Language of document : ECLI:EU:T:2015:223

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

22 ta’ April 2015 (*)

“Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (EWS) li tippermetti li jiġi identifikat il-livell ta’ riskju assoċjat mal-entitajiet responsabbli mill-għoti ta’ kuntratti – Investigazzjoni tal-OLAF dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku fir-rigward ta’ proġett ta’ modernizzazzjoni istituzzjonali fis-Sirja – Deċiżjonijiet li jiġu attivati t-twissijiet W1a u W1b – Bażi legali – Drittijiet fundamentali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑320/09,

Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D.  Triantafyllou u F. Dintilhac, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li permezz tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fis-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (EWS), kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-attivazzjoni tat-twissijiet W1a, u sussegwentement, W1b,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Kancheva, li qed taġixxi bħala President, C. Wetter (Relatur) u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion, hija kumpannija Griega li tipprovdi servizzi ta’ konsulenza fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-impriżi. Mill-2006, hija tinsab involuta, bħala membru ta’ tliet konsorzji, fi tliet proġetti fis-Sirja li huma ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea. Mis-16 ta’ Ottubru 2007, hija kienet suġġetta b’mod partikolari għal investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward ta’ suspetti ta’ irregolaritajiet fil-kuntest tat-tliet proġetti msemmija.

2        Wara proċedura ta’ sejħa għal offerti mnedija fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp Teknoloġiku, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ April 2008, sabiex tidħol f’negozjati bil-għan li jiġu ffissati t-termini definittivi ta’ ftehim ta’ għoti li jikkonċerna l-proposta tagħha li tassumi r-rwol ta’ koordinatur ta’ konsorzju li jirrigwarda l‑proġett “Advancing knowledge – intensive entrepreneurship and innovation for growth and social well-being in Europe”. L-ittra tal-Kummissjoni kienet tistabbilixxi li l-ftehim ta’ għoti eventwali min-naħa tal-Komunità Ewropea ma jistax jeċċedi l-ammont ta’ EUR 3 300 000 u li n-negozjati kellhom jiġu konklużi qabel it-30 ta’ Ġunju 2008.

3        L-iżvolġiment tal-investigazzjoni msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq wassal lill-OLAF jitlob ir-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fis-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (iktar ’il quddiem l-“EWS”), li ġiet stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/969/CE, Euratom, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-EWS għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 344, p. 125). Fis-26 ta’ Frar 2009, huwa talab l-attivazzjoni tat-twissija W1b, fejn ir-reġistrazzjonijiet saru fl-10 ta’ Marzu u l-25 ta’ Mejju 2009 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kkontestati”).

4        Fis-27 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-Ftehim ta’ għoti innegozzjat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”) bil-għan li dan jiġi ffirmat minn din tal-aħħar kif ukoll mill-membri l-oħra tal-konsorzju li minnu hija kienet tifforma parti. Fil-11 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti rritornat il-Ftehim iffirmat lill-Kummissjoni sabiex jiġi ffirmat minn din tal-aħħar.

5        Fl-4 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti permezz ta’ posta elettronika li l-proċess tal-iffirmar tal-Ftehim kien ġie sospiż sakemm tiġi ssodisfatta kundizzjoni addizzjonali, jiġifieri l-ftuħ mir-rikorrenti ta’ kont bankarju bblokkat, li permezz tiegħu din tal-aħħar tiddepożita biss il-parti mill-ħlas bil-quddiem li jirriżulta mill-Ftehim li jikkonċerna lilha, filwaqt li l-kumplament tal-ħlas bil-quddiem jiġi ttrasferit direttament mill-bank lill-membri l-oħra tal-konsorzju. Il‑posta elettronika kienet tiddikjara li r-rekwiżit ta’ dik il-kundizzjoni l-ġdida kienet dovuta għal avveniment mhux mistenni, jiġifieri r-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fl-EWS rispettivament permezz tal-attivazzjoni tat-twissija W1a, u sussegwentement minn dik tat-twissija W1b.

6        Peress l-bank tar-rikorrenti impenja ruħu ma’ din tal-aħħar li jittrasferixxi, malli jirċievi l-ħlas bil-quddiem li kellu jiġi ttrasferit mill-Kummissjoni, lil kull membru tal-konsorzju, l-ammont li kien jappartjeni lilu, il‑Kummissjoni ffirmat il-Ftehim fit-3 ta’ Lulju 2009.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

8        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

9        Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ April 2011, Planet vs Il-Kummissjoni (T‑320/09, Ġabra, EU:T:2011:172), il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

10      Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tad-19 ta’ April 2011, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-bażi legali tal-kompetenza tagħha sabiex, b’mod partikolari, tadotta l-miżuri previsti bid-Deċiżjoni 2008/969. Hija ssodisfat din it-talba fit-terminu stabbilit. L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti waslu r-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2011.

11      Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Mejju 2011.

12      Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, il-proċedura f’din il-kawża, fuq talba tal-Kummissjoni, ġiet sospiża fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi l-istanza fl-appell irreġistrat taħt ir-referenza C‑314/11 P, ippreżentat mill-Kummissjoni kontra d-digriet Planet vs Il‑Kummissjoni, punt 9 iktar ’il fuq, (EU:T:2011:172).

