Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fis‑27 ta’ Ġunju 2024 (1)
Kawża C‑236/23
Mutuelle assurance des travailleurs mutualistes (Matmut)
vs
TN,
Société MAAF assurances,
Fonds de garantie des assurances obligatoires de dommages (FGAO),
PQ
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/103/KE – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Estensjoni tal-garanzija mogħtija mill-assigurazzjoni obbligatorja favur terzi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddikjara l-infurzabbiltà fil-konfront tal-passiġġier vittma tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni abbażi ta’ dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali minn dan tal-aħħar fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt”
I. Introduzzjoni
1. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża huwa segwitu tas-sentenza Fidelidade-Companhia de Seguros (2), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li d-direttivi fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li n-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjonijiet inizjali foloz tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni dwar l-identità tal-proprjetarju u tas-sewwieq abitwali tal-vettura involuta f’inċident tat-traffiku, tkun infurzabbli fil-konfront ta’ terzi li sfaw vittmi tal-imsemmi inċident.
2. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex tiġi sostnuta l-istess interpretazzjoni fis-sitwazzjoni li fiha l-passiġġier vittma li fil-konfront tiegħu hija infurzabbli n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa, bħala detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, l-awtur ta’ tali dikjarazzjonijiet foloz inizjali. Fl-affermattiv, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk, minkejja n-nuqqas ta’ infurzabbiltà tan-nullità tal-kuntratt fil-konfront ta’ terz vittma tal-imsemmi inċident, l-assiguratur jistax jeżerċita azzjoni kontrih sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom imħallsa b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
3. Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103/KE (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà jiddefinixxi l-kunċett ta’ “parti li tkun sofriet ħsara” bħala “kull persuna intitolata għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew korriment ikkawżati minn vetturi”.
4. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.
Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.
[...]
L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”
5. L-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura.”
6. Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva:
“1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident, fejn dik id-dispożizzjoni statutorja jew klawsola kuntrattwali tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:
a) persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għal dan,
b) persuni li ma jkollhomx liċenza li tippermettilhom isuqu l-vettura konċernata,
c) persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura konċernata.
Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jkun jista’ juri li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.
L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu jekk u sakemm il-vittma tkun tista’ takkwista kumpens għall-ħsara li tkun saritilha mingħand korp ta’ sigurtà soċjali.
2. Fil-każ ta’ vetturi misruqa jew miksuba bi vjolenza, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-korp speċifikat fl-Artikolu 10(1) iħallas kumpens minflok l-assiguratur skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-vettura tkun normalment ibbażata fi Stat Membru ieħor, dak il-korp ma jkun jista’ jagħmel ebda talba kontra xi korp f’dak l-Istat Membru.
L-Istati Membri li, fil-każ ta’ vetturi misruqa jew miksuba bi vjolenza, jipprovdu li l-korp imsemmi fl-Artikolu 10(1) għandu jħallas kumpens, jistgħu jiffissaw fir-rigward ta’ ħsara lil proprjetà eċċess ta’ mhux aktar minn EUR 250 li għandha tagħmel tajjeb għalih il-vittma.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull dispożizzjoni statutorja jew klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni li teskludi passiġġier minn tali kopertura fuq il-bażi li kien jaf jew messu kien jaf li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza tal-alkoħol jew ta’ droga fil-ħin tal-inċident, għandu jitqies bħala null fir-rigward tat-talbiet ta’ tali passiġġier.”
B. Id‑dritt Franċiż
7. Skont l-Artikolu L. 113‑8 tal-code des assurances (il-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet), il-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa null fil-każ ta’ riluttanza jew dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali min-naħa tal-persuna assigurata meta din ir-riluttanza jew din id-dikjarazzjoni falza tbiddel is-suġġett tar-riskju jew tnaqqas l-opinjoni tal-assiguratur dwarha, minkejja li r-riskju mhux indikat jew żnaturat mill-persuna assigurata ma kellux effett fuq l-inċident.
III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
8. Fil‑5 ta’ Ottubru 2012, PQ ikkonkluda kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vettura bil-mutur mal-kumpannija Mutuelle assurance des travailleurs mutualistes (Matmut). Waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, PQ iddikjara li kien l-uniku sewwieq tal-vettura assigurata.
9. Fit‑28 ta’ Settembru 2013, din il-vettura, misjuqa minn TN, li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol, kienet involuta f’inċident tat-traffiku ma’ vettura oħra assigurata mill-Mutuelle d’assurance des artisans de France (iktar ’il quddiem “MAAF”). PQ, li kien passiġġier fl-ewwel vettura, safa midrub f’dan l-inċident.
10. Imressaq quddiem it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali, Franza), TN kien iddikjarat ħati, b’mod partikolari, ta’ korriment involontarju permezz ta’ sewqan ta’ vettura tal-art bil-mutur taħt l-influwenza tal-alkoħol b’inkapaċità ta’ iktar minn tliet xhur fuq il-persuna ta’ PQ.
11. PQ ippreżenta talbiet għal kumpens ċivili. Matul seduta kriminali, Matmut invokat, fir-rigward ta’ dawn it-talbiet, l-eċċezzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni minħabba dikjarazzjoni falza ta’ PQ dwar l-identità tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata. Matmut talbet li tiġi eżentata u talbet it-teħid ta’ responsabbiltà tal-kumpens ta’ PQ mill-Fonds de garantie des assurances obligatoires de dommages (FGAO) (il-Fond ta’ Garanzija ta’ Assigurazzjonijiet Obbigatorji ta’ Danni, Franza (iktar ’il quddiem l-“FGAO”)), li huwa l-organu responsabbli mill-kumpens, b’mod partikolari, tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku li l-persuna responsabbli minnhom ma hijiex assigurata.
12. Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2018, it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali) iddikjarat in-nullità tal-kuntratt minħabba dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tal-persuna assigurata. Hija eżentat lill-kumpannija Matmut, ikkundannat lil TN jikkumpensa d-danni tal-vittmi u ddikjarat is-sentenza infurzabbli fil-konfront tal-FGAO (4).
13. TN, l-FGAO u MAAF appellaw minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell, Franza), li kkonfermat din is-sentenza sa fejn tiddikjara n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li jorbot lil PQ u Matmut.
