Language of document : ECLI:EU:T:2022:736

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Lulju 2018 (*)

“Appell – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 239 – Maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni – Importazzjoni ta’ drapp tal-għażel mil-Latvja bejn l-1999 u l-2002 – Sitwazzjoni partikolari – Obbligi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll – Allegata korruzzjoni tal-awtoritajiet doganali – Ċertifikat ta’ moviment mhux awtentiku – Fiduċja reċiproka”

Fil-Kawża C‑574/17 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Caeiros u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-proċedura hija:

Combaro SA, stabbilita f’Lausanne (l-Isvizzera), irrappreżentata minn D. Ehle, Rechtsanwalt,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Lulju 2017, Combaro vs Il-Kummissjoni (T‑752/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:529), li permezz tagħha ġiet annullata d-Deċiżjoni C(2014) 4908 finali tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Lulju 2014, li tikkonstata li l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni ma hijiex iġġustifikata f’każ partikolari (REM 05/2013) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

2        L-Artikolu 34 tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Latvja, min-naħa l-oħra (ĠU 1998, L 26, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), kien ifformulat kif ġej:

“Il-Protokoll Nru 3 [dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘prodotti oriġinarji’ u tal-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva] jistabbilixxi r-regoli ta’ oriġini għall-applikazzjoni tat-tariffi preferenzjali previsti minn dan il-ftehim, kif ukoll il-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikoli 16 u 17 tal-Protokoll Nru 3 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u tal-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 4/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Latvja, min-naħa l-oħra, tat-2 ta’ Diċembru 1998, dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi fid-Deċiżjoni Nru 1/97 tal-Kumitat Konġunt adottat skont il-Ftehim dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ akkumpanjament bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, minn naħa, u r-Repubblika tal-Latvja, min-naħa l-oħra (ĠU 1999, L 6, p. 10) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 3”), kienu jispeċifikaw li l-prodotti li joriġinaw mil-Latvja kienu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija EUR.1 maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni.

4        L-Artikolu 31(2) ta’ dan il-protokoll kien jipprovdi li:

“Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta ta’ dan il-protokoll, il-Komunità u l-Latvja għandhom joffru assistenza reċiproka lil xulxin, permezz tal-amministrazzjonijiet doganali rispettivi tagħhom, għall-kontroll tal-awtentiċità taċ-ċertifikati EUR.1 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 32 tal-imsemmi protokoll, bit-titolu “Kontroll tal-prova tal-oriġini”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 5 tiegħu:

“1.      Il-kontroll a posteriori tal-provi tal-oriġini għandu jitwettaq b’għażla każwali jew kull meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jkollhom dubji serji dwar l-awtentiċità tad-dokumenti, in-natura tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati jew l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan il-protokoll.

[…]

3.      Il-kontroll għandu jsir mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni. Għal dan il-għan, huma għandu jkollhom id-dritt li jitolbu kwalunkwe prova u jagħmlu kwalunkwe spezzjoni tal-kotba tal-esportatur jew kwalunkwe tip ta’ kontroll ieħor li huma jikkunsidraw xieraq.

[…]

5.      L-awtoritajiet doganali li jitolbu l-kontroll għandhom jiġu informati bir-riżultati tagħha malajr kemm jista’ jkun. Huma għandhom jindikaw biċ-ċar jekk id-dokumenti humiex awtentiċi u jekk il-prodotti kkonċernati jistgħux jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw mil-[…] Latvja […] u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan il-protokoll.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Kodiċi Doganali

6        L-Artikolu 239(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) jipprovdi:

“Dazji fuq l-importazzjoni […] jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu [jinħafru] f’sitwazzjonijiet […]:

[…]

–        li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. […]”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni

7        L-Artikolu 899(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1335/2003, tal-25 ta’ Lulju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 463) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”), jispeċifika:

“Fil-każi l-oħrajn, apparti milli f’dawk li fihom id-dossier għandu jkun ippreżentat lill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 905, l-awtorità doganali li tieħu d-deċiżjoni għandha hija nnifisha tiddeċiedi li tagħti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tad-dazji ta’ l-importazzjoni […] meta jkun hemm sitwazzjoni speċjali li tirriżulta minn ċirkostanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza ovvja ma tista tkun attribwita għall-persuna kkonċernata.

[…]”

8        L-Artikolu 905(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi:

“Meta l-applikazzjoni għal rifużjoni jew remissjoni ippreżentata pemezz ta’ l-Artikolu 239(2) tal-[Kodiċi Doganali] tkun sostnuta b’evidenza li tista tikkostitwixxi sitwazzjoni speċjali li tirriżulta minn ċirkostanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza ovvja ma tista tkun attribwita lill-persuna kkonċernata, l-Istat Membru li lilu l-awtorità doganali li tieħu d-deċiżjoni tkun tappartieni għandha titrasmetti l-każ lill-Kummissjoni sabiex tkun imwettqa permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 906 sa 909 meta:

–        l-aworità tikkonsidra li sitwazzjoni speċjali tkun ir-riżultat li l-Kummissjoni tkun naqset fl-obligazzjonijiet tagħha […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma indikati fil-punti 1 sa 28 tas-sentenza appellata.