13      Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Planet (C‑314/11 P, Ġabra, EU:C:2012:823), l-appell ippreżentat kontra d-digriet Planet vs Il‑Kummissjoni, punt 9 iktar ’il fuq (EU:T:2011:172), ġie miċħud. Sussegwentement, tkompliet il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

14      Fid-19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni ressqet talba li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni, peress li d-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni, fuq talba tal-OLAF, kienu pproċedew sabiex iħassru t-twissija li kienet tikkonċerna lir-rikorrenti, b’tali mod li r-rikors ma kienx għad għandu skop.

15      Ir-replika ġiet ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2013.

16      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013, it-talba li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni ġiet annessa fuq il-mertu.

17      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni rrinunzjat milli tressaq kontroreplika u, minflok din tal-aħħar, bagħtet il-komunikazzjoni ta’ wieħed mill-membri tagħha dwar ċerti miżuri provviżorji ta’ applikazzjoni tal-EWS. Skont il-Kummissjoni, dan id-dokument jitratta miżuri li jkunu ġew adottati b’mod provviżorju sabiex tkun tista’ tikkonforma ruħha mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Planet, punt 13 iktar ’il fuq (EU:C:2012:823), sakemm id-Deċiżjoni 2008/969 tiġi “emendata b’mod definittiv”.

18      Wara t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li lilha ġiet assenjata mill-ġdid din il-kawża.

19      Peress li l-President tal-Awla ma setax jipparteċipa, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-ordni previst fl-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura, lil Imħallef sabiex jissostitwixxih u, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, lil Imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

20      Fid-29 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, intiża sabiex jiġi ffissat terminu lill-Kummissjoni sabiex hija tressaq deċiżjoni ġdida dwar l-EWS għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

21      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

22      It-trattazzjoni tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2014.

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati;

–        tiċħad it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li ma hemmx iktar lok li tiddeċiedi dwar ir-rikors;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

25      Il-Kummissjoni tallega li, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Planet, punt 13 iktar ’il fuq (EU:C:2012:823), id-dipartimenti kompetenti tagħha pproċedew, fuq talba tal-OLAF, sabiex iħassru t-twissijiet li kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti. Fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma hijiex iktar suġġetta għal twissijiet lejn l-utenti tal-EWS u, għaldaqstant, it-twissijiet ikkontestati ma jeżistux iżjed, il-Kummissjoni tqis li r-rikors ma għadx għandu skop.

26      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument li r-rikors ma għadx għandu skop. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija ssostni li l-kwistjoni tal-bażi legali tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri previsti bid-Deċiżjoni 2008/969 għadha s-suġġett tat-tilwima u għadha valida, peress li din ma ġietx deċiża permezz tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Planet, punt 13 iktar ’il fuq (EU:C:2012:823). Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li l-Kummissjoni ħassret ir-reġistrazzjoni fl-EWS (tħassir ex nunc), hija għad għandha interess ġuridiku u li jiġi kkonstatat li, minħabba nuqqas ta’ bażi legali u, għaldaqstant, ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, ir-reġistrazzjoni hija nulla ab initio (ex tunc), jiġifieri mid-data tat-twissija. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li l-Kummissjoni tista’ “terġa’ tieħu l-inizjattiva” wara li jkun ġie deċiż li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u terġa’ ttenni r-reġistrazzjoni tagħha abbażi tal-istess raġunijiet.

27      Għandu jitfakkar li l-interess ġuridiku tar-rikorrent, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, għandu jkun preżenti fil-mument li fih jiġi ppreżentat ir-rikors taħt piena ta’ inammissibbiltà. Dan is-suġġett tal-kawża, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu. Issa, jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrent ma jibqax jissussisti matul il-proċedura, deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu ma tikseb ebda vantaġġ lilu (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra, EU:C:2007:322, punti 42 u 43, u tal-10 ta’ April 2013, GRP Security vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑87/11, EU:T:2013:161, punt 45).

28      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti tista’ żżomm interess f’li titlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun jista’ jiġi evitat li l-illegalità li bih ikun ivvizzjat dan l-att ma terġax isseħħ fil-futur (ara s-sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, EU:C:2007:322, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att li jaffettwah direttament sabiex jikseb il-konstatazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ illegalità mwettqa fir-rigward tiegħu, b’mod li tali konstatazzjoni tkun tista’ sservi bħala bażi ta’ rikors għad-dannu eventwali intiż li jikkumpensa b’mod adegwat id-dannu kkawżat mill-att ikkontestat (ara s-sentenza GRP Security vs Il-Qorti tal-Awdituri, punt 27 iktar ’il fuq, EU:T:2013:161, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti tistax tislet vantaġġ konkret mill-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali.

30      Jeħtieġ li jiġi osservat li t-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni ma huwiex rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, bid-differenza ta’ sentenza ta’ annullament li permezz tagħha l-att annullat huwa mħassar retroattivament mill-ordinament ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Ayadi vs Il-Kummissjoni, C‑183/12 P, EU:C:2013:369, punt 66). Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex kompetenza, jew jekk ir-rikors ikollu jiġi milqugħ għal raġunijiet oħra, ir-reġistrazzjoni f’dan il-każ tar-rikorrenti tkun nulla ab initio.

