Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta' Ġunju 2012 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Baranya Megyei Biróság, Jász-Nagykun-Szolnok Megyei Bíróság - l-Ungerija) - Mahagében Kft vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága (C-80/11), Péter Dávid vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-alföldi Regionális Adó Főigazgatósága (C-142/11)

(Kawżi magħquda C-80/11 u C-142/11) 

(Tassazzjoni - VAT - Sitt Direttiva - Direttiva 2006/112/KE - Dritt għal tnaqqis - Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju - Artikolu 273 - Miżuri nazzjonali sabiex tiġi miġġielda l-frodi - Prassi tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali - Rifjut tad-dritt għal tnaqqis f'każ ta' aġir irregolari ta' min joħroġ il-fattura relattiva għall-beni jew għas-servizzi li għalihom huwa mitlub l-eżerċizzju ta' dan id-dritt - Oneru tal-prova - Obbligu tal-persuna taxxabbli li tiżgura ruħha mill-aġir regolari ta' min joħroġ din il-fattura u li tagħti prova tiegħu)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Baranya Megyei Biróság, Jász-Nagykun-Szolnok Megyei Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Mahagében Kft (C-80/11), Péter Dávid (C-142/11)

Konvenuti: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága (C-80/11), Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-alföldi Regionális Adó Főigazgatósága (C-142/11)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Baranya Megyei Bíróság - Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta' Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) - Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa skont il-prassi tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali - Obbligu tal-persuna taxxabbli li tagħti prova tat-twettiq effettiv tat-tranżazzjoni li tinsab fil-fattura u l-aġir regolari tal-kumpannija li toħroġ il-fattura

Dispożittiv

L-Artikoli 167, 168(a), 178(a), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 220 u l-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta' Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu prassi nazzjonali li, permezz tagħha, l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li mill-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud li hija għandha tħallas, jitnaqqas l-ammont tat-taxxa dovuta jew imħallsa għas-servizzi li jkunu ġew ipprovduti lilha, minħabba li min joħroġ il-fattura relattiva għal dawn is-servizzi, jew wieħed mill-fornituri tiegħu, wettaq xi irregolaritajiet, mingħajr ma l-awtorità tistabbilixxi, fid-dawl ta' elementi oġġettivi, li l-persuna taxxabbli kkonċernata kienet taf, jew kellha tkun taf, li t-tranżazzjoni invokata sabiex id-dritt għal tnaqqis ikollu bażi, kienet involuta fi frodi mwettqa mill-imsemmija persuna li toħroġ il-fattura jew minn operatur ieħor li jintervjeni iktar kmieni fil-katina ta' distribuzzjoni.

L-Artikoli 167, 168(a), 178(a), u 273 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu prassi nazzjonali li, permezz tagħha, l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis minħabba li l-persuna taxxabbli ma żguratx ruħha li min ħareġ il-fattura relattiva għall-beni li fir-rigward tagħhom huwa mitlub l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis kellu l-kwalità ta' persuna taxxabbli, li huwa kellu l-beni inkwistjoni u kien kapaċi jikkunsinnahom u li huwa kien issodisfa l-obbligi tiegħu ta' dikjarazzjoni u ta' ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jew minħabba li l-imsemmija persuna taxxabbli ma għandhiex, minbarra l-imsemmija fattura, dokumenti oħra ta' natura li juru li l-imsemmija ċirkustanzi kienu jeżistu kollha, minkejja li l-kundizzjonijiet materjali u formali previsti bid-Direttiva 2006/112 għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jeżistu kollha u li l-persuna taxxabbli ma kellha ebda indizji li jiġġustifikaw li wieħed jissuspetta fl-eżistenza ta' irregolaritajiet jew ta' frodi min-naħa tal-imsemmija persuna li toħroġ il-fattura.

____________

1 - ĠU C 179, 18.06.2011.