Language of document : ECLI:EU:T:2011:330

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

6 ta’ Lulju 2011(*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali TDI – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Nuqqas ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu – Artikolu 7(1)(c) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 75 u Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑318/09,

Audi AG, stabbilita f’Ingolstadt (il-Ġermanja),

Volkswagen AG, stabbilita f’Wolfsburg (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn P. Kather, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-14 ta’ Mejju 2009 (Każ R 226/2007‑1), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali TDI bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Awwissu 2009,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Novembru 2009,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2010,

wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Mejju 2003, ir-rikorrenti, Audi AG u Volkswagen AG, ippreżentaw applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali TDI.

3        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 12 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Vetturi u l-elementi ta’ kostruzzjoni tagħhom”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 2007, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għall-prodotti kollha mitluba skont l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009]. Dan ikkunsidra wkoll li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009] ma kienx japplika, minħabba li l-istabbiliment tas-sinjal li saret applikazzjoni għalih bħala trade mark fost il‑pubbliku ma kienx ġie pprovat b’mod suffiċjenti.

5        Fil-5 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw appell mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        B’deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan l-appell minħabba li s-sinjal TDI kellu karattru deskrittiv għall-prodotti kollha kkunsidrati skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, hekk kif kienet iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs L-UASI (TDI) (T‑16/02, Ġabra p. II‑5167). Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell qies li l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu kellha tiġi pprovata fl-Unjoni Ewropea kollha. Dan ikkonstata li r-rikorrenti ma kinux ippreżentaw din il-prova fir-rigward tat-trade mark TDI. Fir-rigward tad-Danimarka, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Irlanda, dan ikkunsidra d-dokumenti li kienu tressqu fil-proċess bħala insuffiċjenti. Għall-Istati Membri l-oħra, dan indika li l-provi mressqa ma kinux ta’ natura li jipprovaw l‑istabbiliment tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, peress li dawn ma kinux jipprovaw li t-trade mark imsemmija kienet tippermetti lill-konsumaturi ta’ dawn il-pajjiżi li jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

9        Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tal-imsemmi regolament. It-tielet u r-raba’ motivi huma bbażati fuq ksur rispettivament tal-Artikolu 76(1) u tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

10      Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun utli li qabel kollox jiġi evalwat it-tieni motiv, imbgħad l-ewwel motiv u, finalment, it-tielet u r-raba’ motivi.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c), tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

11      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti josservaw li s-sinjal TDI kien is-suġġett ta’ diversi reġistrazzjonijiet nazzjonali u ta’ reġistrazzjoni internazzjonali. Dan juri li s-sinjal imsemmi ma huwiex deskrittiv u ma huwiex nieqes minn kull karattru distintiv.

12      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti josservaw li l-UASI evalwa l-applikazzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni tas-sinjal TDI b’mod differenti mill-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni li jirrigwardaw sinjali simili, jiġifieri s-sinjali CDI u HDI, li tressqu minn żewġ kostrutturi tal-karozzi oħra, peress li dan ma talabx il-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għar-reġistrazzjoni tagħhom. Diversament mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2009, Bild digital (preċedentement Bild.T-Online.de) (C‑39/08 u C‑43/08, Ġabra p. I-20, punt 17), huma jsostnu li l-UASI huwa marbut li jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet li jkunu diġà ġew adottati fir-rigward ta’ applikazzjonijiet simili u li jistaqsi lilu nnifsu b’attenzjoni partikolari dwar jekk hemmx lok li jiġi deċiż fl-istess sens jew le, anki jekk dan fl-ebda każ ma jista’ jkun marbut minnhom. Mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet li jiġu rreġistrati s-sinjali CDI u HDI bħala trade mark Komunitarja.

13      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

14      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni kkontestata biss fuq l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, l‑argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huma ineffettivi.

15      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il‑valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”. Skont il‑paragrafu (2) tal-istess Artikolu “[1]l-paragrafu (1) għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità”.

16      Is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-pubbliku rilevanti, jindikaw direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali, il-prodott jew is-servizz li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs L‑UASI (PAPERLAB), T‑19/04, Ġabra p. II‑2383, punt 24, u tad-9 ta’ Ġunju 2010, Hoelzer vs L-UASI (SAFELOAD), T‑315/09, Ġabra p. II-106, punt 15].

17      Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita b’din id‑dispożizzjoni, jeħtieġ li huwa jkollu rabta diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (sentenzi PAPERLAB, punt 16 iktar ’il fuq, punt 25, u SAFELOAD, punt 16 iktar ’il fuq, punt 16).

18      Fir-rigward tas-sinjal verbali TDI, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tagħha TDI, punt 6 iktar ’il fuq (punt 31), li dan kien jikkostitwixxi t-taqsira ta’ “turbo diesel injection” jew ta’ “turbo direct injection”. Din ikkonstatat ukoll li, f’dak li jirrigwarda l-vetturi, dan is-sinjal verbali kien jiddeskrivi l-kwalità tagħhom, peress li l-fatt li għandhom magna “turbo diesel injection” jew “turbo direct injection” jikkostitwixxi karatteristika essenzjali ta’ vettura. Fir-rigward tal-elementi ta’ kostruzzjoni tal-vetturi, il-Qorti Ġenerali indikat li s-sinjal verbali TDI jiddeskrivi t-tip tagħhom (sentenza TDI, punt 6 iktar ’il fuq, punt 34).

