Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Novembru 2009 - Il-Kummissjoni Ewropea vs New Acoustic Music u Anna hildur Hildibrandsdottir

(Kawża T-464/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A.-M. Rouchaud-Joët, N. Bambara, aġenti, assistiti minn C. Erkelens, lawyer)

Konvenuti: New Acoustic Music (Orpington, ir-Renju Unit) u Anna Hildur Hildibrandsdottir (Orpington)

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-konvenuti jħallsu lura lill-Kummissjoni l-ammont ta' EUR 31,136.23, prinċipalment, flimkien mal-interessi bir-rata ta' 7,70 % fis-sena mid-data tal-14 ta' Jannar 2008 sad-data li fiha jsir l-aħħar pagament;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jirrigwarda ftehim ta' għoti, identifikat bin-numru ta' kuntratt 2003-1895/001-001, bejn il-Kummissjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Kummissjoni") u n-New Acoustic Music Association (iktar 'il quddiem in-"NAMA"), irrappreżentata minn Anna Hildur Hildibrandsdottir, sabiex jitwettaq il-proġett intitolat CLT2003/A1/GB-317 - European Music Roadwork fil-qafas tal-programm "Kulture 2000"1.

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-konvenuti, li huma responsabbli in solidum għall-ammont sħiħ, wieħed fin-nuqqas tal-ieħor, sabiex iħallsu lura lill-Kummissjoni s-somma ta' EUR 31,136.23, flimkien mal-interessi minħabba nuqqas ta' ħlas, li jirriżultaw mid-differenza bejn is-somma mħallsa minn qabel mir-rikorrenti lin-NAMA għall-implementazzjoni tal-proġetti ffinanzjati bil-ftehim ta' għoti u s-somma li n-NAMA hija intitolata għaliha.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed. Hija ssostni li n-NAMA kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha billi naqset li tħallas lura parti mill-ħlas minn qabel magħmul mill-Kummissjoni peress li l-ispejjeż eliġibbli reali kienu inqas mill-istima tal-ispejjeż totali.

Il-Kummissjoni ssostni li kemm Acoustic u kemm Anna Hildur Hildibrandsdottir, fil-kapaċita tagħha ta' soċju u rappreżentant legali awtorizzat tan-NAMA, huma responsabbli in solidum għas-somma dovuta.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Nru 508/2000/KE, tal-14 ta' Frar 2000, li tistabbilixxi l-programm Kultura 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 01, P. 97).