Language of document : ECLI:EU:C:2021:476

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fl‑10 ta’ Ġunju 2021 (1)

Kawżi magħquda C177/19 P, C178/19 P u C179/19 P

IrRepubblika Federali talĠermanja

vs

Ville de Paris,

Ville de Bruxelles,

Ayuntamiento de Madrid,

Il-Kummissjoni Ewropea (C177/19 P)

u

L-Ungerija

vs

Ville de Paris,

Ville de Bruxelles,

Ayuntamiento de Madrid,

IlKummissjoni Ewropea (C178/19 P)

u

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ville de Paris,

Ville de Bruxelles,

Ayuntamiento de Madrid (C179/19 P)

“Appell – Ambjent – Regolament (UE) 2016/646 – Emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) – Setgħat ta’ awtorità muniċipali fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ambjent biex tillimita ċ-ċirkulazzjoni ta’ ċerti vetturi – Locus standi ta’ entitajiet lokali – Inċidenza diretta – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni – Setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni – Iffissar ta’ limiti li ma għandhomx jinqabżu (NTE) għal emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu fl-ittestjar tal-emissjonijiet f’sewqan reali (RDE) – Applikazzjoni ta’ fatturi ta’ konformità CF pollutant – Annullament parzjali – Aġġustament ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”






I.      Introduzzjoni

1.        Fl‑2016, bi tweġiba għal skandlu magħruf rigward il-livelli attwali ta’ emissjonijiet ta’ ċerti vetturi li jaħdmu bid-diesel, il-Kummissjoni Ewropea introduċiet proċedura għall-ittestjar tal-emissjonijiet f’sewqan reali (RDE) sabiex tikkompleta l-proċedura preċedenti tal-laboratorju, iċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (NEDC). Din tal-aħħar kienet l-unika proċedura għall-ittestjar użata sa dak il-punt għall-“approvazzjoni tat-tip” ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u vetturi kummerċjali ġodda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ffissat ukoll il-valuri fir-rigward tal-emissjonijiet tal-massa ta’ ossidi tan-nitroġenu (‘NOx’) li ma kellhomx jinqabżu f’dawn it-testijiet RDE.

2.        Fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Diċembru 2018, fejn laqgħet parzjalment ir-rikorsi ta’ Ville de Paris (il-“Belt ta’ Pariġi”), Ville de Bruxelles (il-“Belt ta’ Brussell”) u l-Ayuntamiento de Madrid (il-“Muniċipalità ta’ Madrid”) (kollettivament l-“appellati”), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment ir-regolament tal-Kummissjoni li jiffissa ċerti valuri għat-testijiet RDE fir-rigward tal-emissjonijiet tan-NOx (2). Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali sabet, li bl-iffissar ta’ dawn il-valuri f’livell għoli wisq, il-Kummissjoni de facto emendat l-istandard Euro 6 stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mingħajr ma kellha kompetenza tagħmel dan (3).

3.        Fl-appelli tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Ungerija u l-Kummissjoni Ewropea (kollettivament, l-“appellanti”) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Dawn l-appelli jqajmu numru ta’ kwistjonijiet, li forsi tnejn minnhom huma iżjed importanti minn oħrajn. L-ewwel waħda hija ta’ natura proċedurali. Din tikkonċerna l-kunċett ta’ “inċidenza diretta” fir-rigward ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru li tixtieq tikkontesta att tal-Unjoni. It-tieni waħda hija ta’ natura sostantiva. X’inhu l-ambitu tal-ispazju ta’ manuvra tal-Kummissjoni meta din għandha s-setgħa li temenda elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni implimentattiva?

II.    Il-kuntest legali u fattwali

4.        Qabel ma mudell ġdid ta’ vettura jkun jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea, il-manifattur għandu jissottomettih għall-proċess tal-approvazzjoni tat-tip. Dan il-proċess huwa intiż li jiċċertifika li prototip ta’ vettura jissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Unjoni dwar sigurtà, ambjent u produzzjoni (kif stabbiliti fil-leġiżlazzjoni prinċipali u l-atti regolatorji rilevanti) (4).

5.        Sa fejn huma kkonċernati l-proċeduri preżenti, il-leġiżlazzjoni ewlenija li kienet fis-seħħ fiż-żmien materjali kienet id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Qafas) (5).

6.        Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46:

“L-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva.

Huma m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati, għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar.”

7.        L-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, intitolat “Lista ta’ ħtiġijiet għall-finijiet ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi”, kien jinkludi, inter alia, lista ta’ atti regolatorji applikabbli.

8.        Fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fil-każ ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6), l-att regolatorju rilevanti kien ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (6). Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan ir-regolament “jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur [...] u ‘spare parts’ bħal ma hu tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis fir-rigward ta’ l-emissjonijiet tagħhom.”

9.        L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007, jipprovdi li l-proċeduri speċifiċi, it-testijiet u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip li huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-regolament, billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju (7).

10.      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 715/2007 jipprovdi, inter alia, li, għal vetturi privati u vetturi għat-trasport ta’ passiġġieri, il-limiti tal-istandard Euro 5 għandhom japplikaw mill‑1 ta’ Settembru 2009 għall-approvazzjoni tat-tip, u li mill‑1 ta’ Jannar 2011 vetturi ġodda li ma jikkonformawx ma’ dan l-istandard ma jistgħux jibqgħu jiġu rreġistrati, imqiegħda għall-bejgħ jew jidħlu fis-servizz. Dan jistipula wkoll li l-limiti tal-istandard Euro 6 għandhom japplikaw mill‑1 ta’ Settembru 2014 għall-approvazzjoni tat-tip u li mill‑1 ta’ Settembru 2015 vetturi ġodda li ma jikkonformawx ma’ dan l-istandard ma jistgħux jibqgħu jiġu rreġistrati, imqiegħda għall-bejgħ jew jidħlu fis-servizz. It-Tabelli 1 u 2 tal-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 jiffissaw il-limiti għal emissjonijiet tan-NOx għall-kategoriji ta’ vetturi diesel tal-passiġġieri jew vetturi għall-ġarr ta’ persuni f’180 mg/km għal Euro 5 u 80 mg/km għal Euro 6.

11.      L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 715/2007 jirrikjedi li l-Kummissjoni tibqa’ tirrevedi l-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5(3) tal-istess regolament, kif ukoll iċ-ċikli ta’ ttestjar użati biex jitkejlu l-emissjonijiet. Jekk mir-reviżjoni jirriżulta li dawn ma għadhomx xierqa jew ma jirriflettux iktar is-sitwazzjoni reali tal-emissjonijiet, għandhom – skont din id-dispożizzjoni – jiġu adattati b’tali mod li jirriflettu b’mod xieraq l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan effettiv fit-toroq. Il-miżuri meħtieġa, li huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju.

12.      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat‑18 ta’ Lulju 2008 ġie adottat sabiex jimplimenta l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 715/2007 (8). Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 692/2008 tgħid li l-vetturi l-ġodda light-duty għandhom jikkonformaw mal-limiti l-ġodda ta’ emissjoni, li dawn ir-rekwiżiti tekniċi jidħlu fis-seħħ f’żewġ stadji, l-Euro 5 li jibdew mill‑1 ta’ Settembru 2009 u l-Euro 6 mill‑1 ta’ Settembru 2014. Dan ir-regolament jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti meħtieġa għall-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bi speċifikazzjonijiet Euro 5 u 6.

13.      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 692/2008 jipprovdi li approvazzjoni tat-tip KE tingħata fir-rigward, inter alia, ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa jekk il-manifattur juri li l-vetturi kkonċernati huma konformi mal-proċeduri tat-test speċifikati fid-diversi annessi tiegħu. L-Artikolu 3(2) tal-istess regolament jiċċara, essenzjalment, li, skont il-karatteristiċi tagħhom, vetturi għandhom ikunu suġġetti għal tipi differenti ta’ testijiet elenkati fil-Figura I.2.4 tal-Anness I, li huma deskritti f’diversi annessi. L-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament jgħid li “l-manifattur għandu jieħu miżuri tekniċi sabiex jiżgura ruħu li l-emissjonijiet mit-tailpipe u l-emissjonijiet evaporattivi jkunu effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, matul il-ħajja normali tal-vettura u f’kundizzjonijiet normali ta’ użu”.

14.      F’Settembru 2015, faqqa’ l-hekk imsejjaħ skandlu “dieselgate”, meta l-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali tal-Istati Uniti akkużat formalment lil Volkswagen AG li kisret l-istandards ta’ emissjonijiet tal-Istati Uniti. Dan il-manifattur tal-karozzi sussegwentement ammetta li “apparat ta’ manipulazzjoni” ġie tabilħaqq installat f’numru ta’ vetturi li jaħdmu bid-diesel madwar id-dinja kollha (9). Dan l-apparat kien kapaċi jinduna meta vettura tkun qiegħda tiġi ttestjata f’laboratorju u seta’ jattiva s-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tagħha sabiex tikkonforma mal-istandards ta’ emissjonijiet ta’ NOx (10). Madankollu, ladarba jinħareġ mill-kundizzjonijiet ta’ laboratorju, dan l-apparat kien jitfi s-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, li jfisser li l-vettura kienet tipproduċi emissjonijiet li jaqbżu l-limitu legali ta’ NOx fl-Istati Uniti. Sussegwentement, ġie żvelat li vetturi oħra, mill-istess manifattur, u minn numru ta’ oħrajn, ukoll ma ssodisfawx l-istandards stipulati għal-limitu ta’ NOx iffissat fid-dritt tal-Unjoni (11).

15.      Fil-livell tal-Unjoni, bi tweġiba għal dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 tal‑10 ta’ Marzu 2016 li jemenda r-Regolament Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (12) ġie adottat fost leġiżlazzjoni oħra. Dan ir-regolament introduċa l-proċedura tat-testijiet RDE. Din il-proċedura ġdida tat-testijiet tfittex li tirrifletti l-livell attwali ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa taħt kundizzjonijiet ta’ sewqan reali b’mod aħjar mit-test li kien jintuża qabel, in-NEDC. Dan tal-aħħar ivvaluta l-emissjonijiet ta’ egżost tal-karozzi matul il-proċess tal-approvazzjoni tat-tip tagħhom f’kundizzjonijiet standardizzati ta’ laboratorju biss.

16.      Ftit wara, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 2016/646 – ir-Regolament ikkontestat – li jikkostitwixxi wieħed mill-atti regolatorji taħt il-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip stabbilita bid-Direttiva 2007/46. Ir-Regolament ikkontestat jikkompleta r-rekwiżiti għat-testijiet RDE, billi jiffissa valuri li ma għandhomx jinqabżu (iktar ’il quddiem in-“NTE”) fir-rigward ta’ emissjonjiet ta’ NOx. Dawn il-valuri jirriżultaw minn fatturi ta’ konformità CF pollutant (iktar ’il quddiem “CFs”) applikati għal-limiti ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa stabbiliti mill-istandard Euro 6 fir-Regolament Nru 715/2007 (13).

17.      Ir-Regolament ikkontestat jemenda r-Regolament Nru 692/2008 f’numru ta’ aspetti. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ikkontestat jissostitwixxi t-tielet paragrafu tal-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 692/2008 bil-kliem segwenti: “[s]a tliet snin wara d-dati speċifikati fl-Artikolu 10(4) u erba’ snin wara d-dati speċifikati fl-Artikolu 10(5) tar-Regolament [Nru 715/2007] għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin”.

18.      Barra minn hekk, l-Artikolu 1(6) tar-Regolament ikkontestat u l-Anness II tiegħu jemendaw l-Anness IIIA tar-Regolament Nru 692/2008, billi, inter alia, idaħħlu l-punti 2.1.1 sa 2.1.3 fl-anness tal-aħħar. Il-punt 2.1.1 jipprovdi fattur ta’ konformità finali għall-massa ta’ NOx ta’ “1 + marġini”, bil-marġni jkun ugwali għal 0.5. Il-“marġini” huwa ddefinit bħala “parametru li jqis l-inċertezzi addizzjonali tal-kejl li jkunu ġejjin mit-tagħmir tal-PEMS, li huma suġġetti għal reviżjoni annwali u jistgħu jiġu riveduti bħala riżultat tal-kwalità mtejba tal-proċedura tal-PEMS jew tal-progress tekniku”. Skont il-punt 2.1.2, b’eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-punt 2.1.1, matul perjodu ta’ ħames (5) snin u erba’ (4) xhur wara d-dati speċifikati fl-Artikolu 10(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 u fuq talba tal-manifattur, jista’ japplika CF pollutant temporanju ta’ 2.1 għall-massa ta’ NOx.

III. Is-sentenza appellata

19.      Permezz tar-rikorsi tagħhom taħt l-Artikolu 263 TFUE, l-appellati talbu lill-Qorti Ġenerali tannulla r-Regolament ikkontestat. Il-Belt ta’ Pariġi talbet ukoll lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tħallas danni simboliċi ta’ EUR 1 bħala kumpens għad-dannu kkawżat lilha b’riżultat tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

20.      Fit‑13 ta’ Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza appellata, fejn laqgħet parzjalment ir-rikorsi.

21.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-Regolament ikkontestat kien att regolatorju li kien ta’ inċidenza diretta għall-appellati u ma kienx jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

22.      Fir-rigward tal-merti tar-rikorsi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel tevalwa l-motivi li jallegaw nuqqas ta’ kompetenza, min-naħa tal-Kummissjoni, li tadotta r-Regolament ikkontestat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-limitu fuq emissjonijiet ta’ NOx għall-vetturi Euro 6, kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007, kien element essenzjali ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, dan il-limitu ma setax jiġi emendat mill-Kummissjoni permezz ta’ att adottat wara proċedura regolatorja ta’ komitoloġija bi skrutinju. Il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li, meta stabbilixxiet fir-Regolament ikkontestat il-valuri NTE tal-emissjonijiet ta’ NOx li kellhom jiġu rrispettati matul testijiet taħt kundizzjonijiet RDE, u meta ddeterminat fatturi ta’ konformità CF pollutant, il-Kummissjoni fil-prattika kienet emendat il-limiti ta’ dawn l-emissjonijiet għall-istandard Euro 6.