19      Barra minn hekk, fl-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li s-sinjal TDI kien deskrittiv tal-prodotti kkonċernati fl-Unjoni kollha. Fil-fatt, peress li l‑vetturi huma kkummerċjalizzati, bħala prinċipju, taħt l-istess denominazzjonijiet fis-suq intern kollu, ma kinitx teżisti differenza bejn id-diversi partijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-fehma, mill-pubbliku rilevanti, tat-tifsira tas-sinjal imsemmi u tar-relazzjoni eżistenti bejn dan is-sinjal u l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark (sentenza TDI, punt 6 iktar ’il fuq, punt 38).

20      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir‑reġistrazzjonijiet nazzjonali u r-reġistrazzjoni internazzjonali tas-sinjal TDI, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, minn naħa waħda, is-sistema tat-trade marks Komunitarji hija sistema awtonoma u, min-naħa l-oħra, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 207/2009 [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2003, Best Buy Concepts vs L-UASI (BEST BUY), T‑122/01, Ġabra p. II‑2235, punt 41; tal-15 ta’ Settembru 2005, Citicorp vs L-UASI (LIVE RICHLY), T‑320/03, Ġabra p. II‑3411, punt 95, u tat-12 ta’ Marzu 2008, Suez vs L-UASI (Delivering the essentials of life), T‑128/07, Ġabra p. II-36, punt 32].

21      Fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

22      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu, skont ir‑Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza marbuta u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux abbażi tal-prassi deċiżjonali ta’ dawn il-Bordijiet [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs L-UASI, C‑37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punt 47; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ottubru 2002, Glaverbel vs L-UASI (Wiċċ ta’ folja tal-ħġieġ), T‑36/01, Ġabra p. II‑3887, punt 35, u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Europig vs L-UASI (EUROPIG), T‑207/06, Ġabra p. II‑1961, punt 40].

23      It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-digriet Bild digital (preċedentement Bild.T-Online.de), punt 12 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil-punt 17 tad-digriet imsemmi, li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li awtorità nazzjonali kompetenti mir-reġistrazzjoni kellha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, u sa fejn din kellha informazzjoni f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà adottati fuq applikazzjonijiet simili u tistaqsi ruħha b’attenzjoni partikolari dwar jekk kienx hemm lok li tittieħed deċiżjoni fl-istess sens jew le. Madankollu, anki jekk jitqies li tali kunsiderazzjoni tapplika b’analoġija għall-evalwazzjoni mwettqa mill-istanzi tal-UASI fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-awtorità inkwistjoni fl-ebda każ ma tista’ tkun marbuta mid-deċiżjonijiet diġà adottati fuq dawn l-applikazzjonijiet simili. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll fil-punt 18 ta’ dan id-digriet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kellu jingħaqad mal-osservanza tal-legalità, b’tali mod li impriża ma tistax tinvoka quddiem l-awtorità kompetenti l-benefiċċju ta’ prattika deċiżjonali ta’ din l-awtorità li tmur kontra l-leġiżlazzjoni applikabbli jew li twassal lill-awtorità msemmija sabiex tieħu deċiżjoni illegali.

24      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq ir-reġistrazzjoni ta’ sinjali oħra bħala trade marks Komunitarji sabiex jipprovaw l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

25      Għall-kompletezza, għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti ma pprovawx li teżisti rabta diretta u konkreta biżżejjed li hija tali li tippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jipperċepixxi l-akronimi HDI u CDI b’mod immedjat, u mingħajr ħsieb ulterjuri, bħala deskrizzjoni tal-vetturi bil-mutur jew tal-komponenti tagħhom, jew inkella bħala waħda mill-karatteristiċi tagħhom. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 18 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-akronimu TDI jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala taqsira tat-termini “turbo diesel injection” jew “turbo direct injection” u jiddeskrivi, għalhekk, il-kwalità jew it-tip tal-prodotti li saret applikazzjoni għalih. B’hekk, ir-rikorrenti ma pprovawx li s‑sitwazzjoni tagħhom kienet paragunabbli ma’ dik tal-applikanti għar-reġistrazzjoni tat-trade marks HDI u CDI. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa miksur biss f’sitwazzjonijiet li huma simili iżda jiġu ttrattati b’mod differenti jew f’sitwazzjonijiet differenti li huma ttrattati b’mod identiku (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 96).

26      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

27      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-istabbiliment tat-trade mark ma għandux jiġi pprovat fl-Istati Membri kollha. Huma jqisu wkoll li l-prinċipji applikabbli għall-popolarità ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu trasposti għall-evalwazzjoni tal-kisba minn trade mark ta’ karattru distintiv permezz tal-użu. B’hekk, il-prova tal-istabbiliment tat-trade mark fir-rigward ta’ parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni hija biżżejjed. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2005, BIC vs L-UASI (Forma ta’ lighter tal-ġebel) (T‑262/04, Ġabra p. II‑5959, punt 69), u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International (C‑301/07, Ġabra p. I‑9429).

