Language of document : ECLI:EU:T:2012:515

Kawża T-465/09

Ivan Jurašinović

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Talba għal aċċess għar-rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995 — Rifjut ta’ aċċess — Riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali — Żvelar preċedenti”

Sommarju - Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tat-3 ta’ Ottubru 2012

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Suġġett — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessi 4 u 11, u Artikoli 1 u 4)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Ħarsien tal-interess pubbliku — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(a))

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Ħarsien tal-interess pubbliku — Relazzjonijiet internazzjonali — Rifjut ta’ żvelar tar-rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995 — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(a))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Ħarsien tal-interess pubbliku — Interess pubbliku li jiġġustifika żvelar ta’ dokumenti — Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Sistema partikolari għad-dokumenti klassifikati — Assenza ta’ klassifikazzjoni ta’ dokument — Nuqqas ta’ effett fuq il-fakultà, tal-istituzzjoni destinatarja ta’ talba, sabiex tirrifjuta l-aċċess għaliha abbażi tal-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tar-relazzjonijiet internazzjonali fid-dawl tal-kontenut sensittiv tad-dokument inkwistjoni

(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4 u 9)

6.      Rikors għal annullament — Motivi — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-aċċess għal xi rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja — Żvelar preċedenti tal-imsemmija rapporti lil ċittadin tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kawża quddiem it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja — Motiv infondat

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 22-25)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26-28)

3.      L-eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess, mill-Kunsill, għar-rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni preżenti fil-Kroazja, fiż-żona ta’ Knin, mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995. Fil-fatt, l-iżvelar ta’ dawn ir-rapporti kien ta’ natura li jeffettwa ħażin l-għanijiet segwiti mill-Unjoni fir-reġjun tal-Balkani oċċidentali – jiġifieri, li tikkontribwixxi għall-paċi, għall-istabbiltà u għal rikonċiljazzjoni reġjonali sostenibbli, bl-għan, b’mod partikolari, li tissaħħaħ, fir-rigward tal-Unjoni, l-integrazzjoni tal-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun – u, għalhekk, ta’ natura li jeffettwa ħażin ir-relazzjonijiet internazzjonali, peress li għaldaqstant kienu jiġu żvelati l-osservazzjonijiet magħmula jew l-evalwazzjonijiet miġjuba mill-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Komunità Ewropea dwar is-sitwazzjoni politika, militari u ta’ sigurtà, matul fażi deċiżiva tal-kunflitt bejn il-forzi Kroati u l-forzi federali Jugoslavi, bl-iżvelar ta’ dawn l-elementi jkun jista’ jnissel jew iżid ir-riżentiment jew it-tensjoni bejn il-komunitajiet differenti tal-pajjiżi li kienu partijiet fil-kunflitti fl-ex Jugoslavja jew bejn il-pajjiżi li ħarġu mill-Jugoslavja, u b’hekk tiddgħajjef il-fiduċja li l-Istati tal-Balkani oċċidentali għandhom f’dan il-proċess ta’ integrazzjoni.

(ara l-punti 39, 40)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47-49)

5.      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jistabbilixxi sistema partikolari għall-aċċess għad-dokumenti klassifikati, b’mod partikolari fir-rigward tal-persuni inkarigati sabiex jipproċessaw it-talbiet għal aċċess u għall-ħtieġa li jinkiseb il-kunsens minn qabel mill-awtorità mingħand min joriġinaw. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(4) tal-imsemmi regolament jipprovdi li kull deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokument ikklassifikat għandha tkun ibbażata fuq motivi li ma jagħmlux ħsara lill-interessi li l-ħarsien tagħhom huwa previst fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, minn dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jirriżulta li l-assenza ta’ klassifikazzjoni ta’ dokument tipprojbixxi lill-istituzzjoni destinatarja ta’ talba milli tirrifjuta l-aċċess għalih minħabba r-riskju ta’ effett ħażin fuq il-ħarsien tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali, minħabba li d-dokument jinkludi xi elementi sensittivi.

(ara l-punt 51)

6.      Għandu jiġi miċħud, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kunsill li tirrifjuta l-aċċess għal xi rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja, il-motiv fondat fuq l-eżistenza ta’ żvelar preċedenti tal-imsemmija rapporti, ibbażat fuq il-komunikazzjoni minn qabel tagħhom lil ċittadin tal-Unjoni, permezz tal-avukati tiegħu, matul kawża quddiem it-Tribunal Kriminali Internazzjnali għall-ex Jugoslavja, peress li xejn ma jissuġġerixxi li l-Kunsill ikkomunika dawn ir-rapporti lill-imsemmi ċittadin wara talba għal aċċess għad-dokumenti ppreżentata minnu abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 55, 63, 64)