14. Il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell) ikkonstatat li waqt is-sottoskrizzjoni tal-kuntratt ta’ PQ, TN kien il-proprjetarju tal-vettura kkonċernata u s-sewwieq abitwali tagħha. Hija sostniet li għalhekk, PQ kien għamel dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali dwar l-identità tas-sewwieq abitwali, li kienet manifestament biddlet l-opinjoni dwar ir-riskju tal-assiguratur, fid-dawl tal-fatt li TN kien ġie kkundannat preċedentement għal sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol.
15. Madankollu, bid-differenza għat-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali), il-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell) ikkunsidrat li r-responsabbiltà ta’ Matmut setgħet tiġi stabbiliti, u għalhekk eżentat lill-FGAO. Skont dik il-qorti, fid-dawl tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali, in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni minħabba dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali, prevista fl-Artikolu L. 113‑8 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet, ma hijiex infurzabbli fil-konfront tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku jew tal-aventi kawża tagħhom. Il-fatt li vittma kienet il-passiġġier tal-vettura li kkawżat l-inċident, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jew il-proprjetarju ta’ din il-vettura ma jippermettix li tiġi mċaħħda mill-kwalità ta’ “terz vittma ta’ inċident”.
16. Matmut appellat quddiem ix-chambre criminell de la Cour de cassation (l-Awla Kriminali tal-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) mis-sentenza tal-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell), għar-raġuni li, bi ksur tal-Artikoli L. 113-8 u R. 211-13 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet (5), din tal-aħħar kienet iddikjarat b’mod żbaljat li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma kinitx infurzabbli kontra PQ.
17. Billi qieset li l-eżami ta’ dan l-appell kien jeħtieġ l-opinjoni tax-chambre spécialisée en droit des assurances (l-Awla Speċjalizzata fid-Dritt tal-Assigurazzjoni), ix-chambre criminelle (l-Awla Kriminali) staqsietha dwar l-infurzabbiltà tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali fil-konfront ta’ vittma li fl-istess waqt hija l-passiġġier tal-vettura li kkawżat l-inċident u s-sottoskritt tal-assigurazzjoni.
18. Adita b’din il-mistoqsija, id-deuxième chambre civile de la Cour de cassation (it-Tieni Awla Ċivili tal-Qorti tal-Kassazzjoni), il-qorti tar-rinviju, tispjega fid-dettall il-pożizzjoni tal-liġi Franċiża għal dak li jirrigwarda l-infurzabbiltà tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-konfront tal-persuni leżi f’inċident li fir-rigward tiegħu tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ assiguratur. Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) jirriżulta li l-mala fide tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, issanzjonata permezz tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, hija kkaratterizzata mill-intenzjoni li jqarraq bl-assiguratur. L-effett ta’ din id-dikjarazzjoni falza fuq l-inċident ma huwiex rilevanti. Barra minn hekk, in-nullità taffettwa retrospettivament il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, b’tali mod li dan jitqies li qatt ma eżista.
19. Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ikkunsidrat, bħala regola ġenerali, li n-nullità tal-kuntratt li tirriżulta mid-dikjarazzjoni falza tal-persuna assigurata kienet infurzabbli fil-konfront tal-vittma, sa fejn l-assiguratur li ċaħad il-garanzija tagħha kien regolarment daħħal fil-kawża lill-FGAO.
20. Sa mis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ Awwissu 2019 (6), dik il-qorti ssostni li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni stabbilita permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet ma hijiex infurzabbli fil-konfront tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku jew tal-aventi kawża tagħhom u li l-FGAO ma jistax jintalab jikkumpensa l-vittmi f’tali każ. Din il-bidla fil-ġurisprudenza rriżultat mill-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tad-direttivi fil-qasam tal-assigurazzjoni.
21. Il-qorti tar-rinviju żżid li, imbagħad, il-leġiżlatur Franċiż introduċa l-Artikolu L. 211-7-1 fil-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet sabiex iġibu konformi mad-dritt tal-Unjoni. Hija tispjega li, skont din id-dispożizzjoni, in-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ma hijiex infurzabbli fil-konfront tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku jew tal-aventi kawża tagħhom u li l-assiguratur li jiggarantixxi r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-vettura involuta huwa marbut li jikkumpensahom. L-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li l-assiguratur huwa ssurrogat fid-drittijiet li għandu l-kreditur għall-kumpens kontra l-persuna responsabbli mill-inċident, sal-ammont tas-somom li huwa ħallas.
22. L-istess dispożizzjoni, li għadha fis-seħħ, ma jidhirx li tapplika ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali, jiġifieri għall-konklużjoni tal-kuntratt u għall-inċident, li seħħew, rispettivament, fl‑2012 u fl‑2013.
23. Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tindika li, sa mill-iżvilupp tal-ġurisprudenza tagħha li jirriżulta mis-sentenza tad‑29 ta’ Awwissu 2019 u mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu L. 211-7-1 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) qatt ma ddeċidiet dwar jekk in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni hijiex infurzabbli fil-konfront tal-vittma, passiġġier tal-vettura, meta din il-persuna hija wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, awtur tad-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali li wasslet għan-nullità ta’ dan il-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju tindika li ebda sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrigwarda sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
24. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ April 2023, li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva [2009/103] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur tiġi ddikjarata eżegwibbli kontra l-passiġġier vittma meta huwa jkun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jkun wettaq intenzjonalment dikjarazzjoni falza fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li tkun wasslet għal din in-nullità?”
25. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Matmut, TN, MAAF, l-FGAO, PQ u l-Gvern Franċiż kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża.
IV. Analiżi
A. Il‑portata tad‑domanda preliminari u r‑riformulazzjoni tagħha
26. Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li n-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni tkun tista’ tiġi infurzata fil-konfront tal-passiġġier vittma meta dan ikun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li d-dikjarazzjonijiet żbaljati tiegħu huma l-oriġini ta’ din in-nullità.
27. Madankollu minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubji, fil-każ li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tiġi ddikjarata mhux infurzabbli fil-konfront tal-vittma detentriċi tal-polza ta’ assigurazzjoni, dwar jekk l-assiguratur jistax jieħu azzjoni kontra tagħha abbażi tan-nuqqas imwettaq intenzjonalment waqt il-konklużjoni tal-kuntratt sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.
28. Nirrileva li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippreċiżax jekk Matmut ippreżentatx tali azzjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-kawża prinċipali u lanqas jekk l-introduzzjoni tagħha hijiex possibbli fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik tal-kawża prinċipali.
29. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (7).
30. Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita (8), fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirriformula d-domandi magħmulin lilha. Il-fatt li qorti nazzjonali għamlet, fuq livell formali, domanda preliminari billi rriferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jostakolax li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, irrispettivament jekk irriferietx għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha toħroġ mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima.
