Language of document : ECLI:EU:T:2011:172

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

tat-13 ta’ April 2011 (*)

“Rikors għal annullament – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Sistema ta’ twissijiet bikrija (EWS) li tippermetti li jiġi identifikat il-livell ta’ riskju assoċjat ma’ entità – Investigazzjoni tal-OLAF fuq l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku li jirrigwarda proġett ta’ immodernizzar istituzzjonali fis-Sirja – Deċiżjonijiet li jinkludu t-talba għal attivazzjoni tat-twissijiet W1a u W1b – Suġġett tal-kawża – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑320/09,

Planet AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u F. Dintilhac, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li permezz tagħhom ġiet mitluba r‑reġistrazzjoni tar-rikorrenti fis-sistema ta’ twissijiet bikrija (EWS), rispettivament permezz tal-attivazzjoni tat-twissija W1a u sussegwentement permezz ta’ dik tat-twissija W1b,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Moavero Milanesi, President, N. Wahl (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

1        Bil-għan li tiġi miġġielda l-frodi u kull attività illegali oħra li tippreġudika l‑interessi finanzjarji tal-Komunità, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej addottat fis-16 ta’ Diċembru 2008, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/969/KE, Euratom dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 344, p. 125). Is‑sistema ta’ twissijiet bikrija (EWS) għandha bħala l-għan tagħha li, fi ħdan il‑Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi tagħha, tiżgura ċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni ristretta dwar partijiet terzi li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tal-Komunitajiet jew għal kwalunkwe fond ieħor amministrat minnhom (premessa 4 tad-Deċiżjoni 2008/969).

2        L-EWS hija mibnija fuq twissijiet li jippermettu li jiġi identifikat il-livell ta’ rikkju assoċjat ma’ entità skont kategoriji li jvarjaw minn W1, li tikkorrispondi għal-livell ta’ riskju l-iktar baxx, sa W5, li tikkorrispondi għall-għola livell ta’ riskju (Arikolu 9 tad-Deċiżjoni 2008/969).

3        L-Uffiċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li għandu aċċess għall-EWS fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fir-rigward tat-twettiq ta’ investigazzjonijiet u l-ġbir ta’ informazzjoni maħsuba sabiex jimpedixxu l-frodi, huwa responsabbli, b’mod konġunt mal-uffiċjal responsabbli u s-servizz ta’ verifika interna, biex jitlob ir-reġistrazzjoni, il-modifika jew it-tneħħija ta’ twissijiet EWS, li l-amministrazzjoni tagħhom hija żgurata mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni jew mill-persunal li jaqa’ taħt ir-responsabbilità ġerarkika tiegħu (premessi 5 sa 7 u l-Artikoli 4 sa 6 tad-Deċiżjoni 2008/969).

4        L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2008/969 jipprovdi li “L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jdaħħal, jimmodifika jew ineħħi t-twissijiet tal-EWS skont it-talbiet mill-AOD [uffiċjal delegat] responsabbli, l-OLAF u s-Servizz ta’ Verifika Interna (IAS)”. L-Artikolu 6(2) jipprevedi li “Fil-każ ta’ proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ għotjiet, l-AOD [uffiċjal delegat] responsabbli jew il-persunal tiegħu għandhom jivverifikaw jekk ikunx hemm twissija fl-EWS mhux aktar tard minn meta tittieħed id-deċiżjoni tal-għotja”.

5        L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni 2008/969 jipprovdi li l-OLAF “għandu jressaq talba għall-attivazzjoni ta’ twissija W1a meta l-investigazzjonijiet tiegħu fi stadju bikri jwasslu għal raġuni biżżejjed biex jitwemmen li l-probabbiltà li jiġi rreġistrat il-kxif ta’ żbalji amministrattivi serji jew ta’ frodi marbuta ma’ partijiet terzi tkun kbira, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-partijiet li jkunu benefiċjarji jew li kienu benefiċjarji ta’ [għandu jitlob l-attivazzjoni ta’ twissija W1a meta fil-fażi inizjali ta’ investigazzjoni tiegħu jirriżultaw raġunijiet suffiċjenti sabiex jitwemmen li jistgħu jiġu rreġistrati fl-EWS konstatazzjonijiet ta’ frodi jew żbalji amministrattivi gravi fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ terzi li jibbenefikaw jew li bbenefikaw minn] fondi Komunitarji”.

