Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2022 – Agrofert vs Il-Parlament

(Kawża T-174/21) 1

(“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati mal-investigazzjoni kontra l-ex Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għal użu abbużiv tal-fondi Ewropej u kunflitti ta’ interessi potenzjali – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-iskopijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Tmiem parzjali tal-interess ġuridiku – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni parzjali – Obbligu ta’ motivazzjoni”)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Agrofert,, a.s. (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentanti: S. Sobolová, avukata)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: N. Görlitz, J.-C. Puffer u O. Hrstková Šolcová, aġenti)

Intervenjent, insostenn tal-konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Ehrbar, M. Salyková u J. Hradil, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew A (2019) 8551 C (D 300153) tal-15 ta’ Jannar 2021 li permezz tagħha huwa rrifjutalha l-aċċess għal żewġ dokumenti relatati mal-investigazzjoni kontra l-ex Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għal użu abbużiv tal-fondi Ewropej u kunflitti ta’ interessi potenzjali.

Dispożittiv

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew A(2019) 8551 C (D300153), tal-15 ta’ Jannar 2021 sa fejn irrifjuta l-aċċess għar-rapport tal-awditjar finali tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Novembru 2019, bir-referenza ARES (2019) 7370050 dwar awditu dwar il-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti fir-Repubblika Ċeka sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Agrofert a.s. hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

____________

1     ĠU C 206, 31.5.2021.