artikolu 14(2) tad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju li minnu jirriżulta li huwa d-Direttur-Ġenerali tad-DĠ “Komunikazzjoni” li għandu l-karatteristika ta’ awtorità tal-ħatra sabiex jaħtar kap ta’ rappreżentanza ta’ grad AD 12. Madankollu, fil-kawża inkwistjoni, l-imsemmi Direttur-Ġenerali sempliċement ippropona l-ħatra tas-Sinjur P., filwaqt li d-deċiżjoni finali tal-ħatra ttieħdet mill-Viċi President Kallas.

44      Skont ir-rikorrent, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju ma jistax jiġi ristrett biss għall-każijiet ta’ trasferiment u ta’ ħatra skont l-Artikoli 7 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, din id-deċiżjoni, li tikkonċerna l-persunal ta’ grad medju kollu, u li tapplika, kif jidher mill-Artikolu 1 tagħha, għas-servizzi tal-Kummissjoni kollha u għas-servizzi li huma amministrattivament relatati mal-Kummissjoni, għandha skop ġenerali u wiesa’: dak li tirregola l-proċedura ta’ selezzjoni u ħatra ta’ kapijiet ta’ uffiċċji u ta’ rappreżentanza indipendentement minn jekk il-proċedura inkwistjoni “tikkonċernax” ħatra, trasferiment, promozzjoni jew selezzjoni esterna. L-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju tipprovdi wkoll li l-kapijiet ta’ rappreżentanza jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni għalkemm ma jispeċifikax il-proċedura għall-ħatra tagħhom.

45      Id-deċiżjoni dwar il-kap ta’ rappreżentanza ma tipprekludix l-applikabbiltà tad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju. Ma hemm ebda kontradizzjoni bejn iż-żewġ testijiet. Għalhekk, il-fatt li d-deċiżjoni dwar il-kap ta’ rappreżentanza ġiet adottata wara d-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju huwa irrilevanti.

46      Barra minn hekk, ir-rikorrent jenfasizza li, skont il-punt 9 tal-gwida amministrattiva, wara d-deċiżjoni dwar il-kap ta’ rappreżentanza, ir-regoli ta’ selezzjoni u ta’ ħatra tal-kapijiet ta’ rappreżentanza huma ġeneralment l-istess bħal dawk applikabbli għal pożizzjonijiet ta’ grad medju, għalkemm hemm ċerti differenzi fir-rigward tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-parteċipazzjoni ta’ kumitati oħra minbarra l-kumitat konsultattiv tal-ħatra, li jintervjeni skont l-Artikolu 14(2) tad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju.

47      Barra minn hekk, il-punt 5 tal-Parti III tat-tabella tal-awtoritajiet tal-ħatra għall-persunal irremunerat mill-baġit amminstrattiv, inkluża fl-Anness I tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, ma jistax isostni l-argument tal-Kummissjoni, peress li minn dan it-test jirriżulta li l-kummissarju responsabbli għall-kwistjonijiet tal-persunal u l-amministrazzjoni għandu r-rwol ta’ awtorità tal-ħatra biss meta l-kollokament inkwistjoni jsir ma’ membru tal-Kummissjoni, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

48      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent josserva li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu ġiet adottata mill-kulleġġ tal-kummissarji, li ma kienx l-awtorità tal-ħatra li kellha tieħu din id-deċiżjoni. Din l-irregolarità turi l-politiċizzazzjoni inaċċettabbli tal-proċedura ta’ reklutaġġ kollha fir-rigward ta’ uffiċjal li jitqies li huwa fil-grad AD 12. Dan il-ksur tar-regoli tas-separazzjoni tas-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra jippreġudika l-prinċipju ta’ imparzjalità tal-proċedura u jqiegħed f’dubju l-eżistenza ta’ eżami komparattiv tal-merti ġenwin tal-kandidati għall-pożizzjoni vakanti, minkejja li tali eżami jipprovdi garanziji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali u tal-prinċipju ta’ eliġibbiltà għal karriera.

