Language of document : ECLI:EU:T:2012:515

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

3 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Talba għal aċċess għar-rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995 – Rifjut ta’ aċċess – Riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali – Żvelar preċedenti”

Fil-Kawża T‑465/09,

Ivan Jurašinović, residenti f’Angers (Franza), irrappreżentat minn M. Jarry u N. Amara-Lebret, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn C. Fekete u K. Zieleśkiewicz, sussegwentement minn C. Fekete u J. Herrmann, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-21 ta’ Settembru 2009, li tagħti aċċess għal uħud mir-rapporti stabbiliti mill-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja, fir-reġjun ta’ Knin, bejn l-1 u l-31 ta’ Awwissu 1995,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse, M. Prek, J. Schwarcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ posta tal-4 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrent, I. Jurašinović, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), talab lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea l-aċċess għar-rapporti tal-osservaturi tal-Komunità Ewropea preżenti fil-Kroazja, fiż-żona ta’ Knin, mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995 (iktar ’il quddiem ir-“rapporti”) u għal dokumenti bir-referenza “ECMM RC Knin Log reports”.

2        Permezz ta’ posta tas-27 ta’ Mejju 2009, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill informa lir-rikorrent li, minħabba n-numru kbir ta’ dokumenti li huma potenzjalment koperti mit-talba tiegħu u n-natura partikolarment delikata tagħhom, it-terminu sabiex tingħata risposta għat-talba għal aċċess kellu jiġi estiż, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

3        Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2009, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ċaħad it-talba għal aċċess tar-rikorrent, billi kkonfrontah bl-eċċezzjoni, prevista bit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tħares l-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali, billi bbaża ruħu fuq iċ-ċirkustanzi li, minn naħa, id-dokumenti mitluba kienu ta’ natura li, f’każ ta’ żvelar, joħolqu diffikultajiet ġodda fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mad-diversi partijiet fil-kunflitti li kienu seħħew fl-ex Jugoslavja u ma’ pajjiżi oħra kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawn id-dokumenti kienu jagħmlu parti mill-arkivji li l-Unjoni kienet qiegħdet għad-dispożizzjoni kemm tal-prosekutur pubbliku kif ukoll tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura kontra A. Gotovina quddiem it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja, maħluq mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem it-“TKIJ”).

4        Permezz ta’ posta tas-27 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrent ippreżenta applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess għal dokumenti (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja”).

5        Permezz ta’ posta tat-2 ta’ Lulju 2009, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill informa lir-rikorrent li l-applikazzjoni konfermatorja ser tiġi pproċessata sal-1 ta’ Ottubru 2009, terminu li r-rikorrent ikkontesta.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill ta l-aċċess parzjali għal tmien rapporti u ċaħad il-bqija tat-talba għal aċċess (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett il-Kunsill fakkar is-suġġett u l-portata tat-talba għal aċċess tar-rikorrent, kif ukoll l-għan tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal‑Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem il-MMKE) matul l-iżvolġiment tal-kunflitti fl-ex Jugoslavja u l-kundizzjonijiet li fihom hija kienet wettqet il-kompitu tagħha. It-tieni nett, huwa indika li fil-pussess tiegħu huwa ma seta’ jidentifika ebda dokument bir-referenza “ECMM RC Knin Log reports”. It-tielet nett, il-Kunsill qies li l-pubblikazzjoni tar-rapporti tippreġudika l-interessi tal-Unjoni, billi tqiegħed f’periklu r-relazzjonijiet internazzjonali tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha ma’ dan ir-reġjun tal-Ewropa, kif ukoll is-sigurtà pubblika, b’mod partikolari s-sigurtà u l-intergrità fiżika tal-osservaturi, tax-xiehda u ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni, li l-identità tagħhom u l-evalwazzjonijet tagħhom jinkixfu bl-iżvelar tar-rapporti. Ir-raba’ nett, il-Kunsill qies li r-rapporti żammew livell għoli ta’ sensittività, minkejja l-fatt li għadda perijodu ta’ erbatax-il sena minn meta seħħew il-fatti li ġew irrakkontati fihom. Il-ħames nett, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-interess partikolari, invokat mir-rikorrent fl-applikazzjoni konfermatorja tiegħu, għall-istabbiliment tal-verità storika permezz ta’ għoti bidu ta’ proċeduri ġudizzjarji kontra l-kriminali tal-gwerra sabiex jinkiseb kumpens għall-vittmi tagħhom. Is-sitt nett, huwa indika lir-rikorrent li huwa kien ta l-aċċess għar-rapporti lit-TKIJ, fil-kuntest tal-kawża ta’ A. Gotovina, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni internazzjonali ma’ tribunal internazzjonali, stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Is-seba’ nett, huwa rrifjuta li jinvoka l-argument dwar l-iżvolġiment xieraq tal-proċeduri kriminali fis-seħħ. Fl-aħħar nett, il-Kunsill ta aċċess parzjali għal tmien rapporti u rrifjuta li jikkomunika rapporti oħra, billi bbaża ruħu fuq l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-ħarsien tas-sigurtà pubblika u tar-relazzjonijiet internazzjonali, skont l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

8        Bħala anness għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill elenka l-205 rapporti stabbiliti mill-MMKE mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995, li kienu s-suġġett tat-talba għal aċċess.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrent ressaq din l-azzjoni.