28      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li evalwazzjoni bbażata fuq evalwazzjoni għal kull pajjiż ma hijiex fl-ispirtu ta’ suq komuni u ta’ unjoni ekonomika. Huma josservaw li għandu pjuttost jiġi stabbilit jekk it-trade mark tippermettix lil parti sinjifikanti mill-popolazzjoni tal-Unjoni li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala provenjenti minn impriża determinata.

29      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumentazzjoni tal-UASI li tgħid li l-fruntieri ġeografiċi huma rilevanti, peress li dawn huma fruntieri lingwistiċi. Skonthom, is‑sinjal TDI, li huwa kompost minn tliet ittri, jinftiehem b’mod identiku bil-lingwi kollha.

30      Fir-rigward tal-argument tal-UASI li jgħid li għad-Danimarka, għall-Pajjiżi l‑Baxxi u għall-Irlanda, dawn ma ressqu ebda provi ħlief għal dawk li jirreferu għall-ishma fis-suq, ir-rikorrenti jirreferu għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2009, Lange Uhren vs L-UASI (Arranġamenti ġeomteriċi fuq il‑wiċċ ta’ arloġġ tal-idejn) (T‑152/07, Ġabra p. II-144, punt 126). Skonthom, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, f’din is-sentenza, li s-sehem mis-suq miżmum mit-trade mark kien indikazzjoni li setgħet tkun rilevanti għall-finijiet li jiġi evalwat jekk din it-trade mark kinitx kisbet karattru distintiv permezz tal-użu. Huma jaqblu fuq din il-fehma u jqisu li huwa possibbli li mill-ishma mis-suq tal-prodotti li fuqhom twaħħal is-sinjal TDI jitnaqqas il-livell ta’ popolarità tal-imsemmi sinjal li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni, peress li dan is-sinjal huwa sistematikament muri fuq il-bagoll tal-vettura. Għalhekk, l-imsemmi sehem mis-suq jippermetti li jitnaqqas b’mod dirett “ix-xandir” tas-sinjal TDI.

31      Ir-rikorrenti josservaw ukoll li r-reġistrazzjoni tat-trade mark TDI f’ċerti Stati Membri hija ekwivalenti għal prova ta’ stabbiliment tat-trade mark imsemmija f’dawn il-pajjiżi. Il-kisba minn din it-trade mark ta’ karattru distintiv permezz tal‑użu hija neċessarja biss jekk it-trade mark ma kinitx irreġistrata b’mod konformi ma’ liġi nazzjonali, armonizzata mas-sistema Komunitarja. F’dan il-każ, il-popolazzjoni tal-pajjiżi li fihom ġiet irreġistrata t-trade mark TDI kienet tirrappreżenta madwar żewġ terzi mill-popolazzjoni tal-Unjoni fid-data meta tressqet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal TDI bħala t-trade mark Komunitarja.

32      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jaqblu mal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l‑livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jkun għoli matul ix-xiri ta’ karozza. Madankollu, huma jikkontestaw il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti jkun differenti fil-każ ta’ indikazzjonijiet tekniċi. Skonthom, fir-rigward tal-prodotti għoljin ħafna u ta’ teknoloġija avvanzata, il-konsumatur jistudja l-informazzjoni kollha, inkluża t-trade mark tal-karozza, b’attenzjoni partikolari.

33      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti josservaw li, waqt il-proċedura quddiem l-eżaminatur, huma bagħtulu, min-naħa waħda, l-informazzjoni li turi li l-vetturi tagħhom li fuqhom jitwaħħal is-sinjal TDI kienu jirrappreżentaw sehem kbir mis-suq tal-karozzi tal-Unjoni fil-mument meta tressqet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, u min-naħa l-oħra, id-dħul mill-bejgħ b’riżultat tal-bejgħ tal-vetturi msemmija. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-fatt li kull vettura tiċċirkola bis-sinjal TDI imwaħħal fuq il-bagoll tagħha jikkostitwixxi reklamar mobbli, liema ħaġa tirrendi ċ-ċifri kkomunikati ħafna iktar importanti. Barra minn hekk, huma jqisu li l-livell ta’ popolarità tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha huwa proporzjonat mad-dħul fil-bejgħ u jikkostitwixxi ħjiel importanti biex jiġi evalwat l-istabbiliment tat-trade mark imsemmija. Finalment, huma jirreferu għall-materjal pubbliċitarju u għad-dikjarazzjonijiet tal-klabbs tal-karozzi li dawn ippreżentaw fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-eżaminatur.

34      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirreferu għad-dikjarazzjonijiet tal-kompetituri, li jgħidu li dawn tal-aħħar ma jużawx is-sinjal TDI u li dan huwa assoċjat mar-rikorrenti. Fir-rigward ta’ ċerti kostrutturi tal-karozzi, ir-rikorrenti josservaw li l‑imsemmija kostrutturi tal-karozzi jixtru magni mingħandhom, li huma awtorizzaw lil dawn il-kostrutturi tal-karozzi biex jużaw it-trade mark TDI sabiex jippromwovu l-magni msemmija, u li wieħed minnhom ma kien ikkummerċjalizza l-ebda vettura b’magna diesel qabel l-2009.

