Language of document : ECLI:EU:F:2007:226

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA’ L-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Pożizzjoni ta’ kap ta’ amministrazzjoni – Pajjiż terz – Opinjoni negattiva tas-servizz mediku”

Fil-kawża F‑95/05,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 EA,

N, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn K. H. Hagenaar, avukat, sussegwentement minn J. van Drooghenbroeck u T. Demaseure, avukati, u fl-aħħar nett minn I. Kletzlen, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

komposta minn S. Van Raepenbusch, President, I. Boruta u H. Kanninen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Boni, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors li ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil-5 ta’ Ottubru 2005 permezz ta’ faks (l-oriġinal ġie ppreżentat fil-11 ta’ Ottubru ta’ wara), ir-rikorrenti essenzjalment titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur K “Servizzi Esterni” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Relazzjonijiet Esterni” tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta’ April 2005, li informatha li ma kinitx ser tiġi rreklutata bħala kap ta’ l-amministrazzjoni tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-Ginea u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament subit.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skond l-Artikolu 12(2)(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”)

“Membru tal-persunal temporanju jista’ jitqabbad jaħdem biss bil-kondizzjoni:

[...]

d)      huwa fiżikament b’saħħtu biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu;

[…]”

3        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg jipprovdi li “[q]abel ikun imqabbad jaħdem, membru tal-persunal temporanju għandu jkun eżaminat medikalment minn wieħed mill-uffiċjali mediċi ta’ l-istituzzjoni sabiex l-istituzzjoni tista’ tkun sodisfatta li jaqdi l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 12(2)(d)”.

4        It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg jipprovdi li “[l-]Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Komunitajiet Ewropej] għandu japplika b’analoġija”.

5        Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), “[f]ejn opinjoni medika negattiva tingħata bħala riżultat ta’ l-eżami mediku pprovdut fl-ewwel paragrafu, il-kandidat jista’, fi żmien 20 ġurnata minn meta jkun innotifikat b’din l-opinjoni mill-istituzzjoni, jitlob li l-każ tiegħu [j]intbagħat għall-opinjoni ta’ kumitat mediku kompost minn tlett tobba magħżula mill-Awtorità tal-Ħatra minn fost l-uffiċjali mediċi ta’ l-istituzzjoni. L-uffiċjal mediku responsabbli mill-ewwel opinjoni negattiva għandu jinstema’ mill-kumitat mediku. Il-kandidat jista’ jirreferi l-opinjoni ta’ tabib ta’ l-għażla tiegħu lill-kumitat mediku. Fejn l-opinjoni tal-kumitat mediku tikkonferma l-konklużjonijiet ta’ l-eżami mediku pprovdut fl-ewwel paragrafu, il-kandidat għandu jħallas 50 % tal-miżati u ta’ l-ispejjeż konnessi”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Ir-rikorrenti kienet impjegata fis-servizz tal-Kummissjoni bħala membru tal-persunal awżiljari, b’effett minn Ġunju 1993 sa Mejju 1994, u wara bħala membru tal-persunal temporanju skond l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2002 sal-31 ta’ Lulju 2004. Matul dan l-aħħar perijodu, ir-rikorrenti inizjalment bdiet taħdem mad-DĠ “Kontroll finanzjarju” u sussegwentement, b’effett mill-1 ta’ Marzu 2003, mad-DĠ “Ġustizzja u Intern”.

7        Ir-rikorrenti kienet fuq leave tal-mard mis-27 ta’ Ottubru 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004. Fis-16 ta’ Marzu 2004, hija bdiet taħdem mal-Uffiċċju għall-amministrazzjoni ta’ benefiċċji u pagamenti għal prerogattivi individwali (PMO) bħala membru tal-persunal temporanju sal-31 ta’ Lulju 2004, u wara bħala membru tal-persunal bil-kuntratt b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2004.

8        Fis-7 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ppreżentat il-kandidatura tagħha għal pożizzjoni ta’ kap ta’ amministrazzjoni tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-Kongo, wara li ġiet ippubblikata notifika ta’ pożizzjoni vakanti COM/2004/2982/F.

9        Fil-5 ta’ Jannar 2005, id-DĠ “Relazzjonijiet Esterni” informa lir-rikorrenti li hija kienet għaddiet mill-fażi ta’ selezzjoni u staqsieha jekk riditx taċċetta kariga f’delegazzjoni differenti minn dik li tinsab fil-Kongo. Fil-każ ta’ risposta pożittiva min-naħa tagħha, ir-rikorrenti ntalbet tistabbilixxi lista ta’ prijorità fost erba’ delegazzjonijiet.

10      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-7 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti informat lid-DĠ “Relazzjonijiet esterni” li hija kienet tikkonferma l-interess tagħha għal kariga fil-Kongo u esprimiet l-istess interess dwar kariga fid-delegazzjoni li tinsab fil-Ginea.

11      In-notifika ta’ pożizzjoni vakanti COM/2004/3510/F relatata ma’ pożizzjoni bħala kap ta’ l-amministrazzjoni tad-delegazzjoni fil-Ginea kienet tispeċifika li “[i]l-ħatra ta’ uffiċjal [...] hija suġġetta għall-opinjoni favorevoli preliminari ta[s]-servizz [m]ediku [...]”.

12      Fil-15 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti marret għal eżami mediku meħtieġ skond in-notifika ta’ pożizzjoni vakanti COM/2004/3510/F.

13      Fis-17 ta’ Frar 2005, id-DĠ “Relazzjonijiet esterni” indirizza nota lid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” sabiex l-awtorità awtorizzata biex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg (iktar ’il quddiem l-“AATK”) tissokta, malajr kemm jista’ jkun, bir-reklutaġġ bħala kapijiet ta’ l-amministrazzjoni tad-delegazzjonijiet, bħala membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, tal-persuni li kienu mniżżla fil-lista li kienet tinkludi l-isem tar-rikorrenti.

