Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2021 – Agrofert vs Il-Parlament

(Kawża T-174/21)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Agrofert a.s. (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: S. Sobolová, avukata)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tqis ir-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2021, A (2019) 8551 C (D 300153), li fiha r-rikorrenti ġiet miċħuda l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż;

tadotta l-miżuri kollha li hija tqis neċessarji.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ għoti ta’ prova min-naħa tal-konvenut li l-kundizzjonijiet għar-rifjut tal-aċċess għad-dokumenti mitluba ġew issodisfatti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. L-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma setax iwassal għall-ksur tal-protezzjoni tal-għan tal-investigazzjoni, kif sostna l-konvenut. Il-konvenut ma tax prova li, permezz tal-iżvelar ta’ dokumenti li l-kontenut tagħhom diġà huwa parzjalment magħruf mill-pubbliku, jista’ jirriżulta xi riskju ta’ theddida konkreta u reali għal din l-investigazzjoni, u wisq inqas riskju raġonevolment prevedibbli.

It-tieni motiv ibbażat fuq, barra minn hekk, injorament komplet min-naħa tal-konvenut tal-interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba, li f’dan il-każ jinkludi l-osservanza tal-valuri tal-Istat tad-dritt filwaqt li jinżammu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

____________