10      Id-deċiżjoni kontenzjuża għandha bħala suġġett dazji fuq l-importazzjoni fuq drapp tal-għażel li ġie importat fl-Unjoni Ewropea mill-Ġermanja, bejn l-10 ta’ Diċembru 1999 u l-10 ta’ Ġunju 2002, minn Combaro SA, u li l-oriġini preferenzjali Latvjana tiegħu ma ġiex ipprovat.

11      Il-prodotti tessili ta’ oriġini preferenzjali Latvjana kienu, matul dan il-perijodu, eżenti minn restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Dawn it-tessili kienu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni biss jekk l-importatur kien jagħti prova tal-oriġini tagħhom permezz ta’ ċertifikat ta’ moviment EUR.1 maħruġ mill-awtoritajiet doganali Latvjani waqt l-esportazzjoni.

12      F’dan il-każ, Combaro bbenefikat minn eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, mogħtija mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi fuq preżentazzjoni ta’ 51 ċertifikat ta’ moviment tal-merkanzija (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati kontenzjużi”).

13      Wara senjalazzjoni mwettqa mill-amministrazzjoni doganali Daniża, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) wettaq missjoni ta’ investigazzjoni fil-Latvja. Fid-dawl tar-rapport tal-OLAF, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri, fil-11 ta’ Settembru 2002, komunikazzjoni ta’ assistenza reċiproka fejn intalab li jsir kontroll tal-importazzjonijiet kollha tad-drapp tal-għażel li joriġina mil-Latvja.

14      L-awtoritajiet doganali Ġermaniżi talbu għalhekk lill-awtoritajiet doganali Latvjani kontroll a posteriori taċ-ċertifikati kontenzjużi. L-awtoritajiet doganali Latvjani wieġbu għat-talbiet tal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi permezz ta’ ittri tas-7 ta’ April, tat-2 ta’ Mejju u tas-7 ta’ Mejju 2003 (iktar ’il quddiem, l-“ittri tal-2003”) kif ġej:

“[Iċ-]ċertifikati [kontenzjużi] ma ġewx imniżżla fir-reġistru doganali. Huma ma nħarġux mid-dwana Latvjana u għalhekk għandhom jitqiesu bħala invalidi.”

15      L-awtoritajiet doganali Ġermaniżi, permezz ta’ deciżjoni tat-3 ta’ Lulju 2003, iddeċidew li jibdew proċedura ta’ rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni korrispondenti għall-imsemmija ċertifikati.

16      Fil-frattemp, fuq talba tal-OLAF, saru perizji dwar iċ-ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija ppreżentati għall-importazzjonijiet fid-Danimarka. Minn dawn il-perizji rriżulta, minn naħa, li t-timbri fuq dawn iċ-ċertifikati kienu probabbilment awtentiċi u, min-naħa l-oħra, li l-firma li tinsab fuq l-imsemmija ċertifikati kienet, bi probabbiltà kemxejn predominanti, dik ta’ aġent doganali Latvjan.

17      Wara deċiżjoni tal-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja), il-Bundesministerium der Finanzen (Il-Ministeru Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) talab lil Combaro sabiex tagħti l-opinjoni tagħha u, fit-3 ta’ Settembru 2013, ressaq quddiem il-Kummissjoni talba għall-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura REM 05/2013.

18      Fis-16 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

19      Fil-premessa 32 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li ma kienet teżisti l-ebda sitwazzjoni partikolari, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, li kienet dovuta għal nuqqas tal-awtoritajiet doganali Latvjani, peress li hija ma setgħetx tasal għall-konklużjoni li dawn l-awtoritajiet kienu pparteċipaw fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi.

20      Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk hija stess kinitx naqset milli twettaq l-obbligi tagħha fil-kuntest tas-sorveljanza tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-premessi 36 sa 41 tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija kkonkludiet li l-aġir tagħha ma kienx jagħti lok għal sitwazzjoni partikolari.

21      Billi l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 45 ta’ din id-deċiżjoni, li maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni ma kinitx iġġustifikata, fl-assenza ta’ sitwazzjoni partikolari, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, hija żiedet, fil-premessi 48 sa 52 tal-imsemmija deċiżjoni, li Combaro ma kinitx tat prova tad-diliġenza meħtieġa.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Novembru 2014, Combaro ppreżentat azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn ta’ dan ir-rikors, Combaro invokat motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

23      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti minn Combaro.