14      Fit-28 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti rċeviet ir-riżultati ta’ l-eżamijiet mediċi li twettqu fid-dawl tal-ħatra tagħha għal kariga f’delegazzjoni.

15      Fl-1 ta’ Marzu 2005, it-tabib A, uffiċjal mediku tal-Kummissjoni, informa lir-rikorrenti bir-riżervi tiegħu fir-rigward tat-tluq tagħha lejn l-Afrika. Skond il-Kummissjoni, it-tabib A għalhekk stieden lir-rikorrenti tikkuntattja lit-tabib B, psikjatra li ismu jinsab fil-lista ta’ esperti mediċi indipendenti tal-Kummissjoni, sabiex jistabbilixxi perizja esterna.

16      Fit-2 ta’ Marzu 2005, ir-rikorrenti kellha appuntament mat-tabib B li r-rapport tiegħu wasal għand it-tabib A fis-7 ta’ Marzu 2005. Fil-konklużjonijiet tiegħu, it-tabib B wera riżervi dwar is-saħħa mentali tar-rikorrenti, fir-rigward ta’ kariga ta’ responsabbiltà fl-Afrika.

17      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Marzu 2005, id-DĠ “Relazzjonijiet Esterni” informa lir-rikorrenti li huwa kien qiegħed jistenna l-awtorizzazzjoni tas-servizz mediku sabiex ikompli bil-proċedura tar-reklutaġġ tagħha bħala kap ta’ l-amministrazzjoni f’delegazzjoni.

18      Fid-9 ta’ Marzu 2005, ir-rikorrenti kellha appuntament ieħor mat-tabib A li matulu huwa tenna r-riżervi tiegħu dwar il-fatt li tmur taħdem il-Ginea, abbażi tar-rapport tat-tabib B.

19      Permezz ta’ nota tas-17 ta’ Marzu 2005, it-tabib A informa lid-DĠ “Relazzjonijiet Esterni” li r-rikorrenti ma kellhiex il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ kap ta’ l-amministrazzjoni fi ħdan id-delegazzjoni fil-Ginea.

20      Fit-22 ta’ Marzu 2005, it-tabib A, fuq talba tar-rikorrenti, bagħtilha, permezz ta’ faks, l-ismijiet u l-indirizzi ta’ tliet esperti psikjatriċi li huma mniżżla fil-lista ta’ tobba speċjalisti tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ma kkonsultat ebda wieħed minn dawn it-tobba.

21      Fl-4 ta’ April 2005, ir-rikorrenti ppreżentat lit-tabib A, il-perizji ta’ erba’ psikjatri li hija kienet ikkonsultat fuq inizjattiva tagħha. Dawn kienu jikkonċernaw ċertifikat tal-10 ta’ Marzu 2005 tat-tabib C, perizja tal-31 ta’ Marzu 2005 tat-tabib D u rapport ta’ perizja mediko-psikoloġika, tal-4 ta’ April 2005, iffirmata mit-tobba E u F.

22      Permezz ta’ nota tal-15 ta’ April 2005, id-Direttur tad-Direzzjoni K “Servizz estern” tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni” informa lir-rikorrenti li “minħabba r-riżultat negattiv li ġie nnotifikat fis-17 ta’ Marzu 2005 mis-[s]ervizz [m]ediku, it-talba mibgħuta lid-DĠ [‘Persunal u amministrazzjoni’] tas-17 [ta’ Frar 2005] għar-reklutaġġ [tagħha] fil-pożizzjoni in kwistjoni ma jistax iwassal għal offerta ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju [imsemmi fl-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg] u [...] għalhekk kariga tagħha fil-Ginea [...] mhijiex possibbli” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

23      Fit-18 ta’ April 2005, it-tabib E indirizza ittra lit-tabib A li fiha huwa rrefera għar-rapport tat-tabib B u għar-rapport iffirmat b’mod partikolari mit-tabib F. It-tabib E ikkonstata, fl-ittra tiegħu, li t-tabib B “kien ippreżenta prova ta’ prekawzjoni abbażi ta’ l-istorja medika tal-pazjenta u abbażi ta’ karatteristiċi tal-personalità”, filwaqt li t-tabib F u huwa nnifsu “ma [identifikawx], la fl-eżami mediko-psikoloġiku u lanqas fl-evalwazzjonijiet psikjatriċi, patoloġija mentali b’kontra-indikazzjoni għal aċċess għal pożizzjoni ta’ xogħol bħal dak mitlub mir-[rikorrenti].”

24      Fin-nota tagħha tad-19 ta’ April 2005, indirizzata lid-Direttur tad-Direzzjoni K “Servizz estern” tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni”, ir-rikorrenti sostniet:

“[…] kuntrarjament għan-nota ta’ l-uffiċjal mediku […] tas-17 ta’ Marzu, jiena nista’ nikkonferma li r-riżultati mediċi li saru mis-servizz mediċi u li rċevejt kopja tagħhom huma pożittivi u b’hekk ekwivalenti għal riżultat ‘POŻITTIV’ fir-rigward tal-kapaċità medika.