23.      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li bl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni qabżet is-setgħat mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007 u, bħala konsegwenza, kisret l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament. Għal raġunijiet ta’ ekonomija ġudizzjarja, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-motivi u l-argumenti l-oħra mressqa mill-appellati.

24.      Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali annullat il-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament ikkontestat minħabba l-fatt li l-argumenti mressqa mill-appellati kkonċernaw biss din il-parti, li ġiet ikkunsidrata bħala diviżibbli mill-bqija tal-istrument. Sabiex ma tippreġudikax l-interessi ekonomiċi leġittimi kemm tal-industrija tal-karozzi u kemm tal-konsumaturi li bbażaw ruħhom fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti, u sabiex jiġi evitat vojt ġuridiku, il-Qorti Ġenerali applikat l-Artikolu 264 TFUE. Għaldaqstant iddeċidiet li żżomm l-effetti tad-dispożizzjoni annullata fir-rigward tal-passat kif ukoll għal perijodu futur, li ma jaqbiżx 12-il xahar, li fihom għandha tiġi emendata l-leġiżlazzjoni rilevanti.

25.      Finalment, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal danni ppreżentat mill-Belt ta’ Pariġi minħabba li ma ġie ppruvat ebda dannu.

IV.    Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Fl-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit‑22 ta’ Frar 2019, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikorsi, u tikkundanna lill-appellati jħallsu l-ispejjeż;

–        sussidjarjament, temenda l-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata fis-sens li l-effetti tad-dispożizzjoni annullata jinżammu għal perijodu massimu itwal minn tnax-il xahar.

27.      Fl-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit‑22 ta’ Frar 2019, l-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikorsi, u tikkundanna lill-appellati jħallsu l-ispejjeż;

–        sussidjarjament, tannulla d-dispożittiv tas-sentenza sa fejn jiddetermina t-tul taż-żamma tal-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati għal perijodu massimu ta’ tnax-il xahar, u tiddeċiedi li żżomm l-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ sa l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida li tieħu post dawn id-dispożizzjonijiet.

28.      Fl-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit‑23 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikorsi, u tikkundanna lill-appellati jħallsu l-ispejjeż; u

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, u tirriżerva l-ispejjeż.

29.      Min-naħa tagħhom, l-appellati jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti jħallsu l-ispejjeż. Sussidjarjament, huma jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali biex din tal-aħħar tkun tista’ teżamina l-motivi għal annullament li ma ġewx eżaminati fl-ewwel proċeduri.

30.      Fil-proċeduri fil-Kawża C‑177/19 P, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, u l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Manifatturi tal-Karozzi (iktar ’il quddiem l-“ACEA”) tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-proċeduri fil-Kawża C‑178/19 P, l-ACEA tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Ungerija. Fil-proċeduri fil-Kawża C‑179/19 P, l-ACEA tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

31.      Il-partijiet u l-intervenjenti wieġbu għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula lilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

32.      B’deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla tat‑28 ta’ Jannar 2021, it-tliet kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-konklużjonijiet u tas-sentenza.

V.      Evalwazzjoni

33.      Dawn il-konklużjonijiet ser jittrattaw kull wieħed mill-aggravji mqajma mit-tliet appellanti bil-mod segwenti.

34.      L-ewwel, ser jiġu eżaminati l-aggravji u l-argumenti rigward il-locus standi tal-appellati (A): jekk ir-Regolament ikkontestat jirrigwardahomx direttament (it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-Ungerija u l-ewwel u t-tieni aggravju tal-Ġermanja) (1), u jekk ir-Regolament ikkontestat jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fil-konfront tal-appellati (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Ungerija) (2).

35.      Sussegwentement, ser ngħaddi għall-aggravji li jikkonċernaw l-evalwazzjoni sostantiva magħmula mill-Qorti Ġenerali (B), billi neżamina b’mod konġunt l-uniku aggravju tal-Kummissjoni u t-tielet aggravju tal-Ġermanja, it-tnejn relatati mal-allegata assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni. Finalment, ser nikkonkludi billi nevalwa l-aggravji li jikkritikaw il-konsegwenzi misluta mill-Qorti Ġenerali mill-konstatazzjonijiet sostantivi tagħha (C): il-kamp ta’ applikazzjoni tal-annullament (ir-raba’ aggravju tal-Ġermanja) (1), u l-effetti ratione temporis tal-annullament (il-ħames aggravju tal-Ġermanja u t-tieni aggravju tal-Ungerija) (2).

A.      Ammissibbiltà tal-appelli: il-locus standi tal-appellati

1.      Jekk hemmx inċidenza diretta fil-konfront tal-appellati

a)      Argumenti tal-partijiet

36.      It-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-Ungerija tikkonċerna allegat żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali meta kkonstatat li r-Regolament ikkontestat kien jirrigwarda lill-appellati direttament. L-Ungerija ssostni li r-Regolament ikkontestat kien jirrigwarda direttament lill-manifatturi tal-vetturi u lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-kompitu li jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat biss. B’mod partikolari, fil-fehma tal-Ungerija, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod ħażin l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 sa fejn din id-dispożizzjoni la tikkonċerna u lanqas taffettwa l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tar-regolamenti tat-traffiku jew tal-ambjent. Din id-dispożizzjoni għandha kamp ta’ applikazzjoni iżjed limitat. Hija għandha l-għan li tiżgura li vetturi ġodda jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati hemmhekk.

37.      Argumenti simili tressqu fl-ewwel aggravju tal-Ġermanja. Kwalunkwe restrizzjoni li l-appellati jistgħu jaffaċċjaw fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħat regolatorji tagħhom fil-qasam tal-kontroll tat-traffiku tirriżulta minn strumenti u dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni oħrajn, iżda mhux mir-Regolament ikkontestat. B’mod partikolari, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-istabbiliment minn awtoritajiet lokali ta’ żoni bi traffiku limitat għandha tiġi evalwata taħt id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (14). L-ambitu u l-effett tar-Regolament ikkontestat huma limitati għall-iffissar ta’ standards għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur.

38.      It-tieni aggravju tal-Ġermanja wkoll jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar jekk ir-Regolament ikkontestat kienx jirrigwarda lill-appellati direttament. Madankollu, permezz ta’ dan l-aggravju, il-Ġermanja tikkritika lill-Qorti Ġenerali għal motivazzjoni allegatament insuffiċjenti dwar dan il-punt. Essenzjalment, il-Gvern Ġermaniż – appoġġjat fuq dan il-punt mill-Gvern Slovakk u l-ACEA – jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat l-analiżi tal-effetti possibbli tar-Regolament ikkontestat fuq l-appellati fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 u mhux fuq dawk ta’ dan ir-regolament.

b)      Analiżi

39.      Skont ġurisprudenza stabbilita, “il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li żewġ kriterji jkunu ssodisfatti fl-istess ħin, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, liema implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra” (15).

40.      Huwa f’dan l-isfond li ser nevalwa l-argumenti mressqa mill-appellanti. Jiena tal-fehma li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata rigward l-inċidenza diretta tal-appellati għall-finijiet tal-Artikolu 263 TFUE hija biżżejjed ċara sabiex tinftiehem kompletament (1), iżda hija tabilħaqq żbaljata fl-interpretazzjoni tagħha tal-ambitu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 (2). Dan premess, jeżistu raġunijiet oħra għalfejn l-appellati huma kkonċernati direttament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (3).

1)      Motivazzjoni suffiċjenti

41.      Skont ġurisprudenza stabbilita, “[i]l-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha” (16).

42.      Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali sabiex waslet għall-konklużjoni li r-Regolament ikkontestat huwa ta’ inċidenza diretta għall-appellati huwa spjegat b’mod ċar. Għaldaqstant, l-argument tal-Ġermanja rigward il-motivazzjoni allegatament insuffiċjenti fis-sentenza appellata għandu jiġi miċħud.

43.      Il-Qorti Ġenerali ddedikat parti sostanzjali tas-sentenza appellata (punti 41 sa 84 tagħha) għall-evalwazzjoni dwar jekk ir-Regolament ikkontestat kellux impatt dirett fuq il-pożizzjoni tal-appellati. Huwa minnu li l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-siltiet, b’mod ġenerali, hija ffokata fuq it-tifsira tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, u l-konsegwenzi marbuta miegħu. Madankollu, huwa minnu wkoll li l-effetti li allegatament jirriżultaw mir-Regolament ikkontestat huma konsegwenza tal-interazzjoni tiegħu ma’ dik id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2007/46. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali sabet li, kif sostnew l-appellati, ir-Regolament ikkontestat de facto jgħolli l-limitu tal-emissjonijiet ta’ NOx għal vetturi li għandhom jiġu rreġistrati bħala Euro 6, filwaqt li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 jipprekludi lill-Istati Membri milli jirrestrinġu “ċirkulazzjoni” ta’ vetturi Euro 6 minħabba raġunijiet ambjentali.

44.      Il-motivazzjoni hija għalhekk sodisfaċenti: il-Qorti Ġenerali spjegat għalfejn, fil-fehma tagħha, ir-Regolament ikkontestat biddel il-pożizzjoni legali tal-appellati, u għalfejn għamel dan mingħajr ma kienet meħtieġa l-adozzjoni ta’ atti oħrajn għal dan il-għan.

45.      Dan premess, il-mistoqsija reali hija jekk dan ir-raġunament huwiex tajjeb. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni kruċjali hija waħda mill-merti ta’ dan l-argument: il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 b’mod korrett?

46.      F’dan ir-rigward, ma nistax naqbel mar-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali.

2)      L-Artikolu 4(3) jirrestrinġi s-setgħa tal-bliet li jillimitaw iċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi (Euro 6)?

47.      Fi ftit kliem, fir-rigward tal-inċidenza diretta tal-appellati, il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq element wieħed: l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46. Skont il-Qorti Ġenerali, din id-dispożizzjoni tipprevjeni l-awtoritajiet tal-Istati Membri milli jipprojbixxu (jew jillimitaw) iċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi Euro 6 għal raġunijiet ambjentali.

48.      Ma nistax naqbel ma’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tirregola biss l-istandards tekniċi tal-prodott li għandhom jiġu stabbiliti għall-approvazzjoni tat-tip fil-mument tat-tqegħid inizjali tal-vettura fis-suq. Ma hijiex intiża biex, u lanqas hija kapaċi, tipprevjeni l-Istati Membri jew l-entitajiet lokali tagħhom, bħalma huma l-appellati, milli jintroduċu miżuri li jirregolaw l-użu sussegwenti ta’ vetturi u t-traffiku tagħhom fit-territorji rispettivi tagħhom, b’mod partikolari għal raġunijiet ambjentali.

49.      Huwa minnu li l-qari tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 jidher – mal-ewwel daqqa ta’ għajn – ibbażat fuq il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Tabilħaqq, it-tieni subparagrafu tagħha jipprovdi li l-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu inter alia “iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi” meta dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-direttiva (17). Għalhekk, jekk vettura tikkonforma mal-istandards Euro 6, iċ-ċirkulazzjoni tagħha ma tistax tiġi pprojbita mill-Istati Membri, u lanqas minn parti ġeografika ta’ Stat Membru partikolari, bħal reġjun jew belt. Kieku parti minn Stat Membru kellha tipprojbixxi vetturi li jissodisfaw l-istandard Euro 6 milli jidħlu f’ċerti żoni ta’ dak l-Istat, bħall-ikbar bliet jew żoni tiegħu, dan, teknikament, jista’ jammonta għal restrizzjoni jew impediment għaċ-“ċirkulazzjoni fit-toroq” f’dak l-Istat Membru.

50.      Madankollu, meta din id-dispożizzjoni tinqara fl-intier tagħha, fil-kuntest tad-direttiva, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni, u b’kunsiderazzjoni l-oriġini tagħha, it-tifsira tagħha tidher li hija differenti, u l-portata tagħha iżjed limitata minn dak li qalet il-Qorti Ġenerali.

51.      L-ewwel nett, il-kamp ta’ applikazzjoni limitat ta’ din id-dispożizzjoni jinkixef jekk ir-riferiment għaċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 ma jinqarax waħdu, iżda flimkien mal-bqija tad-dispożizzjoni. Skont dan is-subparagrafu sħiħ, Stati Membri “m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati, għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar” (18). Ir-raġunijiet li jistgħu jwaqqfu azzjoni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward huma biss, għalhekk, dawk marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi (u mhux primarjament preokkupazzjonijiet ambjentali jew ta’ saħħa), u għall-iskopijiet tat-tqegħid inizjali tagħhom fis-suq – ir-reġistrazzjoni, bejgħ, dħul fis-servizz jew ċirkulazzjoni tagħhom (u mhux l-użu sussegwenti tagħhom u r-regolament tagħhom).

