Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2024 – Masset vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-114/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Dominique Masset (Lens, Franza) (rappreżentant: G. Tumerelle, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2660 1 tat-28 ta’ Novembru 2023 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fl-ewwel lok, ir-rikorrent iqis li l-metodoloġija ta’ analiżi użata mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) u mill-Kummissjoni Ewropea għall-adozzjoni tar-Regolament 2023/2660 jiksru r-Regolament Nru 1107/2009 1 , hekk kif interpretata mis-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C-616/17, EU:C:2019:800). Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jikser l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009 minħabba li ma josservax il-kriterji ta’ approvazzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ garanzija tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent previst mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mir-Regolament Nru 1107/2009.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal għajxien f’ambjent salutari.

____________

1 ĠU L, 2023/2660

1 Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).