10      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kunsill sabiex iħallsu s-somma ta’ EUR 2 000 minbarra t-taxxi, jiġifieri EUR 2 392 bit-taxxi kollha inklużi, bħala spejjeż tal-istanza, flimkien ma’ interessi bir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-jum ta’ reġistrazzjoni tar-rikors.

11      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

12      Permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali sabiex, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, titlob li jiġu prodotti, minn naħa, deċiżjonijiet tal-Kunsill jew tal-korp kompetenti tal-Unjoni dwar it-trażmissjoni, lit-TKIJ, tad-dokumenti li dan tal-aħħar talab li jiġu kkomunikati fil-kuntest tal-kawża ta’ A. Gotovina u, min-naħa l-oħra, ittri tal-Kunsill jew tal-korp kompetenti tal-Unjoni li jakkumpanjaw it-trażmissjoni tal-imsemmija dokumenti.

13      Peress li r-rikorrent ma ppreżentax replika fit-terminu preskritt, il-proċedura bil-miktub ingħalqet fid-19 ta’ April 2010.

14      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kunsill sabiex jgħarrafha liema, fost il-205 rapporti elenkati bħala anness mad-deċiżjoni kkontestata, kienu dawk li ġew ikkomunikati lid-difiża ta’ A. Gotovina, fil-kuntest tal-proċedura miftuħa kontrieh quddiem it-TKIJ.

15      Permezz ta’ posta tat-28 ta’ Ottubru, tat-28 ta’ Novembru u tad-19 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill talab l-estensjoni tat-terminu għal risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali għas-6 ta’ Jannar, u mbagħad għas-16 ta’ Frar 2012. Billi l-Qorti Ġenerali laqgħet it-talbiet tiegħu, il-Kunsill irrisponda għall-imsemmija domanda fis-16 ta’ Frar 2012.

16      Permezz ta’ posta tat-2 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għall-estensjoni, sas-6 ta’ Jannar 2012, tat-terminu mogħti lill-Kunsill sabiex jirrispondi għad-domanda msemmija iktar ’il fuq u pproduċa deċiżjoni tal-Ewwel Awla tal-ewwel istanza tat-TKIJ tal-14 ta’ April 2011, Il-Prosekutur vs Ante Gotovina, Ivan Čermak u Mladen Markač. Huwa talab ukoll l-esklużjoni tal-aġenti tal-Kunsill mill-proċedura, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Billi din il-posta ddaħħlet fil-proċess, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fit-13 ta’ Jannar 2012.

17      Minkejja li kienet stabbilita għas-16 ta’ Novembru 2011, is-seduta ġiet posposta tliet darbiet fuq talba tal-Kunsill, għat-18 ta’ Diċembru 2011, għat-18 ta’ Jannar, u mbagħad għall-21 ta’ Marzu 2012 u, ġiet posposta darba fuq talba tar-rikorrent, għall-25 ta’ April 2012.

 Id-dritt

 Fuq il-fondatezza tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

18      Sabiex jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent iressaq tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-assenza ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, prevista bit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni nett, fuq l-assenza ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna s-sigurtà pubblika, prevista bl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament, u t-tielet nett, fuq l-eżistenza ta’ żvelar preċedenti.

19      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jirrifjuta li jikkomunika lir-rikorrent il-205 rapporti kollha li huwa xtaq ikollu aċċess għalihom, il-Kunsill, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkontesta b’mod parallel l-eċċezzjonijiet ibbażati, minn naħa, fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali u, min-naħa l-oħra, fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna s-sigurtà pubblika.

20      Għaldaqstant, sabiex id-deċiżjoni kkontestata tkun fondata, huwa biżżejjed li waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet li l-Kunsill ta sabiex jirrifjuta l-aċċess għar-rapporti tkun ingħatat korrettement.

21      Għalhekk, qabelxejn għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, prevista bit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, prevista bit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari

22      Qabelxejn għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif juru l-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kemm jista’ jkun wiesa’ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 33).

23      Madankollu, dan id-dritt huwa wkoll suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 62).

24      B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001, fl-Artikolu 4 tiegħu, jipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jista’ jkollu effett ħażin fuq wieħed mill-interessi mħarsa b’dan l-artikolu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 71).