35      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-użu min-naħa tal-kompetituri ta’ akronimi distinti biex isemmu l-vetturi b’magni diesel tagħhom isaħħaħ f’moħħ il‑konsumatur il-fatt li l-akronimu TDI huwa l-isem mogħti mir-rikorrenti lill-vetturi b’magna diesel tagħhom.

36      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li huma ma kinux jużaw, fil-kummerċ, is-sinjal TDI bħala trade mark, iżda bħala “akronimu deskrittiv”. Huma josservaw li, skont il-ġurisprudenza, l-użu bħala trade mark ma jimplikax li s-sinjal inkwistjoni jintuża waħdu. Anki l-użu tas-sinjal imsemmi flimkien ma’ sinjali oħra huwa rilevanti. Issa, f’dan il-każ, huma jsostnu li ressqu l-prova tal-użu tas-sinjal TDI flimkien ma’ trade marks oħra.

37      Ir-rikorrenti jikkontestaw il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li għandu jiġi pprovat li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi s-sinjal inkwistjoni bħala trade mark. Huma jsostnu li huwa biżżejjed li jiġi pprovat li s-settur ikkonċernat effettivament jifhem il-prodott jew is-servizz, deskritt biss mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala provenjenti minn impriża determinata. Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Bord tal-Appell irraġuna b’mod ċirkolari billi sostna li s-sinjal TDI kien indikazzjoni deskrittiva u, konsegwentement, li s‑setturi kkonċernati ma jassoċjawx is-sinjal imsemmi ma’ impriża determinata. Tali raġunament jimplika li sinjal intrinsikament deskrittiv qatt ma jista’ jikseb karattru distintiv permezz tal-użu, peress li dan is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi li jkun imwaħħal fuqhom. Tali approċċ iċaħħad lill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 mis-sens tiegħu. F’dan ir-rigward, dawn jirreferu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, Ġabra p. I‑5475, punt 40). Barra minn hekk, il-kunċett ta’ impjantazzjoni tat-trade mark huwa preċiżament intiż sabiex jikkumpensa n‑“nuqqas allegatament ilmentat lil indikazzjoni deskrittiva”.

38      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

39      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ir‑raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tal-istess regolament ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din tkun kisbet karattru distintiv, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni, minħabba l-użu li jkun sar minnha.

40      L-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jipprovdix dritt awtonomu għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Huwa jinkludi eċċezzjoni għar-raġunijiet għal rifjut imniżżla fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament. L-iskop tiegħu għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet għal rifjut (sentenza Arranġamenti ġeometriċi fuq il-wiċċ ta’ arloġġ tal-idejn, punt 30 iktar ’il fuq, punt 121 ; ara wkoll, u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2006, Bovemij Verzekeringen, C‑108/05, Ġabra p. I‑7605, punt 21).

41      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minn naħa waħda, il-kisba minn trade mark ta’ karattru distintiv permezz tal-użu teħtieġ li mill-inqas porzjon sinjifikattiv tal-pubbliku rilevanti jidentifika, bis-saħħa tat-trade mark, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża determinata [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Eurocermex vs L-UASI (Forma ta’ flixkun tal-birra), T‑399/02, Ġabra p. II‑1391, punt 42, u Arranġamenti ġeometriċi fuq il‑wiċċ ta’ arloġġ tal-idejn, punt 30 iktar ’il fuq, punt 122].

42      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punt 49), li sabiex jiġi ddeterminat jekk trade mark kisbitx karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa b’mod globali l‑elementi li jistgħu juru li t-trade mark saret adatta sabiex biha jiġi identifikat il‑prodott ikkonċernat bħala li ġej minn impriża determinata u għaldaqstant li tiddistingwi lil dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra.

43      F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sehem mis-suq miżmum mit-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u kemm ilha tintuża din it-trade mark, l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjon tas-setturi interessati li jidentifikaw il-prodott bħala li ġej minn impriża determinata permezz tat-trade mark, id-dikjarazzjonijet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra kif ukoll l-istħarriġ ta’ opinjoni (ara s-sentenza Forma ta’ flixkun tal-birra, punt 41 iktar ’il fuq, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies, abbażi tas-sentenza TDI, punt 6 iktar ’il fuq, li peress li s-sinjal TDI huwa kompost mill-inizjali tat-termini li jinsabu fl-espressjoni “turbo direct injection” jew l-espressjoni “turbo diesel injection”, ir‑raġuni assoluta għal rifjut tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 kienet teżisti fl-Unjoni kollha, u li għalhekk, it-trade mark TDI kienet x’aktarx kisbet karattru distintiv permezz tal-użu f’kull wieħed mill-ħmistax-il Stat Membru tal-Unjoni fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jiġifieri fit-22 ta’ Mejju 2003 (punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, skont il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ma kinux ipprovaw l-istabbiliment tat-trade mark permezz tal-użu fid-Danimarka, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Irlanda (punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, fl-Istati Membri l-oħra, is-sinjal TDI ma kienx intuża bħala trade mark, iżda ntuża biss bħala indikazzjoni deskrittiva, b’tali mod li din ma setgħetx tikseb karattru distintiv b’dan l-użu (punti 41 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li għandha tingħata l-prova tal-istabbiliment tat-trade mark TDI għal kull wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni. Huma tal-fehma li hija biżżejjed il-prova tal-istabbiliment imsemmi fir-rigward ta’ parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni.

