Language of document : ECLI:EU:T:2007:287

Kawżi magħquda T-125/03 u T-253/03

Akzo Nobel Chemicals Ltd u Akcros Chemicals Ltd

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Dokumenti maqbuda matul investigazzjoni — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti — Ammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti li jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti

(ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Rifjut mill-impriża li tippreżenta komunikazzjoni ma’ avukat minħabba l-kunfidenzjalità tagħha — Setgħat tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 14)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Setgħa li tordna l-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn avukat u klijent — Limiti — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ tali komunikazzjoni — Għanijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 14)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Setgħa li tordna l-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn avukat u klijent — Limiti — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ tali komunikazzjoni — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 14)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Setgħa li tordna l-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn avukat u klijent — Limiti — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ tali komunikazzjoni — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 14)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni — Setgħa li tordna l-preżentazzjoni ta’ komunikazzjoni bejn avukat u klijent — Limiti — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ tali komunikazzjoni — Kunċett Komunitarju ta’ kunfidenzjalità

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 14)

1.      Meta impriża tinvoka l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti sabiex tikkontesta s-sekwestru ta’ dokument fil-kuntest ta’ investigazzjoni magħmula abbażi ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiċħad din it-talba tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ din l-impriża, billi tibdel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha. Din id-deċiżjoni, li l-eventwali illegalità tagħha ma tolqotx il-legalità tad-deċiżjoni li tordna l-investigazzjoni li ngħatat fil-kuntest tagħha, fil-fatt, iċċaħadha mill-benefiċċju ta’ protezzjoni stabbilita mid-dritt Komunitarju u hija ta’ natura definittiva u indipendenti mid-deċiżjoni finali li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, il-possibbiltà ta’ l-impriża li tressaq rikors kontra eventwali deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tagħtiha protezzjoni xierqa tad-drittijiet tagħha. Min-naħa, il-proċedura amministrattiva tista’ ma twassalx għal deċiżjoni li tikkonstata ksur. Min-naħa l-oħra, ir-rikors imressaq kontra din id-deċiżjoni, jekk din timmaterjalizza, xorta ma jagħtix lill-impriża mezz sabiex tipprevjeni l-effetti irreversibbli li jinħolqu mill-qari illegali ta’ dokumenti protetti mill-kunfidenzjalità.

Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba għall-protezzjoni ta’ dokument partikolari minħabba l-kunfidenzjalità – u tordna, jekk ikun il-każ, il-preżentazzjoni tad-dokument in kwistjoni – tikkonkludi proċedura speċjali, distinta minn dik li għandha tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tikkostitwixxi, għaldaqstant, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, li miegħu jkun meħtieġ li ssir talba għal miżuri provviżorji intiżi, b’mod partikolari, għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tagħha sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali.

Bl-istess mod, meta l-Kummissjoni, waqt investigazzjoni, tissekwestra dokument li fir-rigward tiegħu tkun ġiet invokata l-protezzjoni minħabba l-kunfidenzjalità, u tinkludieh fl-inkartament ta’ l-investigazzjoni mingħajr ma tpoġġieh f’envelop issiġillat u mingħajr ma tieħu deċiżjoni formali ta’ ċaħda, dan l-att materjali neċessarjament jimplika deċiżjoni taċita tal-Kummissjoni li tiċħad il-protezzjoni invokata mill-impriża u tippermetti lill-Kummissjoni li minnufih taqra d-dokument in kwistjoni. B’hekk, din id-deċiżjoni taċita wkoll għandha tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

(ara l-punti 46-49, 55)