52.      It-tieni nett, hemm ir-relazzjoni strutturali bejn iż-żewġ subparagrafi tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46. Minkejja l-fatt li huwa biss it-tieni subparagrafu li fih riferiment għal “ċirkulazzjoni”, hemm parallel ċar bejn it-tnejn. Tabilħaqq, il-kontenut tagħhom jidher komplementari: l-ewwel subparagrafu jistabbilixxi obbligu pożittiv (l-Istati Membri “għandhom”) (19), filwaqt li t-tieni subparagrafu jistabbilixxi obbligu negattiv (l-Istati Membri “m’għandhomx”). Iż-żewġ obbligi huma, madankollu, kkonċernati mill-istess kwistjoni, b’mod partikolari li jiġi żgurat li Stati Membri jagħtu effett lill-proċedura fil-livell tal-Unjoni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ subparagrafi huma analogi għal ritratt u n-negattiv tiegħu: juru l-istess suġġett imma bil-kulur bil-maqlub. Għalhekk ikun stramb jekk, f’dan l-isfond, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu jsir f’daqqa waħda ferm usa’ mill-ewwel wieħed – li tkun proprju l-konsegwenza tal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

53.      It-tielet nett, il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tidhirx sostnuta minn analiżi kuntestwali u intenzjonali ta’ din id-dispożizzjoni. Tabilħaqq, il-kamp ta’ applikazzjoni oġġettiv u ratione materiae tad-direttiva huwa pjuttost speċifiku. Kif isegwi mill-premessi 1, 2 u 22 tagħha, id-Direttiva 2007/46 għandha l-għan li tippromwovi s-suq intern billi tistabbilixxi proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja relatata mal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom msejsa fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali. Għal dan il-għan, id-direttiva tistabbilixxi – kif previst fl-Artikolu 1 – qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

54.      Għalkemm ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni huma maħsuba sabiex, inter alia, jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali (20), huwa pjuttost ċar li dan l-istrument ma huwiex intiż li jirregola kwistjonijiet barra dawk previsti fl-Artikolu 1 tiegħu.

55.      Il-Qorti Ġenerali ammettiet dan, meta qalet li “l-għan essenzjali ta’ din id-direttiva huwa t-tqegħid fis-suq ta’ vetturi bil-mutur ġodda, jiġifieri l-moviment liberu ta’ ċerti prodotti bejn l-Istati Membri, [id-direttiva] li ma [tfittix] b’mod ġenerali [li] tinkludi r-regolamenti taċ-ċirkulazzjoni fit-toroq intiżi għall-vetturi stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u [...] hija ma taqax taħt il-politika tat-trasport jew dik ambjentali tal-Unjoni” (21).

56.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali mbagħad iżżid, fil-punt sussegwenti tas-sentenza, li dan “ma jfissirx li kwalunkwe dispożizzjoni dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-triq ta’ vetturi bil-mutur ġodda ma jkollhiex postha fid-Direttiva 2007/46. Jiġri frekwenti li direttiva, jew direttiva oħra li ġejja minn din l-ewwel direttiva, tinkludi dispożizzjonijiet li ma jaqgħux taħt is-suġġett prinċipali, imma li għandhom l-għan li jiżguraw l-effett utli tad-dispożizzjonijiet adottati biex jintlaħaq dan l-għan”. Wara li tispjega dan il-punt b’eżempju (forsi mhux għalkollox pertinenti) ta’ direttivi dwar kuntratti pubbliċi, il-Qorti Ġenerali tgħid li għandha tagħti prijorità lil dik l-interpretazzjoni “li għandha n-natura li tissalvagwardja l-effett utli” tad-dispożizzjoni, u ssib li “r-riferiment għaċ-ċirkulazzjoni fit-triq ma jkollux effett utli jekk, kif issostni l-Kummissjoni, ikollu l-istess portata jew sinjifikat bħal ‘reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz’ tal-vetturi” (22).

57.      Jiena naqbel li d-direttiva tista’, fil-prinċipju, tinkludi dispożizzjonijiet intiżi li jiżguraw l-effett utli tagħha u, sabiex tagħmel dan, tirregola kwistjonijiet li ma jaqgħux taħt l-għan ewlieni tagħha. Naqbel ukoll li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni li għandha tinżamm ma għandhiex, sa fejn huwa possibbli, tirrendi partijiet minn din id-dispożizzjoni ineffettivi jew inutli.

58.      Madankollu, il-mod li bih il-Qorti Ġenerali applikat dawn il-prinċipji fil-kawża inkwistjoni huwa diffiċli biex jinftiehem. Jekk il-kliem “jew fiċ-ċirkulazzjoni” li jinsabu fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 jingħataw it-tifsira attribwita lilhom mill-Qorti Ġenerali, il-portata u l-effett ta’ din id-direttiva ipso facto jitwessgħu b’mod sinjifikanti, ferm lil hinn mis-suġġett u l-għan iddikjarati fit-titolu, fil-premessi, u fid-dispożizzjonijiet prinċipali tagħha. F’daqqa waħda, kelma waħda f’dispożizzjoni waħda tittrasforma d-Direttiva 2007/46 fi strument differenti ħafna, li jirregola, sa ċertu punt, l-użu sussegwenti ta’ vetturi u li hu kkonċernat, għalkemm indirettament, mir-regolamentazzjoni ta’ traffiku.

59.      Barra minn hekk, kieku l-Artikolu 4(3) kellu jinqara b’dan il-mod, l-impatt tiegħu fuq il-politika ambjentali – speċjalment fuq il-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġieldu t-tniġġis – ukoll ikun sinjifikanti. Kif jindikaw l-appellanti, hemm strument speċifiku tal-Unjoni dwar din il-kwistjoni: id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (23). L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tal-valuri ta’ diversi sustanzi li jniġġsu ma jinqabżux, inter alia fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu. L-Artikolu 23 jgħid li, “fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat […] l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati”. L-istess artikolu jgħid li dawn il-pjanijiet jistgħu huma stess ikun fihom pjanijiet ta’ azzjoni għal perijodu qasir. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2008/50 jistipula li l-pjanijiet ta’ azzjoni għal perijodu qasir jistgħu, inter alia, “jinkludu miżuri fir-rigward tat-traffiku tal-vetturi bil-magni”.

60.      Madankollu, kieku l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 kellu jiġi interpretat bħala li jintroduċi limiti għall-kapaċità tal-Istati Membri li jirregolaw iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi, l-interazzjoni bejn iż-żewġ strumenti tkun, bħala sottovalutazzjoni, pjuttost mhux ċara. Ikun sorprendenti li wieħed jiskopri li l-leġiżlatur tal-Unjoni, li kien ħejja ż-żewġ strumenti fl-istess żmien, ma kienx introduċa, jekk tabilħaqq dawn iż-żewġ strumenti kienu t-tnejn intiżi li jirrelataw mar-regolamentazzjoni tat-traffiku u l-użu ta’ vetturi għal raġunijiet ambjentali u ta’ saħħa pubblika, xi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu r-relazzjoni bejn iż-żewġ strumenti.

61.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jien jidhirli li, minkejja d-dikjarazzjoni kuntrarja tagħha (24), il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq analiżi kuntestwali u teleoloġika tad-dispożizzjoni. Hija ma qratx dik id-dispożizzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn, tal-premessi, jew tat-titolu tad-direttiva, li l-ebda waħda minnhom ma tikkonċerna r-regolamentazzjoni tat-traffiku. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni kif kien jixraq il-fatt li ma hemm ebda riferiment għaċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi: (i) fl-Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 715/2007, li jappartjeni għall-istess qafas; (ii) fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament 2018/858, li ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 2007/46; u (iii) fi kwalunkwe strument simili ieħor, adottat fl-istess kuntest u għal għan simili (25).

62.      Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidrat bl-ebda mod argumenti storiċi. Filwaqt li ma hu bl-ebda mod obbligatorju, dan il-metodu ta’ interpretazzjoni seta’ pprovda għarfien siewi, b’mod partikolari fid-dawl tal-argument tal-Kummissjoni li t-tieni subparagrafu tad-dispożizzjoni inkwistjoni (li jinkludi l-kliem “jew fiċ-ċirkulazzjoni”) kien fil-fatt żieda tardiva fil-proċess leġiżlattiv u ma kienx intiż li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (26). Il-Kummissjoni spjegat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 kien intiż biss li jikkostitwixxi klawżola kontra l-evażjoni: ladarba ssir l-approvazzjoni tat-tip legalment, vetturi ma jistgħux jiġu esklużi miċ-ċirkulazzjoni permezz ta’ miżuri oħra li jikkostitwixxu restrizzjonijiet moħbija (27).

63.      Dak li jista’ jinsilet mix-xogħol preparatorju jidher li jsostni l-argumenti tal-Kummissjoni rigward il-ġenesi u l-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva (28) – li tabilħaqq ma kinitx tinkludi it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) (29) – tikkonferma li l-istrument propost kien prinċiparjament intiż li jikkonsolida u jaġġorna l-acquis f’dan il-qasam, filwaqt li jestendih għal tipi oħrajn ta’ vetturi (30). L-istrument il-ġdid ma kienx intiż, għalhekk, li jmur lil hinn mis-suġġett kopert mill-istrumenti preċedenti. Dan l-element jidher li huwa importanti sa fejn id-Direttiva 70/156/KEE, li tfasslet mill-ġdid permezz tad-Direttiva 2007/46, kienet tikkonċerna l-karatteristiċi tekniċi ta’ tip ta’ vettura biss u ma kien fiha – kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tikkjarifika – “ebda dispożizzjoni oħra dwar ir-regoli tat-traffiku fit-toroq li għandhom jiġu osservati mis-sewwieqa ta’ vetturi bil-mutur” (31).

64.      Dokumenti sussegwenti mill-istess istituzzjoni (32) jew minn istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni (33) wkoll jikkonfermaw li d-dispożizzjoni ġiet emendata fi stadju pjuttost tard tal-proċedura u li l-emenda segwiet l-għan limitat ta’ kjarifika. Sa fejn nista’ ngħid jien, ma hemm ebda traċċa, fid-dokumenti preparatorji, ta’ xi diskussjoni rigward il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-direttiva (34).

65.      Jekk, kif ġie argumentat, it-tieni subparagrafu huwa maħsub biex jikkompleta u jiċċara l-ewwel subparagrafu, ma narax ukoll għalfejn l-interpretazzjoni alternattiva ta’ din id-dispożizzjoni, mressqa mill-Kummissjoni, il-Ġermanja u l-Ungerija, tirrendi din id-dispożizzjoni ineffettiva, kif qalet il-Qorti Ġenerali (35).

66.      Il-ħames nett, lanqas inqis l-argumenti l-oħra li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, fis-sentenza appellata, iżjed konvinċenti. Il-Qorti Ġenerali qalet li “huwa inerenti f’sitwazzjoni li tirriżulta minn armonizzazzjoni totali, bħal dik li tirriżulta minn din id-direttiva, li l-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi ta’ dawn l-Istati Membri ma jistgħux, ħlief f’każijiet partikolari, jopponu l-użu li jkun normalment maħsub ta’ prodott li huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-iskema ta’ armonizzazzjoni, ħlief li jiġi kompromess l-effett utli ta’ din tal-aħħar” (36).

67.      Id-dikjarazzjoni hija, fl-astratt, ċertament korretta. Madankollu, għal darba oħra, ma nistax naqbel mal-konsegwenzi li suppost isegwu, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, minn din id-dikjarazzjoni għall-każ inkwistjoni. Din tfisser li l-Istati Membri ma jistgħux, fil-prinċipju, jadottaw regoli li jillimitaw l-użu ta’ vettura Euro 6 (bħala vettura intiża li ġġorr passiġġieri u/jew merkanzija) għal raġunijiet ambjentali? Dan ma jistax ikun korrett, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali stess meta qalet li Stati Membri xorta jistgħu jorganizzaw ġranet mingħajr karozzi (37). Madankollu, kif allura l-istess miżura ta’ armonizzazzjoni tista’ tippermetti u tipprojbixxi l-istess tip ta’ mġiba? Jidher li hemm kontradizzjoni inerenti fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

68.      Jidher li hemm, fil-qalba ta’ din il-kontradizzjoni, konfużjoni dwar il-loġika u l-effetti regolatorji tar-regoli tal-Unjoni dwar integrazzjoni pożittiva (armonizzazzjoni) u dawk dwar integrazzjoni negattiva (regoli ta’ moviment liberu). Tabilħaqq, fil-ġurisprudenza tal-Unjoni, kwistjoni simili qamet fil-passat u ġiet eżaminata mill-angolu tal-Artikolu 34 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja – kif wieħed jista’ jifhem – irrifjutat approċċ restrittiv iżżejjed f’dan ir-rigward. Fil-kawża Mickelsson u Roos (b’riferiment għal jet-skis), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienu biss il-liġijiet nazzjonali li “jżommu lill-utenti [ta’ dawk il-vetturi] milli jużawhom sew u kif suppost jew li jillimitaw ħafna l-użu tagħhom” li kienu jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, u għaldaqstant kellhom jiġu ġġustifikati kif xieraq (38). B’mod simili, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Muturi bil-Karrijiet), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li liġi Taljana li kienet tipprekludi muturi milli jirmunkaw karrijiet kienet tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti sa fejn kienet tagħmel l-aċċess ta’ dawn il-prodotti għas-suq Taljan iżjed diffiċli (39).

69.      Fiż-żewġ każijiet il-miżuri nazzjonali ġew evalwati taħt ir-regoli ta’ moviment liberu, u ġie deċiż li jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti biss jekk irrendew l-aċċess tal-prodott inkwistjoni għas-suq nazzjonali impossibbli jew iżjed diffiċli, peress li l-prodott ma setax jintuża, jew l-użu tiegħu ġie mnaqqas ħafna.  Huwa minnu li ma kien involut ebda strument ta’ armonizzazzjoni f’dawn il-kawżi. Madankollu, fil-kawżi preżenti, is-sitwazzjoni ma hijiex differenti f’dan ir-rigward: l-istrument(i) ta’ armonizzazzjoni invokati mill-appellati jarmonizzaw biss ir-regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi għall-għan tat-tqegħid inizjali tagħhom fis-suq. Ma jirregolawx l-użu sussegwenti ta’ vetturi (aħseb u ara ċ-ċirkulazzjoni lokali ta’ vetturi) u r-regolazzjoni tiegħu għal raġunijiet ambjentali jew ta’ saħħa pubblika.