6        L-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni 2008/969 jipprevedi b’mod partikolari li l-OLAF għandu jitlob l-attivazzjoni ta’ twissjia W1b meta minn investigazzjoni tiegħu jirriżultaw raġunijiet suffiċjenti sabiex jitwemmen li jistgħu jiġu rreġistrati fl-EWS konstatazzjonijiet ta’ frodi jew żbalji amministrattivi gravi fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ terzi li jibbenefikaw jew li bbenefikaw minn fondi Komunitarji.

7        L-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2008/969 jippreċiża li twissija W1 “għandha tiġi rreġistrata għall-fini ta’ informazzjoni biss u tista’ ma timplika l-ebda konsegwenza għajr għal tisħiħ fil-miżuri [ma għandu jkollha l-ebda konsegwenza oħra ħlief it-tisħiħ tal-miżuri] ta’ sorveljanza”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Ir-rikorrenti, Planet AE, hija kumpannija Griega li tipprovdi servizzi ta’ konsulenza fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-impriżi. Mill-2006, hija tinsab involuta, bħala membru ta’ tliet konsorzji, fi tliet proġetti fis-Sirja li huma ffinanzjati mill-Kummissjoni. Mis-16 ta’ Ottubru 2007, ġiet suġġetta għal investigazzjoni tal-OLAF marbuta ma’ suspetti ta’ irregolaritajiet fil-kuntest tal-imsemmija tliet proġetti.

9        Wara proċedura ta’ sejħa għal offerti varata fil-kuntest tas-seba’ programm qafas tar-riċerka u żvilupp teknoloġiku, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ April 2008, sabiex tidħol f’negozjati bil-għan li jiġu ffissati t-termini definittivi ta’ ftehim ta’ għoti li jikkonċerna l‑proposta tagħha li tassumi r-rwol ta’ koordinatur ta’ konsorzju li jirrigwarda l‑proġett “Advancing knowledge – intensive entrepreneurship and innovation for growth and social well-being in Europe” (iktar ’il quddiem il-“proġett AEGIS”). L-ittra tal-Kummissjoni kienet tiddikjara li l-ftehim ta’ għoti eventwali minn naħa tal-Komunità ma jistax jeċċedi l-ammont ta’ EUR 3 300 000 u li jeħtieġ li n‑negozjati jiġu konklużi qabel it-30 ta’ Ġunju 2008.

10      L-iżvolġiment tal-investigazzjoni msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq wassal lill-OLAF sabiex jitlob ir-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fl-EWS f’żewġ okkażjonijiet. Fis-26 ta’ Frar 2009, huwa talab l-attivazzjoni tat-twissija W1a u, fid-19 ta’ Mejju 2009, huwa talab l-attivazzjoni tat-twissija W1b. Ir-reġistrazzjonijiet twettqu fl-10 ta’ Marzu u fil-25 ta’ Mejju 2009.

11      Fis-27 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti il-Ftehim ta’ għoti innegozzjat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”) bil-għan li dan jiġi ffirmat minn din tal-aħħar kif ukoll mill-membri l-oħra tal-konsorzju li hija tifforma parti minnu. Fil-11 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti rritornat il-Ftehim iffirmat lill-Kummissjoni sabiex jiġi iffirmat minn din tal-aħħar.

12      Fl-4 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti permezz ta’ posta elettronika li l-proċess tal-iffirmar tal-Ftehim kien ġie sospiż sakemm tiġi sodisfatta kundizzjoni addizzjonali, jiġifieri l-ftuħ mir-rikorrenti ta’ kont bankarju bblokkat, li permezz tiegħu din tal-aħħar tiddepożita biss il-parti mill-ħlas minn qabel li jirriżulta mill-Ftehim li jappartjeni lilha, filwaqt li l-kumplament tal-ħlas minn qabel jiġi ttrasferit direttament mill-bank lill-membri l-oħra tal-konsorzju. Il‑posta elettronika kienet tiddikjara li r-rekwiżit ta’ dik il-kundizzjoni l-ġdida kienet dovuta għal avveniment mhux mistenni, jiġifieri r-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fl-EWS rispettivament permezz tal-attivazzjoni tat-twissija W1a, u sussegwentement minn dik tat-twissija W1b.

