Language of document : ECLI:EU:T:2022:586

Kawża T174/21

Agrofert, a.s.

vs

Il-Parlament Ewropew

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (ItTielet Awla) tat28 ta’ Settembru 2022

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati mal-investigazzjoni kontra l-ex Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għal użu abbużiv tal-fondi Ewropej u kunflitti ta’ interessi potenzjali – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Tmiem parzjali tal-interess ġuridiku – Assenza parzjali ta’ lok li tingħata deċiżjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Kunċett – Żvelar ta’ parir legali tal-Kummissjoni mmotivat mill-interessi rispettivi ta’ parti fil-kawża – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

(ara l-punti 28 sa 30)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Kunċett – Interess suġġettiv tal-persuna kkonċernata li tiddefendi ruħha – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 2(1) u 4(2))

(ara l-punti 45, 128 sa 130)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ instituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti – -Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Żvelar parzjali ta’ dokument billi jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti relatati mal-protezzjoni ta’ ċerta informazzjoni – Tmiem tal-interess ġuridiku – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

(ara l-punti 46, 47, 49 sa 53)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ instituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti – Żvelar ta’ dokument minn terz wara l-preżentata tar-rikors – Kunċett ta’ terz – Istituzzjoni awtur tad-dokument – Esklużjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 10(1) u (2))

(ara l-punti 54 sa 59)

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Portata – Applikazzjoni wara l-għeluq ta’ dawn l-attivitajiet – Kundizzjonijiet – Fażi ta’ skambju mal-Istat Membru sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-awditjar finali mfassal matul il-fażi ta’ awditu – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

(ara l-punti 73 sa 77, 84, 85, 88, 92, 119)

Sunt

Id-deċiżjoni tal-Parlament li jiġi rrifjutat l-aċċess għal żewġ dokumenti relatati mal-investigazzjoni kontra Andrej Babiš, ex Prim Ministru Ċek, għal użu abbużiv tal-fondi Ewropej u kunflitti ta’ interessi potenzjali hija valida.

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, minn naħa, it-tmiem tal-interess ġuridiku tal-kumpannija Agrofert kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut li jingħatalha aċċess għal rapport li l-Kummissjoni kienet ifformulat dwar dan il-qasam u, min-naħa l-oħra, tiċħad ir-rikors ta’ din il-kumpannija kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal ittra indirizzata mill-Kummissjoni lill-Prim Ministru Ċek.

Ir-rikorrenti, Agrofert, a.s., hija kumpannija holding Ċeka li tikkontrolla iktar minn 230 kumpannija attiva f’diversi setturi tal-ekonomija, bħall-agrikoltura, il-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel, l-industrija kimika jew il-media. Hija ġiet inizjalment ikkostitwita minn Andrej Babiš, li kien Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka mill‑2017 sal‑2021. F’riżoluzzjoni tal-Parlament (1) dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru Ċek dwar użu abbużiv ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea u kunflitti ta’ interessi potenzjali, ġie ddikjarat li huwa kompla jikkontrolla l-grupp Agrofert wara li ġie maħtur bħala Prim Ministru. Fid-dawl ta’ din l-affermazzjoni ineżatta, peress li xtaqet tkun taf is-sorsi u l-informazzjoni miżmuma mill-Parlament qabel ma jadotta din ir-riżoluzzjoni, ir-rikorrenti ressqet quddiemu talba għal aċċess għal diversi dokumenti (2). Fit-tweġiba inizjali tiegħu tal‑14 ta’ Settembru 2020, il-Parlament identifika ċerti dokumenti bħala li kienu pubblikament aċċessibbli u rrifjuta l-aċċess għal ittra tal-Kummissjoni lill-Prim Ministru Ċek u għal rapport tal-awditjar finali tal-Kummissjoni dwar awditu dwar il-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti fir-Repubblika Ċeka sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi (3). Bħala tweġiba għal applikazzjoni konfermatorja, il-Parlament, b’deċiżjoni tal‑15 ta’ Jannar 2021 (4), b’mod partikolari kkonferma r-rifjut ta’ aċċess tiegħu għal dawn iż-żewġ dokumenti abbażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu prevista mir-Regolament Nru 1049/2001 (5).

Adita b’rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, tikkonstata t-tmiem tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Parlament li jagħtiha aċċess għar-rapport tal-awditjar finali tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tiċħad ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għall-ittra tal-Kummissjoni lill-Prim Ministru Ċek.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk, wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapport tal-awditjar finali tagħha, ir-rikorrenti żammitx l-interess ġuridiku tagħha, sa fejn it-talba għal annullament tagħha tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess, mill-Parlament, għal dan ir-rapport.

Hija tikkonstata li, wara l-pubblikazzjoni tal-imsemmi rapport, ir-rifjut tal-Parlament ta’ aċċess għal dan id-dokument ma għandux iktar effett sa fejn l-awtur tad-dokument, il-Kummissjoni, iddeċieda li jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku, u li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tirrifjuta l-aċċess għall-imsemmi rapport, ma jwassal għal ebda konsegwenza addizzjonali fir-rigward tal-iżvelar ta’ dan id-dokument u ma jistax jagħti benefiċċju lir-rikorrenti.

Dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-fatt li l-Kummissjoni ma ppubblikatx il-verżjoni sħiħa tar-rapport tal-awditjar finali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tfakkar li talba għal aċċess għandha l-effett li tagħmel id-dokument inkwistjoni aċċessibbli għall-pubbliku u tista’ twassal biss għall-iżvelar tal-verżjoni pubblika tiegħu. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, sabiex tiddeċiedi li ma tagħmilx aċċessibbli għall-pubbliku ċerta data li tinsab fir-rapport tal-awditjar finali, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu prevista mir-Regolament Nru 1049/2001, iżda fuq ir-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni ta’ ċerta informazzjoni, bħad-data personali jew is-sigrieti kummerċjali. Minn dan tiddeduċi li l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Parlament li jagħti aċċess għar-rapport tal-awditjar finali, abbażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu prevista mir-Regolament Nru 1049/2001, ma għandux l-effett li jagħmel din id-data pubblika, peress li l-Parlament ma huwiex l-awtur tal-imsemmi rapport u għalhekk ma jistax imur lil hinn mill-iżvelar mogħti mill-Kummissjoni, awtur ta’ dan id-dokument. Għalhekk, minħabba l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-awditjar finali, ir-rikorrenti kisbet l-uniku benefiċċju li r-rikors tagħha seta’ jagħtiha.

Il-Qorti Ġenerali żżid li l-fatt li r-rikorrenti għażlet li titlob l-aċċess għar-rapport tal-awditjar finali lill-Parlament u mhux lill-istituzzjoni li hija l-awtur tiegħu ma jistax iwassal sabiex jitqies li l-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument mill-Kummissjoni tikkostitwixxi żvelar minn “terz”, filwaqt li din tal-aħħar hija l-awtur tiegħu.

Hija tikkonkludi li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Parlament irrifjuta l-aċċess għar-rapport tal-awditjar finali kien intilef.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tanalizza t-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Parlament irrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għall-ittra tal-Kummissjoni.

L-ewwel, hija tiċħad l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu prevista mir-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Parlament ma stabbilixxiex li l-kundizzjonijiet ta’ rifjut ta’ aċċess għall-ittra tal-Kummissjoni kienu ġew osservati.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, l-għan ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri li tiġi żgurata l-konformità tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ ġestjoni ta’ Stat Membru mad-dritt tal-Unjoni, ma kienx intlaħaq bl-adozzjoni tal-ittra ta’ segwitu tal-Kummissjoni. Fil-fatt, dan l-għan ma jistax ikun limitat biss għall-analiżi tas-sistemi stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat; l-implimentazzjoni, minn dan tal-aħħar, tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni fir-rapport tal-awditjar tagħha tikkostitwixxi wkoll stadju għat-twettiq tiegħu. Għalhekk, il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni żgurata minn din l-eċċezzjoni la tintemm bl-adozzjoni tal-imsemmi rapport u lanqas b’dik tal-ittra ta’ segwitu li permezz tagħha l-Kummissjoni tiżgura s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fl-imsemmi rapport. Fiż-żewġ każijiet, jinfetħu fażijiet ta’ skambji mal-Istat Membru, waħda fuq ir-rakkomandazzjonijiet inizjali, l-oħra fuq dawk li jibqgħu miftuħa, li jagħmlu parti mill-attivitajiet ta’ investigazzjonijiet koperti minn din l-eċċezzjoni.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Parlament ma stabbilixxiex li l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni seta’ jippreġudika l-investigazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, sabiex jistabbilixxi r-rabta bejn l-ittra tal-Kummissjoni u l-investigazzjoni ta’ awditu inkwistjoni, il-Parlament kellu juri biss li din l-ittra kienet tagħmel parti mid-dokumenti relatati mal-attivitajiet tal-investigazzjoni li kienet għaddejja. Min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti sabiex tiġi spjegata r-raġuni għalfejn l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni seta’ jippreġudika l-għan ta’ investigazzjoni ta’ awditu, minħabba li, peress li l-Prim Ministru Ċek kien direttament implikat, kien importanti li tiġi osservata l-kunfidenzjalità tad-djalogu bejn dan tal-aħħar u l-Kummissjoni.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali tiċħad it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa minnu li l-eżistenza tad-drittijiet tad-difiża tippreżenta fiha nfisha interess ġenerali. Madankollu, il-fatt li dawn id-drittijiet jimmanifestaw ruħhom f’dan il-każ bl-interess suġġettiv tar-rikorrenti li tiddefendi ruħha mill-akkużi serji magħmula mill-Parlament kontriha jimplika li l-interess invokat mir-rikorrenti ma huwiex interess ġenerali iżda interess privat, b’tali mod li din tal-aħħar ma wrietx li kien jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni.


1      Riżoluzzjoni tal-Parlament 2019/2987 (RSP) tad‑19 ta’ Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta’ fondi tal-UE u kunflitti ta’ interess potenzjali (ĠU 2021, C 362, p. 37).


2      Skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


3      Konformement mal-Artikoli 72 sa 75 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155).


4      Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew A (2019) 8551 C (D 300153) tal‑15 ta’ Jannar 2021 li permezz tagħha rrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għal żewġ dokumenti relatati mal-investigazzjoni kontra l-ex Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għal użu abbużiv tal-fondi Ewropej u kunflitti ta’ interessi potenzjali.


5      Eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2021.