49      Il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li skont it-tieni premessa tagħha, id-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju hija bbażata fuq l-Artikoli 2, 4, 5, 7 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal u li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jikkonċerna, konsegwentement, impjiegi fil-pożizzjonijiet ta’ grad medju permezz ta’ trasferiment fl-interess tas-servizz skont l-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, jew ta’ ħatra ta’ uffiċjal, skont l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. Ma hemmx riferiment għall-Artikoli 37 u 38 tar-Regolamenti tal-Persunal.

50      It-tieni nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-proċedura inkwistjoni ma tistax tkun suġġetta għad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju peress li, skont it-tabella tal-awtoritajiet tal-ħatra għall-persunal irremunerat mill-baġit amministrattiv, annessa mad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, l-awtorità responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ kollokament ta’ uffiċjal, sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ kap ta’ rappreżentanza fl-interess tas-servizz, hija membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-persunal u l-amministrazzjoni. Għalhekk, kien indispensabbli li titfassal proċedura ta’ selezzjoni distinta, u dan sar permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tad-Direttur-Ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” tal-20 ta’ April u tas-26 ta’ Mejju 2005.

51      L-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-gwida amministrattiva u d-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward peress li, fi kwalunkwe każ, il-membru tal-Kummissjoni ma jistax jiżgura l-osservanza tal-proċedura ta’ selezzjoni, li tintemm bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha, fil-każ fejn dan il-membru ma jkunx l-awtorità ta’ ħatra kompetenti.

52      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-intervent, allegatament infondat, ta’ tliet kabinetti tal-kummissarji fil-ħatra ta’ kap ta’ rappreżentanza f’Ateni, il-Kummissjoni twieġeb li l-intervent tal-kummissarji kkonċernati, fl-istadju ta’ qabel tal-aħħar tal-proċedura ta’ selezzjoni, jirriżulta min-natura tal-funzjonijiet ta’ kap ta’ rappreżentanza, u r-rwol tal-Viċi President Kallas bħala awtorità ta’ ħatra f’dan il-qasam.

53      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ kompetenza tal-kulleġġ tal-kummissarji li jadotta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, il-Kummissjoni tirrileva li n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, dwar il-punt 12 “Ilment” tal-parti V tat-tabella tal-awtoritajiet tal-ħatra għall-persunal irremunerat mill-baġit amministrattiv, annessa mad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tipprovdi:

“[…] jekk id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mill-[k]ummissarju responsabbli għall-[p]ersunal u l-[a]mministrazzjoni jew mill-Kummissjoni: l-Awtorità tal-Ħatra hija l-Kummissjoni […]”

54      Peress li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sinjur Kallas, it-tweġiba għall-ilment li tressaq kontra din id-deċiżjoni kellha tiġi adottata mill-kulleġġ tal-kummissarji.

55      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel motiv tqajjem fl-interessi tal-liġi u għalhekk, huwa inammissibbli.

56      Fil-fatt, peress li r-rikorrent ġie eskluż mill-proċedura ta’ selezzjoni fl-istadju tal-eżami tal-fajls tal-kandidaturi mill-bord ta’ preselezzjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura li waslet għall-kollokament tas-Sinjur P. kellhiex tkun segwita skont id-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju jew skont deċiżjonijiet oħra ma taffettwax is-sitwazzjoni personali tiegħu peress li, anki fil-każ li tiġi applikata d-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju, id-deċiżjoni li ttieħdet fir-rigward tar-rikorrent kienet tkun l-istess, peress li, indipendentement mill-proċedura segwita, il-kompożizzjoni tal-bord ta’ preselezzjoni ma kinitx tkun differenti.

57      Matul is-seduta, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra motiv ibbażat fuq l-inapplikabbiltà, f’dan il-każ, tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, abbażi tal-fatt li ma ġie invokat la fl-ilment u lanqas fir-rikors, iżda ġie invokat l-ewwel darba waqt is-seduta, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