Fid-dawl [ta’ l-Artikolu] 33 tar-Regolamenti tal-Persunal: ‘Qabel il-ħatra, kandidat li jirnexxi għandu jkun eżaminat medikament minn wieħed mill-uffiċjali mediċi ta’ l-istituzzjoni sabiex l-istituzzjoni tista’ tkun sodisfatta li jaqdi l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 28(e)’ – [L-Artikolu] 28(e): ‘[Uffiċjal] jista’ jkun appuntat biss bil-kundizzjoni li [...] huwa fiżikament b’saħħtu biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu’. Għalhekk, jiena sorpriża bil-messaġġ tat-tabib [A] tas-17 ta’ Marzu 2005 relatat mal-‘kapaċità medika’ tiegħi, kif ġie indikat fl-ittra tiegħek. Fil-każ li ssir talba min-naħa tiegħek, jiena nkun nista’ nibgħatlek kopja tar-riżultati tat-testijiet.”

25      Ir-rikorrenti bagħtet nota fl-20 ta’ April 2005 lid-Direttur tad-Direzzjoni C “Politika soċjali, persunal Lussemburgu, saħħa, iġjene” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, li essenzjalment hija identika għan-nota tad-19 ta’ April 2005 imsemmija iktar ’il fuq.

26      Permezz ta’ nota tas-26 ta’ April 2005, miktuba fuq talba tad-direttur tad-Direzzjoni C “Politika soċjali, persunal Lussemburgu, saħħa, iġjene” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, il-kap ta’ unità tas-servizz mediku ta’ l-imsemmija direzzjoni wieġeb għan-nota tar-rikorrenti tal-20 ta’ April 2005. Fiha huwa spjega li “kull persuna li hija kandidata għal kariga f’delegazzjoni għandha tiġi suġġetta għal eżami mediku preliminari; [huwa] f’dan il-kuntest u mhux f’dak tal-[Artikolu] 33 tar-Regolamenti tal-Persunal li fir-rigward tar-[rikorrenti] kien hemm opinjoni negattiva min-naħa ta’ l-espert mediku fir-rigward ta’ kariga eventwali fil-Ginea […] din l-opinjoni għandha tintbagħat lill-[Awtorità tal-Ħatra] tad-[DĠ ‘Relazzjonijiet esterni’] li għandha tieħu deċiżjoni finali, peress li l-opinjoni hija biss element wieħed li hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni sabiex tiddeċiedi”.

27      Fid-19 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrenti ressqet ilment skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni kkontestata.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2005, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Ir-rikors preżenti ġie inizjalment irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bin-numru T-377/05.

30      B’digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 84), irrinvijat il-kawża preżenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru ta’ dan ta’ l-aħħar bin-numru F‑95/05.

31      B’digriet tal-24 ta’ Mejju 2007, il-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ t-talba tar-rikorrenti għal għajnuna legali.

32      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha, bħala kumpens għad-dannu materjali u morali subit, bl-ammont provviżorju ta’ EUR 1, u dan provviżorjament u taħt riżerva ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż bħala dritt.

 Fuq it-talba għal annullament

 Fuq il-portata tal-motivi mqajma mir-rikorrenti

34      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka, fir-rikors tagħha, diversi motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq l-inkompetenza tad-direttur tad-Direzzjoni K “Servizz estern” tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni” li jadotta d-deċiżjoni kkontestata, u t-tieni nett, fuq l-abbuż tal-poter imwettaq mit-tabib A, id-DĠ “Relazzjonijiet esterni” u l-Awtorità tal-Ħatra u, it-tielet nett, fuq il-ksur li wettaq it-tabib A ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ l-opinjoni medika.

35      Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti invokat qabelxejn il-motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tad-direttur tad-Direzzjoni K “Servizz estern” tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni” li jadotta d-deċiżjoni kkontestata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-abbuż tal-poter imwettaq mid-direttur tad-Direzzjoni K “Servizz estern” tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni” fl-adozzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni. Fl-aħħar nett, it-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, ta’ l-abbuż tal-poter kif ukoll tan-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ l-opinjoni medika mogħtija mit-tabib A.

36      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ppreċiżat il-bażi tat-tieni u t-tielet motivi kif ippreżentati mill-Kummissjoni. Minn naħa, hija rrilevat li t-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni kif previst fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Min-naħa l-oħra, hija tindika li t-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u tad-dmir ta’ premura.

37      Min-noti tal-partijiet jirriżulta li r-rikorrenti essenzjalment tissolleva tliet motivi. L-ewwel nett, hija tinvoka l-inkompetenza tad-direttur tad-Direzzjoni K “Servizz estern” tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni” li jadotta d-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija irregolari peress li r-rapporti u l-perizji tat-tobba li hija kkonsultat fuq inizjattiva tagħha ma ttiħdux in kunsiderazzjoni matul il-proċedura. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li, skond id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija setgħet tikkonsulta kummissjoni medika għal opinjoni, wara li ngħatat opinjoni negattiva mit-tabib A. It-tielet nett, ir-rikorrenti tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata u l-opinjoni medika stabbilita mit-tabib A ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti jinkludi elementi li huma intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ abbuż tal-poter u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

38      Tali preżentazzjoni tal-motivi invokati mir-rikorrenti tirriżulta minn rapport preparatorju tas-seduta, innotifikat lill-partijiet fl-24 ta’ Mejju 2007. La r-rikorrenti, u lanqas il-Kummissjoni ma ppreżentaw osservazzjonijet fir-rigward ta’ l-imsemmi rapport. L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

39      L-ewwel nett, skond ir-rikorrenti, it-tabib A, id-DĠ “Relazzjonijiet esterni” u l-Awtorità tal-Ħatra naqsu milli jieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċertifikat tat-tabib C, ir-rapport tat-tabib D, kif ukoll ir-rapport espliċitu u favorevoli tat-tobba E u F, kif ukoll l-ittra tat-18 ta’ April 2005 miktuba mit-tabib E.