25      Imbagħad, meta istituzzjoni tintalab tiżvela dokument, din għandha l-obbligu li tevalwa, f’kull każ ineżami, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet elenkati fl‑Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 22 iktar ’il fuq, punt 35). B’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet segwiti minn dan ir-regolament, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenza L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 22 iktar ’il fuq, punt 36).

26      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li n-natura partikolarment sensittiva u essenzjali tal-interessi mħarsa permezz tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, flimkien mar-rifjut ta’ aċċess li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, għandu jingħata b’mod mandatorju mill-istituzzjoni meta l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument jeffettwa ħażin dawn l-interessi, tagħti lid-deċiżjoni, li għandha għalhekk tittieħed mill-istituzzjoni, natura kumplessa u delikata li teħtieġ grad ta’ prudenza partikolari ħafna. Għalhekk, tali deċiżjoni tirrikjedi marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 23 iktar ’il fuq, punt 35).

27      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji mniżżla fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma ġenerali ħafna, fejn aċċess għandu jiġi rrifjutat, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat jista’ “jdgħajjef [jeffettwa ħażin]” il-ħarsien tal-“interess pubbliku” f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari r-“relazzjonijiet internazzjonali” (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 23 iktar ’il fuq, punt 36).

28      Konsegwentement, l-istħarriġ li tagħmel il-Qorti Ġenerali fuq il-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għal dokumenti abbażi ta’ eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 23 iktar ’il fuq, punt 34).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

29      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali ma japplikax għar-rapporti, minħabba li dawn ir-rapporti għandhom natura newtrali minkejja l-valutazzjonijiet u l-evalwazzjonjiet li jinsabu fihom. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tar-rappporti erbatax-il sena wara l-fatti li huma jiddeskrivu huma ta’ natura li jistabbilixxu l-verità storika u d-drittijiet tal-vittmi għall-ksib ta’ kumpens għad-danni sostnuti. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-erbatax-il sena li għaddew minn meta dawn ġew stabbiliti, il-komunikazzjoni tar-rapporti ma hijiex ta’ natura li tagħmel effett ħażin fuq il-ħarsien ta’ dan l-interess pubbliku, filwaqt li hija tiżgura l-possibbiltà li ssir prosekuzzjoni tar-reati tal-gwerra eventwali. Fit-tielet lok, ir-rikorrent iqis li r-rapporti ma humiex dokumenti sensittivi, peress li huma ma humiex suġġetti għal klassifikazzjoni f’dan is-sens, hekk kif previst bl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001.

30      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

31      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett il-Kunsill enfasizza l-għanijiet li fid-dawl tagħhom twettqet il-missjoni tal-MMKE u l-kundizzjonijiet li fihom hija twettqet. Għaldaqstant, fil-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata jissemma li “[l‑]għan ewlieni tal-[MMKE] kien li jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni politika u l-qasam tas-sigurtà fil-Balkani oċċidentali, li jikkontribwixxi għas-sorveljanza tal-fruntieri u li jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-kwistjonijiet interetniċi u tar-ritorn tar-refuġjati”. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ippreċiża li r-rapporti kienu jinkludu rapporti ta’ kuljum, rapporti speċjali, rapporti attwali u bilanċi ta’ kull ġimgħa stabbiliti minn osservatur tal-MMKE fir-reġjun ta’ Knin mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995.

32      Fl-istess punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ippreċiża wkoll in-natura tal-informazzjoni li tinsab f’dawn id-diversi rapporti, liema rapporti kienu jirrigwardaw b’mod partikolari “il-monitoraġġ u l-analiżi taċ-ċaqliq u l-azzjoni tat-truppi tal-forzi tal-pulizija, inkużi l-bumbardamenti, il-ksur tal-ordnijiet ta’ waqfien mill-isparar, l-isparar [u] aspetti militari oħra, [fosthom] id-diskussjonijiet tal-osservaturi mal-uffiċjali ta’ koordinazzjoni kif ukoll l-informazzjoni pprovduta mis-sorsi”. Skont il-Kunsill, ir-rapporti kienu jinkludu wkoll “osservazzjonijiet dwar il-libertà u r-restrizzjonijiet ta’ ċaqliq, [dwar] il-monitoraġġ politiku, [b’mod partikolari] d-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjali għolja li jżuru [ż-]żona [ta’ Knin], ta’ aġenti muniċipali, l-intervisti ma’ [xi membri] tal-forzi armati u [t]al-forzi tal-pulizija, kif ukoll tas-soċjetà ċivili, [dwar] il-monitoraġġ fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, [jiġifieri informazzjoni dwar] abbużi kontra l-popolazzjonijiet ċivili u l-beni tagħhom, l-evakwazzjonijiet, it-telf ta’ bnedmin, il-fluss [u] t-trasport ta’ refuġjati, [dwar] il-monitoraġġ tal-kostruzzjoni jew tat-twaqqigħ ta’ infrastrutturi ċivili u dwar ir-riperkussjonijiet tal-bombardamenti”.