 It-talbiet tal-partijiet

24      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza minn Combaro, u

–        tikkundanna lil Combaro għall-ispejjeż relatati mal-proċeduri tal-appell u tal-ewwel istanza.

25      Combaro titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

26      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka erba’ aggravji.

27      F’dan il-każ, hemm lok, li jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell, ibbażati rispettivament fuq żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u fuq żnaturament tal-provi fir-rigward tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari.

 L-argumenti tal-partijiet

28      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti fir-rigward tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, peress li kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti u li hija ma wettqitx l-obbligi tagħha ta’ sorveljanza fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

29      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-miżuri diġà meħuda mill-Kummissjoni sabiex tikseb informazzjoni dwar l-iskambji kummerċjali tad-drapp tal-għażel bejn l-Unjoni u l-Latvja, li jinkludu wkoll is-sitwazzjoni ta’ Combaro.

30      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjonijiet żbaljati dwar il-miżuri li l-Kummissjoni kellha tieħu.

31      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali kkritikat b’mod żbaljat lill-Kummissjoni dwar il-qerda tat-timbri mill-awtoritajiet doganali Latvjani, filwaqt li hija stess irrilevat li ma kienx jeżisti obbligu ta’ konservazzjoni tat-timbri użati.

32      Barra minn hekk, hija ssostni li, fid-dawl tal-konferma ripetuta ta’ dawn l-awtoritajiet dwar in-natura mhux awtentika taċ-ċertifikati kontenzjużi, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kellha teżiġi mill-imsemmija awtoritajiet eżami mill-ġdid ta’ dawn iċ-ċertifikati hija vvizzjata minn diversi żbalji.

33      Fil-fatt, l-istess awtoritajiet eżaminaw, matul is-snin 2003 u 2007, iċ-ċertifikati kontenzjużi u, għal darbtejn, huma għamlu l-istess dikjarazzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali ma setgħetx għalhekk validament tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-firmatarju tal-ittri tal-2003 ġie kkundannat kriminalment, peress li t-tweġiba li tinsab fl-ittra tas-26 ta’ Ġunju 2007 (iktar il quddiem it-“tweġiba tal-2007”) hija, fi kwalunkwe każ, iffirmata minn uffiċjal ieħor u hija, għaldaqstant, perfettament regolari.

34      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-fatt li l-Kummissjoni hija marbuta, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kontroll a posteriori mwettaq mill-awtoritajiet doganali Latvjani. Għall-kuntrarju, hija kkritikat ukoll lill-Kummissjoni li ma wettqitx dan l-obbligu u li qieset b’mod żbaljat li hija kellha tfittex informazzjoni supplimentari.

35      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta ddikjarat li l-Viċi Direttur tal-awtoritajiet doganali Latvjani, firmatarju taċ-ċertifikati kontenzjużi u tal-ittri fil-kuntest tal-kontroll a posteriori, ġie kkundannat għal aġir illegali fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu. Għalhekk minn sempliċi paragun bejn id-diversi atti tal-proċess jirriżulta li ċ-ċertifikati kontenzjużi ma kinux ġew iffirmati minn din il-persuna.

36      Is-sentenza appellata hija, sussegwentement, ivvizzjata minn żnaturament ieħor tal-provi, sa fejn tikkonstata li l-awtoritajiet doganali Latvjani ma setgħux jipprovdu t-timbri oriġinali tal-uffiċċji doganali kkonċernati.

37      Fl-aħħar nett, dawn iż-żewġ żnaturamenti huma deċiżivi, peress li, fl-assenza tagħhom, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li ma kienx hemm lok, għall-Kummissjoni, li tieħu miżuri supplimentari.

38      Combaro titlob iċ-ċaħda tal-ewwel u tat-tieni aggravju tal-appell.

39      Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni jikkostitwixxu miżuri ġenerali li kienu insuffiċjenti f’dan il-każ.

40      Fir-rigward tal-miżuri supplimentari meħtieġa mill-Kummissjoni, dawn kellhom fil-fatt jittieħdu. B’mod partikolari, kontrolli effettivi taċ-ċertifikati kontenzjużi kienu jkunu neċessarji, sa fejn, minħabba elementi rrilevati mill-Qorti Ġenerali, il-bażi ta’ fiduċja reċiproka għebet. L-awtoritajiet ta’ pajjiż li fir-rigward tagħhom jeżisti suspett ta’ korruzzjoni ma jistgħux jippretendu tali fiduċja. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tagħti wisq importanza lill-piż mogħti mill-Qorti Ġenerali lill-identità tal-firmatarju tal-ittri tal-2003. Dawn, fil-fatt, jikkostitwixxu biss indizju fost oħrajn.