40      Konsegwentement, huwa evidenti li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet għall-finijiet oħra minn dawk iddikjarati. Billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-dokumenti mediċi, l-amministrazzjoni kienet aġixxiet b’intenzjoni żbaljata fil-konfront tar-rikorrenti. Ebda dispożizzjoni ma teskludi l-possibbiltà li jittieħdu in kunsiderazzjoni r-rapporti ta’ perizja esterni.

41      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li t-tabib A ma nnotifikax lill-amministrazzjoni l-opinjonijiet ta’ l-ispeċjalisti li hija kienet ikkonsultat. F’dan ir-rigward, hija ssostni li huwa partikolarment eċċezzjonali kif dan it-tabib mhux speċjalista, wara li sar jaf bir-rapporti tassew dettaljati ta’ natura psikjatrika u psikoloġika stabbiliti minn erba’ speċjalisti fil-qasam, wettaq biss dijanjostika fiżika fil-qosor. Ir-rikorrenti tikkunsidra li hija korrettament ma kkonsultatx it-tobba rrakkommandati mit-tabib A.

42      It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li, skond id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija setgħet tikkonsulta kummissjoni medika għal opinjoni, wara li t-tabib A kien ta opinjoni negattiva. Ir-rikorrenti tenfasizza li, wara n-nota tagħha tal-20 ta’ April 2005, hija rċeviet ittra mid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, tas-26 ta’ April segwenti, fejn ġie indikat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinitx tapplika fil-każ tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni b’mod żbaljat kienet wasslitha sabiex tirrikorri għal din il-proċedura.

43      Il-Kummissjoni tirrileva li, fil-każ in kwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara n-notifika ta’ l-opinjoni tas-servizz mediku tas-17 ta’ Marzu 2005, li kkonstata l-inkapaċità fiżika tar-rikorrenti li terżerċita l-funzjonijiet tagħha fil-Ginea.

44      Il-Kummissjoni tenfasizza li opinjoni favorevoli preliminari tas-servizz mediku kienet meħtieġa min-notifika ta’ pożizzjoni vakanti COM/2004/3510/F. Fil-fatt, kull persuna kandidata għal kariga f’delegazzjoni f’pajjiż terz tkun suġġetta għal eżami mediku mwettaq mill-espert mediku tal-Kummissjoni, sabiex is-servizz inkarigat mir-reklutaġġ ikun jista’ jassigura li hija għandha l-kapaċità fiżika meħtieġa sabiex tissodisfa l-obbligi kollha li jista’ jkollha, b’kunsiderazzjoni għan-natura tal-funzjonijiet u l-kundizzjonijiet eżistenti tagħha fil-post fejn għandhom jiġi eżerċitati.

45      F’dan ir-rigward, l-opinjoni relatata mal-kapaċità, mogħtija wara eżami mediku li għamlet ir-rikorrenti, skond l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ l-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, bħala membru tal-persunal temporanju f’Lulju 2002, għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet fi Brussell, ma ppreġudikatx il-kapaċità tagħha li tiġi rreklutata snin wara.

46      Eżami mediku speċifiku kien ikun iktar iġġustifikat, minn naħa, mill-karatteristiċi tal-funzjonijiet eżerċitati f’delegazzjoni f’pajjiż terz li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet partikolari u derogatorji ta’ l-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, mill-ambjent tas-saħħa, mill-kundizzjonijiet klimatiċi u ta’ sigurtà kif ukoll il-livell ta’ iżolament jistgħu jvarjaw il-kundizzjonijiet abitwali tal-Komunità sa fejn jiġġustifikaw kultant il-ħlas ta’ kumpens għad-danni.

47      Konsegwentement, ir-rekwiżit ta’ opinjoni medika għal dawn il-karigi hija kompletament iġġustifikata fl-interess tas-servizz. Din l-opinjoni ma tistax tkun limitata għall-istat fiżiku ta’ kandidat imma għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-istat mentali tiegħu, inkluż l-iffissar ta’ pronjosi ta’ diffikultajiet futuri li jistgħu jippreġudikaw, fil-futur prevedibbli, it-twettiq normali tal-funzjonijiet previsti u/jew li jistgħu jeħtieġu r-ritorn antiċipat ta’ l-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal.

48      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li huwa żbaljat li r-rikorrenti tiddeskrivi n-nota tat-28 ta’ Frar 2005 li permezz tagħha ġew innotifikati lilha r-riżultati ta’ l-eżamijiet mediċi li twettqu fid-dawl ta’ opinjoni pożittiva rigward il-kariga tagħha f’delegazzjoni esterna kif meħtieġ min-notifika ta’ pożizzjoni vakanti COM/2004/3510/F. Din in-nota sempliċement titrażmetti lir-rikorrenti r-riżultati ta’ l-eżamijiet mediċi billi tikkunsidrahom, bl-eċċezzjoni ta’ numru minnhom, bħala normali. Barra minn hekk, mill-kontenut ta’ din in-nota jirriżulta li mhemmx in kwistjoni l-opinjoni medika kif huwa meħtieġ min-notifika ta’ pożizzjoni vakanti. Barra minn hekk, din in-nota ma tikkostitwixxix, għar-rikorrenti stess, l-opinjoni medika in kwistjoni peress li, fir-rikors tagħha, din ta’ l-aħħar tiddikjara li d-DĠ “Relazzjonijiet esterni” informaha fit-3 ta’ Marzu 2005 li huwa kien qiegħed jistenna l-awtorizzazzjoni tas-servizz mediku.

49      Fir-rigward tar-rapport u tal-perizji li saru mit-tobba speċjalisti magħżula mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tqis li huma ma jistgħux jorbtu d-DĠ “Relazzjonijiet esterni” u lanqas lill-AATK bir-reklutaġġ tal-persuna kkonċernata, sa fejn huma ma intervenewx fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid ta’ l-opinjoni medika tat-tabib A.

