Language of document : ECLI:EU:F:2007:226

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

tat-13 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-95/05

N

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Pożizzjoni ta’ kap ta’ amministrazzjoni – Pajjiż terz – Opinjoni negattiva tas-servizz mediku ”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tiegħu r-rikorrenti essenzjalment titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-direttur tad-Direttorat K “Servizzi Esterni” tad-Direttorat Ġenerali “Relazzjonijiet Esterni” tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ April 2005, li tinfurmaha li mhux ser tiġi impjegata bħala Kap ta’ Amministrazzjoni tad-delegazzjoni li tinsab f’Ginea u min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha kumpens għal danni materjali u morali allegatament subiti.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tad-direttur tad-Direttorat K “Servizzi Esterni” tad-Direttorat Ġenerali “Relazzjonijiet Esterni” tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-15 ta’ April 2005, li tinforma lir-rikorrenti li mhux ser tiġi impjegata bħala Kap ta’ Amministrazzjoni tad-delegazzjoni li tinsab f’Ginea hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Kapaċità fiżika – Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 33, Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 13)

2.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(c))

1.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, proċedura ta’ ffissar ta’ opinjoni medika li ma tiggarantixxix it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-opinjoni medika definittiva, tal-opinjoni ta’ tabib magħżul liberament mill-kandidat ikkonċernat, tikser id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika, fid-dawl tal-għan tiegħu li jiggarantixxi l-osservanza tad-dritt tad-difiża fin-nuqqas tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu proċedura awtonoma jew motivi rilevanti oħra, għall-membri tal-persunal temporanju stabbiliti f’pajjiż terz.

(ara l-punti 70 u 76)

2.      Skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika, inter alia, is-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Sabiex jissodisfa dawn il-ħtiġijiet, rikors intiż għal kumpens għal danni kkwawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li tiġi identifikata l-imġiba li r-rikorrent jattribwixxi lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li jeżisti ness ta’ kawżalità bejn l-imġiba u d-dannu allegatament subit minnu, kif ukoll il-karattru u d-daqs tad-dannu. Min-naħa l-oħra, rikors intiż għal kumpens in ġenerali huwa nieqes mill-eżattezza neċessarja, u għalhekk għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli.

Dan huwa l-każ meta r-rikorrenti sempliċement jitlob li tiġi aċċettata, fil-prinċipju, it-talba tiegħu għal kumpens li għandu jiġi kkalkolat sussegwentement, bħala kumpens għal dannu allegatament subit, mingħajr ma jindika l-elementi ta’ fatt li jippermettu li ssir evalwazzjoni tad-daqs tiegħu, jew mingħajr madankollu ma jistabbilixxi jew jinvoka l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li setgħu jeżonerawh milli jipprovdi dawn id-dettalji.

Fir-rigward tad-dannu morali, kemm jekk il-kumpens għalih jintalab simbolikament jew sabiex jinkiseb kumpens veru u proprju, huwa r-rikorrent li għandu jippreċiża n-natura tad-dannu morali allegat, fir-rigward tal-imġiba attribwita lill-istituzzjoni, u sussegwentement għandu jippreċiża, anke jekk b’mod approssimattiv, l-evalwazzjoni tad-dannu kollu.

(ara l-punti 86 sa 88, 90 u 91)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il‑Kunsill, 5/71, Ġabra p. 975, punt 9; 23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, Ġabra p. I‑8691, punt 62

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ Lulju 1994, Osório vs Il-Kummissjoni, T‑505/93, ĠabraSP p. I‑A‑179 u II‑581, punti 33 u 35; 15 ta’ Frar 1995, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑112/94, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑135, punti 32, 35, 37 u 38; 7 ta’ Frar 2007, Gordon vs Il-Kummissjoni, T‑175/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 42 u 45