70.      F’dan l-isfond, huwa pjuttost ċar għalija li dispożizzjoni bħall-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 ma tipprekludix Stati Membri milli jiddeċiedu li, għal xi raġuni fl-interess pubbliku (relatata ma’, inter alia, sigurtà pubblika, saħħa pubblika, sigurtà fit-toroq jew protezzjoni ambjentali), il-vetturi kollha jew xi tipi ta’ vetturi biss (jiġifieri, vetturi li jniġġsu inqas jew li huma iżgħar biss, jew dawk li jappartjenu lir-residenti jew l-awtoritajiet pubbliċi, eċċ.) jistgħu jiċċirkolaw f’ċerti żoni (ċentru ta’ belt, parkijiet nazzjonali, off road, żoni militari, siti ta’ kostruzzjoni, eċċ.) b’mod ġenerali, jew f’mument partikolari (nhar ta’ Ħadd, f’ġurnata mingħajr vetturi, meta jkun hemm suq jew avveniment kulturali jew sportiv, eċċ.). B’mod partikolari, ma hemm xejn f’din id-dispożizzjoni li jidher li jillimita l-kompetenza legali tal-appellati li jistabbilixxu żoni ta’ emissjonjiet baxxi (iktar ’il quddiem “LEZs”), fenomenu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni konsistentement ikkunsidraw b’mod favorevoli (40). B’mod simili, Stati Membri jistgħu jillimitaw – għall-istess raġunijiet – ċerti metodi kif jintużaw vetturi (sewqan b’veloċità eċċessiva, parkeġġ mhux awtorizzat, sewqan bit-tfal iżda mingħajr l-użu ta’ tagħmir xieraq, eċċ.) (41).

71.      Għaldaqstant, regolament lokali li jintroduċi limiti għaċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi f’xi żoni speċifiċi, anki fejn potenzjalment juża parametri dwar emissjonijiet li huma iżjed stretti minn dawk użati għall-istandard Euro 6, ma jiksirx il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip. Jekk xejn, il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi evalwata taħt l-Artikolu 34 TFUE, abbażi tat-test stabbilit fil-kawża Mickelsson u Roos jew Il‑Kummissjoni vs L‑Italja. Madankollu, u għal darba oħra, għalkemm ċertu miżura nazzjonali rigward użu sussegwenti tista’ fl-aħħar tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti taħt l-Artikolu 34 TFUE (42), dan ċertament ma jfissirx li d-dritt tal-Unjoni armonizza b’mod pożittiv dik il-kwistjoni jew dak il-qasam.

72.      Fil-qosor, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-appellati kienu affettwati direttament mir-Regolament ikkontestat permezz tal-interazzjoni tiegħu mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46.

73.      Madankollu, is-sentenza appellata ma għandhiex għalfejn tiġi annullata peress li, fil-fehma tiegħi, jeżistu raġunijiet oħrajn li minħabba fihom l-appellati huma kkonċernati direttament mir-Regolament ikkontestat għall-finijiet tal-Artikolu 263 TFUE.

3)      L-impatt tar-Regolament ikkontestat fuq il-pożizzjoni legali tal-appellati

74.      Biex att tal-Unjoni jkun ta’ inċidenza diretta għal rikorrent, il-pożizzjoni legali ta’ dan ir-rikorrent trid tiġi affettwata. Dan ifisser, essenzjalment, li l-att tal-Unjoni inkwistjoni jrid ibiddel il-pussess ta’ drittijiet u obbligi, ta’ natura privata jew pubblika, mir-rikorrenti (43).

75.      F’dak li jikkonċerna entitajiet lokali, il-ġurisprudenza tindika li dawn l-entitajiet huma kkonċernati direttament minn att tal-Unjoni meta huma fdati b’setgħat li huma eżerċitati b’mod awtonomu fil-limiti tas-sistema kostituzzjonali nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, u l-att tal-Unjoni jipprevjeni lil dawn l-entitajiet milli jeżerċitaw dawn is-setgħat kif jidhrilhom xieraq (44).

76.      F’dan l-isfond, ir-Regolament ikkontestat jimpedixxi lill-appellati milli jeżerċitaw is-setgħat (kostituzzjonali) tagħhom fl-oqsma tal-protezzjoni ambjentali u tar-regolamentazzjoni tat-traffiku kif jidhrilhom xieraq?

77.      Nammetti li, fil-każ preżenti, it-tweġiba għal din il-mistoqsija ma hijiex sempliċi.

78.      Ma hemmx dubju li r-Regolament ikkontestat, fejn jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta’ vetturi li allegatament ma jikkonformawx ma’ ċerti standards Euro 6 (li jistgħu jissejħu vetturi “Euro 6 foloz”), jista’ jirrendi l-obbligi legali tal-appellati li jikkumbattu t-tniġġis iżjed diffiċli. Kif sostnew u wrew l-appellati, regolamenti lokali dwar it-traffiku tipikament jiddistingwu bejn vetturi abbażi tal-kategorija “Euro” tagħhom (45).

79.      Madankollu, kif ġie spjegat fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemm xejn fir-Regolament ikkontestat (jew fil-leġiżlazzjoni li jimplimenta dan ir-regolament) li jista’ jinqara bħala li legalment jipprekludi lill-appellati milli jiddifferenzjaw bejn vetturi li jniġġsu inqas u dawk li jniġġsu iżjed, irrispettivament mill-kategorija Euro li jappartjenu għaliha, meta jirregolaw it-traffiku lokali. Ċertament, fejn il-miżuri nazzjonali jkollhom imbagħad jistrieħu fuq parametri oħra għajr il-kategorija Euro, miżuri bħal dawn ikunu iżjed diffiċli biex jiġu implimentati, ikkontrollati u infurzati. Madankollu, dan huwa irrelevanti taħt l-interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 263 TFUE. Dan jammonta għal impatt fuq is-sitwazzjoni fattwali tal-appellati, mhux fuq il-pożizzjoni legali tagħhom, li ma huwiex suffiċjenti biex jagħmilhom ikkonċernati direttament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (46).

80.      Dan premess, ma naħsibx li l-analiżi dwar l-inċidenza diretta tista’ verament tieqaf hemmhekk. It-test legali mfassal fil-ġurisprudenza fir-rigward tal-impatt dirett fuq entitajiet lokali jew reġjonali, bħalma huma l-appellati, huwa jekk l-att tal-Unjoni kkontestat jimpedixxix lil dawn l-entitajiet milli jeżerċitaw s-setgħat awtonomi tagħhom kif jidhrilhom xieraq (47).

81.      Jidhirli li hemm modi differenti kif jiġi interpretat dan il-kliem. Minn naħa, tista’ tiġi prevista interpretazzjoni partikolarment stretta, li skontha “inċidenza diretta” teżisti biss fejn l-att tal-Unjoni kkontestat jagħmilha impossibbli għalihom li jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. F’dan il-każ, entitajiet lokali jkunu jistgħu jikkontestaw biss atti tal-Unjoni li jobbligawhom jew li jastjenu kompletament milli jużaw is-setgħat tagħhom, jew li jobbligawhom li jużawhom b’mod speċifiku ħafna, b’mod li ma jħallu assolutament ebda għażla. Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni ġeneruża, li skontha sempliċi impatt fuq il-libertà tal-entitajiet li jeżerċitaw is-setgħat awtonomi tagħhom ikun suffiċjenti sabiex jiskatta locus standi, hija wkoll possibbli. F’dan ix-xenarju, entitajiet lokali jkunu jistgħu jikkontestaw att tal-Unjoni li għandu xi impatt fuq l-ispazju ta’ manuvra li jgawdu taħt id-dritt nazzjonali.

82.      Naħseb li l-iżjed qari raġonevoli tal-Artikolu 263 TFUE jinsab fin-nofs bejn dawn iż-żewġ estremi.

83.      Ċertament, interpretazzjoni pjuttost ġeneruża jidher li ssegwi mill-kliem stess ifformulat mill-Qrati tal-Unjoni: li tipprevjeni lil dawn l-entitajiet milli jeżerċitaw is-setgħat tagħhom kif jidhrilhom xieraq. It-test ma jirreferix għal possibbiltà assoluta jew ċaħda ta’ kwalunkwe diskrezzjoni. Fit-test tagħha, kwalunkwe limitazzjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħat legali tagħhom tidher li hi koperta.

84.      Madankollu, tali interpretazzjoni “laxka” tat-test tkun tabilħaqq diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-ġurisprudenza ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 263 TFUE. Din il-ġurisprudenza teħtieġ, inter alia, li rabta kawżali diretta bejn l-att tal-Unjoni kkontestat u t-tibdil fis-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tkun tista’ tiġi stabbilita (48). Barra minn hekk, il-qrati tal-Unjoni għamluha ċara wkoll li s-sempliċi fatt li entità lokali għandha xi kompetenza – bħala korp kompetenti għal kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali fit-territorju tagħha – fir-rigward tal-kwistjoni rregolata minn miżura tal-Unjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, ma jistax, minnu nnifsu, ikun biżżejjed sabiex dik l-entità titqies bħala “kkonċernata” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (49).

85.      Għaldaqstant, ma naħsibx li l-impossibbiltà li jeżerċitaw is-setgħat awtonomi “kif jidhrilhom xieraq” tista’ fil-prattika tiġi ridotta għal impossibbiltà li jeżerċitaw dawn is-setgħat għalkollox, mingħajr ma tiġi kompletament skartata l-ġurisprudenza eżistenti. Barra minn hekk, f’tali każ, il-ġurisprudenza dwar locus standi taħt l-Artikolu 263 TFUE (għal darba oħra) ftit li xejn tkun konsistenti ma’ ħafna oqsma oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, li jkomplu jiżviluppaw eżattament fid-direzzjoni opposta (50).

86.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li t-test tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi kkunsidrat bħala li jagħti locus standi lill-entitajiet lokali jew reġjonali meta rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-att tal-Unjoni kkontestat u l-eżerċizzju ta’ setgħa legali awtonoma ta’ entità legali tkun tista’ tiġi identifikata. Din ir-rabta teżisti meta l-att tal-Unjoni jkun il-fattur determinanti li jew jipprekludi l-awtoritajiet lokali jew reġjonali milli jużaw is-setgħat tagħhom kompletament, jew iġegħelhom jaġixxu filwaqt li jibdel b’mod sinjifikanti l-mod kif jistgħu legalment jagħmlu użu minn dawn is-setgħat.

87.      Jekk dan huwa minnu, l-appellati jissodisfaw dan it-test?

88.      Għalkemm hija ċertament prekarja, fid-dawl tal-elementi legali u fattwali fil-proċess, jiena, fuq bilanċ, inklinat li nagħti tweġiba fl-affermattiv għal din il-mistoqsija. Ir-Regolament ikkontestat tabilħaqq għandu impatt fuq il-mod kif l-appellati jistgħu legalment jeżerċitaw is-setgħat speċifiċi tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali u l-protezzjoni ta’ saħħa pubblika meta jindirizzaw it-tniġġis u jiżguraw l-istandards xierqa tal-kwalità tal-arja, kif inhuma legalment obbligati li jagħmlu.

89.      Il-fatt li l-appellati jgawdu, fuq livell kostituzzjonali, setgħat speċifiċi fl-oqsma ta’ protezzjoni ambjentali u r-regolamentazzjoni tat-traffiku diġà ġie stabbilit mill-Qorti Ġenerali u ma jidhirx li huwa kkontestat mill-appellanti. F’dan ir-rigward, inżid li, fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom, l-appellati għandhom ukoll obbligi legali korrispondenti f’dan ir-rigward. Dawn huma elementi importanti sa fejn jiddistingwu lill-appellati minn awtoritajiet nazzjonali oħra fl-Unjoni li jistgħu jkunu affettwati mir-Regolament ikkontestat b’mod indirett biss, fejn dawn l-awtoritajiet nazzjonali oħra huma inkarigati mill-funzjoni li jieħdu ħsieb il-benesseri ġenerali taċ-ċittadini tagħhom. A fortiori, dawn l-elementi jiddifferenzjaw l-appellati minn kwalunkwe persuni fiżiċi li jirrisjedu fl-Unjoni li – għas-sempliċi fatt li jieħdu fin-nifs arja mniġġsa – jistgħu jħossuhom affettwati mir-Regolament ikkontestat.

90.      Il-kwistjoni ewlenija għalhekk issir jekk l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat mill-appellati, sabiex jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom, ġiex affettwat b’mod sinjifikanti mir-Regolament ikkontestat.

91.      L-ewwel, il-partijiet jaqblu li, taħt id-dritt nazzjonali, entitajiet lokali bħalma huma l-appellati huma responsabbli għall-adozzjoni ta’ varjetà ta’ miżuri biex jiġġieldu t-tniġġis u jiżguraw ċerti standards ta’ kwalità tal-arja sabiex jippreservaw is-saħħa u s-sigurtà ta’ ċittadini. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu neċessarji – xi ħaġa li hija kruċjali f’dan il-kuntest – għall-konformità ma’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni – bħalma huma dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/50. Kif imsemmi fil-punt 59 iktar ’il fuq, din id-Direttiva tirrikjedi li Stati Membri jikkonformaw ma’ standards Ewropej dwar il-kwalità tal-arja (iktar ’il quddiem “AQS”) u, għal dan il-għan, jadottaw pjanijiet dwar kwalità tal-arja (inkluż pjanijiet ta’ azzjoni għal perijodu qasir) (iktar ’il quddiem “AQPs”) għal żoni u agglomerazzjonijiet fejn is-sustanzi li jniġġsu l-arja jaqbżu l-limiti.

92.      It-tieni, ma huwiex ikkontestat ukoll li bliet kbar Ewropej, bħalma huma l-appellati, huma milquta minn tniġġis li jirriżulta f’partijiet kbar mill-emissjonijiet ta’ vetturi. Dan huwa speċjalment il-każ fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ NOx fi bliet kbar, prinċiparjament prodotti minn traffiku lokali tat-triq, li bħala tali ħafna drabi jsibu ruħhom lil hinn mil-limiti legali rilevanti (51).

93.      It-tielet, testijiet imwettqa wara d-“dieselgate” kixfu li l-vetturi light-duty diesel tal-Euro 5 u Euro 6 kważi kollha qabżu b’mod sinjifikanti l-limiti applikabbli ta’ NOx (52). Għaldaqstant, l-introduzzjoni ta’ dawn l-istandards sa issa ma tejbitx is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ NOx b’mod sostanzjali (53).