33      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom il-MMKE kienet wettqet l-azzjoni tagħha, fil-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kunsill osserva li din seħħet “fi klima ta’ tensjoni partikolari fuq il-pjan[ijiet] politiċi, militari u tad-drittijiet tal-bniedem” u li numru ta’ rapporti kienu saru “fuq il-bażi ta’ intervisti ma’ atturi u xhieda lokali taħt kopertura ta’ kunfidenzjalità”, u l-kontenut tar-rapporti ġie kkomunikat biss lill-kwartieri ġenerali u lill-komponenti lokali tal-MMKE.

34      It-tieni nett, fil-punti 9 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill espona r-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti ma setgħetx, bħala regola ġenerali, tiġi żvelata lir-rikorrent. Il-punti 9 u 11 jikkonċernaw, b’mod iktar partikolari, l-implementazzjoni mill-Kunsill tal-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li l-punt 10 huwa ddedikat għall-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna s-sigurtà pubblika.

35      Fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill enfasizza li l-pubblikazzjoni tar-rapporti “tqiegħed f’periklu r-relazzjonijiet internazzjonali tal-[Unjoni] u tal-Istati Membri tagħha mar-reġjun, li għadhom delikati, jekk tiġi żvelata informazzjoni li tiżvela b’mod dettaljat l-osservazzjonijiet, l-evalwazzjonijiet u l-analiżi skambjati bejn l-atturi differenti tal-[MMKE] dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun fuq il-pjan politiku, militari u tas-sigurtà”. Skont il-Kunsill, l-iżvelar tal-kontenut tar-rapporti kien “kontra l-għan intiż sabiex jipprovdi lill-[Unjoni] bl-informazzjoni l-iktar preċiża possibbli sabiex jippermettilha tistabbilixxi politika fir-rigward tal-Balkani oċċidentali”. Huwa qies li “l-kunfidenzjalità tar-rapporti miżmuma [sa dak iż-żmien kienet] fattur prinċipali tat-tisħiħ tad-djalogu u tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi tar-reġjun”.

36      Fil-punti 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill irrisponda għall-argumenti tar-rikorrent, ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva, dwar il-perijodu ta’ erbatax-il sena li għadda minn mindu seħħew il-fatti u dwar iċ-ċirkustanza li l-pubblikazzjoni tar-rapporti, li għandhom natura oġġettiva, ippermettiet li tiġi stabbilita l-verità storika u li tiftaħ it-triq, għall-vittmi, għall-kumpens tat-telf u d-danni sostnuti. F’dan ir-rigward, il-Kunsill qies li, minn naħa, “erbatax-il sena wara r-redazzjoni [tagħhom][...], ir-rapporti [kien] għad għandhom livell għoli ta’ sensittività sa fejn huma [kienu] jinkludu informazzjoni sensittiva dwar reġjun li fih, it-tisħiħ tal-istabbiltà [kienet] għadha preokkupazzjoni maġġuri” u, min-naħa l-oħra, ma setax “jieħu inkunsiderazzjoni l-interess partikolari [tar-rikorrent] għall-ksib tar-[rapporti]”, peress li skont it-testi applikabbli, huwa kien marbut “jiddeċiedi dwar l-iżvelar, lill-pubbliku, tar-[rapporti] fuq bażi erga omnes”.

37      Fit-tieni lok, hekk kif il-Kunsill jirrileva fir-risposta, hemm lok li jiġi enfasizzat li mill-kuntest li fih żvolġew il-missjonijiet tal-MMKE kif ukoll mill-kontenut tar-rapporti kif ippreżentat fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn għandhom natura partikolarment sensittiva. Fil-fatt, ir-rapporti jinkludu osservazzjonijiet, evalwazzjonijiet u analiżi tas-sitwazzjoni politika, militari u ta’ sigurtà fiż-żona ta’ Knin f’Awwissu 1995, matul u wara li seħħet l-offensiva tal-forzi Kroati, imsejħa “Operazzjoni Tempesta”, mibdija sabiex ir-reġjun ta’ Krajina jitneħħa mingħand il-forzi Serbi, li sa mill-1991 kienu għamlu minnu komponenti mir-Repubblika Serba ta’ Krajina.

38      Għandu jiġi kkunsidrat, hekk kif jistieden sabiex isir il-Kunsill, li tali osservazzjonijiet u evalwazzjonijiet, kif ukoll l-analiżi li huma ta’ bażi għalihom, kienu ddestinati sabiex jgħinu lill-Kunsill jistabbilixxi l-politika tal-Unjoni fir-rigward tal-partijiet differenti fil-kunflitt f’dak iż-żmien li fih ġew redatti r-rapporti. Barra minn hekk, huwa b’mod ġust li, fir-rigward tal-kuntest ġenerali li fih ġew stabbiliti r-rapporti u fir-rigward tal-informazzjoni li tinsab fihom, il-Kunsill qies li d-diversi osservazzjonijiet u evalwazzjonijiet li jinsabu hemmhekk, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, kien għad għandhom natura sensittiva, minkejja li l-fatti li taw lok għar-rapporti kienu seħħew erbatax-il sena qabel.