58      Matul is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll il-possibbiltà għal kap ta’ rappreżentanza li, fi tmiem il-kollokament tiegħu, jiġi integrat mill-ġdid immedjatament fl-impjieg li kellu qabel, skont l-Artikolu 38(g) tar-Regolamenti tal-Persunal. Tali possibbiltà tissodisfa tabilħaqq ir-rekwiżiti tal-post, fid-dawl tar-rabta personali bejn il-persuna kkonċernata u l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-istrateġija tal-komunikazzjoni, peress li t-tmiem tal-mandat ta’ dan tal-aħħar jista’ jwassal għat-tmiem tal-kollokament. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrilevat id-diffikultà marbuta mal-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ mobbiltà bejn ir-rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, simili għal dik bejn id-delegazzjonjiet, minħabba l-limitu lingwistiku marbut mal-funzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza, u l-fatt li, f’bosta każijiet, dan tal-aħħar ikun ċittadin tal-pajjiż ospitanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

59      Qabelxejn, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, u sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod legali, fil-kawża inkwistjoni, fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ kap ta’ rappreżentanza f’Ateni, dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tal-kollokament fl-interess tas-servizz ma’ persuna li għandha mandat previst mit-Trattati.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal

60      Matul is-seduta, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra l-ilment ibbażat fuq l-inapplikabbiltà, fil-kawża preżenti, tat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dan l-ilment ma tqajjimx fir-rikors.

61      Tali eċċezzjoni ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, huwa speċifikament bħala tweġiba għall-motiv tar-rikorrent ibbażat fuq l-illegalità tal-proċedura ta’ selezzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza segwita fil-każ inkwistjoni, fir-rigward tal-Artikoli 7 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-Artikolu 14(2) tad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju, li l-Kummissjoni invokat l-argument tagħha li jipprovdi li, matul dik il-proċedura ta’ selezzjoni, hija kellha tapplika t-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod illi huwa fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, pjuttost milli tal-Artikoli 7 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal li, skont il-Kummissjoni, għandha tiġi evalwata l-legalità tal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni.

62      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-mertu tal-ewwel motiv neċessarjament jeħtieġ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżamina, qabelxejn, l-applikabbiltà, fil-kawża inkwistjoni, tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal.

63      Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrent jikkontesta l-kompetenza tal-kummissarju, responsabbli għal kwistjonijiet ta’ persunal u amministrazzjoni, li jaħtar kap ta’ rappreżentanza f’Ateni, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ġie applikat mill-Kummissjoni, u dan jinvolvi kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku li jistgħu jitqajmu ex officio f’kull stadju tal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

64      Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà intiża kontra l-ilment ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq il-fondatezza tal-ilment ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal

65      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, lill-uffiċjali għandu jiġi assenjati wieħed mill-istati amministrattivi li ġejjin: impieg attiv, kollokament, leave fuq raġunijiet personali, stat mhux attiv, leave għal servizz militari jew vakanzi parentali jew vakanzi tal-familja. Huwa ċar li l-impjieg attiv li skont l-Artikolu 36 tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprovdi “[u]ffiċjal f’impieg attiv huwa wieħed li jwettaq id-dmirijiet tiegħu marbutin mal-post li għalih kien maħtur jew assenjat temporanjament taħt il-kondizzjonijiet fit-Titolu IV [dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-uffiċjali]”, jikkostitwixxi l-istat amministrattiv ordinarju tal-uffiċjal, peress li l-istati amministrattivi l-oħra huma straordinarji. Barra minn hekk, sabiex jingħata wieħed minn dawn l-istati amministrattivi, l-uffiċjal għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal.

66      Għalhekk, skont it-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal, uffiċjal jista’ jiġi sekondat, fl-interess tas-servizz, sabiex “temporanjament [j]assisti persuna li żżomm uffiċċju pprovdut fit-Trattati”, bħal membru tal-Kummissjoni.