50      Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-membru tal-persunal li fir-rigward tiegħu jkun hemm opinjoni medika negattiva jkun jista’ jkollu rikorsi differenti fuq livell mediku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiddikjara li kien sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tuża din il-fakultà li t-tabib A bagħtilha d-dettalji ta’ tliet tobba speċjalisti fil-psikjatrija, sabiex hija tkun tista’ tikseb opinjoni kontradittorja fil-kuntest tal-proċedura ta’ kariga f’delegazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat li, matul is-seduta, il-leġiżlatur Komunitarju kien naqas milli jipprovdi proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ l-opinjoni medika f’dak li jikkonċerna l-ħatriet fis-servizz estern.

51      Ir-rikors għall-opinjoni addizzjonali ta’ wieħed mill-esperti indipendenti indikati mit-tabib A kien deċisiv sabiex jiddeċiedi fuq l-opinjonijiet esperti tat-tabib B kif ukoll tat-tobba E u F. Għalhekk, huwa inkomprensibbli li r-rikorrenti naqset milli tikkonsulta dawn l-esperti, minkejja li hija talbet l-ismijiet tagħhom.

52      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-fatt li r-rikorrenti ma segwitx il-proċedura prevista f’każ ta’ tluq minn delegazzjoni, ma kienx jagħtiha d-dritt li l-opinjonijiet li hija kienet kisbet fuq inizjattiva tagħha stess jittieħdu in kunsiderazzjoni. Skond il-Kummissjoni, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ma jistax jissostitwixxu l-opinjoni tat-tobba li huwa ħa l-inizjattiva li jikkonsulta mal-opinjoni medika ta’ dak it-tabib li, skond ir-Regolament tal-Persunal, għandu l-obbligu li jagħti l-opinjoni medika meħtieġa. L-unika mezz għar-rikorrenti li tikkontesta l-opinjoni tat-tabib A kien li tikkonsulta wieħed mill-uffiċjali mediċi indikati minnha fil-faks tagħha tat-22 ta’ Marzu 2005.

53      Skond il-Kummissjoni, l-opinjoni pożittiva tas-servizz mediku prevista min-notifika ta’ pożizzjoni vakanti COM/2004/3510/F għandha ssir f’ċirkustanzi differenti mill-eżami mediku ta’ impjieg fis-servizz, skond l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex applikabbli iżjed fil-każ in kwistjoni. Barra minn hekk, ebda test regolamentari ma jirregola l-proċedura medika fil-każ ta’ kariga f’pajjiż terz. Konsegwentement, il-Kummissjoni segwiet proċedura awtonoma, implementata abbażi ta’ notifika ta’ pożizzjoni vakanti u stabbilita fl-interess tas-servizz.

54      Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal lanqas mhija applikabbli sabiex timtela pożizzjoni fi ħdan is-servizz estern.

55      Sussegwentement, il-Kummissjoni tenfasizza li, anki jekk jitqies li l-opinjoni tat-tabib A hija paragunabbli ma’ opinjoni medika ta’ dħul fis-servizz previst fl-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma talbitx eżami mill-ġdid tat-tabib A skond il-proċedura prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal.

56      Isegwi li, fin-nuqqas ta’ opinjoni kuntrarja għal dik tat-tabib A skond il-proċedura prevista għal dan il-għan, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata minn abbuż tal-poter peress li hija bbażata biss fuq l-opinjoni tat-tabib A.

57      F’dak li jirrigwarda l-abbuż tal-poter allegatament imwettaq mit-tabib A, il-Kummissjoni tindika li din kienet awtorizzata tagħti opinjoni negattiva fid-dawl, minn naħa, tal-għarfien tagħha tal-faxxiklu mediku tar-rikorrenti u tal-perizja mogħtija mit-tabib B u, min-naħa l-oħra, tan-nuqqas ta’ l-opinjoni kontradittorja. Għalhekk, it-tabib A sempliċement ta parir professjonali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tallegax u lanqas turi li t-tabib A kien aġixxa minħabba motiv ieħor.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

58      Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 10 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, it-Titolu VIIIa tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar dispożizzjonijiet speċjali u derogi applikabbli għall-uffiċjali li jeżerċitaw ħidmithom f’pajjiż terz, japplika, b’anoloġija, għall-membri tal-persunal temporanju li jeżerċitaw ħidmithom f’pajjiż terz. Skond l-Artikolu 101a tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa l-uniku artikolu ta’ l-imsemmi titolu, “[m]ingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Anness X iniżżel id-disposizzjonijiet speċjali u eċċezzjonali applikabbli għall-uffiċjali li jservu f’pajjiż terz”.

59      Għandu jiġi rrilevat li l-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludix dispożizzjonijiet partikolari jew derogatorji li jikkonċernaw l-eżami mediku tad-dħul fis-servizz.

60      Min-naħa l-oħra, kif huwa previst fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg jipprovdi li l-membru tal-persunal temporanju huwa suġġett għal eżami mediku minn uffiċjali mediku ta’ l-istituzzjoni qabel il-proċedura tar-reklutaġġ tiegħu, sabiex jiġi vverifikat li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kapaċità fiżika meħtieġa skond l-Artikolu 12(2)(d) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

61      Barra minn hekk, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, jipprovdi proċedura interna ta’ appell kontra l-opinjoni mogħtija mill-uffiċjal mediku ta’ l-istituzzjoni.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, billi stabbilixxa kummissjoni medika ta’ appell fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur kellu bħala għan li jistabbilixxi garanzija addizzjonali għall-kandidati u li jtejjeb il-ħarsien tad-drittijiet tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ April 1994, A vs Il-Kummissjoni, T-10/93, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑387, punt 23).