2.      Fil-każ fejn impriża, suġġetta għal investigazzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, tirrifjuta, billi tinvoka l-kunfidenzjalità, milli tippreżenta, fost id-dokumenti professjonali mitluba mill-Kummissjoni, il-korrispondenza skambjata ma’ l-avukat tagħha, din l-impriża hija f’kull każ obbligata li tipprovdi lill-aġenti mqabbda mill-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma turihom il-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni, l-elementi utli li juru li dawn id-dokumenti jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-protezzjoni legali tagħhom. Jekk il-Kummissjoni tqis li tali prova ma tingħatax, hija tista’ tordna, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, il-preżentazzjoni tal-korrispondenza in kwistjoni u, jekk ikun hemm bżonn, timponi multa jew penali perijodika fuq l-impriża, bis-saħħa ta’ l-istess regolament, bil-għan li tippenalizza r-rifjut ta’ din li tippreżenta l-elementi ta’ prova supplementari meqjusa bħala neċessarji mill-Kummissjoni, jew li tippreżenta d-dokumenti li l-Kummissjoni tqis li m’għandhomx natura kunfidenzjali protetta legalment. Huwa possibbli għall-impriża kkontrollata li tressaq rikors għal annullament kontra tali deċiżjoni tal-Kummissjoni, jekk ikun il-każ flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji abbażi ta’ l-Artikoli 242 KE u 243 KE.

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li impriża tinvoka l-kunfidenzjalità ta’ dokument mhuwiex biżżejjed sabiex iwaqqaf lill-Kummissjoni milli taqra dan id-dokument jekk, barra minn hekk, din l-impriża ma tippreżenta ebda element utli li jkun kapaċi jipprova li d-dokument huwa effettivament protett mill-kunfidenzjalità. L-impriża kkonċernata tista’, b’mod partikolari, tindika lill-Kummissjoni min huma l-awtur u d-destinatarju tiegħu, tispjega l-funzjonijiet u r-responsabbilitajiet rispettivi ta’ kull wieħed u tagħmel referenza għall-iskop u għall-kuntest li fih inkiteb id-dokument. Bl-istess mod, hija tista’ ssemmi l-kuntest li fih instab id-dokument, il-mod li bih dan ġie kklassifikat jew dokumenti oħra li huwa relatat magħhom.

F’numru kbir ta’ każijiet, permezz ta’ sempliċi evalwazzjoni sommarja, min-naħa ta’ l-aġenti tal-Kummissjoni, tal-preżentazzjoni ġenerali tad-dokument jew tal- letterhead, tat-titolu jew ta’ karatteristiċi oħra superfiċjali tad-dokument, dawn l-aġenti jkunu jistgħu jivverifikaw l-eżattezza tal-ġustifikazzjonijiet invokati mill-impriża u jiżguraw ruħhom min-natura kunfidenzjali tad-dokument in kwistjoni, sabiex jiġi mwarrab. Xorta jibqa’ l-fatt li, f’xi ċirkustanzi, anki evalwazzjoni sommarja tad-dokument tikkostitwixxi riskju li, minkejja n-natura superfiċjali tagħha, l-aġenti tal-Kummissjoni jaqraw l-informazzjoni koperta mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk il-preżentazzjoni formali tad-dokument in kwistjoni ma turix b’mod ċar il-karattru kunfidenzjali tiegħu.

Huwa mingħajr ma jkollha tiżvela l-kontenut tad-dokumenti in kwistjoni li l-impriża hija marbuta li tippreżenta lill-aġenti tal-Kummissjoni l-elementi utli li jkunu kapaċi jipprovaw ir-realtà tan-natura kunfidenzjali tagħhom li tiġġustifika l-protezzjoni tagħhom. Għaldaqstant, l-impriża suġġetta għal investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 tista’ tiċħad lill-aġenti tal-Kummissjoni l-possibbiltà li jikkonsultaw, anki sommarjament, dokument jew dokumenti partikolari li hija ssostni li huma protetti mill-kunfidenzjalità, kemm-il darba hija tqis li tali evalwazzjoni sommarja tkun impossibbli mingħajr ma jinkixef il-kontenut tad-dokumenti msemmija u kemm-il darba tispjega dan, b’mod motivat, lill-aġenti tal-Kummissjoni.