41      Lanqas it-tweġiba tal-2007 ma għandha l-valur mogħti lilha mill-Kummissjoni, peress li hija ma tistax isservi bħala konferma affidabbli tal-ittri tal-2003 u peress li ma hijiex ibbażata fuq eżami effettiv tal-informazzjoni tal-kawża.

42      Barra minn hekk, għalkemm Combaro tammetti li l-Viċi Direttur tal-awtoritajiet doganali Latvjani ma ffirmax iċ-ċertifikati kontenzjużi, iżda biss l-ittri tal-2003, hija ssostni li l-firmatarju ta’ dawn iċ-ċertifikati ma huwiex magħruf u li huwa kien jaħdem taħt l-awtorità ta’ dan il-Viċi Direttur. Minbarra dan, kopji taċ-ċertifikati kontenzjużi kienu mehmuża mal-ittri tal-2003, li jimplika li dawn iċ-ċertifikati u dawn l-ittri għandhom jitqiesu bħala unità waħda.

43      It-tieni żnaturament irrilevat mill-Kummissjoni ma jista’ lanqas jiġi aċċettat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jikkostitwixxi, flimkien mal-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, klawżola ġenerali ta’ ekwità intiża sabiex tkopri sitwazzjoni eċċezzjonali li fiha tkun tinsab il-persuna li tiddikjara meta mqabbla mal-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2011, Bolton Alimentari, C‑494/09, EU:C:2011:87, punt 54, u tat-22 ta’ Marzu 2012, Il-Portugall vs Transnáutica, C-506/09 P, EU:C:2012:156, punt 65).

45      Din il-klawżola ġenerali ta’ ekwità timplika l-maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni sakemm ikunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari u l-assenza ta’ negliġenza manifesta u ta’ qerq min-naħa tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 86).

46      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, wara l-eżami tal-ewwel parti tal-motiv uniku invokat minn Combaro, li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li din il-kumpannija ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni partikolari, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

47      Mill-punti 90 u 91 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-konklużjoni hija bbażata fuq l-evalwazzjoni li, minn naħa, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li hija kellha informazzjoni suffiċjenti li tippermettilha tevalwa s-sitwazzjoni u, min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni kienet naqset milli tieħu l-miżuri konkreti abbażi tal-funzjoni tagħha ta’ sorveljenza u ta’ kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

48      Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkunsidrat, b’mod partikolari fil-punti 77 u 85 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni kellha tiċċara l-fatti tal-każ u li, għalkemm din l-istituzzjoni kienet użat b’mod sħiħ il-prerogattivi tagħha, in-natura awtentika jew falza taċ-ċertifikati kontenzjużi setgħet tiġi stabbilita b’iktar ċertezza.

49      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 87 u 88 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tillimita ruħha għat-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali Latvjani fil-kuntest tal-kontroll a posteriori sabiex tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ Combaro u li hija kellha tuża l-prerogattivi tagħha, minkejja dawn it-tweġibiet.

50      Issa, għandu jiġi rrilevat li, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 86 tas-sentenza appellata, jirriżulta li s-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita minn protokoll li jistabbilixxi, f’anness ma’ ftehim konkluż bejn l-Unjoni u pajjiż terz, regoli li jikkonċernaw l-oriġini ta’ prodotti hija bbażata fuq fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ importazzjoni u dawk tal-pajjiż ta’ esportazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 28 u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Sandler, C‑175/12, EU:C:2013:681, punt 49).

51      Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fir-rigward b’mod partikolari tal-kontroll a posteriori taċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa mill-pajjiż ta’ esportazzjoni, li l-konklużjonijiet u l-evalwazzjonijiet magħmula legalment mill-awtoritajiet ta’ dan tal-aħħar huma imposti, bħala prinċipju, fuq l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punti 62 u 63, kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C-409/10, EU:C:2011:843, punt 29).

52      Dawn il-prinċipji huma kollha rilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, peress li mill-Artikoli 17 u 32 tal-Protokoll Nru 3 jirriżulta li l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni għandhom joħorġu ċ-ċertifikati EUR.1, jikkontrollow, għal dan il-għan, l-oriġini tal-merkanzija kkonċernata u jiddeċiedu, skont il-każ, dwar l-awtentiċità ta’ tali ċertifikati.

53      L-imsemmija prinċipji għandhom, barra minn hekk, jiġu trasposti, mutatis mutandis, għar-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni meta din l-istituzzjoni tiddeċiedi dwar l-awtentiċità ta’ tali ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

54      Fil-fatt, f’dan il-każ speċifiku, il-Kummissjoni hija mitluba, sabiex tiddeċiedi dwar il-kumpens jew il-maħfra ta’ dazji fuq l-importazzjoni, teżamina, minflok l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ ċerta merkanzija u l-applikazzjoni tar-regoli doganali rilevanti, b’mod partikolari dawk dwar l-awtentiċità ta’ ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 90).