63      Fil-fatt, l-ewwel nett, kummissjoni medika komposta minn tliet tobba, li fosthom mhuwiex inkluż l-uffiċjal mediku li kien ta l-opinjoni inizjali ta’ nuqqas ta’ kapaċità, u li huma magħżula fost l-uffiċjali mediċi ta’ l-istituzzjonijiet u mhux minn fost l-uffiċjali mediċi ta’ l-istituzzjoni in kwistjoni, tikkostitwixxi garanzija addizzjonali reali għall-kandidati (sentenza A vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). It-tieni nett, mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-kandidat jista’ jressaq quddiem il-kummissjoni medika l-opinjoni ta’ wieħed mit-tobba tal-għażla tiegħu. Barra minn hekk, kandidat jista’ dejjem jitlob u jikseb ir-raġunijiet li jiġġustifikaw opinjoni ta’ nuqqas ta’ kapaċità, sabiex dawn jintbagħtu lil tabib tal-għażla tiegħu. Tali komunikazzjoni tista’ ssir qabel il-konvokazzjoni tal-kummissjoni medika (sentenza A vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). It-tielet nett, mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-kummissjoni medika għandha tibbaża ruħha fuq il-fajl mediku li ġie stabbilit fi ħdan l-istituzzjoni, fuq l-eżami ta’ l-uffiċjal mediku li ta l-opinjoni ta’ inkapaċità kif ukoll, skond il-każ, fuq l-opinjoni mogħtija minn tabib magħżul liberament mill-kandidat. Il-kummissjoni medika tista’ tibbaża ruħha wkoll fuq intervista mal-kandidat u/jew it-tabib tiegħu u fuq id-dokumenti kollha li l-kandidat iqis li huma utli li jiġu ppreżentati lilha. Barra minn hekk, il-kummissjoni medika tista’, jekk hija tqis xieraq, tissuġġetta lill-kandidat għal eżami ġdid, billi eventwalment tordnalu jagħmel testijiet addizzjonali jew billi titlob l-opinjoni ta’ tobba speċjalisti oħra. Isegwi li l-kummissjoni medika tista’ tipproċedi għall-eżami mill-ġdid komplut u parzjali tas-sitwazzjoni tal-kandidat (sentenza A vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

64      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu wkoll, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet differenti minn dik tar-reklutaġġ, mekkaniżmi li jippermettu lill-uffiċjal jagħti l-opinjoni tiegħu matul il-proċeduri ta’ l-istħarriġ mediku. Għalhekk, il-ħames, is-sitt u s-seba’ subparagrafi ta’ l-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu r-rikors għal sistema ta’ arbitraġġ meta l-uffiċjal iqis li l-konklużjonijiet ta’ l-istħarriġ mediku, organizzat mill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest ta’ leave tal-mard, huma medikament inġustifikati. Fir-rigward tal-proċedura tal-għoti ta’ benefiċċju ta’ l-invalidità, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 ta’ l-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal jista’, b’mod partikolari, jagħżel wieħed mit-tliet tobba li jifformaw il-kummissjoni li hija inkarigata li tevalwa l-eżistenza ta’ invalidità.

65      F’dan il-każ, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li r-rikorrenti kienet taħdem mal-Kummissjoni meta hija ppreżentat il-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ kap ta’ amministrazzjoni tad-delegazzjoni fil-Ginea u li kien maħsub li tiġi rreklutata għall-imsemmija pożizzjoni, bħala membru tal-persunal temporanju li jaqa’ taħt l-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, kif jirriżulta min-nota tas-17 ta’ Frar 2005 tad-DĠ “Relazzjonijiet esterni”.

66      It-tieni nett, skond in-notifika ta’ pożizzjoni vakanti COM/2004/3510/F, il-ħatra ta’ kandidat għall-kariga ta’ kap ta’ amministrazzjoni tad-delegazzjoni fil-Ginea “[kienet] suġġetta għall-opinjoni pożittiva preliminari ta[s]-servizz [m]ediku […]”. F’dan il-każ, is-servizz mediku ta opinjoni favur in-nuqqas ta’ kapaċità tar-rikorrenti li tokkupa l-kariga in kwistjoni. Għalhekk, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ġiet informata li hija ma kinitx ser tkun reklutata.

67      Skond il-Kummissjoni, ebda test ma jagħti l-possibbiltà lir-rikorrenti li tikseb, permezz ta’ proċedura partikolari, eżami mediku mill-ġdid ta’ l-opinjoni ta’ inkapaċità mogħtija mill-uffiċjal mediku fid-dawl ta’ kariga f’delegazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li d-destinatarju ta’ opinjoni medika jista’ jkollu rikors fuq livell mediku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiddikjara li l-uffiċjal mediku kkomunika lir-rikorrenti d-dettalji ta’ tliet tobba speċjalisti fil-psikjatrija, sabiex hija tkun tista’ tikseb opinjoni kontradittorja.

68      Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-opinjonijiet mediċi tat-tobba li hija kienet għażlet kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ reklutaġġ. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-possibbiltà li titlob opinjoni mingħand il-kummissjoni medika, prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet applikabbli fil-każ tagħha. Għalhekk, il-pożizzjoni tar-rikorrenti għandha tinftiehem bħala li hija marbuta mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, peress li hija ma ngħatatx il-possibbiltà li tinstema’ b’mod validu qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, permezz ta’ l-intervent ta’ tabib tal-għażla tagħha, kif jipprovdi t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal.

69      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura segwita mill-Kummissjoni, li abbażi tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ma osservatx il-garanziji marbuta mad-drittijiet ta’ difiża, kif previst fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal.

