Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Diċembru 2021 – TE, RU, irrappreżentati legalment minn TE vs Stadt Frankfurt am Main

(Kawża C-829/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Hessischer Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: TE, RU, irrappreżentati legalment minn TE

Konvenut: Stadt Frankfurt am Main

Domandi preliminari

L-Artikolu 38a(1) tal-Aufenthaltsgesetz (il-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin, iktar ’il quddiem l-“AufenthG”) li, skont id-dritt nazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tkun residenti għal żmien twil u li tkun tixtieq tibdel l-Istat ta’ residenza tagħha għandha tibbenefika mill-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru anki fid-data tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tagħha, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 14 et seq. tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul 1 , li jipprevedu biss li persuna li tkun residenti għal żmien twil għandha d-dritt li tirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li jkun taha l-istatus ta’ persuna residenti għal żmien twil, kemm-il darba l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti wkoll?

Meta tiddeċiedi dwar talba għal tiġdid taħt l-Artikolu 38a(1) tal-AufenthG, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-barranin tista’ tikkonstata, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 et seq. tad-Direttiva 2003/109 u f’sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet l-oħra għal tiġdid temporanju jkunu ssodisfatti u fejn il-persuna barranija jkollha b’mod partikolari dħul stabbli u regolari, li din il-persuna, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva, fil-frattemp, jiġifieri wara li tkun stabbilixxiet ruħha fit-tieni Stat Membru, tilfet l-istatus li kellha fl-ewwel Stat Membru, konstatazzjoni din li twassal għat-telf ta’ dritt? Id-data rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni hija dik tal-aħħar deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda:

Il-persuna li hija residenti għal żmien twil għandha l-oneru li turi li d-dritt ta’ residenza tagħha bħala persuna li hija residenti għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru ma skadiex?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: qorti nazzjonali jew awtorità nazzjonali jistgħu jeżaminaw il-permess ta’ residenza maħruġ għal żmien illimitat lill-persuna li hija residenti għal żmien twil jew dan ikun kuntrarju għall-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet amministrattivi?

Fil-każ ta’ ċittadina ta’ pajjiż terz li tkun waslet fil-Ġermanja mill-Italja b’permess ta’ residenza maħruġ għal żmien illimitat lil persuni li jkunu residenti għal żmien twil, li jkollha dħul stabbli u regolari, il-fatt li ma tkunx stabbilixxiet li għandha akkomodazzjoni xierqa jista’ jiġi invokat fil-konfront tagħha f’sitwazzjoni fejn il-Ġermanja ma użatx is-setgħa prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/109 u fejn l-allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali kienet meħtieġa biss minħabba l-fatt li, bħala ċittadina li ma għandhiex permess ta’ residenza taħt l-Artikolu 38a tal-AufenthG, ma kienet tirċievi ebda allowance għat-tfal?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.