39      Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar, hekk kif għamel il-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata u fir-risposta, li l-politiki tal-Unjoni fir-reġjun tal-Balkani oċċidentali għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-paċi, għall-istabbiltà u għal rikonċiljazzjoni reġjonali sostenibbli, bl-għan, b’mod partikolari, li tissaħħaħ, fir-rigward tal-Unjoni, l-integrazzjoni tal-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun tal-Ewropa, għanijiet li r-rikorrent bl-ebda mod ma jikkontesta r-realtà jew ir-rilevanza tagħhom. L-iżvelar ta’ informazzjoni jew ta’ evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti seta’, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, jippreġudikaw milli dawn l-għanijiet jintlaħqu permezz tal-iżvelar ta’ elementi li jistgħu jnisslu jew iżidu r-riżentiment jew it-tensjoni bejn il-komunitajiet differenti tal-pajjiżi li kienu partijiet fil-kunflitti fl-ex Jugoslavja jew bejn il-pajjiżi li ħarġu mill-Jugoslavja, u b’hekk tiddgħajjef il-fiduċja li l-Istati tal-Balkani oċċidentali għandhom f’dan il-proċess ta’ integrazzjoni.

40      Huwa għaldaqstant b’mod ġust li l-Kunsill, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidra li l-iżvelar tar-rapporti kien ta’ natura li jeffettwa ħażin l-għanijiet segwiti mill-Unjoni f’dan ir-reġjun tal-Ewropa u, għaldaqstant, ta’ natura li jeffettwa ħażin ir-relazzjonijiet internazzjonali, peress li għaldaqstant kienu jiġu żvelati l-osservazzjonijiet magħmula jew l-evalwazzjonijiet miġjuba mill-MMKE dwar is-sitwazzjoni politika, militari u ta’ sigurtà, matul fażi deċiżiva tal-kunflitt bejn il-forzi Kroati u l-forzi federali Jugoslavi.

41      Ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati insostenn tal-ewwel motiv ma huwa ta’ natura li jikkuntesta din il-konklużjoni, peress li r-rikorrent, barra minn hekk, ma sostniex li l-Kunsill ma wettaqx eżami konkret u individwali tar-rapporti.

42      L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura ta’ newtralità allegata tar-rapporti, billi l-MMKE ma hijiex parti fil-kunflitt, għandu jiġi kkonstatat li tali ċirkustanza ma għandha ebda effett fuq il-punt ta’ jekk l-iżvelar tar-rapporti kienx jew le suxxettibbli li jeffettwa ħażin il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali.

43      Hekk kif il-Kunsill indika fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rapporti jinkludu osservazzjonijiet, evalwazzjonijiet, u analiżi tas-sitwazzjoni politika, militari u ta’ sigurtà fiż-żona ta’ Knin matul ix-xahar ta’ Awwissu 1995. Kieku dawn id-diversi elementi kienu ġew żvelati, filwaqt li fid-data tad-deċiżjoni kkontestata huma kien għad għandhom natura sensittiva (ara l-punti 37 u 38 iktar ’il fuq), huma kienu jkunu suxxettibbli li jeffettwaw ħażin it-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni, imfakkra fil-punt 39 iktar ’il fuq, u li joħolqu sitwazzjoni li kienet iddgħajjef il-fiduċja tal-Istati tal-Balkani oċċidentali fil-proċess ta’ integrazzjoni mibdi fir-rigward tal-Unjoni. Barra minn hekk, tali elementi setgħu ġew ipperċeputi bħala deċiżjonijiet ta’ valur kontra d-diversi partijiet fil-kunflitti li seħħew fl-ex Jugoslavja. Għalhekk, l-effetti li eventwali żvelar tar-rapporti jista’ jwassal għalihom ma għandhomx rabta man-newtralità tal-MMKE u tal-imsemmija rapporti.

44      It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq il-mogħdija ta’ perijodu ta’ erbatax-il sena bejn il-fatti traskritti fir-rapporti u d-deċiżjoni kkontestata, fih innifsu dan ma huwiex ta’ natura li juri li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjuta li jiżvela l-integralità tal-imsemmija rapporti. Il-fatt li tali żmien huwa kważi ugwali għal nofs il-perijodu massimu ta’ tletin sena, li jipproteġi d-dokumenti li fir-rigward tagħhom tapplika eċċezzjoni, prevista bl-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jippermettix li jintwera li l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali ma ġietx applikata b’mod regolari.

