Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Frar 2009 - Gråhundbus v/Jørgen Andersen vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-87/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Gråhundbus v/Jørgen Andersen (Ballerup, id-Danimarka) (rappreżentanti: M. Nissen, J. Rivas de Andrés, J. Gutiérrez Gisbert, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni dwar ir-rotta Kopenħagen-Ystad li tinsab fil-punti 75, 76 u 145 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2008 dwar il-Każ tal-għajnuna mill-Istat C 41/08 (NN 35/08) - Danske Statsbaner;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2008 dwar il-Każ tal-għajnuna mill-Istat C 41/08 (NN 35/08) - Danske Statsbaner;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent qed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2008 li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE dwar l-għajnuna mill-Istat li d-Danimarka allegatament tat lil Danske Statsbaner (DSB) għat-trasport bil-ferrovija ta' passiġġieri bejn Kopenħagen u Ystad permezz tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi konklużi bejn il-Ministeru tat-trasport Daniż u l-impriża pubblika DSB (Każ C 41/08 (NN 35/08) - Danske Statsbaner). Il-partijiet interessati ġew mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom1.

Ir-rikorrenti topera servizz ta' trasport bil-karozza tal-linja ta' passiġġieri fuq ir-rotta Kopenħagen-Ystad.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi.

Bħala l-ewwel motiv tagħha, hija tallega li l-Kummissjoni għamlet żball ta' liġi meta ddeċidiet li l-Gvern Daniż m'għamilx żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidra li r-rotta Kopenħagen-Ystad kienet tikkostitwixxi servizz pubbliku jew servizz ta' importanza ekonomika ġenerali.

Bħala t-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tissottometti illi l-Kummissjoni għamlet żball ta' liġi meta ma qajmitx dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-rotta Kopenħagen-Ystad bħala obbligu ta' servizz pubbliku jew servizz ta' importanza ekonomika ġenerali jew servizz pubbliku fid-dawl tal-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha. Hija targumenta li l-Kummissjoni ma kellhiex taċċetta l-argumenti sottomessi mill-Gvern Daniż mingħajr dibattitu jew eżami ulterjuri.

Bħala t-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi motivazzjoni xierqa għad-deċiżjoni tagħha u dan bi ksur tal-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 253 KE peress li l-unika motivazzjoni pprovduta tikkonsisti f'ripetizzjoni tal-argumenti tal-Gvern Daniż.

____________

1 - ĠU 2008 C 309, p. 14