55      F’dan il-kuntest, il-motivi prinċipali ppreżentati, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala li jiġġustifikaw il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni amministrattiva bbażata fuq il-fiduċja mogħtija lir-riżultati tal-kontrolli a posteriori mwettqa mill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jiġifieri l-fatt li dawn huma fl-aħjar pożizzjoni biex jagħmlu dan il-kontroll, il-fatt li tali sistema għandha l-vantaġġ li twassal għal riżultati ċerti u uniformi u n-neċessità li jiġi żgurat rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Les Rapides Savoyards et, 218/83, EU:C:1984:275, punti 26 u 27, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 1997, Pascoal & Filhos, C-97/95, EU:C:1997:370, punt 32), jimplikaw li l-konklużjonijiet li wasslu għalihom l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni huma imposti, bħala prinċipju, fuq il-Kummissjoni, meta din l-istituzzjoni tevalwa l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni għandha raġun meta ssostni li hija kellha, bħala prinċipju, toqgħod fuq il-konklużjonijiet u fuq l-evalwazzjonijiet magħmula legalment mill-awtoritajiet doganali Latvjani, fil-kuntest tal-kontroll a posteriori previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, sabiex tiddeċiedi dwar l-awtentiċità taċ-ċertifikati kontenzjużi.

57      Ċertament, il-fiduċja mogħtija b’dan il-mod lil dawn l-awtoritajiet ma timplikax li l-Kummissjoni ma tista’, fl-ebda każ, tiġi mitluba twettaq investigazzjonijiet sabiex tevalwa l-awtentiċità ta’ tali ċertifikati.

58      Għalhekk, fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, (C‑204/07 P, EU:C:2008:446), li għaliha għamlet riferiment il-Qorti Ġenerali fil-punti 70 sa 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha tieħu miżuri konkreti sabiex tivverifika l-awtentiċità ta’ ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija u li omissjoni f’dan ir-rigward setgħet tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari.

59      Madankollu, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-obbligu li twettaq għalhekk investigazzjonijiet iddettaljati fuq tali ċertifikati, fil-kuntest tal-funzjoni ġenerali tal-Kummissjoni ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-applikazzjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kien iġġustifikat minn ċirkustanzi partikolari ħafna, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni kienu għamlu evalwazzjonijiet relatati ma’ dawn iċ-ċertifikati li kienu vvizzjati minn ambigwitajiet u inkoerenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni, (C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 111).

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-fiduċja dovuta bħala prinċipju lil dawn l-awtoritajiet, il-Kummissjoni ma setgħetx, fl-imsemmija kawża, tiddeċiedi fuq it-talba li tressqet quddiemha, fuq il-bażi biss tat-tweġibiet ipprovduti lilha minn dawn l-awtoritajiet.

61      Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, is-sentenza appellata ma tinvolvi l-ebda element li fuq il-bażi tiegħu l-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tweġibiet ipprovduti mill-awtoritajiet doganali Latvjani kienu ambigwi jew inkoerenti. Jirriżulta, għall-kuntrarju, mill-punt 87 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha tiskarta l-konklużjonijiet li kienu wasslu għalihom dawn l-awtoritajiet.

62      Sabiex tiġġustifika din is-soluzzjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-qosor tal-konstatazzjonijiet imwettqa mill-imsemmija awtoritajiet u fuq il-fatt li l-konferma tal-konstatazzjonijiet, matul is-sena 2007, ma rriżultatx minn eżami mill-ġdid tal-proċess, iżda wkoll fuq sensiela ta’ fatti ppreżentati bħala indizji ta’ implikazzjoni possibbli tal-istess awtoritajiet fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi.

63      B’mod iktar speċifiku, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

–        il-kontroll a posteriori taċ-ċertifikati kontenzjużi nbeda bħala konsegwenza tal-investigazzjoni tal-OLAF dwar l-importazzjonijiet ta’ drapp tal-għażel fid-Danimarka;

–        ir-rapport tal-OLAF isemmi tranżitu qasir ħafna tad-drapp tal-għażel f’maħżen doganali Latvjan sabiex tinħeba l-oriġini tal-merkanzija inkwistjoni;

–        il-perizji mwettqa fuq it-timbri u l-firem li jinsabu fuq iċ-ċertifikati użati għall-importazzjonijiet fid-Danimarka, wara r-rapport tal-OLAF, juru li dawn probabbilment kienu timbri u firem awtentiċi;

–        it-timbri li jinsabu fuq iċ-ċertifikati kontenzjużi jixbhu ħafna t-timbri awtentiċi tal-awtoritajiet doganali Latvjani;