46      Skont il-ġurisprudenza, trade mark tista’ tiġi rreġistrata skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 biss jekk titressaq il-prova li din tkun kisbet, permezz tal-użu li jkun sar minnha, karattru distintiv fil-parti tal-Unjoni li fiha ma kellhiex tali karattru ab initio. L-imsemmija parti tal-Unjoni, prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu tista’, f’kull każ, tkun tikkonsisti minn Stat Membru wieħed (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs L-UASI, C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 83).

47      Huwa għalhekk fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni fejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ma kellhiex karattru distintiv ab initio li din għandha tkun kisbet karattru distintiv permezz tal-użu sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata skont l‑Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Glaverbel vs L-UASI (Struttura ta’ wiċċ tal-ħġieġ), T‑141/06, Ġabra p. II-114, punt 38]. Barra minn hekk, il-provi mressqa fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri ma jistgħux jipprovaw li s-sinjal kiseb karattru distintiv fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Struttura ta’ wiċċ tal-ħġieġ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

48      Isegwi li f’dan il-każ, peress li s-sinjal TDI huwa intrinsikament deskrittiv fl-Unjoni kollha, il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu għandha tiġi pprovata għal kull wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni.

49      L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux ipoġġu indiskussjoni din il-konklużjoni.

50      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq is-sentenza Forma ta’ lighter tal-ġebel, punt 27 iktar ’il fuq, mill-punti 68 u s-segwenti tas-sentenza msemmija jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex l-intenzjoni li tippronunzja ruħha dwar il‑prinċipji li għandhom jiġu applikati fir-rigward tad-definizzjoni tat-territorju rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, iżda limitat ruħha sabiex tikkonstata li, fil-kawża msemmija, “[il-prova tal-użu] [kellha] tinġieb għall-parti l-kbira tal-Komunità”. Barra minn hekk, f’din il‑kawża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-provi mressqa biex jipprovaw l‑istabbiliment tat-trade mark tridimensjonali li saret applikazzjoni għaliha ma kinux biżżejjed, b’tali mod li ma kienx neċessarju, sabiex tiġi deċiża l-kawża, li jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu f’ċerti pajjiżi kienx jipprekludi jew le r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

51      Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw is-sentenza Forma ta’ lighter tal-ġebel, punt 27 iktar ’il fuq, sabiex ipoġġu indiskussjoni s-soluzzjoni adottata mill-Bord tal-Appell, li hija kompatibbli mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq.

52      It-tieni nett, ir-rikorrenti josservaw li l-Bord tal-Appell għandu juża l-istess kriterju bħala dak li applika sabiex jiddetermina l-eżistenza ta’ popolarità tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u għandu jikkunsidra li l-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-Unjoni hija suffiċjenti.

53      Għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, fin-nuqqas ta’ kunsens min-naħa tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, dan jista’ jipprekludi lil kull terz milli juża fil-kummerċ sinjal li huwa identiku għal jew li jixbah lill-imsemmija trade mark Komunitarja, fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbhux lil dawk li għalihom din hija reġistrata, meta din tal-aħħar tgawdi minn reputazzjoni fl-Unjoni u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark Komunitarja, jew ikun ta’ ħsara għalihom.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li r-rikorrenti ma jistgħux ipoġġu indiskussjoni b’mod validu s-soluzzjoni adottata mill-Bord tal-Appell, kompatibbli mal-ġurisprudenza speċifika dwar il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, billi jibbażaw ruħhom fuq il‑ġurisprudenza dwar dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament.

55      B’mod partikolari, fid-dawl tad-differenza fil-loġika intrinsika għall-applikazzjoni, min-naħa waħda, tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar il-popolarità, u min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament, dwar il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, kif ukoll għal posthom fl-istruttura ta’ dan ir-regolament, l-istess test ma jistax jintuża wkoll fir-rigward tat-territorju rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn iż‑żewġ dispożizzjonijiet.

56      Fil-fatt, l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jħares l-interessi leġittimi tal-proprjetarji li t-trade mark tagħhom kisbet reputazzjoni b’riżultat tal-isforzi kummerċjali u ta’ reklamar tagħhom. B’hekk, l-użu tat-trade mark minn operatur ekonomiku ieħor jista’ jippermetti li jittieħed vantaġġ indebitu mit-trade mark li tgawdi minn reputazzjoni, jew li din tiġi ppreġudikata minkejja li t-trade mark hija magħrufa biss, jekk ikun il-każ, minn parti sinjifikanti mill-pubbliku rilevanti fi Stat Membru wieħed.

57      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-preklużjoni milli b’mod partikolari jiġi rreġistrat sinjal deskrittiv bħala trade mark Komunitarja u li, skont il-paragrafu 2 ta’ din id‑dispożizzjoni, il-preklużjoni msemmija tapplika anki jekk ir-raġuni għal-rifjut teżisti biss f’parti mill-Unjoni. Fil-każ li tiġi adottata l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti, dan ikun jimplika li trade mark deskrittiva tkun tista’ tiġi rreġistrata abbażi tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu f’parti sostanzjali mill-Unjoni, filwaqt li t-trade mark tibqa’ deskrittiva fil-partijiet l-oħra tal-Unjoni. Għalhekk, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tmur kontra l-kliem stess tar-Regolament Nru 207/2009.