45      Fil-fatt, l-uniku avveniment invokat mir-rikorrent sabiex jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni marret għan-normal u li għaldaqstant ikun ġustifikat li tiġi żvelata l-integralità tar-rapporti huwa l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, li hija prevista għall-1 ta’ Lulju 2013. Issa, din iċ-ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex jintwera li l-iżvelar tar-rapporti, fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma setax jeffettwa ħażin l-interess pubbliku invokat f’dan il-każ mill-Kunsill, fir-rigward tal-kontenut tal-imsemmija rapporti u tal-kundizzjonijiet li bihom huma kienu ġew redatti, kif esposti fil-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq, peress li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, l-Unjoni ma kienet ħadet ebda deċiżjoni fir-rigward tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat. Fl-aħħar nett, din iċ-ċirkustanza ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kunsill, fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kunfidenzjalità tar-rapporti li nżammet sa dak iż-żmien kienet fattur prinċipali tat-tisħiħ tad-djalogu u tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun tal-Ewropa.

46      Barra minn hekk, hekk kif sostna l-Kunsill fir-risposta, il-fatt li r-rapporti kienu tqiesu bħala neċessarji għall-finijiet tal-investigazzjonijiet u l-proċeduri mmexxija mill-prosekutur tat-TKIJ fil-kuntest tal-kawża ta’ A. Gotovina jmur fis-sens ta’ rikonoxximent tal-persistenza tan-natura sensittiva tar-rapporti, minkejja ż-żmien li għadda sa mit-tfassil tagħhom.

47      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li r-rapporti huma ta’ natura li jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita l-verità storika u jiġu stabbiliti d-drittijiet tal-vittmi għall-ksib ta’ kumpens, ir-rikorrent jista’ jitqies li qiegħed jinvoka interess pubbliku superjuri li fid-dawl tiegħu ir-rapporti kellhom jiġu żvelati. Issa, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet tad-dritt ta’ aċċess imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ir-rifjut tal-istituzzjoni huwa obbligatorju meta l-iżvelar, lill-pubbliku, ta’ dokument ikun ta’ natura li jeffettwa ħażin l-interessi mħarsa bl-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr ma jkun hemm lok, f’każ bħal dan u b’differenza ta’ dak li jipprovdi b’mod partikolari l-Artikolu 4(2), li l-eżiġenzi marbuta mal-ħarsien tal-imsemmija interessi jiġu bbilanċjati ma’ dawk li jirriżultaw minn interessi oħra (sentenza Sison vs Il-Kunsill, punt 23 iktar ’il fuq, punt 46). Għaldaqstant, l-argument imqajjem għandu jiġi miċħud.

48      Sa fejn ir-rikorrent jinvoka interess għall-iżvelar tar-rapporti għar-raġuni, espressa fir-rikors, li r-rapporti għandhom interess “li jtqiegħed fuq quddiem nett tal‑aġenda” fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ avukat “impenjat b’mod pubbliku u b’notorjetà fil-prosekuzzjoni tal-kriminali tal-gwerra”, tali argument għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 47 iktar ’il fuq.

49      F’dak li jikkonċerna l-argument invokat matul is-seduta, ibbażat fuq l-interess pubbliku sabiex jingħata l-aċċess għal dokumenti utli u li jikkontrobilanċjaw l-interess pubbliku li joffri bażi għall-eċċezzjoni applikata f’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet stipulati bl-Artikolu 4 tiegħu għandha tiġi miċħuda jekk l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni huwa ġġustifikat minn interess pubbliku superjuri, iżda biss fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti bl-Artikolu 4(2) u (3) (ara l-punt 47 iktar ’il fuq).

50      Ir-raba’ nett, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni tar-rapporti fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex iqis li l-Kunsill ma setax jikkonfrontah bl-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali. Ma għadux possibbli għall-Kunsill li jinvoka n-natura sensittiva tar-rapporti sabiex jopponi l-iżvelar tagħhom, peress li hu qatt ma kien ikklassifikahom bħala sensittivi.

51      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001 jistabbilixxi sistema partikolari għall-aċċess għad-dokumenti klassifikati, b’mod partikolari fir-rigward tal-persuni inkarigati sabiex jipproċessaw it-talbiet għal aċċess u għall-ħtieġa li jinkiseb il-kunsens minn qabel mill-awtorità mingħand min joriġinaw. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li kull deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokument ikklassifikat għandha tkun ibbażata fuq motivi li ma jagħmlux ħsara lill-interessi li l-ħarsien tagħhom huwa previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Hekk kif isostni l-Kunsill, minn dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jirriżulta li l-assenza ta’ klassifikazzjoni ta’ dokument tipprojbixxi lill-istituzzjoni milli tirrifjuta l-aċċess għalih minħabba r-riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, minħabba li d-dokument jinkludi xi elementi sensittivi. Għalhekk, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qajjem l-eċċezzjoni dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali għal talba għal aċċess għal dokumenti mhux klassifikati.