31      F’dan il-każ, għandu jiġi evitat li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li għandhom effetti limitati ratione temporis u li jiskadu wara l-preżentata ta’ rikors għal annullament, iżda qabel ma l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tagħti s-sentenza rilevanti, jaħarbu minn kull stħarriġ ġudizzjarju, fejn sitwazzjoni bħal din hija inkompatibbli mal-ispirtu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, Ġabra, EU:T:2009:72, punti 56 u 57).

32      Barra minn hekk, minkejja li r-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fl-EWS tneħħiet (tħassir ex nunc), mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li jeżisti interess ġuridiku, b’mod partikolari minħabba l-fatt li peress li r-reġistrazzjoni tar-rikorrenti setgħet tippreġudika l-immaġni tagħha, huwa l-annullament biss li jista’ jirrimedja dan u li jista’ jservi bħala bażi għal rikors eventwali għad-danni. Għal dawn ir-raġunijiet, it-talba li ma kien hemm lok li tingħata deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-miżuri inkwistjoni

33      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, fejn l-ewwel motiv huwa essenzjalment ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali tad-Deċiżjoni 2008/969 u t-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali u tad-drittijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dritt għal smigħ, tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

34      Fid-digriet Planet vs Il‑Kummissjoni, punt 9 iktar ’il fuq (EU:T:2011:172), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-Deċiżjoni 2008/969, li fuqha huma bbażati l-atti kkontestati, ma tagħmel riferiment għal ebda dispożizzjoni tad-dritt primarju jew derivat li b’mod espliċitu tagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza li toħloq, timplementa u tamministra database li tirrigwarda persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma ssuspettati li jippreżentaw riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

35      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni li adottat l-att ikkontestat jirrappreżenta motiv ta’ annullament ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni, meta ebda waħda mill-partijiet ma tkun talbitha tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1959, Société des fonderies de Pont‑à‑Mousson vs L-Awtorità Għolja, 14/59, Ġabra, EU:C:1959:31, p. 473; tal-10 ta’ Mejju 1960, Il-Ġermanja vs L-Awtorità Għolja, 19/58, Ġabra, EU:C:1960:19, p. 488, u tat‑13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98 P, Ġabra, EU:C:2000:397, punt 56). Fir-rigward tal-kwistjoni tan-nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni li adottat att li fuqu kien ibbażat l-att ikkontestat, għandu jiġi osservat li filwaqt li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex l-obbligu li tqajjem din il-kwistjoni ex officio, jista’ jkun li jkollha tagħmel dan. Dan jista’ jkun il-każ skont l-elementi mniżżla fil-proċess jew jekk ikun jirriżulta minn vizzju li jkun ta’ natura manifesta, fi kliem ieħor jekk il-qorti tal-Unjoni tista’ faċilment tindividwah u tidentifikah bħala tali (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, C‑443/05 P, Ġabra, EU:C:2007:127, punt 104).

36      F’dan il-każ, fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċedura u l-elementi mniżżla fil-proċess, u fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 40 tad-digriet Planet vs Il-Kummissjoni, punt 9 iktar ’il fuq (EU:T:2011:172), tirriżulta l-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ bażi legali li tattribwixxi lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex tadotta l-miżuri previsti mid-Deċiżjoni 2008/969.

37      Għalhekk, qabel ma jiġu eżaminati ż-żewġ motivi, għandha tiġi eżaminata l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-Deċiżjoni 2008/969 u, għaldaqstant, biex tadotta l-atti kkontestati.

38      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet, billi invokat l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”), li l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet adottata fil-kuntest tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u għall-finijiet tiegħu. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni, bħala istituzzjoni unika u bħala entità inizjali li tawtorizza, tagħti, konformement mal-Artikolu 51 u mal-Artikolu 59(2) tar-Regolament finanzjarju, lid-dipartimenti tagħha u fi ħdan dawn id-dipartimenti, delegi bil-għan li timplementa l-baġit permezz ta’ uffiċjali awtorizzanti delegati jew subdelegati, fejn dawn id-delegi huma rregolati bil-kundizzjonijiet previsti fir-regoli interni applikabbli. Hija tindika wkoll li, bħala tali, din id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-prerogattiva primarja li għandha kull istituzzjoni u kull korp istituzzjonali li tirregola b’mod awtonomu l-organizzazzjoni interna tad-dipartimenti tagħha.

39      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni. Ma ġiet rikonoxxuta ebda kompetenza lill-Kummissjoni, sew skont id-dritt primarju sew skont id-dritt derivat, biex toħloq, timplementa u tamministra database b’lista ta’ entitajiet għas-sempliċi raġuni li dawn kienu ssuspettati li jirrappreżentaw riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, imsemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament finanzjarju huwa għan u ma jista jikkostitwixxi l-bażi legali tar-reġistrazzjonijiet magħmula fl-EWS.

40      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-responsabbiltà baġitarja tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 274 KE. Skont dan l-artikolu, il-Kummissjoni għandha timplementa l-baġit tal-Unjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti bis-saħħa tal-Artikolu 279 KE, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti tal-approprazzjonijiet allokati, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba.

