Rikors ippreżentat fit-3 ta' Diċembru 2009 - Spanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-491/09)
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: M. Muñoz Pérez)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-Deċiżjoni 2009/721/KE tal-Kummissjoni tal-24 ta' Settembru 2009 li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerta nefqa mġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija ta' Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR), fil-parti tagħha li hija s-suġġett ta' dan ir-rikors, u
tikkundanna l-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni l-motivi segwenti:
1. ksur, għal dak li jikkonċerna l-korrezzjoni finanzjarja li tikkorrispondi għall-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999
1 u tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005
2, peress li d-deċiżjoni kkontestata tapplika dawn id-dispożizzjonijiet għal sitwazzjoni li fiha m'hemmx lok li dan isir, fid-dawl tal-insuffiċjenza tal-irregolaritajiet allegati invokati mill-Kummissjoni sabiex jiġġustifikaw il-korrezzjoni finanzjarja deċiża;
2. ineżistenza, għal dak li jikkonċerna l-korrezzjoni finanzjarja dwar l-għajnuna għall-primjums għan-nagħaġ u mogħoż, tal-irregolaritajiet invokati mill-Kummissjoni, li timplika li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005, billi applikathom għal sitwazzjoni li fiha ma kienx hemm lok li dan isir. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-verifiki fil-post twettqu matul il-perijodu ta' żamma, skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 2419/2001
3, u li l-problemi allegati mill-Kummissjoni fir-rigward tar-reġistri tal-irziezet u tan-nuqqas ta' osservazzjonijiet ta' spetturi fuq ir-reġistri mhux aġġornati ma jaffettwawx id-determinazzjoni tan-numru ta' annimali eliġibbli għal sussidji tar-razzett matul il-perijodu ta' żamma kollu.
____________1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 160, p. 103).2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 209, p.1).3 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001 tal-11 ta' Diċembru tal-2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU L 327, p.11).