Fil-każijiet fejn, matul investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tqis li l-elementi ppreżentati mill-impriża mhumiex ta’ natura li jipprovaw il-karattru kunfidenzjali tad-dokumenti in kwistjoni, b’mod partikolari meta din tirrifjuta li l-aġenti tal-Kummissjoni jikkonsultaw dokument b’mod sommarju, l-aġenti tal-Kummissjoni jistgħu jpoġġu kopja tad-dokument jew tad-dokumenti in kwistjoni f’envelop issiġillat u wara jieħduh magħhom bil-għan li tinstab soluzzjoni sussegwentement. Din il-proċedura tippermetti li jiġu mneħħija r-riskji ta’ ksur tal-kunfidenzjalità, filwaqt li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li żżomm ċertu kontroll fuq id-dokumenti li huma suġġetti għall-investigazzjoni u b’hekk jiġi evitat ir-riskju li d-dokumenti jinqerdu jew jiġu manipulati sussegwentement.

F’kull każ, fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tkunx issodisfata mill-elementi u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rappreżentanti ta’ l-impriża investigata għall-finijiet li jiġi pprovat li d-dokument in kwistjoni huwa protett mill-kunfidenzjalità, il-Kummissjoni ma tistax taqra l-kontenut tad-dokument qabel ma tkun adottat deċiżjoni li tippermetti lill-impriża kkonċernata tipproċedi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija marbuta li tistenna li jiskadi t-terminu sabiex jitressaq rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha qabel ma taqra l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti. F’kull każ, safejn rikors ma għandux effett sospensiv, hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal din il-protezzjoni.

Jekk xi impriża tabbuża mill-proċedura deskritta iktar’il fuq billi, għal skopijiet purament dilatorji, tressaq talbiet manifestament infondati għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità jew billi tikkontesta, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, eventwali kontroll sommarju tad-dokumenti waqt investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-mezzi sabiex, jekk ikun il-każ, tiskoraġġixxi u tippenalizza tali prassi. Fil-fatt, tali aġir jista’ jiġi ppenalizzat abbażi ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (u, qabel, abbażi ta’ l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 17) jew jittieħed in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza aggravanti għall-finijiet tal-kalkolu ta’ multa eventwali imposta fil-kuntest ta’ deċiżjoni li timponi penali għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 79-83, 85, 88-89)

3.      Fir-rigward tan-natura partikolari tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, li l-iskop tiegħu huwa kemm il-ħarsien ta’ l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-individwi kif ukoll il-protezzjoni tal-ħtieġa li kull individwu jkollu l-possibbiltà li jikkomunika fil-libertà kollha ma’ l-avukat tiegħu, il-qari min-naħa tal-Kummissjoni tal-kontenut ta’ dokument kunfidenzjali minnu nnifsu jikkostitwixxi ksur ta’ dan il-prinċipju.

Fil-fatt, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tmur oltre l-ħtieġa li l-informazzjoni mogħtija mill-impriża lill-avukat tagħha jew il-kontenut ta’ l-opinjoni ta’ l-avukat ma jintużawx kontra l-impriża f’deċiżjoni li timponi penali għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. L-ewwel nett, din il-protezzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-interess pubbliku ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li tikkonsisti fl-assigurazzjoni li kull klijent ikollu l-libertà li jikkomunika ma’ l-avukat tiegħu mingħajr il-biża li l-informazzjoni li jagħti tista’ tiġi żvelata sussegwentement. It-tieni nett, din għandha l-iskop li tevita l-preġudizzju li l-qari min-naħa tal-Kummissjoni tal-kontenut ta’ dokument kunfidenzjali u l-inklużjoni irregolari tiegħu fl-inkartament ta’ l-investigazzjoni jistgħu jikkawżaw għad-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriża kkonċernata.

Għaldaqstant, anki jekk dan id-dokument ma jintużax bħala prova f’deċiżjoni li timponi penali għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-impriża tista’ tbati preġudizzju li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat jew ikun diffiċli ħafna li jingħata rimedju għalih. Minn naħa, l-informazzjoni protetta mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tista’ tintuża mill-Kummissjoni, b’mod dirett jew indirett, sabiex tinkiseb informazzjoni ġdida jew provi ġodda, mingħajr ma l-impriża kkonċernata tkun dejjem f’pożizzjoni li tidentifikahom u li tevita li jintużaw kontriha. Min-naħa l-oħra, il-preġudizzju li tbati l-impriża kkonċernata minħabba l-iżvelar lil terzi persuni ta’ informazzjoni protetta mill-kunfidenzjalità ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat, per eżempju jekk din l-informazzjoni tintuża f’dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet matul il-proċedura aministrattiva quddiem il-Kummissjoni. B’hekk, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma tistax tuża d-dokumenti protetti bħala elementi ta’ prova f’deċiżjoni li timponi penali mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi rrimedjat jew eliminat il-preġudizzju li jirriżulta mill-qari min-naħa tagħha tal-kontenut tad-dokumenti msemmija.