41      Ir-Regolament finanzjarju jispeċifika l-prinċipji u r-regoli bażiċi li jirregolaw il-baġit tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba. Huwa jistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti, inklużi r-raġunijiet għall-esklużjoni ta’ kandidat jew ta’ offerent, u l-ħolqien ta’ database ċentrali fejn jinsabu l-ispjegazzjonijiet li jikkonċernaw l-imsemmija persuni.

42      L-Artikolu 93(1) tar-Regolament finanzjarju jsemmi, b’mod partikolari, l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku fil-każ ta’ falliment, ta’ stralċ, ta’ kundanna mogħtija minn deċiżjoni li saret res judicata għal kull delitt li jaffettwa l-moralità professjonali jew għal frodi, korruzzjoni, u fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà ta’ sigurtà soċjali jew ta’ taxxa. L-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament jipprevedi l-esklużjoni tal-għoti ta’ kuntratt fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, ta’ dikjarazzjonijiet foloz fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fil-kuntratt u l-każ ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 93(1) tar-Regolament finanzjarju. L-Artikolu 96 tar-Regolament finanzjarju jirrigwarda sanzjonijiet amministrattivi jew finanzjarji li l-awtorità kontraenti tista’ timponi fuq il-kandidati jew fuq l-offerenti fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet foloz imsemmija fl-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament kif ukoll lill-kontraenti li fir-rigward tagħhom ġie ddikjarat li naqsu serjament milli jeżegwixxu l-obbligi tagħhom skont il-kuntratti ffinanzjati mill-baġit.

43      L-Artikolu 95(1) tar-Regolament finanzjarju huwa fformulat kif ġej:

“Għandha tiġi stabbilita u tkun operata mill-Kummissjoni database ċentrali f’konformità mar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tad-data personali. Id-database għandu jkun fiha d-dettalji tal-kandidati u l-appaltaturi li jkunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 93, 94, 96 (1)(b) u (2)(a). Id-database għandha tkun komuni għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji eżekuttivi u l-korpi msemmijin fl-Artikolu 185.”

44      Id-database ċentrali tal-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 95 tar-Regolament finanzjarju ġiet implementata permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1302/2008, tas-17 ta’ Diċembru 2008, dwar id-dejtabejż ċentrali tal-esklużjoni (ĠU L 344, p. 12). Id-database huwa amministrat mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni jew mill-membri tal-persunal taħt ir-responsabbiltà tiegħu (Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1302/2008). Dan ir-regolament jipprovdi wkoll l-entità, il-mod u l-kundizzjonijiet li jawtorizzaw l-aċċess għall-kontenut tad-database tal-esklużjoni (Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1302/2008).

45      Bil-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u kontra kull attività oħra illegali li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni adottat ukoll, fis-16 ta’ Diċembru 2008, id-Deċiżjoni 2008/969 dwar l-EWS. Din id-deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 193/3 dwar l-EWS.

46      Skont il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2008/969, “[l]-għan tal-EWS huwa li, fl-ambitu tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi tagħha, tiżgura ċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni ristretta dwar partijiet terzi li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tal-Komunitajiet jew għal kwalunkwe fond ieħor amministrat mill-Komunitajiet”.

47      Konformement mal-premessi 5 sa 7 tal-imsemmija Deċiżjoni 2008/969, l-OLAF, li għandu aċċess għall-EWS fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet u għall-ġbir ta’ informazzjoni maħsuba għall-prevenzjoni mill-frodi, huwa responsabbli, b’mod konġunt mal-uffiċjali awtorizzanti kompetenti u d-dipartimenti ta’ verifika interna, biex jitlob ir-reġistrazzjoni, il-modifika jew it-tneħħija ta’ twissijiet EWS, li l-amministrazzjoni tagħhom hija żgurata mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni jew mill-membri tal-persunal li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ġerarkika tiegħu.

48      F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2008/969 jipprovdi li “[l]-uffiċjal tal-kontabilità [tal-Kummissjoni jew il-membri tal-persunal li jaqgħu taħt ir-responsabbilità ġerarkika tiegħu] għandu jdaħħal, jimmodifika jew ineħħi t-twissijiet tal-EWS skont it-talbiet mill-[uffiċjal delegat] responsabbli, [mill-OLAF u mis-Servizz ta’ Verifika Interna]”.

49      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni “[i]t-talbiet kollha għar-reġistrazzjoni, il-modifikazzjoni jew it-tneħħija tat-twissijiet għandhom jiġi indirizzati lill-uffiċjal tal-kontabilità”.

50      Konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija deċiżjoni, “[f]il-każ ta’ proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ għotjiet, l-AOD [uffiċjal delegat] responsabbli jew il-persunal tiegħu għandhom jivverifikaw jekk ikunx hemm twissija fl-EWS mhux iktar tard minn meta tittieħed id-deċiżjoni tal-għotja”.

51      Mill-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2008/969 jirriżulta li l-EWS hija mibnija fuq twissijiet li jippermettu li jiġi identifikat il-livell ta’ riskju assoċjat ma’ entità skont kategoriji li jvarjaw minn W1, li tikkorrispondi għal-livell ta’ riskju l-iktar baxx, sa W5, li tikkorrispondi għall-ogħla livell ta’ riskju.