13      Peress li r-rikorrenti ftiehem mal-bank tiegħu li huwa kellu jimpenja ruħu li jittrasferixxi, meta jirċievi l-ħlas minn qabel li kellu jiġi ttrasferit mill-Kummissjoni, lil kull membru tal-konsorzju l-ammont li kien jappartjeni lilu, il‑Kummissjoni ffirmat il-Ftehim fit-3 ta’ Lulju 2009.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

15      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l‑Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

16      Fil-5 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

17      Fir-rikors promotur tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla ż-żewġ deċiżjonijiet tal-OLAF tas-26 ta’ Frar u tad-19 ta’ Mejju 2009, li hija saret taf bihom fl-4 ta’ Ġunju 2009 u li permezz tagħhom ġiet mitulba r-reġistrazzjoni tagħha fl-EWS, rispettivament permezz tal-attivazzjoni tat-twissija W1a, u sussegwentement permezz ta’ dik tat-twissija W1b;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli.

 Id-dritt

20      Skont l-Artikolu 114(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba ta’ parti, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 114(3) tal-istess Artikolu, il-proċeduri għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. Din tal-aħħar tikkunsidra li, f’din il-kawża, hija għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti tal-proċess, u ma hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

 Fuq is-suġġett tal-kawża

21      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrenti talbet formalment fit-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-OLAF tas-26 ta’ Frar u tad-19 ta’ Mejju 2009 li permezz tagħhom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni tagħha fl-EWS, jirriżulta b’mod ċar mill-kontenut tar-rikors li dan tal-aħħar jittratta wkoll id-deċiżjonijiet ta’ attivazzjoni tat-twissijiet W1a u W1b.

22      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu b’mod partikolari jindika s-suġġett tal-kawża u jkun fih it-talbiet tal-parti rikorrenti. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, it-talbiet għandhom jiġu esposti b’mod preċiż u inekwivoku, peress li, fin-nuqqas ta’ dan, hemm mir-riskju li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi infra jew ultra petita u li d-drittijiet tal-parti konvenuta jiġu ppreġudikati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 1962, Meroni vs L-Awtorità l-Għolja, 46/59 u 47/59, Ġabra p. 783, 801).

23      Madankollu, l-identifikazzjoni tal-att ikkontestat tista’ tirriżulta b’mod impliċitu minn dikjarazzjonijiet magħmula fir-rikors u mill-argumentazzjoni kollha tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1994, PIA HiFi vs Il-Kummissjoni, C‑388/93, Ġabra p. I‑387, punt 10). Ġie deċiż ukoll li rikors ippreżentat formalment kontra att li jifforma parti minn għadd ta’ atti li jifformaw totalità jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa ppreżentat ukoll, sa fejn dan ikun meħtieġ, kontra l-oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu 1967, Simet u Feram vs L-Awtorità Għolja, 25/65 u 26/65, Ġabra p. 39, 53).

24      F’dan il-każ, jirriżulta mill-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2008/969, minn naħa, li, fl-EWS, id-distinzjoni magħmula bejn it-talba għal attivazzjoni ta’ twissija u l‑attivazzjoni tagħha hija ta’ natura purament amministrattiva u hija maħsuba sabiex tiċċentralizza u tistandardizza l-ġestjoni teknika tal-imsemmija sistema u, min-naħa l-oħra, li, f’dik is-sistema, it-talbiet għal attivazzjoni ta’ twissija jiġu segwiti minn twissijiet effettivi mingħajr ma jitwettaq eżami fuq il-mertu.