(ara l-punti 86-87)

4.      Ir-Regolament Nru 17 għandu jiġi interpretat bħala li jipproteġi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet ma’ l-avukati sakemm, minn naħa, din tkun korrispondenza skambjata fil-kuntest u għall-finijiet tad-drittijiet tad-difiża tal-klijent u, min-naħa l-oħra, toriġina minn avukati indipendenti. F’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-protezzjoni għandha tinftiehem, sabiex tkun effikaċi, bħala li tkopri bis-sħiħ kull korrispondenza skambjata wara l-ftuħ tal-proċedura amministrattiva, bis-saħħa tar-regolament imsemmi, li tkun kapaċi twassal għal deċiżjoni ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE jew għal deċiżjoni li timponi penali monetarja fuq l-impriża. Din il-protezzjoni tista’ tiġi estiża wkoll għall-korrispondenza preċedenti li jkollha rabta ma’ l-iskop ta’ tali proċedura. Fid-dawl ta’ l-iskop tagħha, il-protezzjoni msemmija għandha titqies li testendi wkoll għan-noti interni mqassma fi ħdan impriża li sempliċement jirripproduċu t-test jew il-kontenut ta’ komunikazzjonijiet ma’ avukati indipendenti li jinkludu pariri legali.

Barra minn hekk, sabiex individwu jkun jista’ jkollu l-possibbiltà li jikkomunika bil-libertà kollha ma’ l-avukat tiegħu, u sabiex l-avukat ikun jista’ jeżerċita, b’mod effikaċi, ir-rwol tiegħu ta’ kolloboratur tal-ġustizzja u ta’ assistenza legali għall-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża, jista jkun neċessarju, f’xi ċirkustanzi, li l-klijent jipprepara dokumenti ta’ ħidma jew sommarji, b’mod partikolari sabiex jiġbor flimkien informazzjoni li tkun utli, jekk mhux indispensabbli, sabiex dan l-avukat jifhem il-kuntest, in-natura u l-portata tal-fatti li fir-rigward tagħhom tkun meħtieġa l-assistenza tiegħu. Il-preparazzjoni ta’ tali dokumenti tista’ tkun partikolarment neċessarja fil-kwistjonijiet li jinvolvu ħafna informazzjoni jew informazzjoni kumplessa, kif normalment ikun il-każ tal-proċeduri intiżi sabiex jiġi ppenalizzat ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-Kummissjoni, waqt investigazzjoni, taqra tali dokumenti jista’ jippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriża investigata, kif ukoll l-interess pubbliku li jiġi assigurat li kull klijent ikollu l-possibbiltà li jikkomunika bil-libertà kollha ma’ l-avukat tiegħu.

Għaldaqstant, tali dokumenti preparatorji, anki jekk ma jkunux ġew skambjati ma’ avukat jew ma jkunux ġew ippreparati sabiex jiġu materjalment mogħtija lil avukat, jistgħu madankollu jkunu koperti mill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, sakemm ikunu ġew ippreparati esklużivament għall-finijiet li jintalab parir legali mingħand avukat, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li dokument kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet ma’ avukat mhuwiex biżżejjed sabiex jagħtih din il-protezzjoni.

