Language of document : ECLI:EU:T:2008:404

Kawżi magħquda T-392/03, T-408/03, T-414/03 u T-435/03

Regione Siciliana

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Rikors għal annullament — FEŻR — Kanċellament ta’ għajnuna finanzjarja — Irkupru tal-ammonti diġà mħallsa — Talbiet għal ħlas ta’ interessi moratorji — Tpaċija — Entità reġjonali jew lokali — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti

(Artikolu 230 KE)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

1.      Il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu, jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

Issa, ittri tal-Kummissjoni dwar l-imputazzjoni ta’ interessi moratorji fuq noti ta’ debitu li għandhom jitħallsu minn Stat Membru u indirizzati lil dan tal-aħħar, li ma jikkostitwixxux, fihom infushom, talbiet għall-ħlas ta’ interessi moratorji u lanqas ma jagħmlu l-kalkolu konkret tagħhom u li sempliċement jispeċifikaw ir-regoli Komunitarji fis-seħħ dwar il-kalkolu tal-interessi u li jindikaw għaliex il-Kummissjoni ma għamlitx tpaċija ex officio bejn il-krediti li jidhru fin-noti ta’ debitu inkwistjoni u l-ħlasijiet intiżi għall-imsemmi Stat Membru, ma jipproduċux effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent.

(ara l-punti 36-39)

2.      Ittra li biha l-Kummissjoni tipprovdi li ser issir tpaċija bejn ċerti krediti, li jinkludu l-ammonti li għandhom jiġu rrimborsati kif ukoll interessi moratorji, li jirriżultaw mill-kanċellament ta’ għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għal ċerti proġetti li l-benefiċjarja finali tagħhom kienet entità reġjonali u djun tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ Stat Membru, minkejja li kienet formalment indirizzata mill-Kummissjoni lill-imsemmija entità reġjonali u, għal informazzjoni, lill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi tal-Istat Membru inkwistjoni, tikkostitwixxi deċiżjoni li d-destinatarju effettiv tagħha huwa l-imsemmi Stat Membru.

Fil-fatt, minn naħa, l-Istat Membru huwa responsabbli għall-imsemmi djun u krediti u, min-naħa l-oħra, huwa għandu setgħa diskrezzjonali u jista’ jiddeċiedi li ma jitlobx mingħand l-imsemmija entità reġjonali r-rimbors sħiħ jew parzjali tal-ammonti msemmija fl-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2003, kemm f’dak li jirrigwarda l-ammonti kapitali kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-interessi moratorji.

Konsegwentement, l-imsemmija entità reġjonali ma tistax titqies li hija direttament ikkonċernata minn din id-deċiżjoni u r-rikors tagħha għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

(ara l-punti 43-47)