52      L-Artikoli 10 sa 14 tad-Deċiżjoni 2008/969 jiddefinixxu t-twissijiet. B’hekk, it-twissija W1a tfisser li fi stadju bikri tal-investigazzjonijiet tal-OLAF jeżistu raġunijiet suffiċjenti li wieħed jaħseb li jistgħu jiġu rreġistrati fl-EWS konstatazzjonijiet ta’ frodi jew ta’ żbalji amministrattivi serji. Għandu jingħad ukoll li t-twissija W1b tfisser li l-investigazzjonijiet li l-OLAF u d-dipartiment ta’ verifika interna jkunu qed jiżvolġu jagħtu raġunijiet suffiċjenti li wieħed jaħseb li l-konstatazzjonijiet finali ta’ frodi jew ta’ żbalji amministrattivi serji jistgħu jiġu rreġistrati fl-EWS. It-twissija W2 tfisser li ġew ikkonstatati żbalji ta’ amministrazzjoni serji jew frodi. It-twissija W3 tfisser li l-ordni ta’ sekwestru ġiet innotifikata lill-uffiċjal tal-kontabbiltà taħt ċerti kundizzjonijiet jew li tkun qed tiżvolġi azzjoni legali minħabba frodi jew żbalji amministrattivi serji. It-twissija W4 ifisser li l-Kummissjoni tkun ħarġet ordnijiet ta’ rkupru f’każijiet li jeċċedu ammont speċifikat u fejn ikun hemm dewmien sinjifikattiv fil-ħlas. Fl-aħħar nett, it-twissijiet W5 jiġu rreġistrati għall-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, jew minħabba twissijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1302/2008 (twissija W5A), jew minħabba li l-imsemmija persuni jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet finanzjarji marbuta mal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) (twissija W5b) (Artikolu 14(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2008/969).

53      L-Artikoli 10 sa 14 tad-Deċiżjoni 2008/969 jiddefinixxu wkoll iż-żmien li matulu twissija tibqa’ attiva, fejn it-tul ta’ żmien ivarja skont it-twissija inkwistjoni.

54      Il-konsegwenzi relatati mar-reġistrazzjonijiet fl-EWS ivarjaw skont il-livell ta’ twissijiet. Dawn l-effetti, li jissemmew fl-Artikoli 16 sa 22 tad-Deċiżjoni 2008/969, ivarjaw mit-twissija W1, li tiġi rreġistrata biss bħala informazzjoni u tagħti lok biss għall-konsegwenza li jissaħħu l-miżuri ta’ viġilanza, għat-twissija W5, li, min-naħa tagħha, tagħti lok għall-esklużjoni tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt jew ta’ għajnuna, fir-rigward tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt jew ta’ għajnuna, jew, bħala eżempju, għas-sospensjoni tal-ħlasijiet, tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew ta’ għajnuna, fir-rigward tal-kuntratti jew għajnuniet li jkunu fis-seħħ, kif ukoll it-twaqqif dirett jew indirett tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi, fil-kuntest tal-PESK. Fir-rigward tat-twissijiet W2, W3b u W4, dawn jistgħu jkollhom bħala konsegwenza, apparti t-tisħiħ tal-miżuri ta’ viġilanza, li l-uffiċjal delegat kompetenti jagħti l-kuntratt lil offerent ieħor jew itemm il-proċedura mingħajr ma jagħti l-kuntratt. Fil-każ ta’ kuntratt fis-seħħ, l-uffiċjal delegat jista jissospendi t-terminu ta’ ħlas, jissospendi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jew jipproċedi bir-rexissjoni tiegħu jekk il-kuntratt ikollu dispożizzjoni f’dan is-sens.

55      Skont l-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni 2008/969, hemm obbligu li jiġu informati terzi persuni dwar reġistrazzjoni fl-EWS li tagħtihom il-possibbiltà li jesprimu l-fehma tagħhom bil-miktub. Dan l-obbligu għandu limitazzjoni fir-rigward tat-twissija W5a, għaldaqstant għas-sitwazzjonijiet li fihom l-uffiċjal delegat kompetenti jkollu l-intenzjoni li jeskludi lil terzi persuni, bis-saħħa tal-Artikolu 93(1)(a) sa (e) tar-Regolament finanzjarju.

56      L-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni 2008/969 jipprovdi li din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata, għal skopijiet ta’ informazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li għandha tiġi annessa mar-regoli interni dwar l-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

57      F’dan il-każ, qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5 KE, konformement mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, kull istituzzjoni taġixxi fil-limiti tal-attribuzzjonijiet mogħtija lilha mit-Trattat. Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali timponi li kull att intiż sabiex jinħolqu effetti legali jattribwixxi s-saħħa vinkolanti tiegħu lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tissemma espressament bħala bażi legali (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑325/91, Ġabra, EU:C:1993:245, punt 26, u tas-17 ta’ Settembru 2007, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑240/04, Ġabra, EU:T:2007:290, punt 31).