31. Għalhekk, fit-twettiq tal-missjoni tagħha fil-qasam tad-domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa tirriformula d-domandi preliminari li, anki wara r-riformulazzjoni tagħhom imwettqa skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ikomplu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ rilevanza (9).
32. F’dan il-każ, minkejja nuqqas ta’ informazzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-possibbiltà li assiguratur jintroduċi azzjoni kontra l-vittma detentriċi tal-polza ta’ assigurazzjoni, ma jidhirx b’mod ċar li l-kwistjoni tal-konformità tal-introduzzjoni ta’ tali azzjoni mad-dritt tal-Unjoni ma hijiex marbuta mal-fatti jew s-suġġett tal-kawża prinċipali jew tirrigwarda problema ipotetika. Fil-fatt, minkejja li l-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda r-responsabbiltà kriminali tal-awtur ta’ inċident, it-talbiet għall-kumpens ċivili huma madankollu eżaminati fil-kuntest ta’ dik il-proċedura. Barra minn hekk, kif juru l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet, li fil-kuntest tagħhom din il-kwistjoni hija ampjament diskussa, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinkludi l-elementi neċessarji kollha sabiex tingħata risposta utli għad-domanda dwar il-konformità ta’ tali azzjoni.
33. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriformula d-domanda preliminari fis-sens li permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, fl-ewwel lok, jekk l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni fir-rigward tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, tkun infurzabbli fil-konfront tal-passiġġier vittma, meta dan ikun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni.
34. Skont il-proposta ta’ riformulazzjoni tiegħi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, fit-tieni lok, jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assiguratur jeżerċita azzjoni kontra l-passiġġier vittma, meta dan ikun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, ibbażata fuq id-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tiegħu għal dak li jirrigwarda s-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan il-passiġġier vittma b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.
B. L‑infurzabbiltà tan‑nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni
35. Il-kundizzjonijiet legali ta’ validità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda minn dak tal-Istati Membri (10). Madankollu, dawn tal-aħħar huma obbligati jiżguraw li l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur obbligatorja tippermetti lill-passiġġieri vittmi kollha ta’ inċident ikkawżat minn vettura, kumpens għad-danni li jkunu ġarrbu. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam f’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-ħsarat li jirriżultaw mill-inċidenti tat-traffiku ma jistgħux iċaħħdu lid-Direttiva 2009/103 mill-effett utli tagħha (11).
36. Għalhekk, sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk passiġġier vittma li huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz magħmula fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwiex inkluż fost il-persuni li d-Direttiva 2009/103 trid tipproteġi. Fil-fatt, huwa biss fl-affermattiv li l-infurzabbiltà tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-konfront ta’ dan il-passiġġier vittma tkun tista’ ċċaħħdu mid-dritt tiegħu għall-kumpens, u għalhekk, tikkomprometti l-effett utli ta’ din id-direttiva. Għalhekk, jekk ikun il-każ, ser neżamina, fit-tieni lok, jekk l-infurzabbiltà ta’ din in-nullità fil-konfront tal-persuna kkonċernata tippreġudikax l-imsemmija direttiva u l-effettività tagħha.
1. Fuq il‑protezzjoni ta’ terzi li sfaw vittmi
a) Ir‑regola ġenerali dwar il‑protezzjoni ta’ vittmi
37. Id-Direttiva 2009/103 hija intiża sabiex tiggarantixxi, b’mod partikolari, li l-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, irrispettivament mit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident, kif ukoll sabiex tiżgura l-protezzjoni ta’ vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi bil-mutur (12). Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jikkostitwixxu r-riżultat ta’ żvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja li b’mod kostanti segwa u saħħaħ l-għan ta’ protezzjoni ta’ vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi (13).
38. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, id-Direttiva 2009/103 kkodifikat id-direttivi preċedenti relatati mal-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u mal-kontroll tal-obbligu li tiġi żgurata din ir-responsabbiltà, mingħajr ma għamlitilhom emendi sostanzjali. Għalhekk, il-ġurisprudenza dwar dawn id-direttivi preċedenti hija trasponibbli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 2009/103 (14).
39. Sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni “paragunabbli” tal-vittmi fi ħdan l-Unjoni, id-Direttiva 2009/103 tistabbilixxi r-regola ġenerali li permezz tagħha l-persuni leżi għandhom id-dritt li jkunu kkumpensati mill-assiguratur kif ukoll l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola. F’din il-perspettiva, dawn l-eċċezzjonijiet huma ta’ natura eżawrjenti u għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (15).
40. F’dan ir-rigward, minn qari konġunt tal-Artikolu 1(2) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta li l-protezzjoni li għandha tiġi żgurata skont l-imsemmija direttiva għandha tkun estiża għal kull persuna li jkollha dritt, skont id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili, għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn vetturi bil-mutur (16).
41. B’mod iktar konkret, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u jippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u terzi li sfaw vittmi li din l-assigurazzjoni għandha tkopri. Għal dak li jirrigwarda d-drittijiet irrikonoxxuti lil terzi li sfaw vittmi, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprekludi li kumpannija tal-assigurazzjonijiet għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur tkun tista’ tinvoka dispożizzjonijiet legali jew klawżoli kuntrattwali sabiex tirrifjuta li tikkumpensa lill-vittmi terzi ta’ inċident ikkawżat mill-vettura assigurata. L-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva sempliċement ifakkar dan l-obbligu għal dak li jirrigwarda ċerti eżempji speċifiċi msemmija f’din id-dispożizzjoni (17).
42. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-passiġġier vittma, li huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz, jaqax taħt it-“terzi li sfaw vittmi” li d-Direttiva 2009/103 hija intiża li tipproteġi.
b) Il‑passiġġier bħala persuna leża
43. L-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi, stabbilita mid-Direttiva 2009/103, tkopri, b’mod partikolari, kif jeħtieġ l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, id-danni fiżiċi tal-passiġġieri kollha minbarra x-xufier li jirriżultaw mill-użu ta’ vettura.
44. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li l-għan tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi preċedenti jikkorrispondi għal dak tad-Direttiva 2009/103 li huwa li tiżgura, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn dawn id-direttivi, li l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur tippermetti lill-passiġġieri vittmi kollha ta’ inċident ikkawżat minn vettura li jkunu kkumpensati għad-danni mġarrba minnhom (18).