67      Kif ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, Ġabra p. I‑6387, punt 137), l-għan tal-kollokament ma’ kummissarju, huwa, b’mod ġenerali, sabiex il-persuni li preċedentement kienu impjegati abbażi tal-abbiltà tagħhom, f’bosta każijiet, permezz ta’ kompetizzjoni, u li taw prova tal-abbiltà tagħhom, ikunu jistgħu joffru l-abbiltajiet tagħhom għas-servizz tal-kabinetti. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-reklutaġġ ta’ dawn il-kollaboraturi jseħħ intuitu personae, jiġifieri b’mod diskrezzjonali ħafna, u li l-persuni kkonċernati jintgħażlu kemm għall-kwalitajiet professjonali tagħhom kif ukoll dawk personali u għall-kapaċità tagħhom li jadattaw skont il-metodi ta’ xogħol li huma speċifikament relatati mal-kummissarju kkonċernat u mal-kabinet kollu (sentenza Il-Kummissjoni vs Cresson, iċċitata iktar ’il fuq, punt 130; ara wkoll, f’dan is-sens, fir-rigward tal-ħatra ta’ référendaires fil-kabinetti tal-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ Settembru 2008, Duta vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑103/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26, li hija suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, Kawża T‑475/08 P).

68      Is-setgħa diskrezzjonali tal-persuna jew tas-servizz li jibbenefika mil-kollokament, kif ukoll il-fiduċja reċiproka li għandu jkun hemm fir-relazzjonijiet stabbiliti bejn din il-persuna jew dan is-servizz u l-uffiċjal sekondat, matul it-terminu tal-kollokament kollu, kienu wkoll enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ uffiċjal ma’ grupp politiku tal-Parlament Ewropew, li tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra ttemm, f’kull waqt, dan il-kollokament fil-każ fejn ir-relazzjonijiet ta’ fiduċja reċiproka ma jibqgħux jeżistu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Reynolds, C‑111/02 P, Ġabra p. I‑5475, punti 54 sa 56 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66). Bl-istess mod, l-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-uffiċjal sekondat li, fl-aħħar ta’ kull sitt xhur, jitlob li l-kollokament tiegħu jintemm, u dan juri l-instabbiltà li tikkaratterizza r-relazzjoni professjonali bejn il-persuna kkonċernata u l-persuna li ġiet sekondata magħha.

69      Fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li n-natura nfisha tal-funzjonijiet imwettqa mill-kap ta’ rappreżentanza, li jikkostitwixxi intermedjarju bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-Istat Membru ospitanti, tiġġustifika r-rikors għall-kollokament fl-interess tas-servizz, skont it-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal.

70      Din il-ġustifikazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, in-“natura politika u sensittiva”, skont il-Kummissjoni, tal-funzjonijiet imwettqa mill-kapijiet ta’ rappreżentanza, minkejja li tkun ġenwina, ma tistax, fiha nfisha, tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika rikors għall-pożizzjoni ta’ kollokament ta’ uffiċjal. Tali interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal twassal sabiex jiġi permess il-kollokament mal-kummissarji rispettivi tal-uffiċjali kollha li jeżerċitaw funzjonijiet “politiċi u sensittivi” fi ħdan l-istituzzjoni li normalment jitwettqu minn persunal ta’ grad għoli u għalhekk jippreġudika l-istruttura tas-servizz pubbliku Ewropew infisha, kif stabbilita fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tippreġudika, b’mod partikolari, it-trasparenza tar-relazzjonijiet ġerarkiċi.

71      Barra minn hekk, fl-Artikolu 2(1) tagħha, id-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju tinkludi, fost il-persunal ta’ grad medju, il-kapijiet ta’ rappreżentanza.

72      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li t-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeżiġix li l-uffiċjal sekondat ma’ membru ta’ istituzzjoni jeżerċita effettivament il-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-kabinett tiegħu jew jagħmel parti mill-organigramma tiegħu.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punti 68 u 69 tas-sentenza preżenti, kollokament fl-interess tas-servizz ma’ “persuna li żżomm uffiċċju pprovdut fit-Trattati” jimplika l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka intuitu personae bejn din tal-aħħar u l-uffiċjal sekondat, liema relazzjoni timplika li jistgħu b’mod permanenti jitfasslu relazzjonijiet diretti u stretti bejn il-persuni kkonċernati, ibbażati fuq il-metodi ta’ xogħol partikolari tal-membru kkonċernat u tal-kabinett kollu tiegħu.

74      Anki jekk jitqies li d-distanza fiżika ma tagħmilx, fil-prinċipju, impossibbli jew partikolarment diffiċli li jiġu stabbiliti relazzjonijiet personali bejn il-kapijiet ta’ rappreżentanza u l-kummissarju responsabbli għall-istrateġija tal-komunikazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ tali relazzjonijiet.