25      Fil-fatt, għalkemm il-kompiti tal-ġestjoni tal-EWS, bħar-reġistrazzjoni, il‑modifika jew it-tneħħija ta’ twissijiet fl-EWS, huma attribwiti lil servizz wieħed fi ħdan il-Kummissjoni, jiġifieri l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, jew il‑persunal li jaqa’ taħt ir-responsabbilità tiegħu, id-Deċiżjoni 2008/969 tipprevedi li l-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn tali miżuri għandhom jiġu osservati u analizzati fi ħdan diversi servizzi tal-Kummissjoni (l-uffiċjal delegat responsabbli, id-direttur ġenerali jew direttur tal-OLAF jew tas-servizz ta’ verifika interna), li huma obbligati jikkomunikaw il-konklużjonijiet tagħhom dwar in-neċessità ta’ miżura lill-uffiċjal tal-kontabbiltà, li huwa obbligat li jeżegwixxi l-miżura mitluba. Isegwi li, mill-perspettiva ta’ entità irreġistrata fl-imsemmija sistema, it-talba għall-attivazzjoni ta’ twissija u t-twissija effettiva jikkostitwixxu għadd ta’ atti li jifformaw totalità.

26      Barra minn hekk, fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni tibda mill-premessa li huma d-deċiżjonijiet ta’ attivazzjoni tat-twissijiet W1a u W1b li huma kkontestati u li huma s-suġġett tal-kawża. Fil-fatt, fl-imsemmija eċċezzjoni, hija tressaq biss argumenti maħsuba sabiex juri li l-imsemmija deċiżjonijiet ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati. Isegwi li l-Kummissjoni ma ġietx ingannata fuq l-intenzjoni tar-rikorrenti li titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ attivazzjoni tal-imsemmija twissijiet u li d-drittijiet tad-difiża tagħha ma humiex ser jiġu ppreġudikati mill-fatt li l-imsemmija deċiżjonijiet huma wkoll is-suġġett tal-kawża.

27      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 22 u 23 iktar ’il fuq u b’kont meħud tal-fatti partikolari li wasslu għal din il-kawża, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikors, ippreżentat formalment kontra d-deċiżjonijiet tal-OLAF tas-26 ta’ Frar u tad-19 ta’ Mejju 2009 li permezz tagħhom ġiet mitluba r‑reġistrazzjoni tar-rikorrenti fl-EWS, għandu jiġi kkunsidrat bħala li ġie ppreżentat ukoll, sa fejn dan ikun meħtieġ, kontra d-deċiżjonijiet għall-attivazzjoni tat-twissijiet W1a u W1b (iktar ’il quddiem, flimkien imsejħa, l-“atti kkontestati”).

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

28      Ir-rikorrenti ssostni, kemm fir-rikors promotur kif ukoll fl-osservazzjonijiet fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li l-atti kkontestati kellhom effetti ġuridiċi obbligatorji u ppreġudikaw l-interessi tagħha billi biddlu is-sitwazzjoni materjali u ġuridika tagħha.

29      Ir-rikorrenti ssosnti qabel kollox li l-atti kkontestati ttardjaw b’mod konsiderevoli l-iffirmar tal-Ftehim. Dan iġġeneralha spejjeż addizzjonali, peress li hija kienet obbligata tbiddel il-kalendarju tal-eżekuzzjoni tal-Ftehim u tirrikorri għal kuntratt ta’ self sabiex taffaċċja l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħlas minn qabel kif imwiegħed mill-Kummissjoni. Hija tippretendi ukoll li hija bdiet tipprovdi s‑servizzi tagħha mill-1 ta’Jannar 2009, kif kien previst fin-negozjati u approvat mill-Kummissjoni u li konsegwentement assumiet obbligi ta’ natura finanzjarja.

30      Skont ir-rikorrenti, l-atti kkontestati taw lok ukoll għall-impożizzjoni tal-kundizzjoni ta’ kont bankarju bblokkat, li ma kienx ġie previst waqt in-negozjati li twettqu u ġew konklużi wara l-adozzjoni tal-imsemmija atti.