45. Huwa minnu li l-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi eċċezzjoni li tista’ taffettwa s-sitwazzjoni tal-passiġġieri minbarra x-xufier. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jagħmel klawżola ta’ esklużjoni (kuntrattwali jew leġiżlattiva) infurzabbli kontra persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura, meta l-assiguratur ikun jista’ juri li dawn kienu jafu li din il-vettura kienet misruqa. Madankollu, huwa stabbilit li f’dan il-każ, dan ma huwiex il-każ.
46. Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-assigurazzjoni obbligatorja stabbilita mid-Direttiva 2009/103, il-fatt li persuna leża kienet il-passiġġier ta’ vettura li kkawżatilha d-dannu ma jistax iċaħħad lil din il-persuna mid-dritt tagħha għall-kumpens għad-danni kkawżati minn inċident tat-traffiku.
c) Id‑detentur tal‑polza ta’ assigurazzjoni bħala persuna leża
47. F’din il-kawża, hija waħda mill-partijiet tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, jiġifieri d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, li jinvoka l-kwalità ta’ “vittma ta’ inċident” sabiex jikseb kumpens min-naħa tal-kumpannija ta’ assigurazzjoni.
48. F’dan ir-rigward, kif osservajt (19), sabiex jiġu ddeterminati l-benefiċjarji tal-protezzjoni li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, kemm id-Direttiva 2009/103 kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jużaw il-kunċett ta’ “terzi li sfaw vittmi”. L-użu ta’ dan il-kunċett jista’ jagħti x’jifhem li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva tapplika biss għall-persuni li ma humiex kuntrattwalment marbuta (“terzi”) mal-assiguratur li tista’ tintalab ir-responsabbiltà tiegħu.
49. Madankollu, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “terzi li sfaw vittmi” jinsab biss fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103. Din id-dispożizzjoni, intitolata “Klawsoli ta’ esklużjoni”, tobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex, “[għall-finijiet ta]l-applikazzjoni tal-Artikolu 3” ta’ din id-direttiva, titqies mingħajr effett, għal dak li jirrigwarda l-pretensjonijiet ta’ vittmi terzi ta’ inċident, kull dispożizzjoni legali jew klawżola kuntrattwali li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi u dettaljati f’din id-dispożizzjoni tal-ewwel.
50. Il-premessa 15 tad-Direttiva 2009/103 tiċċara l-għan tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva u tistabbilixxi li fl-interess tal-vittmi, l-effetti ta’ ċerti klawżoli ta’ esklużjoni għandhom ikunu limitati għar-relazzjoni bejn l-assiguratur u l-persuna responsabbli għall-inċident. Għall-kuntrarju, skont din il-premessa, permezz tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minnha, tali klawżoli ta’ esklużjoni (leġiżlattivi u kuntrattwali) huma, għalhekk, mingħajr effett għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-assiguratur u kwalunkwe persuna leża minbarra l-persuna responsabbli għall-inċident. Konsegwentement, skont l-imsemmija premessa, ir-riferiment għall-“partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident” li jinsab f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem fis-sens li dan it-terminu jirrigwarda l-vittmi ta’ inċident tat-traffiku minbarra l-awtur tiegħu. Għalhekk, u b’mod iktar globali, il-kunċett ta’ “terzi li sfaw vittmi” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni jista’ jkopri wkoll il-persuni kuntrattwalment marbuta mal-assiguratur.
51. Fit-tieni lok, tali qari tad-Direttiva 2009/103 jikkorrispondi għal dak magħmul mill-Avukat Ġenerali Mengozzi li fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Churchill Insurance Company u Evans, ippropona li jiġi sostnut li fil-każ ta’ inċident, huma effettivament meqjusa bħala “terzi” l-persuni kollha minbarra s-sewwieq li kkawża l-inċident (20).
52. Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-fatt li l-persuna leża waqt inċident tat-traffiku hija d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jippermettix li din il-persuna tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “terzi li sfaw vittmi”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi preċedenti għad-Direttiva 2009/103, li jikkorrispondu għall-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva (21).
53. Għalhekk, il-fatt li l-passiġġier vittma huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni lanqas jippermetti li dan jiġi eskluż mill-protezzjoni li d-Direttiva 2009/103 tagħti lill-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku.
d) L‑awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz bħala persuna leża
54. Il-partikolarità ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li l-persuna kkonċernata hija mhux biss il-passiġġier vittma tal-inċident tat-traffiku, kuntrattwalment marbut mal-assiguratur li r-responsabbiltà tiegħu hija inkwistjoni, iżda wkoll l-awtur tad-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali li wasslet għan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.
55. Kif osservajt (22), id-Direttiva 2009/103 tinkludi eċċezzjoni li tippermetti li l-vittmi ma jiġux ikkumpensati fid-dawl tas-sitwazzjoni li ħolqu huma stess, jiġifieri l-persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura li kkawżat id-dannu, meta l-kumpannija ta’ assigurazzjonijiet tkun tista’ turi li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa. Mill-banda l-oħra, din id-direttiva ma tipprevedix tali eċċezzjoni meta l-kuntratt ta’ assigurazzjoni kien konkluż abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz min-naħa tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni.
56. Għalhekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (23), il-fatt li l-kumpannija assiguratriċi kkonkludiet dan il-kuntratt fuq il-bażi ta’ ommissjonijiet jew ta’ dikjarazzjonijiet foloz min-naħa tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma huwiex ta’ natura li jippermettilha li tinvoka d-dispożizzjonijiet legali fuq in-nullità tal-kuntratt u li tinfurzahom fil-konfront tat-terz li safa vittma sabiex teżenta l-obbligu tagħha li tikkumpensa lil din tal-aħħar għal inċident ikkawżat mill-vettura assigurata. Fi kliem ieħor, mill-perspettiva tad-Direttiva 2009/103, il-fatt li l-passiġġier vittma huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li għamel dawn id-dikjarazzjonijiet foloz waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma jbiddel xejn mill-kwalità tiegħu ta’ “terz li safa vittma” fis-sens ta’ din id-direttiva u mill-protezzjoni mogħtija lill-persuni li għandhom din il-kwalità.