94.      Ir-raba’, huwa wkoll diffiċli li jiġi kkontestat li, jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistinkawx biex jiżguraw – kif jargumentaw l-appellati – konformità mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni “tagħhom stess” rigward emissjonijiet li jniġġsu minn vetturi, l-oneru li jiġu adottati miżuri li jiżguraw kwalità tal-arja loġikament jgħaddi fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Dan huwa veru speċjalment fir-rigward ta’ awtoritajiet nazzjonali responsabbli mir-regolamentazzjoni tat-traffiku, b’mod partikolari dawk li jaġixxu fl-iżjed oqsma mniġġsa. Dawn l-awtoritajiet naturalment ser ikunu meħtieġa li jaġixxu kemm jista’ jkun malajr, meta wieħed jikkunsidra ċ-ċiklu tal-ħajja normali ta’ vetturi light-duty. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll – u wieħed ma jistax ma jinnutax ċertu ironija f’dan – issejjaħ lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jaġixxu malajr u b’mod vigoruż, wara li reċentement għamlitha prijorità li tibda proċeduri ta’ ksur kontra Stati Membri li ma jikkonformawx mal-AQS (54).

95.      Għal dan il-għan, awtoritajiet nazzjonali bħall-appellati huma għalhekk mitluba li jadottaw ċerti miżuri, inkluż fil-qafas tal-AQPs, li, kieku l-Unjoni pprojbixxiet ir-reġistrazzjoni u l-bejgħ ta’ vetturi li ma jissodisfawx l-istandards ta’ emissjonijiet tagħha stess, kienu probabbilment ikunu inqas restrittivi jew forsi anki mhux meħtieġa. B’hekk, l-għażla tal-miżuri li għandhom jiġu adottati mill-appellati, u l-mod li bih dawn il-miżuri jkollhom jiġu implimentati, invarjabbilment ser jiġu mnaqqsa b’konsegwenza diretta tar-Regolament ikkontestat. L-ispazju ta’ manuvra biex jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom kemm taħt id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali huwa mnaqqas b’mod kunsiderevoli, u b’hekk huma obbligati jwettqu l-funzjonijiet mitluba għal dak il-għan b’mod differenti.

96.      Ċertament, kif ġie ssuġġerit iktar ’il fuq (55), il-bliet jew entitajiet oħra reġjonali teknikament iżommu s-setgħat tagħhom taħt id-dritt nazzjonali li jirregolaw it-traffiku lokali għal raġunijiet ambjentali jew ta’ saħħa pubblika, irrispettivament minn jekk jiġix issodisfatt l-istandard Euro 6 ta’ “veru” jew “falz”, bil-mod kif jidhrilhom xieraq. Jekk dawn l-awtoritajiet ikunu jixtiequ, jistgħu jadottaw projbizzjonijiet fuq vetturi Euro 6, jew anki jintroduċu standards Euro 7 jew Euro 8 tagħhom stess. Huma għadhom kapaċi jiddeċiedu li ċerti karozzi biss jistgħu jidħlu fiċ-ċentru tal-belt, jew li traffiku tal-karozzi huwa permess biss f’ċerti ħinijiet jew f’ċerti ġranet, jew li huwa fil-fatt ipprojbit għalkollox.

97.      Il-fatt jibqa’, madankollu, li l-eżerċizzju tas-setgħat u obbligi legali sar ħafna iżjed diffiċli. Ir-regolamentazzjoni raġonevoli ta’ traffiku lokali minħabba raġunijiet ambjentali jew ta’ saħħa pubblika għandha tistrieħ fuq kriterji usa’ u standardizzati. Ma hemmx wisq possibbiltà li xi ħadd jissuġġerixxi b’mod serju li kull belt jew reġjun ewlieni fl-Ewropa għandu issa jibda jistabbilixxi l-lista tiegħu ta’ vetturi li jitħallew jidħlu fiċ-ċentri tal-bliet tiegħu, bi stazzjonijiet li jkejlu l-emissjonijiet fil-bibien tal-belt. Madankollu, l-inabbiltà li jistrieħu fuq (għal dan l-għan stess) kategoriji u standards stabbiliti tal-Unjoni jfisser li l-bliet iridu jagħżlu l-kriterji tagħhom stess li aktarx jiġġeneraw iżjed nuqqas ta’ qbil f’termini ta’ spejjeż soċjali jew finanzjarji għar-residenti lokali jew ċerti gruppi ta’ residenti, li eventwalment tesponi lill-bliet għal sfidi legali possibbli bbażati fuq diskriminazzjoni u/jew limitazzjoni arbitrarja ta’ aċċess jew moviment liberu (56).

98.      Il-xogħol mhux invidjabbli li jiġu trattati dawn id-deċiżjonijiet (tabilħaqq diffiċli) – u r-responsabbiltà potenzjali assoċjata magħhom – huma sempliċement mgħoddija lill-(Istati Membri u) lill-awtoritajiet lokali tagħhom. Dawn l-awtoritajiet jistgħu għalhekk jispiċċaw jiġu mġiegħla jadottaw miżuri drakonjani u mhux popolari sabiex jiżguraw konformità mad-dritt tal-Unjoni, proprju minħabba li l-Kummissjoni għażlet li tittollera ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni.

99.      Li jiġi ssuġġerit, f’sitwazzjoni bħal din, li l-pożizzjoni tal-entitajiet lokali hija affettwata biss fil-fatt u mhux fid-dritt mir-Regolament ikkontestat huwa estremament formalistiku, jekk mhux għalkollox ċiniku (57). Ir-realtà hi li allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tiżgura konformità mal-limiti ta’ emissjonijiet ta’ NOx aktarx ikollu impatt dirett u sinjifikanti fuq il-mod li bih entitajiet bħall-appellati jkollhom jeżerċitaw is-setgħat legali awtonomi tagħhom fl-oqsma ta’ protezzjoni ambjentali u r-regolamentazzjoni tat-traffiku (58).

100. Fi ħdan id-dimensjoni tal-aħħar, l-impatt fuq il-pożizzjoni tal-appellati huwa legali, mhux sempliċement fattwali. Jien nirrikonoxxi faċilment li t-tfassil ta’ linja bejn dak li huwa legali u dak li huwa fattwali f’xenarji bħal dak preżenti ma huwa faċli xejn. Naturalment, bħal kull persuna oħra, l-appellati huma wkoll fattwalment ikkonċernati: huma jridu jaċċettaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bħala fatt u l-punt tat-tluq tal-azzjoni ulterjuri tagħhom. Madankollu, b’mod addizzjonali, hemm ukoll ieħor element ta’ inċidenza legali. Ir-Regolament ikkontestat għandu impatt dirett fuq il-mod li bih l-appellati ser jeżerċitaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

101. Esperiment mentali sempliċi jista’ jgħin biex jillustra dan il-punt. Nassumu li l-appellati kienu kkwalifikati bħala kkonċernati fil-fatt biss, u mhux fid-dritt. Imma min allura jista’ qatt ikun legalment ikkonċernat b’tali leġiżlazzjoni? Il-Gvern Ungeriż issuġġerixxa li huma biss il-manifatturi tal-vetturi u l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati li jevalwaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat li jistgħu jkunu legalment ikkonċernati (59). Madankollu kemm hu iżjed legalment ikkonċernat manifattur tal-vetturi mil-leġiżlazzjoni li jrid jikkonforma magħha jekk jixtieq jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu li għadhom ma ġewx prodotti (60)? Produttur ma għandu assolutament ebda dritt legali li tiġi adottata ċertu leġiżlazzjoni li jkun fiha standards jew valuri. B’hekk il-pożizzjoni legali tiegħu (għall-finijiet ta’ drittijiet u obbligi eżistenti) ma tistax b’definizzjoni tiġi affettwata minn leġiżlazzjoni ġdida li toħloq regoli ġodda peress li fl-ewwel lok ma għandu ebda dritt legali (prospettiv) f’dan ir-rigward. L-istess, jew saħansitra a fortiori l-istess, ikun veru għal awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-kompitu li jivverifikaw il-konformità mal-valuri tal-emissjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Xi jkunu d-drittijiet u l-obbligi legali kweżiti (indipendentement minn Stat Membru li tiegħu aktarx tkun sempliċi organu) ta’ istituzzjoni nazzjonali ċentrali inkarigata mill-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi? Għal dawn iż-żewġ tipi ta’ atturi, valuri ġodda li magħhom iridu jikkonformaw fil-futur (wieħed billi jipproduċi vetturi f’dik l-ispeċifikazzjoni jekk jixtieq li jiġu approvati, l-ieħor billi jkejjel il-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet) huma sempliċement il-punti fattwali ta’ tluq, imma ma għandhomx verament xi impatt dirett u immedjat fuq il-pożizzjoni legali tagħhom.

102. Mhux qiegħed ngħid li jiena naqbel ma’ tali fehma riduzzjonista. L-argument imressaq hawn fuq huwa sempliċement biex jintwera li, jekk titħaddan viżjoni espansjonista ta’ inċidenza sempliċement fattwali bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe inċidenza legali, ħadd qatt ma jkun legalment ikkonċernat minn xi miżura tal-Unjoni.

103. Fl-aħħar nett, hemm tliet raġunijiet sistemiċi usa’ għat-tħaddin ta’ interpretazzjoni bbilanċjata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE meta r-rikorrenti huma l-entitajiet reġjonali ta’ Stati Membri. Peress li fil-biċċa l-kbira jikkoinċidu mal-argumenti diġà espressi fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Région de Bruxelles-Capitale dwar dan il-punt (61), nista’ nkun konċiż.

104. L-ewwel nett, jista’ jiġi argumentat li applikazzjoni restrittiva żżejjed tal-Artikolu 263 TFUE fil-konfront ta’ entitajiet lokali ftit li xejn tkun konsistenti ma’ ċerti prinċipji bażiċi kostituzzjonali, b’mod partikolari dawk minquxa fl-Artikolu 4(2) u (3) TUE.

105. Minn naħa, approċċ li jikkunsidra – għall-finijiet ta’ kontroll ġudizzjarju fil-livell tal-Unjoni – ir-rwoli kostituzzjonali li għandhom, fil-livell nazzjonali, l-entitajiet reġjonali u lokali bħala irrilevanti, ftit li xejn josserva l-Artikolu 4(2) TUE li jirrikjedi li l-Unjoni tirrispetta, inter alia, l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, “inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali”.

106. Min-naħa l-oħra, aċċess iżjed miftuħ għall-forum ġudizzjarju tal-Unjoni minn entitajiet infra-Statali jidher li hu l-korrispettiv loġiku (u kważi inevitabbli) tal-obbligi numerużi u wesgħin li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq dawn l-entitajiet. Dawn ma humiex biss l-obbligu ġenerali li jadottaw il-miżuri kollha li huma neċessarji sabiex jiġi implimentat id-dritt tal-Unjoni u tiġi żgurata l-applikazzjoni tiegħu, u li jastjenu milli jadottaw kwalunkwe miżura li tista’ tirrendi d-dritt tal-Unjoni ineffettiv, iżda wkoll l-obbligi konkreti u speċifiċi fl-oqsma individwali tal-politika, kif jidher ukoll fil-kawża preżenti. Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, naturalment għandu japplika għaż-żewġ n-naħat (62).

107. It-tieni nett, iċ-ċaħda għall-entitajiet bħall-appellati tal-abbiltà li jikkontestaw l-atti tal-Unjoni li jaffettwaw b’mod sinjifikanti l-eżerċizzju ta’ ċerti setgħat li jgawdu fuq livell kostituzzjonali tista’ twassal għal dik li ma nistax ma nsejħilhiex “sitwazzjoni kostituzzjonalment mhux b’saħħitha” f’termini ta’ inċentivi u kontroll. Tabilħaqq, ma huwiex rari li atti delegati jew implimentattivi tal-Unjoni huma r-riżultat ta’ xi tip ta’ ftehim (legalment previst) milħuq bejn istituzzjoni tal-Unjoni u l-industrija jew il-partijiet ikkonċernati rilevanti. F’dawn il-każijiet, approċċ restrittiv għall-kunċett ta’ “inċidenza diretta” jista’ jfisser li l-unika kategorija ta’ rikorrenti li (forsi) jkollhom locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni jkunu l-membri stess ta’ dik l-industrija. Madankollu, dan aktarx ma jipprovdix l-aħjar inċentiva għan-negozjati mal-partijiet rispettivi kkonċernati u riżultat leġiżlattiv ibbilanċjat, jekk l-assenza effettiva ta’ kwalunkwe sfida għal dan ir-riżultat hija kundizzjonali fuq il-produzzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tkun togħġob lill-industrija rilevanti.

108. It-tielet nett, fuq livell istituzzjonali, nibqa’ mħawwad bi struttura ġudizzjarja, u politika ġudizzjarja li għadha għaddejja u li tippettrifika din l-istruttura, li, billi tirrestrinġi l-aċċess dirett għall-qrati tal-Unjoni, tgħaddi kawżi li fihom tkun involuta l-validità ta’ atti tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali, sabiex dawn il-kawżi eventwalment jaslu ħafna snin wara quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-proċedura preliminari (63). Din il-kombinazzjoni ta’ proċeduri kumplessa u li tieħu ħafna ħin hija sempliċement irraġonevoli fid-dawl tal-aħħar riforma fl-istruttura ġudizzjarja tal-Unjoni li tat lill-Qorti Ġenerali l-mezzi meħtieġa sabiex twettaq ir-rwol kostituzzjonali tagħha bħala ġudikatur tal-Unjoni tal-ewwel istanza li, fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħha, tista’ teżerċita stħarriġ ġudizzjarju sħiħ billi teżamina kemm id-dritt u kemm il-fatti rilevanti (64).

