Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Frar 2009 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-86/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Ġreċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u P. Katsimani, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata b'risposta għas-sejħa għal offerti miftuħa MARE/2008/01 għall-"Provvista ta' kompjuters u provvista ta' servizzi relatati, inklużi il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi ta' informazzjoni tad-DG MARE"1, innotifikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra tat-12 ta' Diċembru 2008 u kull deċiżjoni ulterjuri relatata inkluża dik li l-kuntratt jingħata lill-kontraenti li l-offerta tiegħu rnexxiet;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas id-danni li ġarrbet ir-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura ta' sejħa għal offerti inkwistjoni fl-ammont ta' EUR 2 520 000;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra mġarrba mir-rikorrenti fil-kuntest ta' dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta li tiċħad l-offerta tagħha ppreżentata b'risposta għas-sejħa għal offerti miftuħa MARE/2008/01 għall-"Provvista ta' kompjuters u servizzi relatati, inkluż il-manutenzjoni u l-iżvilupp ta' sistemi ta' informazzjoni tad-DG MARE", u li tagħti l-kuntratt lill-kontraenti li l-offerta tiegħu rnexxiet. Ir-rikorrenti titlob ukoll kumpens għall-allegati danni, ikkawżat permezz tal-proċedura għas-sejħa għal offerti.

Ir-rikorrenti tressaq erba' motivi insostenn tat-talbiet tagħha.

L-ewwel, hija ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali peress li din naqset milli tosserva l-kriterji ta' eskluzjoni previsti fl-Artikoli 93(1) u 94 tar-Regolament Finanzjarju2 għal wieħed mill-membri tal-konsorzju magħżul u ddiskriminat kontra r-rikorrenti billi ma tathix aċċess għad-dokumentazzjoni teknika disponibbli kollha u għas-sors tal-kodiċi li kienu disponibbli biss għall-kontraenti magħżul. Ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll li l-kriterju ta' ibbilanċjar użat sabiex jiġi applikat il-kriterju ta' għoti għall-"offerta l-iżjed vantaġġjuża ekonomikament" prattikament innewtralizza l-impatt tal-effett tal-prezz, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta bbażat l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha fuq kriterji differenti minn dawk ippreżentati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, b'hekk kisret l-obbligu ta' trasparenza.

It-tieni, ir-rikorrenti tiddikjara li l-konvenuta ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni tagħha, b'mod partikolari fid-dawl tal-kriterji ta' kwalità 2 u 3, bi ksur tal-prinċipju ta' trasparenza.

It-tielet, ir-rikorrenti tqajjem dubji fir-rigward tal-fatt li l-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni intervenew minkejja li kienu jinsabu f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interessi u, għaldaqstant, kien hemm ksur ta' regola ta' proċedura.

Ir-raba', ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta wettqet diversi żbalji manifesti u abbużat mis-setgħa diskrezzjonali tagħha.

____________

1 - ĠU 2008/S 115-152936

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p.1)