31      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-atti kkontestati jistgħu jiġu kkontestati peress li huma biddlu s-sitwazzjoni materjali tagħha. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara li d-dewmien tal-iffirmar tal-Ftehim kif ukoll ir-restrizzjoni imposta fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-ħlas minn qabel ittrasferit fuq il-kont tagħha ppreġudikaw ir-reputazzjoni tagħha billi poġġewha f’pożizzjoni imbarazzanti quddiem il-membri l-oħra tal-konsorzju li hija kienet tifforma parti minnu li lilhom hija kienet obbligata li tispjega l-aġir tal-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, l-atti kkontestati affettwaw ukoll il-pożizzjoni li hija kellha qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, jiġifieri kemm dik ta’ “kumpannija li ngħatat” il-proġett kif ukoll dik ta’ koordinatur tal-konsorzju, billi dik il-pożizzjoni ġiet ridotta għal rwol ta’ “kumpannija li ngħatat” il-proġett u ta’ koordinatur tal-konsorzju taħt kundizzjonijiet.

32      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li l-atti kkontestati huma minn natura tagħhom inkontestabbli fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, peress li huma sempliċi miżuri ta’ informazzjoni interna u ta’ prudenza. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-miżuri interni li ma jipproduċux effetti ġuridiċi barra l‑isfera tal-amministrazzjoni komunitarja ma humiex suġġetti għall-stħarriġ tal-legalità abbażi tal-Artikolu 230 KE. Barra minn hekk, hija tosserva li l-atti kkontestati huma sempliċiment manifestazzjoni tal-aġir prudenti li hija għandha ssegwi qabel ma timpenja permezz ta’ kuntratt ir-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni.

33      Skont il-Kummissjoni, għalkemm huwa veru li r-reġistrazzjoni tar-rikorrenti fl-EWS iġġenerat obbligi miżjuda ta’ segwitu għall-uffiċjali responsabbli, ir‑rikorrenti ma wrietx li l-atti kkontestati pproduċew effetti ġuridiċi fir-rigward tagħha billi ppreġudikaw id-drittijiet tagħha jew billi imponew fuqha obbligi ġodda. F’dan ir-rigward, hija tiċħad l-idea li d-dewmien tal-iffirmar tal-Ftehim jipproduċi effett ġuridiku. Skont il-Kummissjoni, tali dewmien jirrikorri spiss fid-dinja tan-negozju fejn il-partijiet iħossu l-bżonn li jipproteġu l-interessi rispettivi tagħhom u dan, barra minn hekk, diġà ġie vverifikat, f’dan il-każ, fil-kuntest tas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet oħra. Għaldaqstant, id-dewmien inkwistjoni la ġġenera obbligi għar-rikorrenti u lanqas ippreġudika d-drittijiet tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-atti li jistgħu jkunu jiġu kkontestati skont l‑Artikolu 230 KE.

34      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li ma hemmx rabta ta’ kawżalità diretta bejn, minn naħa, l-atti kkontestati u, min-naħa l-oħra, il-fatt li r-rikorrenti rrikorriet għal self bankarju u l-impediment ta’ din tal-aħħar milli tipproċedi bil-ħlas minn qabel lill-membri l-oħra tal-konsorzju. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li r-rikorrenti rrikorriet għal self bankarju iktar ġie kkawżat mill-għaġġla ta’ din tal-aħħar sabiex tidħol fi spejjeż qabel l-iffirmar tal-Ftehim u ma kienx konsegwenza tal-atti kkontestati. Bl-istess mod, is-soluzzjoni li finalment intlaħqet fir-rigward tat-trasferiment tal-ħlas minn qabel lill-membri l-oħra tal-konsorzju kienet ir-riżultat ta’ “konsultazzjonijiet‑deliberazzjonijiet” bejnha, ir-rikorrenti u l-banek tagħha u ma kkostitwixxietx “effett awtomatiku” tal-atti kkontestati.

35      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit li r-rikorrenti ma setgħetx tamministra t-trasferiment tal-ħlas minn qabel lill-membri l-oħra tal-konsorzju kien jeżonera lil din tal-aħħar minn obbligu u konsegwentement ma jistax jiġi kkunsidrat bħala preġudizzju.

36      Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-mistoqsijiet li saru lir-rikorrenti mill-membri l‑oħra tal-konsorzju dwar id-dewmien tal-iffirmar tal-Ftehim u t-tweġibiet ipprovduti għall-imsemmija mistoqsijiet ma jipproduċux effetti ġuridiċi għal din tal-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

37      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament huwa disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex ikollhom effetti legali. B’mod partikolari jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, il-miżuri kollha li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l‑pożizzjoni legali tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, Ġabra p. I‑5829, punt 29).