58      Konsegwentement, għandu jinċaħad l-argument tar-rikorrenti fejn jilmentaw li l-Bord tal-Appell ma interpretax it-territorju rilevanti, għall-finijiet tal-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, bl-istess mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fis-sentenzi dwar il-prova tal-eżistenza ta’ popolarità, skont l‑Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

59      It-tielet nett, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jippretendu li, fid-dawl tal-istabbiliment taż-żona ekonomika unika tal-Unjoni, il-fruntieri ġeografiċi tilfu r‑rilevanza tagħhom.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha Struttura ta’ wiċċ tal-ħġieġ, punt 47 iktar ’il fuq (punt 40), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat is-segwenti:

“[L-argument] li jgħid li l-approċċ li jikkonsisti fl-għadd tan-numru ta’ pajjiżi minn fejn huma provenjenti l-provi jmur kontra l-ħtieġa li l-[Unjoni] titqies bħala suq uniku ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament [Nru 207/2009], moqri flimkien mal-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk din tal-aħħar tkun nieqsa minn karattru distintiv f’parti mill-[Unjoni] u l-parti tal-[Unjoni] kkunsidrata fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tista’ tkun tikkonsisti, jekk ikun il‑każ, minn Stat Membru wieħed […]. B’hekk, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra b’mod separat il-provi dwar il-karattru distintiv miksub mill-użu għal kull Stat Membru.”

61      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Bord tal-Appell stabbilixxa korrettement li, peress li s-sinjal huwa deskrittiv fl-Unjoni kollha, ir‑rikorrenti kellhom iressqu l-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu f’kull wieħed mill-ħmistax-il Stat Membru tal-Unjoni fil-mument meta tressqet l‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

62      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti josservaw li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, huma pprovaw il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu f’kull wieħed mill-Istati Membri, inkluż fl-Irlanda, fid-Danimarka u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-unika prova rilevanti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward ta’ dawn it-tliet Stati Membri tikkonsisti fis-sehem mis-suq li huma jżommu fihom.

64      Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi li fihom il-kundizzjoni marbuta mal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tista’ titqies bħala sodisfatta ma jistgħux jiġu stabbiliti biss abbażi ta’ data ġenerali u astratta, bħal perċentwali partikolari [ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Struttura ta’ wiċċ tal-ħġieġ, punt 47 iktar ’il fuq, punt 32, u l‑ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Ottubru 2008, Powerserv Personalservice vs L-UASI – Manpower (MANPOWER), T‑405/05, Ġabra p. II‑2883, punt 131].

65      B’mod partikolari, id-data dwar is-sehem mis-suq bħala tali ma turix li l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti inkwistjoni jipperċepixxi sinjal deskrittiv bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali (ara, b’analoġija mal-preżentata ta’ data dwar il-volumi tal-bejgħ u tal-materjali pubbliċitarji, is-sentenza Struttura ta’ wiċċ tal-ħġieġ, punt 47 iktar ’il fuq, punt 41). Barra minn hekk, fir-rigward tal-Istati Membri msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ppreżentawx informazzjoni kompleta każ b’każ, b’mod partikolari dwar l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul tal-użu, jew dwar id-daqs tal-investimenti tagħhom biex jippromwovu t-trade mark TDI.

66      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell stabbilixxa b’mod korrett in-nuqqas ta’ provi suffiċjenti dwar il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu fl-Irlanda, fid-Danimarka u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

67      Peress li r-rikorrenti kellhom iressqu l-prova tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu f’kull wieħed mill-ħmistax-il Stat Membru tal-Unjoni (ara l‑konklużjoni fil-punt 61 iktar ’il fuq), minnu nnifsu, in-nuqqas ta’ provi suffiċjenti fir-rigward ta’ dawn it-tliet Stati Membri huwa biżżejjed sabiex isostni d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

68      Għalhekk, ma huwiex neċessarju li tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti mressqa fir-rigward tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata dwar in-nuqqas ta’ użu tas-sinjal TDI bħala trade mark.

69      Madankollu, sussidjarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament, fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma setax jiġi konkluż li kien hemm użu tas-sinjal TDI bħala trade mark, peress li s-sinjal imsemmi kien jew użat b’mod direttament deskrittiv, jew akkumpanjat fuq materjal pubbliċitarju minn trade marks oħra tar-rikorrenti li għandhom kapaċità distintiva.

70      Skont il-ġurisprudenza, f’dak li jirrigwarda l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, l-identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz mis-setturi kkonċernati bħala wieħed li joriġina minn impriża determinata għandha ssir permezz tal-użu tat-trademark bħala trademark. L-espressjoni “l-użu tat-trademark bħala trademark” għaldaqstant għandha tinftiehem li qiegħda tirreferi biss għall-użu tat-trademark għal skopijiet tal-identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz mis-setturi kkonċernati bħala wieħed li joriġina minn impriża determinata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C‑353/03, Ġabra p. I‑6135, punti 26 u 29).