57. Issa, għandu jiġi vverifikat jekk din il-konklużjoni hijiex ikkontestata minn argument ibbażat fuq il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Matmut targumenta li, mill-perspettiva ta’ dan il-prinċipju, wieħed ma jistax jaċċetta li l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz jista’ jipprevalixxi ruħu mill-assigurazzjoni u għalhekk jagħmel qligħ mill-frodi tiegħu.
e) Il‑prinċipju ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż
1) Espożizzjoni tal‑kwistjoni
58. Id-Direttiva 2009/103 ma tirregolax il-kwistjoni tal-abbuż, mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, tad-drittijiet li tagħtih din id-direttiva. Madankollu, jeżisti, fid-dritt tal-Unjoni, prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan id-dritt ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri t-tranżazzjonijiet abbużivi jew frawdolenti. Barra minn hekk, jidhirli li dan il-prinċipju fil-kuntest tal-infurzabbiltà tan-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni kien previst mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet reċenti Liberty Seguros.
59. Id-domanda preliminari analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan id-digriet kienet toriġina mir-rikors tal-assiguratur intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni minħabba dikjarazzjonijiet foloz tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni dwar l-attività mwettqa bil-vettura kkonċernata. Il-qorti adita b’dan ir-rikors kellha tiddeċiedi dwar jekk din in-nullità setgħetx tkun infurzabbli fil-konfront ta’ terzi li sfaw vittmi ta’ inċident tat-traffiku.
60. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv u kkunsidrat, b’mod partikolari, li ma jistax jiġi sostnut li f’sitwazzjoni li fiha d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ħeba l-attività reali li huwa kien ser iwettaq bil-vettura kkonċernata u fejn il-passiġġieri ma setgħux jinjoraw in-natura illegali tas-servizz ipprovdut mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, id-dritt tal-Unjoni huwa invokat bil-għan li jiġi evitat id-dritt nazzjonali sabiex jingħata vantaġġ li jmur kontra l-iskopijiet u l-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni (24).
61. F’dan it-test, il-Qorti tal-Ġustizzja donnha riedet tindika li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkorrispondi għaż-żewġ kuntesti ewlenin li fihom jista’ jiġi analizzat il-kunċett ta’ abbuż, jiġifieri meta d-dritt tal-Unjoni huwa invokat sabiex jiġi evitat id-dritt nazzjonali u meta id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma invokati sabiex jingħata vantaġġ b’mod li jmur kontra l-iskopijiet u l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet stess (25).
62. Madankollu, jekk fid-dawl tal-kuntest li fih jaqa’, il-qari tiegħi tal-imsemmi test huwa korrett, is-sitwazzjoni li fuqha ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja tikkorrispondi għat-tieni kuntest, jiġifieri s-sitwazzjoni li fiha d-dritt tal-Unjoni kien invokat mill-persuni leżi f’inċident tat-traffiku li riedu jipprevalixxu ruħhom mill-kwalità tagħhom ta’ “terzi li sfaw vittmi” sabiex ma jkunux imċaħħda, minħabba n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn dikjarazzjonijiet foloz min-naħa tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, mid-dritt tagħhom għall-kumpens.
63. Mill-banda l-oħra, f’dan il-każ, jekk wieħed isegwi r-raġunament ta’ Matmut, huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jfittex li jipprevalixxi ruħu mill-kwalità tiegħu ta’ “terz li safa vittma t” sabiex jilħaq l-istess għan. F’tali sitwazzjoni, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż, l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103, ikunu invokati sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali dwar in-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni li altrimenti hija infurzabbli fil-konfront tal-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz.
64. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, skont ir-regoli dwar il-provi tad-dritt nazzjonali, sakemm ma tiġix ippreġudikata l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni, jekk fil-kawża prinċipali jeżistux l-elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva jew frawdolenti (26). Meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet lill-qrati nazzjonali sabiex tiggwidahom fl-evalwazzjoni tal-każ inkwistjoni mressaq quddiemhom (27). Għalhekk, ser nagħmel xi kummenti dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti tali indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju.
2) Kummenti dwar l‑implimentazzjoni tal‑prinċipju ta’ projbizzjoni tal‑frodi u tal‑abbuż
65. Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ is-sodisfazzjon ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv.
66. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (28), il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx, u min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb.
67. Fil-fehma tiegħi, peress li, f’dan il-każ, l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jidher li ntlaħaq a priori, jidhirli xieraq li l-analiżi tibda mhux bl-element oġġettiv iżda bl-element suġġettiv sabiex jiġi ddeterminat x’kienet l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata u jiġi vverifikat jekk din l-intenzjoni tikkostitwixxix abbuż, u jekk ikun il-każ, ir-riżultat mixtieq jistax jikkomprometti l-għan tad-dritt tal-Unjoni (29).
68. Fil-fatt, l-għan imfittex mill-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 huwa li jiġi żgurat li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn din id-direttiva, kull persuna leża f’inċident tat-traffiku jkollha d-dritt għall-kumpens u li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali u ta’ klawżoli kuntrattwali li jistgħu jillimitaw dan id-dritt.
69. Huwa stabbilit li PQ indarab waqt l-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li skont il-liġi applikabbli, huwa għandu dritt għall-kumpens għad-danni mġarrba. Barra minn hekk, xejn ma jindika li dan l-inċident seħħ f’ċirkustanzi artifiċjalment maħluqa jew li, fid-dawl tal-fatt li s-sewwieq huwa eskluż mill-persuni koperti mill-assigurazzjoni (30), minflok saq il-vettura huwa stess, PQ ħa l-post tal-passiġġier sabiex fil-każ ta’ inċidenti jkun jista’ jiġi kkumpensat.
70. Barra minn hekk, wieħed ma jistax jinsa li, permezz tal-argument tagħha, Matmut issostni mhux li TN kien isuq il-vettura kkonċernata fil-mument tal-inċident iżda li huwa ma kienx identifikat bħala sewwieq abitwali ta’ din il-vettura waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, kieku PQ kien is-sewwieq abitwali tal-vettura u TN kien isuqha okkażjonalment, il-kwistjoni tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma kinitx tqum. Fil-fatt, id-Direttiva 2009/103 tipprekludi li l-obbligu li l-assiguratur jikkumpensa vittma ta’ inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura assigurata jkun eskluż meta dan l-inċident kien ikkawżat minn persuna li ma hijiex il-persuna koperta mill-polza ta’ assigurazzjoni (31).
71. Għalhekk, l-argument ta’ Matmut jirrigwarda l-fatt li PQ għamel dikjarazzjoni falza waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni u li fittex li jeskludi, mhux għall-benefiċċju ta’ kull vittma iżda għall-benefiċċju personali tiegħu, dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa vvizzjat minn nullità minħabba din id-dikjarazzjoni falza.