109. Dan kollu japplika, a fortiori,  f’kawżi relatati ma’ oqsma tekniċi kumplessi li, għad-deċiżjoni tagħhom, it-tqassim mill-ġdid ta’ kompiti fil-kuntest tal-proċedura preliminari jista’ fil-prattika ma jkunx ottimu. Minn naħa, qorti nazzjonali, xi kultant anki qorti tal-ewwel istanza adita bi kwistjoni kemxejn differenti, aktarx ma twettaqx evalwazzjoni fattwali u teknika preliminari ddettaljata tal-kwistjonijiet rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha ssir quddiem din il-qorti (65). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja fid-deċiżjonijiet preliminari mhux qiegħda hemmhekk sabiex tevalwa l-fatti. B’dan il-mod, hemm ir-riskju li kwistjonijiet tekniċi pjuttost kumplessi li jistgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-interpretazzjoni jew validità tad-dritt tal-Unjoni ma jiġu eżaminati minn waħda mill-proċeduri (66).

110. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u minkejja l-iżball ta’ liġi magħmul f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-Ungerija, kif ukoll l-ewwel u t-tieni aggravju tal-Ġermanja. L-appellati huma kkonċernati direttament.

2.      Jekk ir-Regolament ikkontestat jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni

a)      Argumenti tal-partijiet

111. L-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell tal-Ungerija jikkonċerna l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, magħmula fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li r-Regolament ikkontestat ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fil-konfront tal-appellati. Essenzjalment, l-Ungerija hija tal-fehma li r-Regolament ikkontestat, fih innifsu, ma jipproduċi ebda effett legali u varjetà ta’ atti għandhom jiġu adottati fil-livell nazzjonali qabel ma jiskatta xi effett legali.

b)      Analiżi

112. Dan l-aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud.

113. Mill-ġurisprudenza jsegwi li l-kwistjoni dwar jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-pożizzjoni tar-rikorrent u s-suġġett tar-rikors (67). Għalhekk, huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ persuni oħra (68), u jekk partijiet oħra tal-att ikkontestat, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrent, jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni (69). Dak li huwa kruċjali, f’dan il-kuntest, huwa jekk l-effetti legali speċifiċi li jbiddlu l-pożizzjoni tar-rikorrent jimmaterjalizzawx fil-konfront ta’ dik il-persuna b’riżultat tal-att tal-Unjoni kkontestat, jew minħabba kwalunkwe att ieħor adottat mill-Unjoni jew mill-Istat Membru inkwistjoni (70).

114. F’dan l-isfond, u fid-dawl tal-pożizzjoni tal-appellati u tas-suġġett tal-proċeduri preżenti, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta kkonstatat li, fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tal-appellati, ir-Regolament ikkontestat ma kienx jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni għall-finijiet tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

115. Jekk jingħad li r-Regolament ikkontestat jippermetti li vetturi “Euro 6 foloz” jirċievu approvazzjoni tat-tip, li jagħmilha possibbli li dawn il-vetturi jiġu kkummerċjalizzati u b’hekk li jiċċirkulaw, l-effett fuq l-abbiltà legali tal-appellati li jeżerċitaw is-setgħat tagħhom kif jidhrilhom xieraq huwa dirett u immedjat. L-ebda att ieħor nazzjonali jew tal-Unjoni ma huwa meħtieġ sabiex (metaforikament) jorbot idejn l-appellati. Hemm, fi kliem ieħor, rabta diretta ta’ kawża u effett bejn ir-regoli tal-Unjoni kkontestati mill-appellati u l-bidla tal-istatus legali tagħhom.

116. Ikun irraġonevoli u artifiċjali li wieħed jiddikjara li entitajiet infra-Statali għandhom jistennew l-ewwel approvazzjoni tat-tip ta’ kwalunkwe vettura “Euro 6 falza” sabiex jikkontestaw din l-approvazzjoni quddiem qorti nazzjonali u, fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri, jinvokaw l-invalidità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tkun qiegħda tiġi implimentata. L-ebda atti ta’ implimentazzjoni bħal dawn ma jkunu – b’mod manifest – atti adottati fil-konfront tal-appellati. Fir-rigward tal-effetti legali kkontestati mill-appellati (l-emenda impliċita jew bil-moħbi tal-istandards Euro 6), l-att tal-Unjoni kkontestat għalhekk huwa b’mod ċar, biex nissellef mill-kliem tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, “kompletament u fih [i]nnifs[u] operattiv” (71).

117. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Ungerija għandha tiġi miċħuda.

B.      Evalwazzjoni sostantiva: l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

a)      Argumenti tal-partijiet

118. Bit-tielet aggravju tagħha, il-Ġermanja ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007 biex waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza biex tadotta r-Regolament ikkontestat. Il-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni tgawdi marġni ta’ apprezzament wiesa’ kemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħala “mhux essenzjali”, u fir-rigward tal-effetti prattiċi ta’ dispożizzjoni. Meta dan il-marġni ta’ evalwazzjoni jiġi kkunsidrat kif xieraq, l-introduzzjoni ta’ testijiet RDE bħala tali, ta’ fattur ta’ konformità għal dawn it-testijiet, u ta’ regoli tranżitorji, għandhom jiġu kkunsidrati bħala elementi mhux essenzjali fis-sens tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament.

119. L-uniku aggravju tal-Kummissjoni wkoll jikkonċerna l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-allegata assenza ta’ kompetenza tagħha sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li, kif iddikjarat il-Qorti Ġenerali fil-punt 118 tas-sentenza appellata, il-limiti ta’ emissjonijiet ta’ NOx huma element essenzjali tar-Regolament Nru 715/2007. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li dan l-element ma ġiex emendat. Huwa indikattiv, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali tirreferi għal emenda “de facto” tal-limitu (fil-punti 128, 137 u 144 tas-sentenza appellata), filwaqt li tirrikonoxxi li dawn il-limiti ma ġewx immodifikati (fil-punt 150 ta’ dik is-sentenza).

120. Il-Kummissjoni tindika li r-Regolament Nru 715/2007 ma kienx jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi rigward kif għandhom jiġu kkontrollati l-emissjonijiet. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tfixkel il-metodu ta’ verifika tal-limitu mal-emenda ta’ dan il-limitu. Sa fejn it-testijiet l-antiki tal-laboratorju, in-NEDC, u t-testijiet RDE ġodda japplikaw b’mod kumulattiv, fejn vettura trid tissodisfa t-tnejn li huma sabiex tingħata l-approvazzjoni tat-tip, ir-Regolament ikkontestat ma jista’ jwassal għal ebda deterjorazzjoni tal-metodi ta’ verifika u, b’konsegwenza, għal ebda emenda de facto ta’ dan il-limitu.

121. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali nvertiet l-oneru tal-prova billi talbet lill-Kummissjoni tiġġustifika l-metodi magħżula, u billi annullat l-att ikkontestat wara li sabet li l-argumenti tal-Kummissjoni ma kinux konvinċenti. Huma r-rikorrenti li għandhom jippruvaw l-illegalità ta’ att tal-Unjoni li, fil-prinċipju, huwa preżunt validu.

122. F’dan il-kuntest, l-ACEA tenfasizza li l-koeffiċjent introdott mill-Kummissjoni huwa meħtieġ sabiex jippermetti li settijiet differenti ta’ data jiġu mqabbla fid-dawl tal-inċertezzi tekniċi u statistiċi relatati mat-testijiet il-ġodda.

b)      Analiżi

123. L-ewwel nett, mhux konvint mill-argumenti relatati mal-allegat marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni biex tiddetermina liema elementi ta’ leġiżlazzjoni huma essenzjali u liema ma humiex. Fl-ewwel lok, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni (in casu, il-Kunsill u l-Parlament) li għandu jiddetermina l-aspetti li fihom jixtieq jassenja setgħat delegati jew ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni u dawk fejn ma jixtieqx (72). Fit-tieni lok, elementi “essenzjali” u “mhux essenzjali” huma kategoriji legali u għalhekk hija l-Qorti tal-Ġustizzja li fl-aħħar mill-aħħar għandha tinterpretahom u tivverifika l-applikazzjoni korretta tagħhom f’każ speċifiku (73).

124. It-tieni nett, b’mod simili, ma nqisx li l-oneru tal-prova ġie b’xi mod invertit. Il-Qorti Ġenerali sempliċement applikat, f’kawża legalment u fattwalment kumplessa, il-prinċipji normali dwar l-oneru tal-prova f’rikorsi diretti. Sa fejn l-appellati kienu pprovaw il-każ fuq bażi ta’ prima facie, kienet il-Kummissjoni li kellha tikkontradixxi u tikkonfuta, fis-sustanza u b’mod iddettaljat, l-informazzjoni prodotta mill-appellati u l-inferenzi li kellhom jittieħdu minn din l-informazzjoni (74). Madankollu, wara li ddeċidiet li l-kontroargumenti tal-Kummissjoni ma kinux konvinċenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma de facto tbiddel il-limitu ta’ emissjonijiet ta’ NOx stabbilit fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007: (i) tistabbilixxi valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ NOx li, minħabba CF pollutant, huma ogħla minn dan il-limitu u, fi kwalunkwe każ, (ii) tadotta fatturi ta’ ċertu portata bħaċ-CF pollutant.

125. It-tielet nett, wara li saru dawn l-osservazzjonijiet, il-punt ewlieni mqajjem minn dawn l-aggravji huwa jekk il-Qorti Ġenerali kinitx legalment żbaljata meta ddeċidiet li, bir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni de facto emendat element essenzjali tal-leġiżlazzjoni prinċipali.

126. Fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-appellanti, ma narax li sar żball bħal dan.

127. L-ewwel, il-limitu ta’ emissjonijiet ta’ NOx stabbilit fir-Regolament Nru 715/2007 jikkostitwixxi element essenzjali ta’ din il-leġiżlazzjoni (75). Bħall-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-formulazzjoni, il-kuntest, u fuq kollox l-għan ta’ din il-miżura tal-Unjoni, ma narax kif wieħed jista’ jasal għal konklużjoni differenti dwar dan il-punt. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx tkun intitolata li temendaha permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni implimentattiva bħalma hu r-Regolament ikkontestat. Jidher li l-partijiet jaqblu dwar dan il-punt.

128. It-tieni, jista’ tabilħaqq jingħad li, fil-prinċipju, elementi bħall-valuri NTE jew CF pollutant huma – speċjalment meta kull wieħed minnhom jittieħed f’iżolament – elementi mhux essenzjali tar-regolament. Dawn huma elementi tekniċi ta’ natura sempliċement funzjonali u strumentali. Jirriżulta pjuttost ċar mill-premessa 26, l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 715/2007 li l-proċeduri u t-testijiet għall-approvazzjoni tat-tip jikkostitwixxu elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-regolament, li għalhekk jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni wara l-proċedura regolatorja bi skrutinju.

129. It-tielet, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma jsegwix, madankollu li, billi tiffissa ċerti parametri għat-testijiet RDE (bħall-valuri NTE u/jew CF pollutant) il-Kummissjoni ma tista’ qatt taffettwa dak li huwa, fih innifsu, element essenzjali (il-limitu ta’ emissjoni ta’ NOx). Huwa loġiku li, jekk il-proċess ta’ verifika magħżul u l-valuri speċifiċi adottati huma wisq laxki u ineffettivi, il-limitu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew isir impossibbli li jiġi kkontrollat jew jinqabeż de facto u, bħala konsegwenza, ħafna drabi ma jiġix osservat fil-prattika. Għalhekk ma nara li hemm ebda żball, almenu fuq livell teoretiku, fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li skontu l-adozzjoni ta’ parametri għoljin iżżejjed tista’ de facto, twassal għal emenda indiretta jew bil-moħbi tal-limitu ta’ emissjonijiet ta’ NOx.

130. Jidhirli li jekk il-parametri speċifiċi adottati mill-Kummissjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, wasslux għal emenda de facto tal-limitu ta’ emissjonijiet ta’ NOx jew le hija evalwazzjoni kumplessa ta’ fatt. Din l-evalwazzjoni ma hijiex suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, sakemm l-appellanti ma jallegawx (u jippruvaw) żnaturament tal-fatti jew l-evidenza li ssir referenza għalihom mill-qorti tal-ewwel istanza (76). Skont ġurisprudenza stabbilita, l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (77).

131. Fil-kawża preżenti, ma nara ebda żnaturament ta’ dan it-tip.

132. Ħadd mill-appellanti jew mill-intervenjenti ma ressaq xi argument konvinċenti biex juri li l-Qorti Ġenerali fundamentalment ma fehmitx il-fatti jew ma interpretatx l-evidenza prodotta mill-partijiet b’mod korrett. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali waslet għal konklużjoni li mhux biss hija possibbli, imma jidher li ssib appoġġ ukoll f’diversi dokumenti uffiċjali li huma rilevanti u li sar riferiment għalihom mill-partijiet. Pereżempju, ir-“Rapport dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku” tal-Parlament Ewropew ikkonkluda li l-fattur ta’ konformità “fil-prattika, idgħajjef l-istandards tal-emissjonijiet attwalment fis-seħħ”, “ma jist[a]x jiġ[i] ġġustifikat minn perspettiva teknika u ma jirriflett[i]x ħtieġa ovvja li tiġi żviluppata teknoloġija ġdida”, u jista’ jiqies “bħala deroga ġenerali de facto mil-limiti ta’ emissjonijiet applikabbli għal ammont konsiderevoli ta’ żmien” (78). Bl-istess mod, dokument informattiv u analitiku reċenti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jirrapporta l-fehma ta’ xi riċerkaturi li skonthom il-limiti ta’ NOx stabbiliti għat-testijiet RDE jidhru li jdagħjfu l-effett utli ta’ dawn it-testijiet, u jindika l-limiti ferm iżjed baxxi li huma fis-seħħ fl-Istati Uniti (79).