–        il-Viċi Direttur tal-awtoritajiet doganali Latvjani, is-Sur R., li ffirma ċ-ċertifikati kontenzjużi u l-ittri fil-kuntest tal-kontroll a posteriori, ġie kkundannat għal aġir illegali mwettqa fil-qadi ta’ dmirijietu;

–        l-awtoritajiet doganali Latvjani ma setgħux jipprovdu t-timbri oriġinali użati mill-uffiċċji tad-dwana kkonċernati, jiġifieri l-uffiċċji tad-dwana ta’ Jelgava [(il-Latvja)] u ta’ Bauska [(il-Latvja)];

–        rapporti tal-Kummissjoni jsemmu klima ta’ korruzzjoni, b’mod partikolari fi ħdan l-awtoritajiet doganali Latvjani;

–        l-importazzjonijiet ta’ drapp tal-għażel li joriġina mil-Latvja żdiedu u qabżu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ dan il-pajjiż.

64      Issa, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk ċerti ċirkustanzi jistgħux possibbilment jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tiskarta evalwazzjonijiet inekwivoki magħmula mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma humiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jiġġustifikaw il-konklużjoni li hija waslet għaliha u, għaldaqstant, li fuqha tibbaża ċ-ċaħda tal-argument tal-Kummissjoni li hija kellha neċessarjament toqgħod fuq ir-riżultati tal-kontroll a posteriori taċ-ċertifikati kontenzjużi mwettaq mill-awtoritajiet doganali Latvjani.

65      Għalhekk, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-konstatazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li l-awtoritajiet doganali Latvjani ma setgħux jipprovdu t-timbri oriġinali tal-uffiċċji doganali ta’ Jelgava u ta’ Bauska, ma tistax tqiegħed f’dubju l-fiduċja li għandha tingħata lil dawn l-awtoritajiet.

66      Fil-fatt, bħalma ssostni l-Kummissjoni fl-appell tagħha, għalkemm ir-Repubblika tal-Latvja kkomunikat fi żmien xieraq eżemplari tat-timbri użati f’dawn l-uffiċċji doganali, l-ebda dispożizzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma kienet tobbliga lilll-awtoritajiet doganali Latvjani jżommu, konsegwentement, timbri awtentiċi, li l-Qorti Ġenerali barra minn hekk enfasizzat fil-punt 80 tas-sentenza appellata, jew iżommu t-timbri li bihom isiru dawn il-marki ladarba dawn ma jkunux jintużaw iktar.

67      Fit-tieni lok, il-fatt li Viċi Direttur tal-awtoritajiet doganali Latvjani jkun ġie kkundannat għal aġir illegali fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu u li rapporti tal-Kummissjoni jsemmu klima ta’ korruzzjoni fi ħdan dawn l-awtoritajiet ma għandux, f’dan il-każ, natura deċiżiva.

68      Minn naħa, kif taqbel ukoll Combaro, il-Kummissjoni ġustament tirrileva li minn sempliċi paragun bejn l-ittri tal-2003 u ċ-ċertifikati kontenzjużi, li jinsabu kollha fl-Anness B-4 tar-risposta ppreżentata mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, jirriżulta li l-firem fuq dawn id-diversi dokumenti jvarjaw ħafna.

69      Il-Qorti Ġenerali għalhekk żnaturat il-provi ppreżentati quddiemha billi qieset li s-Sur. R seta’ jiġi kkunsidrat li huwa l-firmatarju kemm ta’ dawn l-ittri u kif ukoll ta’ dawn iċ-ċertifikati.

70      Min-naħa l-oħra, anki kieku kellu jitqies li l-kundanna tal-firmatarju tal-imsemmija ittri u l-klima ġenerali ta’ korruzzjoni kkonstatati fir-rapporti tal-Kummissjoni matul il-perijodu li fih l-importazzjonijiet kontenzjużi seħħew, jiġifieri bejn l-1999 u l-2002, jistgħu jkunu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-valur li għandu jingħata lill-pożizzjoni adottata matul is-sena 2003 mill-awtoritajiet doganali Latvjani, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi ma jistgħux ikunu determinanti f’dan il-każ.

71      Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 16 u 88 tas-sentenza appellata li dawn l-awtoritajiet ikkonfermaw li ċ-ċertifikati kontenzjużi kellhom jiġu kkunsidrati li ma humiex validi, fit-tweġiba tal-2007, li ma ġietx iffirmata mis-Sur. R u li ntbagħtet f’data li fiha la kien allegat u lanqas a fortiori stabbilit li l-imsemmija awtoritajiet kienu ffaċjati b’problema sensittiva ta’ korruzzjoni u li fiha, barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Latvja kienet diġà membru tal-Unjoni.