71      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma kkonkludiex li kien hemm nuqqas ta’ użu bħala trade mark abbażi ta’ raġunament ċirkolari, meta sostna li, peress li s-sinjal huwa deskrittiv, ma setax jintuża bħala trade mark.

72      Fil-fatt, fil-premessi 45 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell evalwa diversi materjali pubbliċitarji mressqa mir-rikorrenti. Barra minn hekk, hekk kif ġustament ikkunsidra l-Bord tal-Appell, dawn il-materjali pubbliċitarji jagħtu kjarament l-impressjoni lill-pubbliku rilevanti li s-sinjal TDI ma kienx jintuża sabiex jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni, iżda sabiex jiddeskrivi karatteristika tal-karozzi li jidhru fihom, jiġifieri li huma mgħammra b’magna diesel b’injezzjoni diretta.

73      Barra minn hekk, fil-materjal pubbliċitarju li ġie ppreżentat mir-rikorrenti u li jidher fil-fajl amministrattiv, is-sinjal TDI huwa dejjem akkumpanjat minn trade mark oħra li r-rikorrenti huma proprjetarji tagħha, bħat-trade mark Audi, it-trade mark VW jew it-trade mark Volkswagen. Il-Qorti Ġenerali kemm-il darba ddeċidiet li l-materjal pubbliċitarju li fih, sinjal nieqes minn karattru distintiv intrinsiku jkun dejjem akkumpanjat minn trade marks oħra li min-naħa tagħhom huma dotati minn tali karattru, ma jikkostitwixxux il-prova li l-pubbliku jipperċepixxi s-sinjal li saret applikazzjoni għalih bħala trade mark li tindika l‑oriġini kummerċjali tal-prodotti (sentenzi Forma ta’ flixkun tal-birra, punt 41 iktar ’il fuq, punt 51, u Forma ta’ lighter tal-ġebel, punt 27 iktar ’il fuq, punt 77). F’kull każ, meta semma sit tal-Internet li jgħid li l-pubbliku Spanjol jipperċepixxi s-sinjal TDI bħala abbrevjazzjoni li tirreferi għal tip ta’ magna diesel b’injezzjoni diretta, indipendentement mill-kostruttur tal-karozzi, il-Bord tal-Appell ipprova li, minkejja kull sforz pubbliċitarju tar-rikorrenti fi Spanja, il‑pubbliku rilevanti ma kienx jipperċepixxi s-sinjal imsemmi bħala identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni, iżda bħala terminu deskrittiv u ġeneriku.

74      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

75      Ir-rikorrenti jsostnu li l-eżaminatur ma rrispondiex id-domandi tagħhom dwar laqgħa sabiex tiġi diskussa l-ħtieġa u l-firxa ta’ stħarriġ ta’ opinjoni li juri, għall-prodotti inkwistjoni, il-kisba mit-trade mark TDI ta’ karattru distintiv permezz tal-użu. Huma jsostnu li r-rieda tagħhom kienet dovuta għall-fatt li l-istħarriġ jinvolvi spejjeż kunsiderevoli u għall-fatt li, fin-nuqqas ta’ ftehim fuq il-parametri tal-istħarriġ, huma kienu qed jesponu ruħhom għal xogħol żejjed, liema ħaġa ma tiffaċilita la x-xogħol tagħhom u lanqas dak tal-UASI. Barra minn hekk, dan tal-aħħar kellu, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ evalwazzjoni ex officio tal-fatti, jikkuntattjahom dwar il-parametri ta’ tali stħarriġ. Peress li tali ftehim ma seħħx, l‑UASI kiser l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

76      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkritikaw il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, li essenzjalment tgħid li l-fatt li l‑eżaminatur ma laqax it-talba tagħhom għal ftehim dwar il-kundizzjonijiet ta’ stħarriġ huwa ħasra, iżda ma jeżentax lid-dikjaranti mir-riskju li l-provi jibqgħu insuffiċjenti fin-nuqqas tal-preżentazzjoni ta’ tali stħarriġ. Abbażi tal-prinċipju tal-evalwazzjoni ex officio tal-fatti, l-UASI huwa marbut li jirrispondi t-“talbiet għal direzzjoni” sabiex jagħti lid-dikjarant il-possibbiltà li jagħti immedjatament lill-istħarriġ ta’ opinjoni tiegħu il-karatteristiċi li jagħmluh aċċettabbli għalih. Finalment, ir-rikorrenti jqisu li, meta l-Bord tal-Appell jikkonstata żball fl-evalwazzjoni mwettqa mill-eżaminatur, liema ħaġa dan jagħmel, f’dan il-każ, bl‑użu tat-terminu “ħasra”, huwa jista’ jeżerċita l-kompetenzi tal-eżaminatur u jirranġa dan l-iżball.

77      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

78      Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, “[f]i proċedimenti quddiemu l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess”.

79      Ir-rikorrenti jilmentaw kontra l-UASI l-fatt li l-eżaminatur ma rrispondiex it‑talbiet tagħhom biex issir laqgħa sabiex tiġi diskussa l-ħtieġa u l-firxa ta’ stħarriġ ta’ opinjoni li juri, għall-prodotti inkwistjoni, il-kisba mit-trade mark TDI ta’ karattru distintiv permezz tal-użu. In-nuqqas ta’ stħarriġ ittieħed inkunsiderazzjoni wkoll mill-Bord tal-Appell meta ċaħad l-appell tar-rikorrenti quddiemu, b’tali mod li n-nuqqas ta’ risposta min-naħa tal-eżaminatur tolqot il‑validità tad-deċiżjoni kkontestata.