38      Għall-kuntrarju ma humiex ammissibbli r-rikorsi ppreżentati kontra l-atti li jikkostitwixxu biss miżuri interni għall-amministrazzjoni u li għaldaqstant ma jiġġeneraw l-ebda effett barra minn f’din tal-aħħar (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 1986, Groupe des droites européennes vs Il-Parlament, 78/85, Ġabra p. 1753, punti 10 u 11, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑366/88, Ġabra p. I‑3571, punt 9, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il‑Kummissjoni tibbaża ruħha fuq din il-ġurisprudenza tal-aħħar u ssostni li l-atti kkontestati ma jistgħux jiġu kkontestati, peress li huma jikkostitwixxu sempliċiment miżuri interni ta’ informazzjoni.

39      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-fatt li l-amministrazzjoni tipproċessa informazzjoni għal finijiet purament interni, b’mod partikolari billi tiġbor din l‑informazzjoni, tamministraha u tagħmel użu minnha, bl-ebda mod ma jeskludi li tali operazzjonijiet jistgħu jippreġudikaw, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, l-interessi ta’ dawk ikkonċernati. L-eżistenza ta’ tali preġudizzju tiddependi, fil-fatt, fuq diversi fatturi, b’mod partikolari fuq in-natura tal-informazzjoni pproċessata, fuq l-għan speċifiku tal-imsemmi pproċessar, fuq il-konsegwenzi preċiżi li dan l-ipproċessar jista’ jiġġenera u fuq il-konformità bejn, minn naħa, l-għan u l-konsegwenzi tal-ipproċessar inkwistjoni u, min-naħa l‑oħra, id-dispożizzjonijiet applikabbli li jiddelimitaw il-kompetenza tal-amministrazzjoni.

40      Fir-rigward tal-aħħar element imsemmi iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-Deċiżjoni 2008/969, li fuqha huma bbażati l-atti kkontestati, ma tagħmel riferiment għall-ebda dispożizzjoni tad-dritt primarju jew derivat li b’mod espliċitu tagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza li toħloq, tistabbilixxi u tamministra database li tirrigwarda persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma ssuspettati li jippreżentaw riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalkemm il-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2008/969 tagħmel riferiment għar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-baġit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“regolament finanzjarju”), għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 95 tal-imsemmi regolament, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ, jipprevedi l-istabbiliment ta’ database ċentrali li telenka l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu suġġetti għal esklużjoni mill-benefiċċju ta’ finanzjamenti tal-Unjoni minħabba falliment, kundanna bbażata fuq nuqqas professjonali gravi jew ksur penali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

41      Għalkemm ir-rikorrenti ma kinitx qajmet motivi f’dan ir-rigward, l-inkompetenza tal-awtur tal-atti kkontestati tikkostitwixxi kwistjoni ta’ ordni pubblika li bħala tali għandha titqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Jannar 2003, Laboratoires Servier vs Il-Kummissjoni, T‑147/00, Ġabra p. II‑85, punt 45, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer, T‑160/08 P, Ġabra p. II‑3751, punt 61).

42      Għaldaqstant, bil-għan li jiġi eżaminat jekk l-atti kkontestati humiex vvizzjati b’inkompetenza ratione materiae, jeħtieġ, anki għal din ir-raġuni, li jiġi eżaminat il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1991, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑303/90, Ġabra p. I‑5315, punt 10, u tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑57/95, Ġabra p. I‑1627, punt 9).