58      Issa, għandu jiġi kkonstatat li la mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 274 KE u lanqas minn dawk tar-Regolament finanzjarju ma jirriżulta lil-Kummissjoni għandha kompetenza espliċita sabiex tadotta deċiżjoni bħad-Deċiżjoni 2008/969.

59      Ċertament, skont l-Artikolu 274 KE, il-Kummissjoni għandha timplementa l-baġit tal-Unjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 279 KE. Dan l-aħħar artikolu jipprovdi l-użu tal-proċedura leġiżlattiva komuni. Madankollu, ir-Regolament finanzjarju, li l-bażi legali tiegħu huwa l-Artikolu 279 KE, ma jistabbilixxix sistema bħall-EWS. L-imsemmi regolament jipprovdi biss, hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 43 iktar ’il fuq, it-twaqqif ta’ database ċentrali li jirrigwarda esklużjonijiet obbligatorji.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dritt tal-Unjoni lanqas ma jippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ setgħa impliċita. Fil-fatt mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ setgħa impliċita, li tikkostitwixxi eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ attribuzzjoni stabbilit mill-Artikolu 5 KE, għandha tiġi evalwata b’mod restrittiv. Huwa biss b’mod eċċezzjonali li tali setgħat impliċiti huma rikonoxxuti mill-ġurisprudenza u, sabiex jiġu rikonoxxuti, huma għandhom jirriżultaw neċessarji sabiex jiżguraw l-effettività tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew tar-regolament bażiku kkonċernat (ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill, T‑143/06, Ġabra, EU:T:2009:441, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-fatt li sistema ta’ twissija tista’ tkun strument utli fil-kuntest tal-kompiti tal-Kummissjoni bħala protettriċi u eżekutriċi tal-baġit tal-Unjoni, din tal-aħħar la sostniet u lanqas uriet li l-EWS tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti sabiex tkun tista’ tikkonkludi li teżisti setgħa impliċita.

62      Fil-fatt, il-Kummissjoni ħadet il-ħsieb issostni li din kienet miżura ta’ organizzazzjoni interna, prerogattiva li kellha kull istituzzjoni tal-Unjoni. Issa, għandu jiġi osservat li, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza li torganizza l-funzjonament intern tagħha sabiex tiżgura l-iktar funzjonament effikaċi possibbli, konformement mal-Artikolu 51 u mal-Artikolu 59(2) tar-Regolament finanzjarju hekk kif invokati mill-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li s-setgħa ta’ awtoregolamentazzjoni tagħha ssib il-limiti tagħha fl-attribuzzjonijiet fdati lilha.

63      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, bħala prinċipju, il-miżuri interni jipproduċu effetti biss fl-isfera interna tal-amministrazzjoni u ma joħolqu ebda dritt jew obbligu għat-terzi (ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, EU:T:2007:290, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Franza vs Il-Kummissjoni, C‑366/88, EU:C:1990:304, punt 22). F’dan il-każ, huwa ċar li d-Deċiżjoni 2008/969 hija intiża li tipproduċi effetti legali esternament. Il-fatt li l-membri tal-persunal ikkonċernati għandhom jikkonsultaw l-EWS u jisiltu ċerti konsegwenzi fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet li jinsabu fiha kif ukoll il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/969 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma indikazzjonijiet importanti f’dan ir-rigward.

64      Barra minn hekk, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħoloq bażi legali għat-twissijiet ta’ esklużjoni, huwa ma qiesx li kien opportun li jagħmel dan għat-twissijiet l-oħra li jinsabu fid-Deċiżjoni 2008/969. Barra minn hekk, kuntrarjament għat-twissijiet W5 li jibbażaw ruħhom fuq elementi oġġettivi u, sa ċertu punt, ikkonstatati, ir-reġistrazzjoni tat-twissija W1a jew W1b hija l-konsegwenza ta’ investigazzjoni tal-OLAF, minkejja l-fatt li għadhom ma ġewx stabbiliti konstatazzjonijiet ta’ frodi jew ta’ żbalji amministrattivi. Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi miċħud li konsegwenzi vinkolanti jistgħu jissussistu, hekk kif ġie pprovat fil-każ inkwistjoni.

65      Qabel kollox, wieħed ma jistax jaċċetta, mingħajr ma jmur kontra d-drittijiet fundamentali, fosthom il-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-qawl li potest majus potest et minus.

66      Il-preżunzjoni ta’ innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950), hija intiża li tiggarantixxi lil kull persuna li ma tiġix identifikata jew ikkunsidrata bħala ħatja minn ksur qabel ma l-ħtija tagħha tkun ġiet stabbilita minn qorti.

67      Issa, b’differenza mit-twissijiet ta’ esklużjoni (ara l-punti 43 u 64 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi kkontestat li t-twissijiet W1a u W1b jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha investigazzjonijiet ikunu għadhom fis-seħħ u għaldaqstant li fiha qorti tkun għadha ma stabbilixxietx tali ħtija. Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li tadotta miżuri ta’ prevenzjoni, fi stadju bikri, hija għandha bżonn, wisq iżjed għal din ir-raġuni, bażi legali li tippermetti li tinħoloq tali sistema ta’ twissija u li tadotta miżuri relatati magħha, sistema li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, fejn dan tal-aħħar ifisser li r-regoli ta’ dritt għandhom ikunu ċari, preċiżi u previdibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta huma jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u fuq l-impriżi.