72      Il-fatt li l-ittri tal-2003 huma limitati għal dikjarazzjonijiet qosra u li ma huwiex stabbilit li l-konferma mwettqa matul is-sena 2007 kienet ir-riżultat ta’ kontrolli ġodda ma jistax iċaħħad il-pożizzjonijiet adottati minn dawn l-awtoritajiet mill-valur tagħhom, peress li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jipprevedi l-ebda formalità partikolari f’dan ir-rigward u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni huma marbuta bir-riżultati ta’ kontroll a posteriori, anki meta dawn huma kkomunikati mingħajr ebda motivazzjoni jew fil-forma ta’ firma fuq proċess verbal stabbilit mill-OLAF (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Pascoal & Filhos, C-97/95, EU:C:1997:370, punti 30 sa 33, kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 40).

73      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha raġun issostni li l-indizji l-oħra elenkati fil-punt 75 tas-sentenza appellata ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li l-Kummissjoni kellha tagħmel użu mill-prerogattivi tagħha, indipendentement mit-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali Latvjani.

74      Għalhekk, il-fatt li l-kontroll a posteriori taċ-ċertifikati kontenzjużi nbeda wara investigazzjoni tal-OLAF, imwettqa fuq ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija oħra ppreżentati għal importazzjonijiet fi Stat Membru ieħor, li kien wassal għas-suspett tal-involviment ta’ ċerti aġenti doganali Latvjani f’attivitajiet frawdolenti, kemm minħabba l-modalitajiet ta’ kif kienu twettqu dawn l-attivitajiet kif ukoll minħabba l-karatteristiċi ta’ dawn iċ-ċertifikati, ma jistax ikollu bħala effett li jċaħħad, b’mod ġenerali, minn kull valur il-kontrolli mwettqa minn dawn l-awtoritajiet relatati ma’ tali ċertifikati, bl-esklużjoni totali tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni amministrattiva previst fil-Protokoll Nru 3.

75      Bl-istess mod, għalkemm iż-żieda tal-importazzjonijiet ta’ drapp tal-għażel li ġejjin mil-Latvja lil hinn mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ dan il-pajjiż kienet tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċerti attivitajiet frawdolenti, hija ma kinitx tippermetti li jintwera la l-involviment dirett u ġenerali tal-awtoritajiet doganali Latvjani f’dawn l-attivitajiet u lanqas, a fortiori, l-involviment tagħhom fil-ħruġ taċ-ċertifikati kontenzjużi.

76      Barra minn hekk, il-fiduċja mogħtija lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ta’ element ta’ ċertifikati kkontestati, bħalma huma t-timbri fuq dawn tal-aħħar, ħlief sabiex tobbliga lill-Kummissjoni tissostitwixxi sistematikament il-kontroll ta’ dawn l-awtoritajiet fir-rigward tal-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ moviment tal-merkanzija b’dak tagħha u dan bi ksur, għalhekk, tal-prinċipji mfakkra fil-punti 50 sa 56 ta’ din is-sentenza.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, meta kkunsidrat li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma setgħetx toqgħod fuq it-tweġibiet ċari pprovduti mill-awtoritajiet doganali Latvjani sabiex tevalwa l-awtentiċità taċ-ċertifikati kontenzjużi u li din l-istituzzjoni kellha, għall-kuntrarju, tagħmel użu mill-pregorattivi tagħha għal dan il-għan, indipendentement minn dawn ir-risposti.

78      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx validament tikkonstata, fil-punti 90 u 91 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li hija kellha informazzjoni suffiċjenti li tippermettilha tevalwa s-sitwazzjoni u li din l-istituzzjoni kienet naqset milli tieħu l-miżuri konkreti skont il-funzjoni tagħha ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Minn dan isegwi li d-deduzzjonijiet li tnisslu mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-fondatezza tal-ewwel parti tal-motiv uniku invokat fl-ewwel istanza minn Combaro, li jikkostitwixxi l-bażi meħtieġa tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, għandhom jiġu miċħuda.

79      Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell għandhom jintlaqgħu, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-apell tagħha.

 Fuq it-tilwima fl-ewwel istanza

80      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

81      Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ppreżentat minn Combaro.

82      L-ewwel parti tal-motiv uniku ta’ dan ir-rikors, ibbażat fuq il-ksur tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, huwa maqsum f’diversi argumenti, relatati ma diversi nuqqasijiet allegati, imputati rispettivament lill-awtoritajiet doganali Latvjani, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi.

83      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm Combaro tinvoka, sabiex tistabbilixxi dawn id-diversi nuqqasijiet, konstatazzjonijiet imwettqa, fl-opinjoni tagħha, minn qorti nazzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tkun tat deċiżjoni fuq każ partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, hija ma tistax tkun marbuta b’deċiżjoni mogħtija preċedentement minn tali qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C-375/07, EU:C:2008:645, punt 69), a fortiori meta din id-deċiżjoni tkun intiża biss għad-determinazzjoni ta’ jekk l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru ta’ importazzjoni għandhomx jittrażmettu każ lill-Kummissjoni sabiex hija tieħu deċiżjoni fuq applikazzjoni possibbli ta’ din id-dispożizzjoni.

