Language of document : ECLI:EU:F:2014:259

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

3 ta’ Diċembru 2014

Kawża F‑109/13

DG

vs

Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju – Rexissjoni ta’ kuntratt – Assenza ta’ motivazzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura ta’ evalwazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu DG titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA), tal-31 ta’ Jannar 2013, li ttemm il-kuntratt ta’ impjieg tagħha u, min-naħa l-oħra, ir-reintentegrazzjoni tagħha u l-ħlas tal-benefiċċji finanzjarji sa mid-data effettiva tat-tmiem tal-kuntratt tagħha sad-data tar-reintentegrazzjoni tagħha kif ukoll kumpens għad-danni morali li hija tqis li sostniet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. DG għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Motivi – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett – Oneru u produzzjoni tal-prova

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Motivi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Kunċett – Oneru tal-prova

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Portata – Obbligu li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jkun hemm assenjazzjoni mill-ġdid tal-membru tal-persunal ikkonċernat – Assenza

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni, Artikolu 47(c)(i))

1.      Ikun hemm użu ħażin ta’ poter biss meta jkun hemm indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-att ikkontestat għandu skop differenti minn dak mogħti lilu mid-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti tal-Persunal.

F’dan ir-rigward ma huwiex biżżejjed li r-rikorrent jinvoka ċerti fatti insostenn tat-talbiet tiegħu; huwa għandu jipproduċi indizji suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konkordanti li jistgħu jsostnu l-veraċità tat-talbiet tiegħu jew, minn tal-inqas, il-verosimiltà tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dan l-eżatezza materjali tad-dikjarazzjonijiet tal-parti avversarja ma tistax tiġi kkonfutata.

(ara l-punti 31 u 32)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Skareby vs Il-Kummissjoni, F 46/06, EU:F:2008:26, punti 156 u 157

2.      Żball jista’ jiġi kklassifikat bħala manifest meta jkun jista’ jiġi skopert b’faċilità fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur ried jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li twettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, il-provi li r-rikorrenti għandha tipproduċi għandhom ikunu biżżejjed sabiex l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-amministrazzjoni fid-deċiżjoni tagħha ma tibqax plawżibbli. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi prodotti mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies li għadha vera jew valida.

(ara l-punt 44)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi AJ vs Il-Kummissjoni, F‑80/10, EU:F:2011:172, punti 34 u 35; Eklund vs Il-Kummissjoni, F‑57/11, EU:F:2012:145, punt 51, u d-digriet Mészáros vs Il-Kummissjoni, F‑22/13, EU:F:2014:189, punt 52

3.      Fir-rigward tar-rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminatt, sa fejn l-awtorità kompetenti għandha, skont l-Artikolu 47(c)(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni u fl-osservanza tal-avviż tat-temm ta’ impjieg previst fil-kuntratt, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, għalhekk, ikun limitat għall-verifikazzjoni tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter.

F’dan ir-rigward, l-osservanza tad-dmir ta’ premura ma jistax jiġġustifika interpretazzjoni tal-Artikolu 47(c)(1) tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg li tgħid li l-awtorità kompetenti għandha teżamina, qabel it-tkeċċija ta’ membru tal-persunal impjegat abbażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, jekk l-istess membru jistax jiġi assenjat mill-ġdid f’pożizzjoni oħra diġà eżistenti jew li ser tinħoloq fil-futur qarib.

(ara l-punti 56 u 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim Istanza: sentenza ETF vs Landgren, T‑404/06 P, EU:T:2009:313, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, EU:T:2013:624, punt 81, u Il-Kummissjoni vs Macchia, T‑368/12 P, EU:T:2014:266, punt 57