72. F’dan ir-rigward, irrid nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża formulazzjonijiet differenti sabiex tiddeskrivi l-element suġġettiv ta’ prattika abbużiva jew frawdolenti.
73. Fil-fatt, fi wħud mis-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-element suġġettiv jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb (32), filwaqt li f’oħrajn, hija tenfasizza li dan l-element jeżisti biss jekk l-għan ewlieni tal-prattiki inkwistjoni huwa limitat għall-kisba ta’ tali vantaġġ (33).
74. Fi kwalunkwe każ, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jirrigwarda l-evitar tad-dritt nazzjonali permezz tad-dritt derivat, il-projbizzjoni ta’ tali prattika ma hijiex rilevanti meta t-tranżazzjonijiet ikkonċernati jkun jista’ jkollhom ġustifikazzjoni oħra minbarra s-sempliċi kisba ta’ vantaġġ indebitu (34).
75. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-għan ewlieni tal-prattika inkwistjoni ta’ PQ kienx limitat għall-evitar tad-dispożizzjonijiet nazzjonali altrimenti applikabbli. F’dan ir-rigward, il-verifika tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ lill-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, inkluż dawk preċedenti u sussegwenti għat-tranżazzjoni li hija allegata n-natura abbużiva tagħha (35).
76. Skont il-qari tiegħi tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, id-dikjarazzjonijiet foloz saru minn PQ sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ assigurazzjoni tal-vettura kkonċernata u sabiex jibbenefika minn primjum ta’ assigurazzjoni iktar vantaġġjuż minn dak li kien ikun dovut li kieku l-assiguratur kien jaf l-identità tas-sewwieq abitwali ta’ din il-vettura. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju donnu jirriżulta li r-raġuni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet foloz kienet li TN ma jiġix indikat bħala sewwieq abitwali tal-imsemmija vettura fid-dawl tal-fatt li preċedentement kien ġie kkundannat għal sewqan taħt l-effett tal-alkoħol. Issa, dan il-fatt bidel manifestament l-opinjoni tal-assiguratur dwar ir-riskju.
77. Għalhekk, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, wieħed ma jistax jikkunsidra li PQ għamel dikjarazzjonijiet foloz bil-għan ewlieni li jipprevalixxi ruħu huwa stess mill-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 u li jevita dispożizzjoni nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet legali ta’ nullità ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni. Fid-dawl tal-preċedenti u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, PQ għandu jitqies bħala “terz li safa vittma” ta’ inċident.
78. Fir-rigward ta’ dawn il-verifiki, għandu jiżdied li l-persuna li fil-konfront tagħha huma allegati prattiċi frawdolenti jew abbużivi għandu jkollha l-possibbiltà li tirribatti l-elementi li fuqhom hija bbażata din l-allegazzjoni, fl-osservanza tal-garanziji marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq (36).
79. Għall-finijiet ta’ kompletezza, wieħed jista’ jistaqsi jekk l-Artikolu L. 113‑8 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet għandux jitqies bħala dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-leġiżlatur Franċiż irid isib rimedju għall-prattiki frawdolenti u abbużivi tad-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali hija possibbli biss fis-sitwazzjoni li fiha l-aġir tal-persuna kkonċernata jkun bi kwalunkwe mod, skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż, ikkunsidrat frawdolenti jew abbużiv (37). Fil-fatt, l-implimentazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali ma tistax tippreġudika l-effett sħiħ u l-applikazzjoni uniformi tal-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 (38). Għalhekk, ma tistax tinbidel il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (39), li jkun il-każ kieku d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz ikunu mċaħħda mill-kwalità ta’ “terzi li sfaw vittmi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.
80. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk l-effett utli tal-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 tipprekludix li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tkun infurzabbli fil-konfront ta’ vittma terza li hija d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz magħmula waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.
2. Fuq l‑effett utli tal‑Artikoli 3 u 13 tad‑Direttiva 2009/103
a) L‑infurzabbiltà tan‑nullità tal‑kuntratt fil-konfront ta’ terz li safa vittma
81. F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rifjut tad-dritt għal kumpens minn kumpannija ta’ assigurazzjonijiet jistax jirriżulta mill-infurzabbiltà fil-konfront tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn dikjarazzjonijiet foloz ta’ dan id-detentur.
82. Kif semmejt (40), id-Direttiva 2009/103 ma hijiex intiża sabiex tarmonizza l-kundizzjonijiet legali ta’ validità ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni. Minkejja li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw dawn il-kundizzjonijiet, huma għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens ta’ inċidenti tat-traffiku ma jistgħux iċaħħdu lil din id-direttiva mill-effett utli tagħha.
83. Għalhekk, minkejja li d-Direttiva 2009/103 ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa vvizzjat minn nullità meta dan ikun konkluż abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, din id-direttiva tillimita l-effetti tan-nullità sa fejn din tista’ tikkomprometti l-effett utli ta’ dan l-att tad-dritt tal-Unjoni.
84. F’dan ir-rigward, l-infurzabbiltà tan-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-konfront tal-passiġġier vittma li huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni twassal għall-assenza ta’ kumpens għal din il-persuna, u konsegwentement, tippreġudika l-effett utli tad-Direttiva 2009/103. Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-possibbiltà li l-imsemmija persuna tkun ikkumpensata mill-FGAO.
b) L‑intervent tal‑organu responsabbli mill‑kumpens tal‑vittmi
85. Il-qorti tar-rinviju tesponi dubji dwar jekk il-fatt li l-FGAO huwa obbligat jikkumpensa l-vittma fil-każ fejn in-nullità tal-kuntratt tiġi ddikjarata infurzabbli fil-konfront tagħha huwiex ta’ natura li jaffettwa l-interpretazzjoni li għandha tiġi sotnuta.
86. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/103, kull Stat Membru għandu l-obbligu li “jistabbilixxi jew jawtorizza korp bil-kompitu li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti tal-obbligu ta’ assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew danni persunali kkawżati minn vettura li ma tkunx identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ma jkunx ġie sodisfatt”.
87. Madankollu, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja (41), il-konstatazzjoni li dispożizzjoni nazzjonali tista’ twassal għall-assenza ta’ kumpens ta’ terzi li sfaw vittmi, u konsegwentement, tippreġudika l-effett utli tad-Direttiva 2009/103 ma hijiex ikkontestata mill-possibbiltà li jitħallas kumpens lill-vittma minn organu stabbilit b’konformità mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva.