43      Mandankollu, bil-għan li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u billi jiġi preżunt f’dan l-istadju li l-Kummissjoni hija awtorizzata li tipproċessa l-informazzjoni li tirrapreżenta lill-atti kkontestati, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-twissija ta’ entità fl-EWS u, b’mod partikolari, fil-kategorija W1 hijiex operazzjoni li tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet bejn superjur ġerarkiku u dawk li jaqgħu taħtu u jekk l-effetti tagħha humiex limitati għall-isfera interna tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

44      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2088/969 li, fil-kuntest ta’ impenji baġitarji kif ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ għotjiet, l-uffiċjali responsabbli fi ħdan il-Kummissjoni għandhom jivverifikaw jekk teżistix twissija fl-EWS li tikkonċerna lill-entitajiet kandidati. Meta dan ikun il-każ, l-Artikoli 15 sa 17 u 19 sa 22 tad-Deċiżjoni 2008/969 jawtorizzaw u jimponu li l-uffiċjal tal-kontabbiltà jew l‑uffiċjali kkonċernati għandhom jieħdu miżuri speċifiċi fil-konfront tal-imsemmija entità jew tal-proġett ikkonċernat. Għaldaqstant, b’kunsiderazzjoni tal-għan inerenti tad-Deċiżjoni 2008/969, jiġifieri dak li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-miżuri baġitarji, l-impatt ta’ twissija ta’ entità fl-EWS, anki fil-kategorija W1, ma jistax jinżamm ġewwa istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni u tali twissija neċessarjament taffettwa r‑relazzjonijiet bejn l-uffiċjali kkonċernati u dik l-entità.

45      Għalkemm l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2008/969, li jipprovdi li “[t]wissija W1 għandha tiġi rreġistrata għall-fini ta’ informazzjoni biss u tista’ ma timplika l-ebda konsegwenza għajr għal tisħiħ fil-miżuri [ma għandu jkollha l-ebda konsegwenza oħra ħlief it-tisħiħ tal-miżuri] ta’ sorveljanza”, huwa inqas restrittiv mill-Artikoli 15, 17 u 19 sa 22 tal-imsemmija deċiżjoni, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 16 kif ukoll mill-ekonomija ta’ din id-deċiżjoni li l-konstatazzjoni ta’ twissija W1 fir-realtà twassal għal kompitu tal-uffiċjal ikkonċernat li jieħu miżuri ta’ sorveljanza msaħħa, u dan barra minn hekk ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Fil-fatt, twissija W1 titlef kull utilità jekk l‑uffiċjal ikkonċernat, li jiġi informat bl-eżistenza ta’ suspetti ta’ frodi jew ta’ żbalji amministrattivi gravi (ara l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2008/969), ma jkunx obbligat li jiżgura t-tisħiħ ta’ miżuri ta’ sorveljanza.

46      F’dan il-każ, l-obbligu li jirriżulta mill-atti kkontestati għall-uffiċjal ikkonċernat li jieħu miżuri fil-konfront tar-rikorrenti jista’ jiġi dedott b’mod ċar mill-kontenut tal-posta elettronika li ntbagħtet lil din tal-aħħar mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Ġunju 2009. F’dik l-ittra, l-uffiċjal responsabbli għall-fajl relattiv għall-għoti tal-proġett AEGIS informa lir-rikorrenti li, għalkemm l-iffirmar tal-Ftehim kien ġie sospiż u li kienet ġiet imposta kundizzjoni addizzjonali, dan kien ikkawżat minn twissija li tikkonċerna lilha u li s-servizz tiegħu ma kienx involut.

47      Għaldaqstant, peress li ġie stabbilit li l-atti kkontestati kienu effettivament ipproduċew effetti li jmorru lil hinn mill-isfera interna tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dawn tal-aħħar jistgħux jiġu kkunsidrati bħal effetti ġuridiċi vinkolanti u li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l‑pożizzjoni legali tiegħu.

48      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-entitajiet li jissolleċitaw l-impenn ta’ riżorsi finanzjarji tal-Unjoni jiġu affettwati minn twissija fl-EWS, sa fejn huma obbligati, bil-għan li huma jsegwu l-interessi finanzjarji tagħhom, li jaddattaw ruħhom għall-kundizzjonijiet jew għal miżuri ta’ prudenza miżjuda, li huma speċifiċi għalihom, imposti mill-uffiċjali kkonċernati. Tali kundizzjonijiet u miżuri ta’ prudenza jistgħu jkunu fil-forma ta’ obbligi ġodda u ta’ kompiti ekonomiċi mhux previsti jew anki, kif ġara f’dan il-każ, ta’ riperkussjonijiet fuq l‑organizzazzjoni interna ta’ konsorzju li huma jifformaw parti minnu.

