Language of document : ECLI:EU:F:2013:27

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

28 ta’ Frar 2013

Kawża F‑33/12

Jean Pepi

vs

L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERCEA)

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Membri tal-persunal bil-kuntratt awżiljarji — Reklutaġġ — Klassifikazzjoni waqt ir-reklutaġġ — Artikoli 3a, 3c u 86 tar-RAA — ERCEA — Regoli interni ta’ klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu J. Pepi jitlob l-annullament tal-kuntratt iffirmat fit-3 ta’ Ottubru 2011 mal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERCEA), sa fejn huwa jipprovdi għall-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad 10, skala 1, tal-grupp ta’ funzjonijiet III, u l-kundanna tal-ERCEA għall-ħlas ta’ danni u interessi għad-dannu allegatament subit.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. Ir-rikorrent għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat li jħallas ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-ERCEA. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Trattament differenzjat tal-varji kategoriji ta’ membri tal-persunal fil-qasam tal-garanziji tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali — Assenza ta’ diskriminazzjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 3a u 3b; Direttiva tal-Kunsill 1999/70)

Peress li l-leġiżlatur Komunitarju huwa liberu li joħloq kategoriji ġodda ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, li jikkorrispondu għal bżonnijiet leġittimi tal-amministrazzjoni tal-Unjoni, id-differenzi tal-istatus li jeżistu bejn id-diversi kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Komunitajiet Ewropej, kemm bħala uffiċjali, kemm skont id-diversi kategoriji ta’ membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, ma jistgħux jiġu kkontestati, għaliex id-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji tikkorrispondi għal bżonnijiet leġittimi tal-amministrazzjoni tal-Unjoni u għan-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li din għandha l-missjoni li twettaq. Ma jistax, għaldaqstant, jitqies li huwa diskriminazzjoni l-fatt li ċerti kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Unjoni jistgħu jibbenefikaw minn garanziji ta’ impjieg jew minn benefiċċji pekunjarji li ma humiex mogħtija lil kategoriji oħra.

B’mod partikolari, id-differenzi tal-kundizzjonijiet tal-impjieg bejn il-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra u l-membri tal-persunal bil-kuntratt awżiljarji li jaqgħu taħt l-Artikolu 3b tal-imsemmija Kondizzjonijiet jiġġustifikaw li tiġi applikata għalihom klassifikazzjoni ddifferenzjata u, għaldaqstant, livelli ta’ remunerazzjoni differenti. Il-fatt li l-impjieg tagħhom huwa prekarju b’hekk jista’ jiġġustifika li l-membri tal-persunal bil-kuntratt awżiljarji jkunu kklassifikati aħjar mill-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra. Minn dan isegwi li ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament anki jekk xi membri tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a u l-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3b jaqgħu taħt l-istess grupp ta’ funzjonijiet għandhom jaqdu l-istess kompiti u li r-reklutaġġ, fi ħdan l-istess grupp ta’ funzjonijiet, ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt jeħtieġ l-istess livell ta’ diploma jew esperjenza ta’ xogħol.

Barra minn hekk, peress li s-sitwazzjoni tal-persunal bil-kuntratti fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ma hijiex komparabbli ma’ dik ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt awżiljarji, ma jistax ikun hemm iktar kwistjoni ta’ ksur tad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP dwar xogħol għal żmien.

(ara l-punti 40, 41, 43, 44 u 58)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja; 6 ta’ Ottubru 1983, Celant et vs Il-Kummissjoni, 118/82 sa 123/82, punt 22

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑121/97, punti 98 u 104

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il-Kummissjoni, F‑59/05, punti 71 u 76; 12 ta’ Marzu 2009, Arpaillange et vs Il-Kummissjoni, F‑104/06, punti 60, 61 u 63