80      Għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv tar-rikorrenti ma huwiex ikkorroborat mill-fatti.

81      Fil-fatt, b’ittra tal-20 ta’ Ottubru 2004, l-eżaminatur informa lir-rikorrenti, skont ir-Regola 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it‑trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), li s-sinjal TDI ma kienx eleġibbli għar-reġistrazzjoni. F’din l-ittra, l‑eżaminatur indika li “l-istħarriġ ta’ opinjoni [kien] kważi dejjem indispensabbli fil-proċedimenti ta’ evalwazzjoni li jinvolvu l-istabbiliment [tat-trade mark]”.

82      Kien b’risposta għall-komunikazzjoni tar-raġunijiet ta’ rifjut li, b’ittra tal-20 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti pproponew li r-rappreżentant legali tagħhom “jieħu vantaġġ minn vjaġġ tax-xogħol futur fi Spanja sabiex jiftiehem mal-eżaminaturi tal-UASI fuq appuntament fejn tkun tista’ tiġi diskussa direttament it-tkomplija tal-proċediment; l-esperjenza turi li skambju dirett dwar it-tkomplija tal-proċedura huwa iktar effettiv u iktar ekonomiku minn kitbiet bit-tul”.

83      Madankollu, l-ittra tal-20 ta’ Jannar 2005 ma fiha ebda allużjoni għal offerta li jitressaq stħarriġ ta’ opinjoni, li l-kontenut tiegħu seta’ jiġi diskuss mal-eżaminatur matul “appuntament professjonali” u, f’din l-ittra, ir-rikorrenti semmew l-“utilità prevedibbilment baxxa ħafna” tal-istħarriġ ta’ opinjoni fuq livell Ewropew u sostnew li, skont il-prassi tal-UASI u tal-Qrati tal-Unjoni, l‑istħarriġ ta’ opinjoni seta’ jiġi rrinunzjat.

84      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-eżaminatur indika b’mod ċar li l-istħarriġ ta’ opinjoni kien “kważi dejjem indispensabbli” sabiex jiġi pprovat l-istabbiliment tat-trade mark. Min-naħa l-oħra, mill-ittra tar-rikorrenti tal-20 ta’ Jannar 2005 ma jirriżultax li huma kienu qegħdin joffru li jippreżentaw stħarriġ ta’ opinjoni jew li dawn kienu jixtiequ jippreċiżaw il-firxa tiegħu qabel ma jippreżentawh, iktar u iktar meta dawn kienu esprimew il-fehma tagħhom li tgħid li skont il-prassi tal-UASI u skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ ta’ opinjoni seta’ jiġi rrinunzjat.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu validament li, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ laqgħa professjonali mar-rappreżentant legali tar-rikorrenti sabiex jiġi ppreċiżat il-kontenut tal-istħarriġ ta’ opinjoni li kellu jiġi ppreżentat jikkostitwixxi xi illegalità li tista’ tolqot il-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

86      Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

87      Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija essenzjalment ibbażata fuq il‑kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu ma kinitx possibbli, peress li t-trade mark kellha karattru deskrittiv. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li kien meħtieġ stħarriġ ta’ opinjoni (punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

88      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Bord tal-Appell ma nfurmahomx li fuq dan il-punt kien jaqbel mal-fehma tal-eżaminatur. Fid-dawl tal-offerta ta’ prova tagħhom, il‑Bord tal-Appell kellu jinfurmahom li, anki fil-fehma tiegħu, il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu setgħet tiġi pprovata biss minn stħarriġ ta’ opinjoni. Madankollu, il-Bord tal-Appell adotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma pprovda minn qabel l-inqas indikazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi ppreżentat stħarriġ ta’ opinjoni.

89      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

90      Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu mmotivati u jistgħu jkunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet kellhom l-opportunità li jadottaw pożizzjoni.

91      F’dan ir-rigward, biżżejjed li jitfakkar li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq premessa żbaljata, jiġifieri l-fatt li teżisti offerta ta’ prova intiża għall-preżentata ta’ stħarriġ ta’ opinjoni. Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 84 iktar ’il fuq, mill-ittra tar-rikorrenti tal-20 ta’ Jannar 2005 ma jirriżultax li dawn kienu qegħdin joffru li jippreżentaw stħarriġ ta’ opinjoni jew li kienu jixtiequ jippreċiżaw il-firxa tiegħu qabel ma jippreżentawh.

92      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jsemmu ebda regola tad-dritt li kienet tobbliga lill-Bord tal-Appell li jikkomunikalhom, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-intenzjoni tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ mezz ta’ prova – jiġifieri l-istħarriġ ta’ opinjoni – li l-importanza tiegħu kienet diġà ġiet enfasizzata mill-eżaminatur.

93      Għalhekk, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

94      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-UASI, kif mitluba minn dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Audi AG u Volkswagen AG huma kkundannati għall-ispejjeż.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Lulju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.