133. Dan premess, fil-fehma tiegħi, argument li għandu jiġi kkunsidrat – peress li jikkostitwixxi kritika tar-raġunament legali segwit mill-Qorti Ġenerali, u mhux tal-apprezzament tagħha tal-elementi ta’ fatt rilevanti – huwa dak relatat mal-fatt li l-Qorti Ġenerali allegatament injorat in-natura kumulattiva taż-żewġ testijiet. Peress li kemm it-testijiet antiki (ittestjar fil-laboratorju – NEDC) kif ukoll it-testijiet il-ġodda (kundizzjonijiet ta’ sewqan reali – RDE) jeħtieġ li jiġu ssodisfatti sabiex vettura tingħata l-approvazzjoni tat-tip, l-appellanti jargumentaw li r-Regolament ikkontestat ma jbiddilx is-sitwazzjoni preċedenti. Għaldaqstant, ma setax ikun hemm emenda de facto tal-leġiżlazzjoni prinċipali.

134. Dan iwassal għall-mistoqsija: x’inhi s-“sitwazzjoni preċedenti” rilevanti hawnhekk? L-appellanti jidher li huma korretti fl-argument tagħhom li r-Regolament ikkontestat ma wassalx, u ma setax iwassal, għal bidla in peius tas-sitwazzjoni preċedenti, jekk dik is-sitwazzjoni preċedenti tinftiehem li qiegħda tirreferi għas-sitwazzjoni attwali fis-sena 2016. Jekk l-interpretazzjoni tiegħi tas-sistema tal-ittestjar hija korretta, dan ir-regolament kellu tabilħaqq loġikament itejjeb il-verifika tal-konformità mal-istandard Euro 6.

135. Madankollu, il-fatt li s-sitwazzjoni, mil-lat fattwali, ma nbidlitx (jew possibbilment tjiebet biss), ma jistax ipoġġi f’dubju l-konklużjoni dedotta mill-Qorti Ġenerali rigward il-bidla illegali tas-sitwazzjoni legali, li loġikament għandha tkun il-punt tat-tluq għal din l-evalwazzjoni.

136. Huwa minnu li probabbilment kienet meħtieġa azzjoni mill-Kummissjoni f’din il-kwistjoni. Skont il-premessa 15 u l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 715/2007, il-Kummissjoni għandha tibqa’ tirrevedi l-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5(3) tal-istess regolament, kif ukoll iċ-ċikli ta’ ttestjar użati biex jitkejlu l-emissjonijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet jistipulaw li, jekk mir-reviżjoni jirriżulta li dawn ma għadhomx xierqa jew ma jirriflettux iktar is-sitwazzjoni reali tal-emissjonijiet, għandhom jiġu adattati b’tali mod li jirriflettu b’mod xieraq l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan reali fit-toroq.

137. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppromulgat leġiżlazzjoni li, għal perijodu partikolari, xorta ttollerat devjazzjonijiet mil-limitu ta’ emissjonijiet ta’ NOx stabbilit fil-leġiżlazzjoni prinċipali.

138. Fi kliem ieħor, il-punt li għalih, wara li jinstab ksur, is-sitwazzjoni għandha normalment tirriverti fil-liġi huwa li jerġa’ jiġi infurzat ir-rekwiżit legali li kien jeżisti f’kull mument. L-argument li r-Regolament ikkontestat tal-Kummissjoni ma “għamilx l-affarijiet agħar” jaf verament ikun korrett fir-rigward tas-sitwazzjoni fattwali li kienet teżisti dak iż-żmien u li ħarġet fil-beraħ wara l-iskandlu “dieselgate”. Tabilħaqq, jekk numru ta’ produtturi u tipi ta’ vetturi fis-suq f’dak iż-żmien fil-fatt ma kinux konformi, uħud minnhom anki b’mod sostanzjali, l-isforz leġiżlattiv li jfittex li gradwalment jiżgura tal-inqas xi konformità fil-kundizzjonijiet reali li kienu prevalenti f’dak il-mument ma jistax ħlief jidher li jkun qiegħed jaġixxi fl-aħjar interess tas-sistema u l-funzjoni futura tagħha.

139. Madankollu, il-fatt jibqa’ li, bħala parti minn dan il-proċess, kif stabbilit mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppermettiet iktar devjazzjonijiet mill-punt li għalih legalment kellha tirriverti s-sitwazzjoni b’mod immedjat: għall-konformità sħiħa mal-istandard diġà eżistenti kif ippromulgat preċedentement mil-leġiżlatura tal-Unjoni li kellu jiġi kkonfermat u infurzat tul il-proċess kollu. Din hija tabilħaqq is-“sitwazzjoni preċedenti” rilevanti mill-perspettiva legali.

140. Għalhekk, ma nara xejn ħażin fih innifsu fil-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li, bl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni fil-fatt biddlet is-sitwazzjoni legali billi espressament ittollerat emissjonijiet li jaqbżu l-limitu deċiż mil-leġiżlatura tal-Unjoni, fejn dawn il-limiti speċifiċi kienu element essenzjali li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata li effettivament tbiddel sempliċement permezz ta’ leġiżlazzjoni implimentattiva.

141. Għaldaqstant, jidhirli li, fuq dan il-punt ukoll, is-sentenza appellata għandha tiġi kkonfermata.

C.      Konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

1.      Il-portata tal-annullament

142. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Ġermanja ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament ikkontestat kien separabbli mill-kumplament tal-istrument. Il-Ġermanja targumenta li, skont ir-raġunament segwit fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha wkoll tannulla l-punt 2 tal-Artikolu 1, tar-Regolament ikkontestat li jemenda l-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 692/2008 sa fejn impliċitament jiddetermina – kif tgħid is-sentenza appellata fil-punt 156 – il-punt li minnu t-testijiet RDE ma jibqgħux jitwettqu għal skopijiet ta’ sorveljanza biss.

143. Il-Belt ta’ Brussell tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, u targumenta li l-Ġermanja ma għandha ebda interess f’annullament sħiħ tar-Regolament ikkontestat.

144. Tabilħaqq, ma huwiex immedjatament ovvju xi skop jista’ jservi annullament ulterjuri jekk komponent ewlieni tal-istruttura jkun diġà tneħħa. Madankollu, b’mod ġenerali, il-Gvern Ġermaniż jista’ jkun tal-fehma li, minflok ikun hemm sistema asimetrika (sistema antika mingħajr CF pollutant, jew b’CF iktar baxx deċiż mill-Kummissjoni), ikun iktar vantaġġuż jew raġonevoli li jkun hemm sistema mbiddla radikalment. Jekk dan huwa tabilħaqq minnu, jista’ jkollu interess fl-annullament tar-Regolament fit-totalità tiegħu. Għal din ir-raġuni, l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

145. Madankollu, u fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-merti tal-argument, ma jidhirlix li huwa fondat.

146. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza tiegħu (80).

147. Fil-kawża preżenti, l-element problematiku identifikat mill-Qorti Ġenerali fir-Regolament ikkontestat (iċ-CF) huwa speċifiku ħafna. Dan il-koeffiċjent għandu jkompli japplika sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni jħassru u jissostitwixxih b’wieħed li jirrifletti aħjar ir-realtà, jew jiddeċiedi li sempliċement ineħħih.

148. Il-Gvern Ġermaniż ma spjegax għalfejn it-tħassir jew is-sostituzzjoni ta’ dan il-koeffiċjent neċessarjament jaffettwa l-funzjonament korrett tal-qafas legali li r-Regolament ikkontestat jemenda jew jimplimenta. Tabilħaqq, il-Qorti Ġenerali ma sabet ebda żball fundamentali fit-tfassil tat-testijiet, iżda biss fil-valuri NTE stabbiliti għal dan il-għan (minħabba ċ-CF).

149. Dan il-gvern ma spjegax lanqas x’kien, preċiżament, jinbidel kieku l-Qorti Ġenerali annullat ukoll l-Artikolu 1 punt 2 tar-Regolament ikkontestat.

150. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li dan l-aggravju tal-appell għandu bl-istess mod jiġi miċħud.

2.      L-effetti ratione temporis tal-annullament

151. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-Ungerija ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta llimitat l-effetti ratione temporis tal-annullament tagħha għal perijodu raġonevoli li ma jaqbiżx 12-il xahar. Fil-fehma tagħha, dan il-perijodu massimu huwa qasir wisq peress li fil-prattika huwa impossibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippromulga leġiżlazzjoni ġdida f’dan it-terminu.

152. Argumenti simili ħafna ġew imressqa fil-ħames aggravju tal-appell tal-Ġermanja. Il-Gvern Ġermaniż jirreferi għall-istimi tal-industrija Ġermaniża tal-karozzi rigward l-ammont ta’ karozzi ta’ produtturi Ġermaniżi u oħrajn madwar l-Ewropa li ma jkunux jistgħu jinbiegħu iżjed, li jkompli jindika li l-vojt ġuridiku potenzjali li allegatament inħoloq mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali jista’ possibbilment jirriżulta f’waqfa sħiħa fil-produzzjoni, l-approvazzjoni, u r-reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda minħabba l-inċertezza legali li tinħoloq.

153. Jien mhux konvint minn dawn l-aggravji.

154. F’termini sempliċi, il-kwistjoni li l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindirizza hija din: il-perijodu ta’ 12-il xahar huwa twil biżżejjed biex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippromulgaw miżuri ġodda li, filwaqt li jirrimedjaw l-iżball li ġie identifikat, jiżguraw konformità mal-istandards stabbiliti fil-leġiżlazzjoni prinċipali?

155. Jidhirli li, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-appellanti, sabiex twieġeb din il-mistoqsija, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha twettaq eżami fattwali ex novo. Tabilħaqq, l-appellanti ma jinvokawx żball fil-metodi u kriterji użati mill-Qorti Ġenerali sabiex twettaq din l-evalwazzjoni (bħal, standards ħżiena li ġew applikati, ċerti elementi pertinenti li tħallew barra, eċċ.). L-appellanti sempliċement jargumentaw li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata fl-evalwazzjoni ġenerali tagħha. F’dan ir-rigward u għal din ir-raġuni, għandi dubju kemm dawn l-aggravji tal-appell huma ammissibbli.

156. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma jindikaw ebda element fattwali jew legali speċifiku li jsostni l-fehma li l-perijodu ta’ 12‑il xahar huwa insuffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tintervjeni, abbażi tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha, biex temenda l-problemi identifikati fir-Regolament ikkontestat.

157. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, l-aggravji preżenti ma humiex ammissibbli, u fi kwalunkwe każ, huma infondati.

VI.    Spejjeż

158. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti rebbieħa.

159. Peress li l-appellati talbu għall-ispejjeż, dawn l-ispejjeż għandhom għalhekk jitħallsu mill-appellanti.

160. Skont l-Artikolu 140(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervenjenti kollha għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

VII. Konklużjoni

161. Nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        Tiċħad l-appelli;

–        Tordna li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Ungerija u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tal-Ville de Paris, tal-Ville de Bruxelles u tal-Ayuntamiento de Madrid fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja;

–        Tordna li l-intervenjenti kollha għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal‑20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU 2016, L 109, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).


3      Sentenza fil-kawża Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il‑Kummissjoni (T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, EU:T:2018:927) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


4      Għal illustrazzjoni tal-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magni diesel) (C‑693/18, EU:C:2020:323).


5      ĠU 2007, L 263, p. 1. Din id-direttiva issa ġiet imħassra mir-Regolament 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1).


6      ĠU 2007, L 171, p. 1. Dan ir-regolament, filwaqt li għadu fis-seħħ, ġie emendat sussegwentament. It-test riprodott hawnhekk huwa dak applikabbli fiż-żmien materjali.


7      Il-proċedura regolatorja bi skrutinju hija stabbilita fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124) kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas‑17 ta’ Lulju 2006 (ĠU 2006, L 200, p. 11). Skont il-premessa 7a ta’ din id-deċiżjoni, il-proċedura regolatorja bi skrutinju għandha tiġi segwita “fir-rigward ta’ miżuri b’kamp ta’ applikazzjoni ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew jew billi l-istrument jiġi supplementat biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali [...] L-elementi essenzjali ta’ att leġislattiv ma jistgħux jiġu emendati ħlief mil-leġislatur abbażi tat-Trattat”.


8      Regolament li jimplimenta u jemenda r-Regolament Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU 2008, L 199, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2010, L 336, p. 68). Dan ir-regolament, filwaqt li għadu fis-seħħ, ġie emendat sussegwentament. It-test riprodott hawnhekk huwa dak applikabbli fiż-żmien materjali.


9      Ara, inter alia, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Ir-rispons tal-UE għall-iskandlu “dieselgate”, Dokument Informattiv u Analitiku, Frar 2019, p. 12. Għal iżjed illustrazzjoni, ara wkoll is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2020 tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), Kawża VI ZR 252/19, DE:BGH:2020:250520UVIZR252.19.0, b’mod partikolari l-punti 16 sa 19.


10      Dwar il-kunċett ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni”, ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, X (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magni diesel) (C‑693/18, EU:C:2020:1040), filwaqt li numru ta’ kawżi oħrajn li jikkonċernaw kwistjonijiet simili għadhom pendenti, pereżempju Kawża C‑128/20, GSMB Invest (ĠU 2020, C 271, p. 21); Kawża C‑134/20, Volkswagen (ĠU 2020 C 271, p. 21); jew Kawża C‑145/20, Porsche Inter Auto u Volkswagen (ĠU 2020, C 279, p. 20).


11      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, p. 18. Ara wkoll il-Kummissjoni Ewropea, Ċentru Konġunt għar-Riċerka, Urban NO2 Atlas, 2019, Sezzjoni 1.


12      ĠU 2016, L 82, p. 1.


13      Ara l-punt 1 tas-sentenza appellata.


14      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008, L 152, p. 1).


15      Pereżempju, iżjed reċenti, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni; Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori; u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara, fost ħafna, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L-Ombudsman Ewropew vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Enfasi tiegħi.