88. Fil-fatt, l-intervent ta’ tali organu kien previst bħala l-aħħar miżura, unikament għall-każ fejn id-danni ġew ikkawżati minn vettura li fir-rigward tagħha ma kienx issodisfat l-obbligu ta’ assigurazzjoni. L-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur hija obbligatorja u huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li, bla ħsara għad-derogi previsti mid-Direttiva 2009/103, kull proprjetarju jew detentur ta’ vettura normalment ibbażata fit-territorju tiegħu jikkonkludi kuntratt ma’ kumpannija ta’ assigurazzjoni. In-nuqqas ta’ Stat Membru li jikkonforma ma’ dan l-obbligu ta’ sorveljanza ma għandux ikun ta’ detriment għall-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku, u jekk dan ikun il-każ, huwa dan l-organu stabbilit jew awtorizzat minn dan l-Istat Membru li għandu jikkumpensa l-vittmi. Mill-banda l-oħra, l-intervent ta’ organu awtorizzat ma jistax jiġi invokat sabiex jeżenta lill-assiguratur mir-responsabbiltà tiegħu meta l-obbligu li jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, ikun ġie ssodisfat.
3. Konklużjoni dwar l‑ewwel parti tad‑domanda preliminari
89. Wara l-analiżi li għadni kemm għamilt, nikkunsidra, qabelxejn, li l-fatt li l-passiġġier vittma huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li għamel id-dikjarazzjonijiet foloz dwar l-identità tas-sewwieq abitwali waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma jbiddel xejn mill-kwalità tiegħu ta’ “terz li safa vittma”, fis-sens tad-Direttiva 2009/103, u mill-protezzjoni mogħtija lill-persuni li għandhom din il-kwalità (42). Imbagħad, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, wieħed ma jistax jikkunsidra li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż tippermetti r-rifjut ta’ din il-protezzjoni (43). Fl-aħħar nett, din id-direttiva tkun imċaħħda mill-effett utli tagħha jekk l-assiguratur jirrifjuta lil din il-persuna d-dritt li tkun ikkumpensata minħabba l-infurzabbiltà tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn dawn id-dikjarazzjonijiet foloz (44).
90. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-infurzabbiltà fil-konfront tal-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali ta’ dan id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għal dak li jirrigwarda s-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata.
C. Id‑dritt tal‑eżerċizzju ta’ azzjoni ta’ rkupru
91. Infakkar li t-tieni parti tad-domanda preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assiguratur jeżerċita azzjoni kontra l-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, ibbażata fuq id-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tiegħu għal dak li jirrigwarda s-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan il-passiġġier vittma b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.
92. Sabiex tingħata risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari, ser neżamina qabelxejn, jekk il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għad-dikjarazzjonijiet foloz inizjali humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Jekk dan ma huwiex il-każ, ser nindirizza mbagħad il-punt dwar jekk dan id-dritt jipprekludix, madankollu, li r-responsabbiltà ta’ dan id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni tiġi stabbilita permezz ta’ azzjoni ta’ rkupru tal-assiguratur.
1. Il‑kundizzjonijiet tar‑responsabbiltà tad‑detentur tal‑polza ta’ assigurazzjoni
93. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dritt tal-assiguratur li jeżerċita azzjoni ta’ rkupru kontra passiġġier vittma meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, f’dan ir-rigward jistgħu jinsiltu tagħlimiet utli mill-ġurisprudenza (45).
94. Azzjoni ta’ rkupru kontra persuna leża wara inċident kienet inkwistjoni fis-sentenza Churchill Insurance Company Limited u Evans (46).
95. Din is-sentenza kienet tirrigwarda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li kienet tippermetti lill-assiguratur jirkupra mingħand il-persuna assigurata s-somma mħallsa fir-rigward tar-responsabbiltà tiegħu li tirriżulta mill-kuntratt tal-assigurazzjoni. Il-qari tal-imsemmija sentenza juri li din id-dispożizzjoni setgħet tingħata żewġ interpretazzjonijiet differenti u li dawn kienu s-suġġett tad-dibattitu bejn il-partijiet.
96. Fil-fatt, skont l-ewwel interpretazzjoni, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tipprevedi azzjoni ta’ rkupru kontra l-persuna assigurata għall-irkupru ta’ dan il-kumpens meta din il-persuna assigurata tkun ikkawżat jew ippermettiet l-użu tal-vettura mis-sewwieq li kkawża l-inċident (47). Skont it-tieni interpretazzjoni, din id-dispożizzjoni kellha l-effett li teskludi awtomatikament mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni passiġġier vittma ta’ inċident tat-traffiku li kien assigurat u li awtorizza lil sewwieq mhux assigurat isuq (48). Il-qorti tar-rinviju sostniet din it-tieni interpretazzjoni, u konsegwentement, dan kien rifless fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
97. Iktar importanti minn hekk, il-qari ta’ din is-sentenza jista’ jissuġġerixxi li dispożizzjoni li teskludi b’mod awtomatiku l-benefiċċju tal-kumpens eventwalment dovut lill-persuna assigurata (it-tieni interpretazzjoni) taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103, filwaqt li dispożizzjoni li tagħti lill-assiguratur id-dritt li jistabbilixxi r-responsabbiltà ċivili tal-kontraenti tiegħu permezz ta’ azzjoni ta’ rkupru (l-ewwel interpretazzjoni) ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
98. Fil-fatt, wara li indikat li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali sostnuta mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri t-tieni interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-domandi preliminari “ma [kinux jikkonċernaw] il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili, iżda [kienu] jikkonċernaw il-kompatibbiltà ta’ dan id-dritt ma’ dispożizzjoni li, skont l-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju, billi teskludi b’mod awtomatiku l-benefiċċju tal-kumpens possibbli dovut lill-assigurat, tillimita l-portata tal-kopertura tar-responsabbiltà ċivili” (49). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-domandi magħmula kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam.
99. Dan il-qari tas-sentenza Churchill Insurance Company Limited u Evans (50) huwa kkorroborat mid-digriet BUL INS (51), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103 jirrigwarda l-eventwali limitazzjonijiet tal-kopertura ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ terzi li sfaw vittmi ta’ inċident, u mhux għall-azzjonijiet ta’ rkupru mibdija mill-assiguratur wara l-għoti ta’ kumpens lill-persuna leża.
100. Għalhekk, il-kundizzjonijiet relatati mal-istabbiliment tar-responsabbiltà tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għal dak li jirrigwarda s-somom mħallsa mill-assiguratur wara inċident ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà, previsti mit-tieni parti tad-domanda preliminari, jistgħux, madankollu, jippreġudikaw l-effett utli tad-Direttiva 2009/103.