70      Fil-fatt, għalkemm fil-każ preżenti, il-proċedura tat-twettiq ta’ l-opinjoni medika ma kinitx nieqsa minn kull garanzija marbuta ma’ proċedura kontradittorja, peress li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tikkonsulta esperti indipendenti oħra sabiex tikkontrobilanċja l-opinjoni tat-tabib A u l-perizja tat-tabib B, għandu madankollu jiġi kkonstatat li din il-proċedura hija essenzjalment differenti minn dawk esposti fil-punti 63 u 64 iktar ’il quddiem, peress li hija ma tiggarantixxix b’mod partikolari li l-opinjoni tat-tabib tal-għażla tar-rikorrenti tittieħed in kunsiderazzjoni fl-opinjoni medika finali.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-argument tal-Kummissjoni ma jirriżultax li l-proċedura segwita, fil-każ preżenti, kienet prevista minn test ġuridiku. Minbarra dan, din il-proċedura ma tirriżultax minn prassi predeterminata li kienet magħrufa minn qabel mill-persuni kkonċernati.

72      Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-interess tas-servizz jeħtieġ, mill-fatt tal-kundizzjonijiet partikolari f’ċerti pajjiżi terzi, li s-servizz mediku jagħti l-opinjoni tiegħu f’kundizzjonijiet differenti minn dawk ta’ l-eżami mediku previst fl-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg għall-membri tal-persunal temporanju u minn dak previst fl-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċernaw biss l-ewwel reklutaġġ. Skond il-Kummissjoni, il-proċedura applikabbli fil-każ preżenti hija awtonoma, u implementata abbażi ta’ notifika ta’ pożizzjoni vakanti u stabbilita fl-interess tas-servizz.

73      Madankollu, il-Kummissjoni ma spjegatx, matul is-seduta, ir-raġunijiet li għalihom, fil-proċedura prevista fl-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg u fl-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni r-rekwiżiti partikolari fir-rigward tal-kapaċità fiżika tal-kandidati għal pożizzjonijiet f’pajjiżi terzi. Hija lanqas ma ppreċiżat kif l-interess tas-servizz jiġġustifika jew jeżiġi li l-kandidat partikolari li ser jiġi rreklutat ma jibbenefikax mill-istess garanziji bħal dawk previsti fl-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg u fl-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal.

74      Fl-aħħar nett, mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg u ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi konkluż li l-proċedura li huma jipprovdu tapplika biss għall-membri tal-persunal temporanju impjegati għall-ewwel darba mal-Komunitajiet. F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-kandidati ġodda reklutati mal-Kummissjoni sabiex jaħdmu f’pajjiż terz, kellhom ikunu suġġetti għal żewġ eżamijiet mediċi, wieħed previst fl-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal u t-tieni wieħed kif ipprovdut fin-notifika ta’ pożizzjoni vakanti, mhijiex konvinċenti. Barra minn hekk, fit-tweġiba għall-ilment imressaq mir-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra tirreferi espliċitament għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ l-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li ntqalu jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju, fil-qasam tal-proċedura ta’ stħarriġ mediku, stabbilixxa mekkaniżmi li joffru lil kandidati li ser jiġu reklutati, lill-uffiċjali, jew lill-membri tal-persunal, il-possibbiltà li jinvokaw validament il-fehma tagħhom billi jippermettilhom, b’mod partikolari, l-intervent ta’ tabib tal-għażla tagħhom.

76      Fir-rigward tal-għan li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża permezz tal-mekkaniżmi msemmija iktar ’il fuq, u fin-nuqqas, minn naħa, ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu proċedura awtonoma applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju mibgħuta jaħdmu f’pajjiżi terzi jew ta’ raġunijiet rilevanti oħra u, min-naħa l-oħra, tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inapplikabbiltà, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkunsidrat li l-proċedura ta’ reklutaġġ ta’ dawn il-membri għandha tosserva t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-każ preżenti, kif ġie espost fil-punti 69 u 70 tas-sentenza preżenti, il-proċedura segwita kisret id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal.

77      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata tikser it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal.

78      Isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talbiet għal annullament tagħha.

 Fuq it-talba għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

79      Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, hija sofriet dannu partikolari li jirriżulta minn telf ta’ opportunitajiet u minn aġir illegali.

80      Hija titlob li l-prinċipju ta’ kumpens għad-danni fir-rigward ta’ motivi materjali (preparamenti għal moviment lejn post differenti, kirjiet, eċċ) u morali jiġi rrikonoxxut. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti titlob li tingħata, b’mod provviżorju, provviżorjament u taħt riżerva ġenerali, is-somma ta’ EUR 1, bħala kumpens għad-dannu materjali u morali subit.

81      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, peress li d-dannu jirriżulta minn aġir ta’ l-amministrazzjoni li ma għandux natura deċiżjonali, il-proċedura amministrattiva għandha tibda bl-introduzzjoni ta’ talba skond l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ma segwietx din il-proċedura. Għalhekk, it-talba tagħha għad-danni hija inammissibbli.

82      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma ppreċiżatx, fir-rikors, il-portata tad-dannu subit. Konsegwentement, hija ma ssodisfatx ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni tippreċiża li, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li, f’ċerti każijiet partikolari, mhuwiex indispensabbli li tiġi ppreċiżata fir-rikors il-portata eżatta tad-dannu subit, fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx, u lanqas ma allegat, l-eżistenza taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw din l-ommissjoni.

83      It-tielet nett, peress li l-Kummissjoni tindika li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex illegali, m’hemmx lok ir-rikorrenti tingħata kumpens.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

84      L-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza kien applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skond l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2004/752, sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, jiġifieri sal-1 ta’ Novembru 2007.

85      Peress li r-rikors wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Ottubru 2005, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ l-imsemmija Qorti huma applikabbli għall-każ preżenti.