75      Bil-kontra, mill-fajl, u b’mod partikolari, mill-organigramma tad-DĠ “Komunikazzjoni”, jirriżulta li l-persuni li għandhom kuntatt dirett mal-kapijiet ta’ rappreżentanza huma, l-ewwel nett, id-Direttorat B “Rappreżentazzonijiet” tal-imsemmija Direttorat-Ġenerali, taħt l-awtorità tad-Direttur-Ġenerali tagħha. Il-Kummissjoni nfisha tenfasizza, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-intensità tal-kuntatti mal-kummissarju responsabbli għall-komunikazzjoni jew il-membri tal-kabinett tiegħu tvarja skont l-avvenimenti politiċi ta’ natura ċiklika, bħal żjara mill-kummissarju fl-Istat Membru kkonċernat. Il-fatt li rapporti magħmula mill-kap ta’ rappreżentanza jkunu direttament indirizzati lill-kummissarju responsabbli, li kuntatti telefoniċi, skambju ta’ posta elettronika jew laqgħat li seħħew bejn il-kap ta’ rappreżentanza u l-kummissarju jew membri tal-kabinett tiegħu, jew anki li l-kontenut ta’ dawn l-iskambji jkun kunfidenzjali, ma jippermettux, fihom infushom, li jistabbilixxu n-natura intuitu personae tar-relazzjoni professjonali bejn il-kummissarju responsabbli għal komunikazzjoni u l-kap ta’ rappreżentanza kkonċernat. Tali fatti jistgħu wkoll jikkarratterizzaw relazzjonijiet bejn id-Direttur-Ġenerali tal-Kummissjoni u l-kummissarju, mingħajr ma d-direttur ġenerali jkun sekondat ma’ dan tal-aħħar fl-interess tas-servizz. Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fir-realtà, il-kapijiet ta’ rappreżentanza għandhom jagħtu għajnuna lill-kummissarji kollha, b’mod partikolari, meta dawn tal-aħħar jivvjaġġaw fl-Istat Membru ospitanti.

76      Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li t-tul tal-kollokament ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ateni huwa limitat għal tliet snin, kif jirriżulta mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni, dan it-tul, li jista’ jiġġedded darba għall-massimu ta’ sentejn, ma jikkorrispondix neċessarjament mal-mandat tal-kummissarju responsabbli għall-istrateġija komunikazzjoni u ma ġiex stabbilit li, fl-iskadenza tal-mandat ta’ dan tal-aħħar, il-kollokament tal-kapijiet ta’ rappreżentanza normalment jintemm.

77      It-tielet nett, il-Kummissjoni sostniet li r-regola stabbilita fl-Artikolu 38(g) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprovdi li, meta l-kollokament tiegħu jispiċċa, uffiċjal għandu minnufih jerga’ jmur lura fil-post li qabel kien okkupat minnu, tippermetti li jiġu solvuti diffikultajiet li jirriżultaw mill-impossibbiltà li tiġi organizzata proċedura ta’ mobbiltà simili għal dik ipprovduta fir-rigward ta’ uffiċjali li jintbagħtu f’pajjiżi terzi. Għalkemm ma għandux ikun hemm dubji fir-rigward tad-diffikultajiet prattiċi marbuta mal-mobbiltà ta’ kapijiet ta’ rappreżentanza, l-applikabbiltà tas-sistema ta’ kollokament ma tistax tkun dipendenti fuq il-valur operattiv li tiġi applikata tali skema lil ċertu kategorija ta’ uffiċjali. Fi kliem ieħor, l-applikabbiltà tat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal tiddependi biss mill-kundizzjonijiet inklużi f’din id-dispożizzjoni, u bl-ebda mod fuq il-konsegwenzi amministrattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħha. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tippermetti rikors għall-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal għal għan differenti minn dak għalih ikun previst u għalhekk li jiġġustifika żvijar tal-proċedura.