2. L‑effett utli tad‑Direttiva 2009/103 u l‑azzjoni ta’ rkupru
101. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-assiguratur jistax jintroduċi azzjoni ta’ rkupru kontra d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan tal-aħħar b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.
102. Minkejja li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jippreġudikaw l-effett utli ta’ dan id-dritt.
103. F’dan ir-rigward, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-effett utli tad-Direttiva 2009/103, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-assigurazzjoni li jillimitaw il-kopertura tar-responsabbiltà ċivili tal-assiguratur fir-relazzjoni bejn it-terz li safa vittma u l-assiguratur, u min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tas-sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà ċivili li jiddeterminaw ir-responsabbiltà tal-persuna assigurata fir-rigward ta’ tali terz li safa vittma (52). Bħala prinċipju, huwa fuq kollox dawn l-ewwel dispożizzjonijiet li jistgħu jippreġudikaw l-effett utli ta’ din id-direttiva (53). Fil-fatt, bħala regola ġenerali, ir-responsabbiltà tal-assiguratur toriġina mir-responsabbiltà ċivili imposta fuq il-persuna assigurata u l-imsemmija direttiva ma hijiex intiża li tarmonizza s-sistemi ta’ din ir-responsabbiltà ċivili fl-Istati Membri.
104. Barra minn hekk, skont l-istess ġurisprudenza, sabiex jiżguraw l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippreġudikaw dan l-effett utli, sa fejn, billi jeskludu ex officio jew billi jillimitaw b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma milli tikseb kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, dawn jikkompromettu l-possibbiltà li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku, kontinwament imfittex u msaħħaħ mil-leġiżlatur tal-Unjoni (54).
105. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assiguratur jeżerċita azzjoni kontra l-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur ta’ dikjarazzjonijiet foloz magħmula fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan il-passiġġier vittma b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, tista’ tippreġudika d-dritt ta’ dan l-individwu li jiġi kkumpensat mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u għalhekk, l-effett utli tad-Direttiva 2009/103.
106. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-effett li tinfluwenza r-relazzjoni bejn it-terz li safa vittma u l-assiguratur, mingħajr ma tinfluwenza r-responsabbiltà ċivili tal-persuna assigurata direttament responsabbli mill-inċident tat-traffiku. Il-fatt li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex li tissanzjona d-dikjarazzjonijiet foloz magħmula mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma jikkontestax din il-kunsiderazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li l-passiġġier vittma huwa d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li għamel id-dikjarazzjonijiet foloz dwar l-identità tas-sewwieq abitwali waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma jbiddel xejn mill-kwalità tiegħu ta’ “terz li safa vittma”, fis-sens tad-Direttiva 2009/103 (55).
107. F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fis-sentenza Ruiz Bernáldez (56), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja kien jipprevedi li, f’tali każijiet, l-assiguratur ikollu azzjoni ta’ rkupru kontra l-persuna assigurata”. Madankollu, wieħed ma jistax jifhem din is-sentenza fis-sens li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-assiguratur jista’ jintroduċi azzjoni ta’ rkupru kontra l-persuna li magħha kkonkluda l-kuntratt ta’ assigurazzjoni meta din hija wkoll it-terz li safa vittma, fis-sens tad-Direttiva 2009/103.
108. Fil-fatt, kif jenfasizza l-Gvern Franċiż, fis-sentenza Ruiz Bernáldez (57), il-persuna assigurata kienet is-sewwieq tal-vettura u l-awtur tad-danni b’tali mod li l-kwistjoni tar-riskju ta’ ksur tad-dritt għall-kumpens tal-vittma minħabba dan ir-rikors ma kinitx tqum. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja kienu jirrigwardaw, b’mod iktar speċifiku, klawżola ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni li tippermetti lill-assiguratur jeżerċita azzjoni ta’ rkupru kontra l-persuna assigurata sabiex jirkupra s-somom li huwa ħallas lill-vittma ta’ inċident tat-traffiku kkawżat minn sewwieq taħt l-influwenza tal-alkolħol (58). Mill-banda l-oħra, f’din is-sentenza xejn ma jissuġġerixxi li tali azzjoni ta’ rkupru tista’ tiġi introdotta, mingħajr ebda restrizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kontra l-persuna kkumpensata mill-assiguratur. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “il-kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja ma jistax jipprevedi li, f’ċerti każijiet, u b’mod partikolari, fil-każ fejn is-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza tal-alkoħol, l-assiguratur ma għandux jikkumpensa d-danni fiżiċi u materjali kkawżati lil terzi mill-vettura assigurata” (59).
109. Iktar importanti minn hekk, azzjoni ta’ rkupru bħal dik prevista mit-tieni parti tad-domanda preliminari tinjora l-ħtieġa li tiġi żgurata l-proporzjonalità ta’ miżura intiża sabiex iċċaħħad lill-vittma mid-dritt li tikseb kumpens min-naħa tal-assiguratur.
110. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, in-nullità tal-kuntratt tirriżulta minn dikjarazzjonijiet foloz li biddlu l-opinjoni tal-assiguratur dwar ir-riskju, u għalhekk, l-ispiża tal-assigurazzjoni, mingħajr ma kellha ebda effett fuq l-inċident u l-portata tad-dannu. Issa, jekk tiġi introdotta azzjoni sabiex jinkiseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lill-persuna kkonċernata fir-rigward tal-kumpens tad-danni mġarrba f’inċident tat-traffiku, bħala sanzjoni tad-dikjarazzjonijiet foloz tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għal dak li jirrigwarda l-identità tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, fil-prattika, l-imsemmija azzjoni għandha r-riżultat li ċċaħħad lil din il-persuna, definittivament u b’mod sproporzjonat, mill-protezzjoni li d-Direttiva 2009/103 tagħti lill-vittmi ta’ tali inċidenti.
111. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assiguratur jeżerċita azzjoni kontra l-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, ibbażata fuq id-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tiegħu dwar is-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan il-passiġġier vittma b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.
V. Konklużjoni
112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza):
L-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi infurzata fil-konfront tal-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali ta’ dan id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni fir-rigward tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata;
– jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assiguratur jeżerċita azzjoni kontra l-passiġġier vittma, meta dan huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, abbażi tad-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tiegħu fir-rigward tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha mħallsa lil dan il-passiġġier vittma b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.