49      F’dan il-każ, sa mir-reġistrazzjoni tagħha fl-EWS permezz tal-attivazzjoni tat-twissija W1a, ir-rikorrenti sabet ruħha f’sitwazzjoni sfavorevoli meta mqabbla ma’ dik li kienet fiha fil-perijodu ta’ qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, peress li l-Kummissjoni, kif ġie kkonstatat fil-punt 45 iktar ’il fuq, kienet obbligata timponi kundizzjonijiet ta’ sorveljanza msaħħa. Dik il-bidla fis-sitwazzjoni legali tar-rikorenti ġiet murija mill-posta elettronika tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju 2009 u mill-iskambji li segwewha, li minnhom jirriżulta li, bil-għan li jkun jista’ jiġi konkluż il-kuntratt relattiv għall-proġett AEGIS, ir-rikorrenti kienet obbligata li tirrinunzja għall-amministrazzjoni tad-distribuzzjoni tal-ħlasijiet minn qabel lill-membri tal-konsorzju li hija tifforma parti minnu.

50      B’mod iktar preċiż, fil-posta elettronika tagħha tal-4 ta’ Ġunju 2009, il‑Kummissjoni ddikjarat li problema mhux prevista, jiġifieri t-twissija fl-EWS dwar ir-rikorrenti, wasslet għas-sospensjoni tal-iffirmar tal-Ftehim u elenkat il‑miżuri li r-rikorrenti kellha tieħu sabiex tissodisfa l-kundizzjoni l-ġdida li hija imponiet fuqha sabiex tiffirma il-Ftehim.

51      Jirriżulta minn dak li ntqal li l-atti kkontestati affettwaw il-marġni ta’ negozjar tar-rikorrenti, l-organizzazzjoni fi ħdan il-konsorzju tagħha, u għaldaqstant, id‑dispożizzjoni tagħha li effettivament tikkonkludi l-proġett AEGIS. Il-fatt li r‑rikorrenti tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tibbenefika minn stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-materjalità tal-elementi li jikkostitwixxu l-bażi tal-atti kkontestati ma huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

52      Dan huwa iktar u iktar veru jekk jittieħed kont tal-fatt li d-Deċiżjoni 2008/969 ma tipprevedi l-ebda dritt għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jiġu informati, u inqas u inqas li jiġu mismugħin, qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom fl-EWS permezz tal-attivazzjoni tat-twissijiet W1, W2, W3, W4 u W5b. Ċertament, persuna li, għal raġuni jew oħra, tiġi informata bir-reġistrazzjoni tagħha fl-imsemmija sistema tista’, titlob il-korrezzjoni tal-informazzjoni li tikkonċernaha skont l‑Artikolu 8(2)(b) tad-Deċiżjoni 2008/969. Madankollu, id-deċiżjoni li tali retifikazzjoni għandha ssir tibqa’ interament fid-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni, jiġifieri is-servizz li jkun talab ir-reġistrazzjoni ta’ dik il-persuna f’din is-sistema.

53      Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-atti kkontestati ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala atti intermedjarji u preparatorji li ma jistgħux jiġu kkontestati. Fil-fatt, huma mhux biss jissodisfaw il-karatteristiċi ġuridiċi ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati (ara l-punti 44 sa 48 iktar ’il fuq), iżda jikkostitwixxu wkoll it-tmiem ta’ proċedura speċjali, jiġifieri r-reġistrazzjoni ta’ entità f’lista ta’ “twissija” mingħajr din tal-aħħar ma tiġi mismugħa fir-rigward tal-kawżi tal-imsemmija reġistrazzjoni, u distinta minn deċiżjonijiet li permezz tagħhom jiġu eżegwiti r‑rekwiżiti speċifiċi differenti previsti mid-Deċiżjoni 2008/969 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11).

54      Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Kummissjoni ma għandhiex dritt li ssostni li r‑rikors huwa inammissibbli.

55      Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

56      L-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża.

57      Għaldaqstant, f’dan l-istadju, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

tordna:

1)      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Il-Lussemburgu, it-13 ta’ April 2011.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       E. Moavero Milanesi


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.