78      Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-proċedura ta’ selezzjoni ta’ kapijiet ta’ rappreżentanza, sekondati ma’ kummissarju responsabbli għall-istrateġija tal-komunikazzjoni, kif ġiet esposta fin-noti tal-20 ta’ April u tas-26 ta’ Mejju 2005 lid-Direttur-Ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, ma hijiex daqstant differenti, fid-dawl tal-kumplessità tagħha, mill-proċedura ta’ selezzjoni għall-persunal ta’ grad medju, kif ipprovdut fl-Artikoli 8 u 14(2) tad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju, peress li d-differenza fundamentali tinsab fil-ħatra tal-Awtorità tal-Ħatra. Fl-ewwel każ, peress li tikkonċerna l-ħatra ta’ kap ta’ rappreżentanza fil-grad AD 12, din hija l-kummissarju responsabbli għall-persunal u l-amministrazzjoni, bi ftehim mal-president tal-Kummissjoni u mal-Kummissarju responsabbli għall-istrateġija tal-komunikazzjoni; fit-tieni każ, skont l-Artikolu 14(2) tad-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju, huwa d-Direttur-Ġenerali tal-istampa u tal-komunikazzjoni.

79      L-organizzazzjoni sistematika ta’ proċedura ta’ selezzjoni għall-kollokament ta’ uffiċjal ma’ kummissarju, simili għal dik organizzata għal-ħatriet ta’ pożizzjonijiet fi grad medju, ma hijiex faċilment irrikonċiljata man-natura diskrezzjonali li, fil-prinċipju, tikkarratterizza l-għażla, minn kummissarju, tal-konsulenti sekondati miegħu.

80      Il-ħames u l-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, peress li r-rikorrent ġie eskluż mill-proċedura ta’ selezzjoni b’effett mill-istadju li fih ġew eżaminati l-fajls tal-kandidati mill-bord ta’ preselezzjoni, ma hemmx lok li jintalab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-kompożizzjoni tal-bord xorta kienet tkun l-istess kieku kienet ġiet applikata d-deċiżjoni dwar il-persunal ta’ grad medju.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni sostniet, kemm fit-tweġiba tagħha kif ukoll waqt is-seduta, li l-kandidaturi kollha, anki wara l-intervent tal-bordijiet ta’ preselezzjoni u ta’ selezzjoni, ġew suġġetti għall-kumitat konsultattiv tal-ħatra u għat-tliet kabinetti ta’ kummissarji kkonċernati, b’mod li l-evalwazzjoni tal-imsemmija bordijiet ma setgħetx tantiċipa l-evalwazzjoni finali tal-Awtorità tal-Ħatra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-kandidatura tar-rikorrent ġiet eliminata fl-istadju ta’ preselezzjoni ma ċċaħħadx lir-rikorrent minn kull interess li jikkontesta r-regolarità tal-proċedura li segwiet, peress li t-tliet kabinetti ta’ kummissarji kienu involuti qabel ma ġiet deċiża l-ħatra. Barra minn hekk, ir-rikorrent għandu interess ġuridiku sabiex l-illegalità inkwistjoni ma terġax isseħħ fil-kuntest ta’ proċedura analoga ta’ selezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 50; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Lulju 2005, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, T‑370/03, ĠabraSP p. I‑A‑189 u II‑853, punt 20).

82      Minn dak li ntqal jirriżulta, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra marbuta mal-ewwel motiv u mal-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrent, li f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat b’mod illegali t-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal minflok l-Artikoli 7 u 29 ta’ dawn ir-regolamenti, fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ kap ta’ rappreżentanza f’Ateni u li, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li kienet adottata abbażi ta’ proċedura li hija illegali u, b’mod partikolari, minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tieni Titolu tal-imsemmija regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u dan b’effett minn meta jidħlu fis-seħħ dawn ir-regoli, jiġifieri, fl-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huma rilevanti fil-qasam għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel din id-data.

84      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tigi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-21 ta’ Diċembru 2006, li tiċħad il-kandidatura ta’ A. Menidiatis għall-pożizzjoni vakanti ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ateni (il-Greċja) u li taħtar lis-Sinjur P. f’din il-pożizzjoni, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż kollha.

Kanninen

Kreppel

Van Raepenbusch

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-2 ta’ April 2009.

W. Hakenberg

 

      H. Kanninen

Reġistratur

 

       President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.