Language of document : ECLI:EU:T:2014:1083

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

11 ta’ Diċembru 2014

Kawża T‑283/08 P-DEP

Pavlos Longinidis

vs

Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

“Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż – Onorarji tal-avukat – Rappreżentanza ta’ korp tal-Unjoni minn avukat – Remunerazzjoni fissa – Spejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn ta’ aġent – Spejjeż ta’ traduzzjoni – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrent”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, imressqa skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minn M. Pavlos Longinidis wara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Longinidis vs Cedefop (T‑283/08 P, ĠabraFP, EU:T:2011:338).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati minn Pavlos Longinidis liċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) huwa stabbilit fl-ammont ta’ EUR 6 300.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru – Kunċett – Assenza ta’ rekwiżit ta’ rifjut sostnut mill-parti kkundannata għall-ispejjeż għal talba ta’ rimbors

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 92(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Kunċett – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Sitwazzjoni ekonomika tal-parti kkundannata għall-ispejjeż – Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Kunċett – Onorarji mħallsa minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni lill-avukat tiegħu – Inklużjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ir-rikorrenti minħabba l-użu ta’ avukat f’ċerti kawżi iżda mhux f’oħrajn – Assenza

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

4.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Intaxxar fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża pprovduta mill-persuna li tagħmel it-talba jew, fin-nuqqas, fuq evalwazzjoni xierqa tal-qorti tal-Unjoni – Natura fissa tar-remunerazzjoni ta’ avukat – Assenza ta’ effett fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

5.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Kunċett – Intervent minn diversi avukati – Kundizzjoni – Eżistenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

6.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Kunċett – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Spejjeż ta’ traduzzjoni esterni marbuta ma’ traduzzjonijiet ta’ atti proċedurali ppreżentati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1, kif emendat bir-Regolament Nru 517/2003, Artikolu 1; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 35(3), 43(2) u 91(b))

1.      Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk ikun hemm kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi appellat fuq it-talba tal-parti interessata, wara li jinstemgħu l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra.

Għalhekk, sabiex jiġi evitat li l-effettività tal-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni tiġi prekluża, liema dispożizzjoni hija intiża sabiex tingħata deċiżjoni finali dwar l-ispejjeż tal-istanza, ma jistax jiġi aċċettat li kontestazzjoni fis-sens tal-imsemmi artikolu ssir biss meta l-parti destinatarja ta’ talba għal rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa ssostni rifjut espliċitu u sħiħ għaliha.

(ara l-punti 12 u 13)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: digriet tal-25 ta’ Marzu 2014, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑126/11 P-DEP, EU:T:2014:171, punt 13

2.      Mill-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma biss, minn naħa, dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa liberament l-informazzjoni tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-kawża, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-konsulenti intervenuti u l-interessi ekonomiċi li l-kawża rrappreżentat għall-partijiet. Meta tiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument meta jiġi deċiż id-digriet għall-intaxxar tal-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli li jirrigwardaw il-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż.

Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ekonomika tal-parti li ġiet ikkundannata għall-ispejjeż ma taqax taħt il-kriterji li skonthom l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru huwa stabbilit mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż.

(ara l-punti 19 sa 21 u 67)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: digrieti tat-28 ta’ Ġunju 2004, Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99 DEP, Ġabra, EU:T:2004:192, punt 18; tal-31 ta’ Marzu 2011, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T‑5/02 DEP u T‑80/02 DEP, EU:T:2011:129, punt 53, u tat-23 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑498/09 P-DEP, EU:T:2012:147, punti 13 sa 15

3.      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma, fir-rigward tal-mod li bih huma jridu jiġu rrappreżentati jew assistiti quddiem il-qorti tal-Unjoni, liberi li jiddeċiedu li jirrikorru għall-assistenza ta’ avukat. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-Istatut, l-organi tal-Unjoni għandhom jiġu assimilati għal dawn l-istituzzjonijiet.

Għalhekk, għalkemm il-fatt li organu tal-Unjoni jkun involva aġent u avukat estern ma għandux konsegwenza fuq li dawn l-ispejjeż inkwistjoni jistgħu potenzjalment jinġabru, peress li ma hemm xejn li jeskludihom bħala prinċipju, dan jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont li jista’ jinġabar in fine tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura. F’dan ir-rigward, ma tistax tkun kwistjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ir-rikorrenti meta l-organu tal-Unjoni konvenut jiddeċiedi li juża s-servizzi ta’ avukat f’ċerti kawżi, filwaqt li f’oħrajn huwa jiġi rrappreżentat mill-aġenti tiegħu.

Fil-fatt, kull evalwazzjoni oħra li tissuġġetta d-dritt ta’ organu tal-Unjoni, li jitlob integralment jew parzjalment l-onorarji mħallsa lil avukat, għad-demostrazzjoni ta’ neċessità oġġettiva li jintużaw is-servizzi tiegħu tikkostitwixxi fir-realtà limitazzjoni indiretta tal-libertà ggarantita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u timplika għall-qorti tal-Unjoni l-obbligu li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet u organi responsabbli mill-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom b’dik tagħha. Issa, tali kompitu ma huwiex kompatibbli la mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna li jgawdu minnha l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-kawżi tagħhom quddiem il-qrati tal-Unjoni.

(ara l-punti 24 sa 26)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, OCVV vs Schräder, C‑38/09 P-DEP, EU:C:2013:679, punti 20 sa 22 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali: digriet tat-28 ta’ Mejju 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑278/07 P-DEP, Ġabra, EU:T:2013:269, punti 14 u 15

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28 u 31)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: digrieti Marcuccio vs Il-Kummissjoni, EU:T:2013:269, punt 20, u Marcuccio vs Il-Kummissjoni, EU:T:2014:171, punti 31 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 50)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: digriet tal-20 ta’ Jannar 2014, Schönberger vs Il-Parlament, T‑186/11 DEP, EU:T:2014:40, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      L-ispejjeż tat-traduzzjonijiet li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni huma meħtieġa li jipproduċu quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 43(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Barra minn hekk, huwa biss fir-rigward tal-intervenjenti li l-Qorti Ġenerali tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, in-nautra indispensabbli tal-ispejjeż tat-traduzzjoni.

F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ rikors ippreżentat fil-lingwa Griega kontra korp tal-Unjoni li r-rappreżentanti tiegħu ma għandhomx għarfien ta’ din il-lingwa u li rrikorrew għal avukat estern li għandu għarfien tal-Grieg, l-użu ta’ dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa suffiċjenti sabiex dan il-korp ikun jista’ jaħdem, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, bil-Grieg, konformement mal-obbligi previsti fl-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1, li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ekonomika Ewropea, kif emendat bir-Regolament Nru 517/2013. Issa, jekk jiġi aċċettat li l-ispejjeż tat-traduzzjoni huma spejjeż li jistgħu jinġabru, dan jagħti lok għal diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, billi dawn l-ispejjeż ma kinux jiġu sostnuti mill-korp tal-Unjoni kieku r-rikorrent għażel lingwa proċedurali oħra użata mill-istess korp.

(ara l-punti 61, 62 u 64)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digriet tas-26 ta’ Novembru 2004, BEI vs De Nicola, C‑198/02 P(R)-DEP, EU:C:2004:754, punti 21 u 22

Il-Qorti Ġenerali: digriet tat-18 ta’ April 2006, Euroalliages et vs Il-Kummissjoni, T‑132/01 DEP, EU:T:2006:112, punt 46