Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal judiciaire d’Auch (Franza) fid-9 ta’ Diċembru 2020 – EP vs Préfet du Gers, Institut National de la Statistique et des Études Économiques

(Kawża C-673/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal judiciaire d’Auch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EP

Konvenuti: Préfet du Gers, Institut National de la Statistique et des Études Économiques

Parti oħra: Sindku ta’ Thoux

Domandi preliminari

L-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati bħala li jirrevokaw iċ-ċittadinanza Ewropea taċ-ċittadini Brittaniċi li, qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari għal dawk li ilhom jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn ħmistax-il sena u li huma suġġetti għal-liġi Brittanika msejħa “15 year rule”, li ċċaħħadhom b’dan il-mod mid-dritt għall-vot?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 2, 3, 10, 12 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ meħuda flimkien mal-punt 6 tal-Preambolu tiegħu u mal-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandhom jitqiesu li ppermettew lil dawn iċ-ċittadini Brittaniċi li jżommu, mingħajr eċċezzjoni, id-drittijiet għaċ-ċittadinanza Ewropea li kienu jgawdu minnhom qabel il-ħruġ ta’ pajjiżhom mill-Unjoni Ewropea?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma huwiex parzjalment invalidu inkwantu jikser il-prinċipji li jifformaw l-identità tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll l-Artikoli 39 u [40] tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu ma jinkludix stipulazzjoni li tippermettilhom iżommu dawn id-drittijiet mingħajr eċċezzjoni?

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 127(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ma huwiex parzjalment invalidu inkwantu jikser l-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u kif ukoll l-Artikoli 39 u 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkwantu jċaħħad liċ-ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fir-Renju Unit mid-dritt għall-vot u mill-eliġibbiltà għall-elezzjonijiet muniċipali f’dan il-pajjiż u, jekk il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja jinterpretawh bl-istess mod bħalma jinterpretah il-Conseil d’Etat (il-Kunsill tal-Istat, Franza), dan il-ksur ma jestendix għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn ħmistax-il sena u li huma suġġetti għal-liġi Brittanika msejħa “15 year rule”, li ċċaħħadhom b’dan il-mod mid-dritt għall-vot?

____________