52      Finalment, il-ħames nett, il-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali għar-rapporti ġie invokat matul is-seduta, billi saret distinzjoni bejn l-elementi tar-rapporti li huma koperti mill-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali u l-elementi, b’mod partikolari ta’ natura purament fattwali, li setgħu jkunu ta’ interess għar-rikorrent.

53      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif indika l-Kunsill, li l-informazzjoni preċiża li tinsab f’ħamsa mit-tmien rapporti li għalihom ingħata aċċess parzjali lir-rikorrent hija ppreżentata taħt it-Titolu “Press reports” (Rapporti tal-istampa) u li din, dejjem skont il-Kunsill, hija informazzjoni li kienet diġà ġiet żvelata lill‑pubbliku. Fir-rigward tat-tliet rapporti l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li huma la jinkludu rapporti tal-istampa u lanqas rendikonti ta’ fatti u li kulma jagħmlu huwa li jipprovdu informazzjoni ġenerali dwar is-sitwazzjoni osservata lokalment. Għalhekk, il-premessa li fuqha l-argument ippreżentat fil-punt preċedenti jibbaża ruħu ma tippermettilux li jirnexxi, peress li l-informazzjoni fattwali żvelata lir-rikorrent hija informazzjoni li kienet saret pubblika fil-mument tar-redazzjoni ta’ kull wieħed mir-rapporti inkwistjoni.

54      Bħala riżultat, dan l-aħħar argument għandu jiġi miċħud u, miegħu, l-ewwel motiv fl-intier tiegħu. Konsegwentement, ma fadalx lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv, li huwa bbażat fuq l-assenza ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna s-sigurtà pubblika, peress li l-eċċezzjoni għall-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali kienet ġiet applikata b’mod legali mill-Kunsill f’dan il-każ u peress li hija hi biżżejjed sabiex tkun ta’ bażi għar-rifjut ta’ aċċess sħiħ għar-rapporti.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żvelar preċedenti

55      Ir-rikorrent isostni li ma huwiex bis-saħħa ta’ allegat prinċipju ta’ kooperazzjoni internazzjonali ma’ qorti internazzjonali stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li l-Kunsill żvela r-rapporti lit-TKIJ, peress li tali prinċipju ma jeżistix, iżda abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, ir-rapporti kienu ġew ikkomunikati lil A. Gotovina, ċittadin tal-Unjoni ta’ nazzjonalità Franċiża, permezz tal-avukati tiegħu. Għaldaqstant, minħabba n-natura erga omnes tal-iżvelar li diġà twettaq, il-Kunsill ma setax jopponi l-iżvelar tar-rapporti lir-rikorrent, mingħajr ma jwettaq diskriminazzjoni li tista’ biss tkun ibbażata fuq l-oriġini etnika jew l-affiljazzjoni reliġjuża reali jew preżunta tar-rikorrent.

56      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

57      Fl-ewwel lok, minkejja li r-rikorrent iqis li r-rapporti ma setgħux ġew trasmessi lil A. Gotovina abbażi ta’ prinċipju ta’ kooperazzjoni internazzjonali mat-TKIJ, peress li tali prinċipju ma jeżistix, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jistax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li kulma jagħmel huwa li jikkritika l-bażi legali li bis-saħħa tagħha r-rapporti ġew ikkomunikati lil A. Gotovina matul il-kawża tiegħu quddiem it-TKIJ. Issa, din l-azzjoni ma tirrigwardax il-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill iddeċieda tali komunikazzjoni.

58      Fit-tieni lok, mir-risposta tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2012, għad-domanda li kienet saritlu mill-Qorti Ġenerali, jirriżulta li 48 biss mill-205 rapporti msemmija fit-talba għal aċċess għad-dokumenti ġew ikkomunikati lid-difiża ta’ A. Gotovina fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-TKIJ, tal-15 ta’ April 2011, Gotovina et. Peress li r-rikorrent ma ppreżenta ebda osservazzjoni jew kumment dwar dan il-punt, la bil-miktub u lanqas matul is-seduta, għandu jiġi kkunsidrat li l-motiv ibbażat fuq l-iżvelar preċedenti, fil-każ fejn dan ikun fondat, huwa biss kapaċi jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni sa fejn l-aċċess ġie miċħud għal dawn it-48 rapport.

59      Fit-tielet lok, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill, kemm fir-risposta kif ukoll matul is-seduta jirriżulta, l-ewwel nett, li l-arkivji kollha tal-MMKE ġew trasmessi lit-TKIJ fis-snin 90 sabiex jippermettu lill-prosekutur tat-TKIJ li jibda proċeduri kontra l-persuni allegatament responsabbli tal-ksur serju tad-dritt internazzjonali umanitarju mwettaq fit-territorju tal-ex Jugoslavja sa mill-1991.