86      Skond dan l-Artikolu, ir-rikors għandu, inter alia, jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tal-motivi invokati. Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors li huwa intiż għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jallega fil-konfront ta’ l-istituzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li hemm rabta kawżali eżistenti bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li ġie subit minnu, kif ukoll in-natura u l-portata tad-dannu. Min-naħa l-oħra, talba li hija intiża li jinkiseb kumpens li mhuwiex speċifikat hija nieqsa mill-eżattezza meħtieġa u konsegwentement, għandha titqies li hija inammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, Ġabra p. 975, punt 9 ; digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Lulju 1994, Osório vs Il-Kummissjoni, T‑505/93, ĠabraSP p. I‑A‑179 u II‑581, punt 33, u tal-15 ta’ Frar 1995, Moat vs Il-Kummissjoni, T‑112/94, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑135, punt 32 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2007, Gordon vs Il‑Kummissjoni, T‑175/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42).

87      Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi talbet, fir-rikors tagħha “kunsiderazzjoni […] għall-prinċipju li t-talba għad-danni tagħha tiġi kkalkolata sussegwentement, li tirriżulta mid-dannu materjali u morali […] imwettaq mill-[Kummissjoni]”, ir-rikorrenti ma kkalkolatx l-ammont tad-dannu li hija tqis li ġie subit minnha. Il-fatt li hija talbet, fir-replika tagħha, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensaha “għad-dannu materjali u morali subit, dannu limitatat provviżorjament u taħt riżerva ġenerali bħala ammont provviżorju ta’ EUR 1”, ma jagħtix l-eżattezza meħtieġa mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

88      Ir-rikorrenti lanqas ma indikat l-elementi ta’ fatt li jippermettu li ssir evalwazzjoni tal-portata tad-dannu allegatament subit (digriet Moat vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 35). Huwa minnu li hija ppreċiżat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kienet sofriet dannu materjali minħabba telf ta’ remunerazzjoni li rriżulta mir-rifjut li tiġi rreklutata u mill-preparamenti li hija għamlet fid-dawl tat-tluq tagħha, jiġifieri l-kirja qasira ta’ akkomodazzjoni, taħriġ, tilqim, eċċ. Madankollu, dawn l-indikazzjonijiet fil-qasir ma jistgħux jippermettu evalwazzjoni preċiża tal-portata tad-dannu.

89      Għalhekk, jekk jitqies li dan huwa l-każ, għandu jiġi kkunsidrat li d-dannu materjali seta’ jkun tabilħaqq ikkalkolat, mill-mument ta’ l-ilment, u, a fortiori, matul il-preżentata tar-rikors, peress li dan id-dannu materjali huwa bbażat, minn naħa, fuq telf tad-dħul li jirriżulta min-nuqqas ta’ reklutaġġ u, min-naħa l-oħra, fuq l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fid-dawl tat-tluq tagħha fl-Afrika.

90      Minbarra dan, minkejja li l-qorti Komunitarja ammettiet li, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, mhuwiex indispensabbli li tiġi ppreċiżata fir-rikors il-portata eżatta tad-dannu subit u li jiġi kkalkolat il-kumpens mitlub (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il-Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, punt 62 ; digriet Osório vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 35), għandu jiġi rrilevat, fil-każ preżenti, li r-rikorrenti la stabbilixxiet u lanqas invokat l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi (ara, f’dan is-sens, id-digrieti Osório vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 35, u Moat vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 37).

91      Fir-rigward tad-dannu morali subit, għandu jiġi enfasizzat li, barra min-nuqqas totali ta’ evalwazzjoni ta’ dan id-dannu, ir-rikorrenti ma tatx il-possibbiltà lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa l-portata u n-natura tiegħu. Madankollu, kemm jekk il-kumpens għad-dannu morali jintalab simbolikament jew għall-finijiet li jinkiseb kumpens reali, huwa r-rikorrent li għandu jippreċiża n-natura tad-dannu morali allegat, fir-rigward ta’ l-aġir allegat fil-konfront tal-Kummissjoni, u sussegwentament li jippreċiża, b’mod approssimattiv, l-evalwazzjoni globali ta’ dan id-dannu (digriet Moat vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 38; sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

92      Isegwi li t-talba għad-danni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà.

93      Barra minn hekk, għandu jiġi sostnut ukoll li, anki jekk jitqies li r-rikorrenti ressqet biss talba għal kundanna simbolika, għandu jiġi kkunsidrat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi, fil-każ preżenti, kumpens suffiċjenti u xieraq tad-dannu subit minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Marzu 2000, Vicente Nuñez vs Il-Kummissjoni, T‑10/99, ĠabraSP p. I‑A‑47 u II‑203, punt 48).

94      Mill-kunsiderazzjoni preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors, safejn jikkonċerna t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi milqugħ filwaqt li t-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skond l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tieni Titolu ta’ l-imsemmija regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, japplikaw biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-jum li fih jidħlu fis-seħħ dawn ir-Regoli, jiġifieri mill-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huma rilevanti fuq dan il-qasam għandhom jibqgħu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel din id-data.

96      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-Artikolu 88 ta’ l-istess regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Fil-każ li l-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

97      Peress li l-Kummissjoni tilfet il-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tad-Direttur tad-Direttorat K “Servizz Estern” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Relazzjonijiet Esterni” tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta’ April 2005, li informat lir-rikorrenti li hija ma kinitx ser tiġi rreklutata bħala kap ta’ l-amministrazzjoni tad-delegazzjoni li tinsab fil-Ginea hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

Van Raepenbusch

Boruta

Kanninen

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-13 ta’ Diċembru 2007.

W. Hakenberg

 

      S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.