18      Enfasi tiegħi.


19      Dan japplika b’mod wiesa’ għall-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, inkluż il-verżjoni Spanjola, Ċeka, Ġermaniża, Ingliża, Taljana, Portugiża, Slovakka u dik Finlandiża.


20      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2007/46.


21      Punt 64 tas-sentenza appellata.


22      Punt 66 tas-sentenza appellata.


23      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq.


24      Ara, b’mod partikolari, il-punti 67 sa 69 tas-sentenza appellata.


25      Ara l-punt 47 tas-sentenza appellata, li tirreferi, pereżempju, għar-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU 2013, L 60, p. 1).


26      Ara l-punt 42 tas-sentenza appellata.


27      Iż-żieda ta’ “ċirkulazzjoni” max-xenarji dwar meta vettura tista’ titqiegħed fis-suq b’mod validu (ħdejn ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ, jew id-dħul fis-servizz) forsi tista’ tabilħaqq tkun iġġustifikata fir-rigward tal-Istati Membri li fihom vettura tista’ titħalla tiċċirkola legalment mingħajr ma jkun hemm neċessarjament bżonn li l-ewwel tiġi rreġistrata formalment jew mibjugħa – ara wkoll, għall-approċċi regolatorji varjati fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Juliana (C‑80/17, EU:C:2018:290).


28      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (COM(2003) 0418 final).


29      Din id-dispożizzjoni kienet tinkludi biss dak li issa huwa l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3), li jistipula: “L-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva”.


30      Ara, pereżempju, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 iktar ’il fuq), b’mod partikolari, pp. 2 sa 5, 7 sa 9 u 18.


31      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Voigt (C‑83/05, EU:C:2006:468, punti 17 sa 20). Ara d-Direttiva tal-Kunsill tas‑6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44).


32      Ara, pereżempju, l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, tat‑12.12.2006 (KUMM(2006) 809 finali), li tgħid li bosta artikoli ġew imfassla mill-ġdid bil-għan biss li jiġi ċċarat l-ambitu jew it-tifsira tagħhom, u li emendi li jestendu l-ambitu tad-direttiva jew li “trattaw xi oqsma diġà koperti minn leġiżlazzjoni Komunitarja oħra twarrbu biex ma tinħoloqx inċertezza ġuridika”.


33      Ara, pereżempju, il-Pożizzjoni Komuni adottata mill-Kunsill fil‑11 ta’ Diċembru 2006, bil-ħsieb li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni tal-vetturi u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsubin għal tali vetturi (id-“Direttiva Qafas”) (Dokument 9911/3/06, REV 3 ADD 1), p. 7: l-emenda tal-Artikolu 4(3) tkun immirata sabiex “[t]ispjega l-limiti tal-projbizzjonijiet, ir-restrizzjonijiet jew l-impedimenti [mill-Istati Membri]”.


34      Ikkumpara mal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Federatie Nederlandse Vakbeweging (C‑815/18, EU:C:2020:319, punti 60 u 61).


35      Punt 66 tas-sentenza appellata.


36      Punt 69 tas-sentenza appellata (enfasi tiegħi)


37      Punt 52 tas-sentenza appellata.


38      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009 (C‑142/05, EU:C:2009:336, punt 28).


39      Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs l‑Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punti 54 sa 58). B’mod simili, ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑639/11, EU:C:2014:173, punt 52).


40      Ara, pereżempju, European Commission, DG Environment, Feasibility Study: European City Pass For Low Emission Zones, 30 ta’ Jannar 2014; u European Parliament, Policy Department for Citizens’ Rights and Constitutional Affairs, Study – Air Quality and urban traffic in the EU: best practices and possible solutions, Settembru 2018.


41      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Voigt (C‑83/05, EU:C:2006:468).


42      F’dan is-sens taqa’ taħt l-Artikolu 34 TFUE, fil-prinċipju, għalkemm ċertament xorta tista’ tiġi ġġustifikata taħt it-tnejn, il-protezzjoni tal-ambjent u/jew is-saħħa pubblika, jekk proporzjonata – ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C‑142/05, EU:C:2009:336, punti 31 sa 40), u tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑110/05, EU:C:2009:66, punti 59 sa 69). Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑28/09, EU:C:2011:854, punti 125 sa 140).


43      Għal iżjed dettall u b’iżjed referenzi, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:588, punt 46).


44      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni (C‑417/04 P, EU:C:2006:282, punti 23 sa 32); tat‑30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni (T‑214/95, EU:T:1998:77, punt 29); u tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa vs Il‑Kummissjoni (T‑269/99, T‑271/99 u T 272/99, EU:T:2002:258, punt 41).


45      Ara l-punt 82 tas-sentenza appellata.


46      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 75).


47      Ara iktar ’il fuq, punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1984, Commune de Differdange et vs Il‑Kummissjoni (222/83, EU:C:1984:266, punti 10 sa 12), u tas‑27 ta’ April 1995, CCE Vittel vs Il‑Kummissjoni (T‑12/93, EU:T:1995:78, punt 58). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża A et (C‑158/14, EU:C:2016:734, punt 78) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:588, punt 48).


49      Ara d-digriet tad‑19 ta’ Settembru 2006, Benkö et vs Il‑Kummissjoni (T‑122/05, EU:T:2006:262 punt 64).


50      Ikkuntrasta, pereżempju, l-insistenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-prinċipju ta’ effettività, li huwa applikabbli wkoll fir-rigward ta’ aċċess għal qrati nazzjonali għal individwi li jinvokaw id-drittijiet tagħhom ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, inizjalment maħsub bħala li jipprekludi s-sempliċi “impossibbiltà” – sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); u iktar tard imwessa’ sabiex jipprekludi “impossibbiltà


jew diffikultà kbira ħafna” – sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 83); imbagħad imwessa’ iżjed b’elementi addizzjonali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) – sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 48); u iżjed reċentement imwessa’ iżjed bl-Artikolu 19(1) TUE, li għandu l-istess kontenut bħall-Artikolu 47 tal-Karta, iżda li jinkludi wkoll sitwazzjonijiet li lanqas huma, strettament, koperti mid-dritt tal-Unjoni fis-sens tradizzjonali – sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ imħallfin għall-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 143). Madankollu, ovvjament, dawn huma tabilħaqq kwistjonijiet differenti ħafna – waħda li tikkonċerna aċċess effettiv għal qrati nazzjonali għall-protezzjoni potenzjali ta’ drittijiet individwali bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-oħra tikkonċerna aċċess għall-Qrati tal-Unjoni taħt l-Artikolu 263 TFUE għall-protezzjoni potenzjali ta’ drittijiet individwali bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni.


51      Ara, inter alia, il-Kummissjoni Ewropea, Rapport – L-Ewwel Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, COM(2018) 446 final/2, p. 2; u Komunikazzjoni – Ewropa li tipproteġi: Arja nadifa għal kulħadd, COM(2018) 330 final, punt 3.1.


52      Ara iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


53      Ara, inter alia, il-Parlament Ewropew, Rapport dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (2016/2215(INI)) ta’ Marzu 2017, p. 26.


54      Ara, pereżempju, rigward il-limiti ta’ emissjonijiet ta’ NO2, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Franza (Qbiż tal-valuri tal-limiti għad-dijossidu tan-nitroġenu) (C‑636/18, EU:C:2019:900), u tat-3 ta’ Ġunju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Valuri Limitu – NO2) (C-635/18, mhux ippubblikata, EU:C:2021:437). B’konnessjoni mal-kwistjoni relatata ta’ livelli ta’ PM10, ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑336/16, EU:C:2018:94); tat‑30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334); u tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs L‑Italja (C‑644/18, EU:C:2020:895). Ma huwa bl-ebda mod kumbinazzjoni li l-parti l-kbira tal-kawżi f’dan il-qasam huma kkonċernati bl-ikbar agglomerazzjonijiet fl-Istati Membri rispettivi.


55      Kif issuġġerit fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari fil-punt 70.


56      Għal illustrazzjoni oħra dwar kif ċerti kriterji ta’ għażla jew aċċess fil-konfront ta’ oġġetti pubbliċi restritti (kemm jekk hi politika tal-akkomodazzjoni, jew aċċess minn karozzi għaċ-ċentri tal-bliet) jista’ possibbilment ikollhom implikazzjonijiet soċjali kunsiderevoli għal ċerti gruppi, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cali Apartments u HX (C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:251, punti 121 sa 136).


57      Ara, f’dan is-sens is-sentenzi tas‑17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, EU:C:1985:18, punti 6 sa 10), u tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159).


58      B’mod interessanti, f’każ reċenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu l-Gvern Ġermaniż argumenta li l-qbiż tal-valuri NO2 f’ċerti żoni tal-Ġermanja kien essenzjalment imputabbli lill-Kummissjoni, peress li għal diversi snin din l-istituzzjoni kienet naqset milli taġixxi sabiex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 rigward l-emissjonijiet matul kundizzjonijiet reali ta’ sewqan. Il-Gvern Ġermaniż sostna li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni għamilha iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jkun hemm konformità mal-limiti NO2 stabbiliti fid-Direttiva 2008/50. Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Valuri limitu – NO2) (C‑635/18, mhux ippubblikata, EU:C:2021:437, punti 22, 68, 73, 125 u 126).


59      Ara iktar ’il fuq, punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      F’din id-dimensjoni li potenzjalment tikkoinċidi mal-assenza ta’ interess li wieħed jaġixxi fl-ewwel lok – ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni (C‑682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 25), jew tat‑23 ta’ Novembru 2017, Bionorica u Diapharm vs Il‑Kummissjoni (C‑596/15 P u C‑597/15 P, EU:C:2017:886, punt 85). Fil-kawża tal-aħħar (fil-punt 115 tagħha), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-eżistenza ta’ interess biex jibda l-proċeduri lil rikorrent li ma kienx għadu, fil-mument li ppreżenta r-rikors, ipproduċa l-prodott inkwistjoni taħt is-sistema legali speċifika kkontestata, u ddikjarat l-azzjoni bħala inammissibbli.


61      Il-konklużjonijiet fil-kawża Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:588, punti 46 sa 63 u 129 sa 147). Huwa minnu li dawn l-argumenti apparentement naqsu milli jikkonvinċu lill-Qorti tal-Ġustizzja f’termini tar-riżultat fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:588). Madankollu, huwa minnu wkoll li l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma ġie, b’xi mod, direttament jew indirettament, kontradett jew miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza.


62      Ara, f’iżjed dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:588, punt 80).


63      Kif jindikaw il-kawżi pendenti relatati mad-“dieselgate” (ara iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 10), din il-kwistjoni, b’xi mod jew ieħor, x’aktarx ser tokkupa lill-qrati (tal-Unjoni) għas-snin li ġejjin.


64      Ara l-argumenti żviluppati fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Région de Bruxelles-Capitale vs Il-Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:588, punti 137 sa 147). Iżjed reċentement, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża FBF (C‑911/19, EU:C:2020:294, punt 148).


65      Pereżempju, ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800). F’dik il-kawża, il-fatt li s-Sur Blaise u individwi oħra daħlu fi ħwienet li jinsabu fid-dipartiment tal-Ariège (Franza) u kkawżaw dannu għal kontenituri ta’ erbiċidi li fihom il-glifosat, kif ukoll vetrini tal-ħġieġ, wassal sabiex jinbdew, kontra dawn il-persuni, proċeduri kriminali, fejn ġew akkużati li wettqu d-dannu jew id-deterjorament tal-proprjetà ta’ ħaddieħor. Fuq din il-bażi, u wara deċiżjoni tar-rinviju mressqa mit-tribunal correctionnel de Foix (il-Qorti Kriminali ta’ Foix, Franza) adita fl-ewwel istanza rigward akkużi kriminali mressqa kontra l-individwi kkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat numru ta’ kwistjonijiet tekniċi pjuttost kumplessi fir-rigward tal-validità tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1) fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tal-glifosat bħala sustanza attiva. Fl-istess ħin, l-istess kwistjoni (l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni tal-glifosat bħala sustanza attiva) ma setgħetx tiġi eżaminata mill-Qorti Ġenerali bħala azzjoni diretta mressqa mir-Région de Bruxelles-Capitale minħabba l-assenza ta’ interess dirett ta’ dan tal-aħħar – sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:978).


66      Għal illustrazzjoni oħra, ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583), b’numru ta’ suppożizzjonijiet tekniċi fattwali li saru f’dik is-sentenza sussegwentement ikkontestati b’mod vividu fil-komunità xjentifika internazzjonali. Għal sommarju (forsi iżjed newtrali) ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, ara Statement by the Group of Chief Scientific Advisors (of the European Commission), A scientific perspective on the regulatory status of products derived from gene editing and the implications for the GMO Directive of 13 November 2018, Publications Office of the European Union, 2018 (Doi 10.2777/407732).


67      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punti 30 u 31).


68      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni; Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori; u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 63 sa 65).


69      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 31).


70      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punti 43 sa 45), u tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni (C‑145/17 P, EU:C:2018:839, punti 56 u 57).


71      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2014:2283, punt 32).


72      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 40): “l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedi li jagħti lill-Kummissjoni setgħa ddelegata bis-saħħa tal-Artikolu 290(1) TFUE jew setgħa ta’ implementazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 291(2) TFUE”. Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑363/14, EU:C:2015:579, punt 46).


73      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 67), u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑363/14, EU:C:2015:579, punt 47).


74      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).


75      L-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika huma dawk li l-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet infushom tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76      Ara, reċentement, pereżempju s-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Asociación de fabricantes de morcilla de Burgos vs Il‑Kummissjoni (C‑309/19 P, EU:C:2020:401, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).


77      Ara, fost ħafna, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Ertico – ITS Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑572/19 P, EU:C:2021:188, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).


78      Li sar riferiment għalih fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 iktar ’il fuq, punti 6 u 9 sa 11 tal-konklużjonijiet.


79      Ir-reazzjoni tal-UE għall-iskandlu “dieselgate”, ara iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 25.


80      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).