68      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li teżisti bażi legali għat-twissijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikoli 93, jiġifieri t-twissija W5a u 94, jiġifieri t-twissija W1d, tar-Regolament finanzjarju, fejn din il-bażi legali tinsab fl-Artikolu 95 tar-Regolament finanzjarju. Barra minn hekk, huwa possibbli li tinsab bażi legali għat-twissija W5b f’regolament jew f’att ta’ implementazzjoni adottat fil-kuntest tal-PESK. Madankollu, wieħed ma jista’ jirreferi għal ebda bażi legali għat-twissijiet W1a u W1b, bħal fil-każ tat-twissijiet l-oħra, jiġifieri W1c u W2 sa W4 u l-konsegwenzi tagħhom. Issa, id-Deċiżjoni 2008/969 ma tagħmel riferiment għal ebda dispożizzjoni tad-dritt primarju jew derivat li jattribwixxi espliċitament lill-Kummissjoni l-kompetenza li toħloq, li timplementa u li tamministra database li tirrigwarda persuni fiżiċi jew ġuridiċi ssuspettati li jirrappreżentaw riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-fatt li d-Deċiżjoni 2008/969 b’mod ġenerali tagħmel riferiment għar-Regolament finanzjarju, mingħajr lanqas ma tindika artikolu speċifiku, ma huwiex biżżejjed f’dan ir-rigward.

69      Il-fatt li l-Kummissjoni, permezz ta’ miżuri provviżorji, sabiex tosserva aħjar ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali, adattat il-prassi tagħha sabiex ġied formalment “emendata” id-Deċiżjoni 2008/969 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) fis-sens li l-entitajiet suġġetti għal talba ta’ twissija ta’ livell W1 sa W4 issa għandhom il-possibbiltà li jesprimu l-opinjoni tagħhom, jiġifieri li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bill-miktub qabel ir-reġistrazzjoni tat-twissija, ma jqiegħedx inkwistjoni l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 68 iktar ’il fuq.

70      Għalhekk, fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika li tippermetti lill-Kummissjoni tadotta tali deċiżjoni, hija jmissha, fil-każ li l-adozzjoni ta’ tali att kellha tirriżulta neċessarja jew utli, segwiet il-proċedura prevista mill-Artikolu 279 KE, jiġifieri li tissottometti proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex tinħoloq il-bażi legali neċessarja. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li hija kienet reċentement issottomettiet proposta lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jemenda r-Regolament finanzjarju f’dan is-sens.

71      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, mingħajr bażi legali li tippermetti lill-Kummissjoni tadotta d-Deċiżjoni 2008/969, l-atti kkontestati, adottati abbażi ta’ din id-deċiżjoni, huma għalhekk ukoll neqsin minn bażi legali, b’tali mod li jeħtieġ li dawn jiġu annullati.

 Fuq it-tieni motiv

72      Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tadotta d-Deċiżjoni 2008/969, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati abbażi tat-tieni motiv.

73      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tallega ksur tad-drittijiet fundamentali bħall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, id-dritt għal “smigħ minn qabel”, id-drittijiet tad-difiża u l-preżunzjoni ta’ innoċenza. Hija tallega wkoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

74      B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti tikkritika l-assenza ta’ possibbiltà li tifformula l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżuri li jikkawżaw preġudizzju u li għandhom effetti vinkolanti, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma informathiex validament u fit-termini, bi ksur tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2008/969, fejn dan imur kontra d-dritt għal smigħ minn qabel u l-preżunzjoni ta’ innoċenza.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, hija tqis li r-rikorrenti kienet taf sew ir-raġunijiet għalfejn hija kienet ġiet irreġistrata fl-EWS u setgħet tiddeduċi miċ-ċirkustanzi fattwali kollha u mid-dokumenti li kienu ġew ikkomunikati lilha, ir-raġunijiet għalfejn hija kienet ġiet identifikata mill-Kummissjoni bħala li teħtieġ ċerta kawtela.

76      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar il-proċedura inkwistjoni (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra, EU:C:1979:36, punti 9 u 11, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C‑141/08 P, Ġabra, EU:C:2009:598, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’mod li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, Ġabra, EU:C:2003:531, punt 145; tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punt 462, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 148).

78      Madankollu, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63; Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 150, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, Ġabra, EU:C:2012:711, punti 139 u 140).

79      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-atti kkontestati ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti. Minħabba dan il-fatt, ir-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward u lanqas ma kellha għarfien tal-motivi li jiġġustifikaw ir-reġistrazzjoni tagħha fl-EWS.