60      It-tieni nett, il-Kunsill sostna li, matul l-iżvolġiment tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-TKIJ, tal-15 ta’ April 2011, Gotovina et, il-prosekutur tat-TKIJ kien staqsieh, billi indirizza lis-Segretarju Ġenerali tiegħu, rappreżentant għoli għall-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, sabiex jgħaddilu d-dokumenti neċessarji għall-finijiet tal-proċedura, fosthom, b’mod partikolari, it-48 rapport (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), sabiex ikun jista’ jużahom bħala provi tal-kolpevolezza tal-akkużati jew bħala elementi li jiskaġunaw u sabiex ikun jista’ jgħaddihom lid-difiża. Fil-fatt, mill-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ jirriżulta li l-informazzjoni li l-prosekutur jixtieq juża bl-għan li jiġbor provi ġodda bl-ebda mod ma jistgħu jintużaw għal dan il-għan qabel ma jiġu kkomunikati lill-akkużat.

61      It-tielet nett, mill-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill jirriżulta wkoll li d-dokumenti tal-MMKE li ġew ikkomunikati lill-uffiċċju tal-prosekutur tat-TKIJ għall-finijiet tal-proċedura quddiem dan it-tribunal (ara l-punt 60 iktar ’il fuq) ġew ikkomunikati b’mod kunfidenzjali, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ, li jipprovdu li, “[j]ekk il-[p]rosekutur għandu informazzjoni li ġiet ikkomunikata b’mod kunfidenzjali u sa fejn din l-informazzjoni intużat biss bl-għan li jinġabru provi ġodda, [huwa] jista’ biss jiżvela din l-informazzjoni inizjali u s-sors tagħha bil-kunsens tal-persuna jew tal-entità li tkun ipprovdiethom”.

62      Issa, il-Kunsill sostna li, fil-kuntest tat-talbiet li sarulu mill-prosekutur tat-TKIJ u li kienu intiżi sabiex huwa jkun awtorizzat juża r-rapporti bħala provi u li jgħaddihom lid-difiża, huwa kien eżamina s-suġġett ta’ dawn it-talbiet u kien stabbilixxa l-kundizzjonijiet li bihom ir-rapporti setgħu jiġu kkomunikati lid-difiża ta’ A. Gotovina, u dan wasslu sabiex jgħaddi lill-prosekutur verżjonijiet imnaddfin tar-rapporti li kienu intiżi sabiex jiġu kkomunikati lid-difiża u, skont l-Artikolu 70 B tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ Prova tat-TKIJ, sabiex jintużaw bħala provi (ara l-punt 61 iktar ’il fuq).

63      Għalhekk, minkejja li r-rikorrent isostni li r-rapporti ġew ikkomunikati lil A. Gotovina skont ir-Regolament Nru 1049/2001, qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li huwa ma kkontestax ir-realtà tal-proċedura tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni użata bl-għan uniku li jinġabru provi ġodda mill-prosekutur tat-TKIJ fil-kuntest ta’ kawża deċiża minn dan it-tribunal, bħalma hija dik deskritta fil-punti 59 sa 62 iktar ’il fuq. Imbagħad, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill dwar il-proċedura ta’ komunikazzjoni ta’ rapporti lid-difiża ta’ A. Gotovina, fil-kuntest tal-kawża quddiem it-TKIJ, għandu jiġi kkonstatat ukoll li ebda element mill-proċess ma jissuġġerixxi li l-Kunsill ikkomunika t-48 rapport lil A. Gotovina wara talba għal aċċess għad-dokumenti ppreżentata minnu abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, minkejja li r-rikorrent għamel riferiment, għall-ewwel darba matul is-seduta, għal talba tat-30 ta’ Mejju 2007, li permezz tagħha A. Gotovina jew l-avukati tiegħu, skont hu, talbu lill-Kunsill l-aċċess għal xi rapporti, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li dan id-dokument, dejjem jekk jeżisti, ma ġiex prodott f’din il-kawża.

64      Konsegwentement, it-tielet motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħhu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li wieħed jidħol fil-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrent, fil-posta tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2010.

65      Fir-rigward tat-talba ta’ esklużjoni tar-rappreżentanti tal-Kunsill mill-proċedura, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi kkonstatat li l-aġir attribwit lill-imsemmija aġenti, jiġifieri li huma ma infurmawx lill-Qorti Ġenerali bl-eżistenza tad-deċiżjoni Il-Prosekutur vs Ante Gotovina, Ivan Čermak u Mladen Markač (punt 16 iktar ’il fuq), f’dan il-każ ma jistax jikkostitwixxi motiv ta’ esklużjoni mill-proċedura.

 Fuq l-ispejjeż

66      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ivan Jurašinović għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Forwood

Dehousse

Prek

Schwarcz

 

       Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Ottubru 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.