84      Mill-kliem tal-ittri tas-7 ta’ April u tas-7 ta’ Mejju 2003, li ntbagħtu mill-awtoritajiet doganali Latvjani fil-kuntest tal-kontroll a posteriori taċ-ċertifikati kontenzjużi, kif ukoll minn dak tat-tweġiba tal-2007 li tikkonferma r-riżultati ta’ dan il-kontroll, jirriżulta li l-imsemmija awtoritajiet iddikjaraw b’mod konsistenti, mingħajr ambigwità u mingħajr inkoerenza, li huma ma ħarġux dawn iċ-ċertifikati, li jimplika li dawn ma kinux ikkunsidrati li huma awtentiċi mill-istess awtoritajiet.

85      L-argument ta’ Combaro li r-riżultati ta’ dan il-kontroll a posteriori taċ-ċertifikati kontenzjużi għandhom jiġu skartati, sa fejn għandhom ambigwitajiet u inkoerenzi komparabbli ma’ dawk irrilevati fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, C.A.S. vs Il-Kummissjoni (C-204/07 P, EU:C:2008:446), ma jistax jintlaqa’.

86      Barra minn hekk, mill-punti 50 sa 77 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti mressqa minn Combaro sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kellha tibda investigazzjonijiet dwar l-awtentiċità ta’ dawn iċ-ċertifikati, indipendentement mill-konstatazzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet doganali Latvjani, u li, billi ma għamlitx hekk, hija kienet kisret l-obbligi tagħha għandhom neċessarjament jiġu miċħuda. Minn dan isegwi li Combaro ma stabilixxietx li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tikkunsidra, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-imsemmija ċertifikati ma kinux awtentiċi.

87      Konsegwentement, l-argument ta’ Combaro dwar allegati nuqqasijiet tal-awtoritajiet doganali Latvjani għandu wkoll jiġi miċħud, peress li huwa bbażat fuq l-idea li, minħabba l-korruzzjoni tal-aġenti tagħhom u n-nuqqasijiet tal-organizzazzjoni tagħhom, dawn l-awtoritajiet effettivament ħarġu ċ-ċertifikati kontenzjużi b’mod żbaljat u, konsegwentement, ipprekludew l-istabbiliment tal-awtentiċità tagħhom.

88      Bl-istess mod, l-argument ta’ Combaro bbażat fuq allegati nuqqasijiet tal-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ma jistax jintlaqa’, sa fejn dawn in-nuqqasijiet jirrigwardaw il-fatt li dawn l-awtoritajiet ikkonkludew, b’mod żbaljat u mingħajr diliġenza suffiċjenti, dwar in-natura mhux awtentika ta’ dawn iċ-ċertifikati.

89      Fl-aħħar nett, l-argumenti intiżi għall-istabbiliment li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi ma ġġielditx biżżejjed kontra l-korruzzjoni tal-awtoritajiet doganali Latvjani u billi ma ppubblikatx avviż intiż sabiex iwissi lill-importaturi dwar is-sitwazzjoni eżistenti fil-Latvja f’dak iż-żmien għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħuda bħala ineffettivi, sa fejn ma humiex relatati mal-kundizzjonijiet li fihom Combaro wettqet l-importazzjonijiet inkwistjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, dawn l-argumenti kienu jkunu rilevanti biss f’dan ir-rigward kieku kellu jiġi kkunsidrat li ċ-ċertifikati kontenzjużi nħarġu fil-fatt minn dawn l-awtoritajiet, li, speċifikament, ma ġiex stabbilit.

90      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Combaro ma stabilixxietx li l-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod żbaljat, li l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari, fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, ma ġietx ipprovata u, għaldaqstant, li l-ewwel parti tal-motiv uniku invokat minn Combaro fl-ewwel istanza għandu jiġi miċħud.

91      Peress li l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari hija kundizzjoni sine qua non għal rimbors jew għal maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni, it-tieni parti tal-motiv uniku ta’ Combaro, ibbażat fuq l-assenza ta’ negliġenza manifesta min-naħa tagħha, għandha tiġi kkunsidrata bħala ineffettiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Ġunju 2010, Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni, C-498/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:338, punt 97).

92      Konsegwentement, ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ppreżentat minn Combaro għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

93      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

94      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

95      Peress li Combaro tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Lulju 2017, Combaro vs Il-Kummissjoni (T-752/14, EU:T:2017:529), hija annullata.

2)      Ir-rikors ta’ Combaro SA huwa miċħud.

3)      Combaro SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.