Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fl14 ta’ Awwissu 2023 – OS vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

(Kawża C-525/23, Accra )1

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: OS

Konvenut: Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fil-premessi 2 u 41, kif ukoll tal-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing , il-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(1)(e) tad-Direttiva huwa konformi mal-prassi ta’ Stat Membru li, wara li tkun ġiet prodotta prova, fil-każ ta’ applikant ċittadin ta’ Stat terz li għandu l-intenzjoni li jwettaq xogħol volontarju, li persuna qariba tal-imsemmi applikant, iżda li ma titqiesx bħala membru tal-familja tiegħu, tista’, permezz tad-dħul tagħha miksub legalment, tiżgura li jkollu dħul jew riżorsi suffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ sussistenza tiegħu u tal-ivvjaġġar ta’ ritorn tiegħu, u effettivament tiżgura dan lill-applikant permezz ta’ trasferimenti regolari ta’ ammonti neċessarji għas-sussistenza tiegħu, jeżiġi bħala kundizzjonijiet addizzjonali, sabiex tiġi ammessa l-eżistenza ta’ mezzi ta’ sussistenza, li l-applikant jindika bi preċiżjoni jekk l-ammont irċevut huwiex dħul jew kapital disponibbli u, barra minn hekk, li huwa jistabbilixxi, b’dokumenti ta’ sostenn, fuq liema bażi huwa kiseb dan id-dħul jew dan il-kapital disponibbli u li jista’ jiddisponi minnu b’mod definittiv u illimitat daqslikieku kien tiegħu?1

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tat-trattament ġust previst fl-Artikolu 79 TFUE, tal-libertà ta’ residenza stabbilita fl-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipji ta’ rimedju effettiv u ta’ proċess imparzjali stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll tal-premessi 54 u 61 tad-Direttiva 2016/801, u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-fatt li l-kundizzjonijiet deskritti fl-ewwel domanda ma humiex inklużi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirregola l-permessi ta’ residenza b’mod uniformi, minħabba l-fatt li ma huwiex il-leġiżlatur iżda l-qorti suprema tal-Istati Membru li stabbilixxiethom fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha tad-dritt, f’ġurisprudenza bi preċedent, jaffettwa r-risposta għall-ewwel domanda?

Sa fejn jitqies li d-dikjarazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn relatati mal-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġi tal-Istati Membru huma wkoll neċessarji sabiex tiġi ammessa l-eżistenza ta’ mezzi ta’ sussistenza, hemm lok, fid-dawl tar-rekwiżit tat-trattament ġust previst fl-Artikolu 79 TFUE, tal-prinċipji ta’ rimedju effettiv u ta’ proċess imparzjali stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta, tar-rekwiżit ta’ ċertezza legali msemmi fil-premessa 2 tad-Direttiva 2016/801, kif ukoll tal-miżuri evokati bħala salvagwardji proċedurali fil-premessi 41 u 42 tagħha, li l-Artikolu 7(1)(e) tad-Direttiva 2016/801 jiġi interpretat fis-sens li prassi ta’ Stat Membru, li jeżiġi li applikant, filwaqt li jiġi avżat bil-konsegwenzi legali, għandu jiddikjara u jipproduċi prova b’mod koerenti u konsistenti li huwa jissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali meqjusa bħala neċessarji u, fejn l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza hija rrifjutata biss abbażi tal-fatt li huwa naqas milli jipproduċi prova dwar ir-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza, hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni biss jekk id-drittijiet tal-persuna kkonċernata u s-salvagwardji proċedurali jkunu ġew irrispettati?

____________

1L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1ĠU 2016, L 132, p. 21.