80      Ċertament, l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2008/969 tistabbilixxi li t-terzi, bħall-kandidati, l-offerenti, il-fornituri, il-persuni li jipprovdu servizz u s-subkontraenti rispettivi tagħhom, għandhom jiġu informati, fil-kuntest tas-sejħiet għal offerti, tas-sejħiet għal proposti u, fl-assenza ta’ tali sejħiet, qabel l-għoti ta’ kuntratti jew ta’ għajnuniet, dwar il-fatt li t-tagħrif dwarhom jista’ jiġi rreġistrat fl-EWS u li, jekk it-terzi jkunu entitajiet legali, il-persuni li għandhom setgħa ta’ rappreżentanza, ta’ deċiżjoni jew ta’ kontroll fi ħdan dawn l-entitajiet għandhom jiġu informati wkoll. Madankollu, din il-komunikazzjoni min-naħa tal-uffiċjal delegat kompetenti li tindika li dan it-tagħrif jista’ jiġi rreġistrat fl-EWS jirrigwarda biss eventwalità u ma jikkostitwixxix obbligu li jiġi informat it-terz ikkonċernat fil-mument meta sseħħ ir-reġistrazzjoni fl-EWS.

81      L-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2008/969 jipprovdi li d-dipartiment li talab ir-reġistrazzjoni ta’ twissija għandu jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata dwar it-talba ta’ attivazzjoni, ta’ aġġornament u ta’ tneħħija ta’ kull twissija ta’ esklużjoni W5a li tikkonċernaha direttivament, u għandha tindika r-raġunijiet marbuta magħha. Dan l-obbligu li tiġi informata l-persuna kkonċernata jinkludi dritt għaliha, li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-twissija ta’ esklużjoni, dritt li jirriżulta mill-Artikolu 14(3) tal-imsemmija deċiżjoni.

82      Fil-fatt, għandu jiġi indikat li l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni 2008/969 huma l-uniċi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu d-dritt li persuna tiġi informata dwar reġistrazzjoni fl-EWS. Dan id-dritt li persuna tiġi informata minn qabel u li tkun tista’ tressaq l-osservazzjonijiet tagħha ma huwiex previst għat-twissijiet l-oħra.

83      Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 76 iktar ’il fuq, id-drittijiet tad-difiża għandhom jibqgħu jiġu żgurati, anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-proċedura inkwistjoni. L-istess jgħodd fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-OLAF, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2009, informa lir-rikorrenti bl-investigazzjonijiet mibdija u bir-raġunijiet għalfejn kienu nbdew ma huwiex biżżejjed, waħdu, u ma jfissirx li r-rikorrenti ma kellhiex tiġi informata dwar l-atti kkontestati fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/969.

85      Ċertament, skont id-Deċiżjoni 2008/969, investigazzjoni tista’ tkun ir-raġuni ta’ talba tal-OLAF sabiex persuna tiġi rreġistrata fl-EWS. Issa, mill-Artikolu 10 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta lil-OLAF jitlob tali attivazzjoni ta’ twissija W1a meta l-investigazzjonijiet tagħha jagħtu, fi stadju bikri, raġunijiet suffiċjenti sabiex wieħed jaħseb li jistgħu jiġu rreġistrati fl-EWS konstatazzjonijiet ta’ frodi jew ta’ żbalji amministrattivi serji. F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti ġiet informata biss fis-6 ta’ Frar 2009 dwar il-fatt li hija kienet qed tiġi investigata u li, fil-kuntest ta’ dawn l-investigazzjonijiet kienet prevista verifika fuq il-post għall-perijodu mit-22 sas-26 ta’ Frar 2009. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tistrieħ fuq din is-sempliċi informazzjoni mogħtija mill-OLAF lir-rikorrenti, fil-kuntest tal-imsemmija investigazzjonijiet, billi ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti setgħet “tiddeduċi” miċ-ċirkustanzi u mid-dokumenti kkonċernati, ir-raġunijiet għalfejn hija kienet suġġetta għal miżuri ta’ viġilanza. Barra minn hekk, lanqas ma jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali li l-OLAF indikat lir-rikorrenti li l-imsemmija investigazzjonijiet jistgħu wkoll ikollhom bħala konsegwenza talba għar-reġistrazzjoni tagħha fl-EWS.

86      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li r-rikorrenti ma ġiet informata la qabel u lanqas wara r-reġistrazzjoni tagħha fl-EWS. Minkejja l-fatt li l-għan segwit huwa li jiġi protett il-baġit tal-Unjoni permezz ta’ miżuri ta’ prudenza, dan assolutament ma jiġġustifikax din l-assenza ta’ komunikazzjoni. Huwa biss b’mod inċidentali, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ssospendiet il-proċess kuntrattwali u rrikjediet garanzija addizzjonali fir-rigward tal-proġett “Advancing knowledge – intensive entrepreneurship and innovation for growth and social well-being in Europe”, li r-rikorrenti skopriet ir-reġistrazzjoni tagħha fl-EWS.

87      Anki li kieku kellu jitqies li l-EWS inbniet bħala strument intern, xorta jibqa’ l-fatt li r-reġistrazzjoni fl-EWS tagħti lok għal konsegwenzi ġuridiċi għall-persuna kkonċernata li tiġi rreġistrata fiha, li jfisser li d-drittijiet tad-difiża, inkluż l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu rrispettati.

88      Konsegwentement, għandu jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u għandhom jiġu annullati l-atti kkontestati wkoll fuq din il-bażi, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi mwieġeb l-ewwel motiv u li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk esposti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li permezz tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni ta’ Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion fis-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (EWS), kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-attivazzjoni tat-twissijiet W1a, u W1b fejn jikkonċerna lilha, huma annullati.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kancheva

Wetter

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ April 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.