Fil-fatt, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-poteri ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, li huma essenzjali sabiex jippermettulha li tikxef, li twaqqaf u li tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan il-ksur ħafna drabi jkun moħbi b’attenzjoni u normalment ikun ta’ ħsara kbira għat-tħaddim tajjeb tas-suq komuni. Minħabba f’hekk huwa neċessarju li l-possibbiltà li dokument preparatorju jkun jista’ jitqies bħala protett mill-kunfidenzjalità għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Hija l-impriża li tinvoka din il-protezzjoni li għandha tipprova li d-dokumenti in kwistjoni ġew ippreparati bl-iskop waħdieni li jintalab parir legali mingħand avukat. Dan għandu jirriżulta b’mod ċar mill-kontenut tad-dokumenti stess jew mill-kuntest li fih dawn id-dokumenti jkunu ġew ippreparati u misjuba.

Fir-rigward ta’ programmi ta’ konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni ta’ l-impriżi, il-fatt li dokument ikun ġie ppreparat fil-kuntest ta’ tali programm, minnu nnifsu, mhuwiex biżżejjed sabiex jagħti lil dan id-dokument il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità. Fil-fatt, dawn il-programmi, minħabba l-firxa tagħhom, jinkludu inkarigi u jkopru informazzjoni li ħafna drabi jmorru ħafna oltre l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. B’mod partikolari, il-fatt li avukat estern seta’ joħloq u/jew jikkoordina programm ta’ konformità ma jistax jikkonferixxi b’mod awtomatiku l-protezzjoni tal-kunfidenzjalita lid-dokumenti kollha ppreparati fil-kuntest ta’ dan il-programm jew in konnessjoni miegħu.

(ara l-punti 117, 122-124, 127)

5.      Il-protezzjoni mogħtija mil-liġi Komunitarja, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17, minħabba l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tapplika biss safejn dawn l-avukati jkunu indipendenti, jiġifieri mhux marbuta mal-klijent tagħhom b’relazzjoni ta’ impjieg. Din il-ħtieġa tiġi mill-kunċett tar-rwol ta’ l-avukat, meqjus bħala kollaboratur tal-ġustizzja u msejjaħ sabiex jipprovdi, b’indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri tal-ġustizzja, l-assistenza legali li l-klijent għandu bżonn.

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ avukat indipendenti huwa definit b’mod negattiv, safejn dan l-avukat m’għandux ikun marbut mal-klijent tiegħu b’relazzjoni ta’ impjieg, u mhux b’mod pożittiv, abbażi tas-sħubija f’Kamra ta’ l-Avukati jew tas-subordinazzjoni għar-regoli ta’ dixxiplina u ta’ deontoloġija professjonali. B’hekk, il-kriterju stabbilit huwa dak ta’ assistenza legali pprovduta “b’indipendenza sħiħa”, minn avukat li huwa, strutturalment, ġerarkikament u funzjonalment, terza persuna fil-konfront ta’ l-impriża li tibbenifika minn din l-assistenza.

Minn dan isegwi li l-komunikazzjonijiet ma’ avukati ta’ impriża, jiġifieri l-konsulenti marbuta mal-klijenti tagħhom b’relazzjoni ta’ impjieg, huma espressament esklużi mill-protezzjoni mogħtija abbażi tal-kunfidenzjalità.

Peress li l-avukati tal-kumpanniji u l-avukati esterni jinsabu manifestament f’sitwazzjonijiet differenti, b’mod partikolari minħabba l-integrazzjoni funzjonali, strutturali u ġerarkika ta’ l-avukati tal-kumpanniji fi ħdan il-kumpanniji li jimpjegawhom, ma jirriżulta ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mill-fatt li dawn il-professjonisti jiġu trattati b’mod differenti fir-rigward tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti.

(ara l-punti 166-168, 174)

6.      Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-poteri investigattivi tal-Kummissjoni. Minħabba f’hekk, din il-protezzjoni għandha influwenza diretta fuq il-kundizzjonijiet ta’ l-aġir ta’ din l-istituzzjoni f’qasam daqstant essenzjali għat-tħaddim tas-suq komuni bħal dak tar-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadu ħsieb li jiżviluppaw kunċett Komunitarju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, li jeskludi li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-kunċett Komunitarju ta’ kunfidenzjalità jiġi rregolat mid-dritt nazzjonali.

(ara l-punt 176)