Language of document : ECLI:EU:C:2021:231

Kawża C-603/20 PPU

SS

vs

MCP

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Family Division)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-24 ta’ Marzu 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 10 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenitur – Ħtif ta’ wild – Ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru – Portata territorjali – Tneħħija ta’ wild fi Stat terz – Residenza abitwali miksuba f’dan l-Istat terz”

1.        Domandi preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Rekwiżiti – Separazzjoni u tneħħija ta’ wild minuri minn mal-ġenituri tiegħu – Riskju ta’ ħsara serja għar-relazzjoni tagħhom u għall-iżvilupp tal-wild – Riskju li l-integrazzjoni tal-wild fl-ambjent familjari u soċjali tkun kompromessa fil-każ ta’ ritorn

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 107; Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003)

(ara l-punti 33 sa 35)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-Ġenitur – Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild – Ġurisdizzjoni speċjali – Interpretazzjoni stretta

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Art 8(1) u (10))

(ara l-punti 43, 47)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-Ġenitur – Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-wild qabel il-ħtif tiegħu – Portata – Ħtif ta’ wild lejn Stat terz – Wild li kiseb ir-residenza abitwali tiegħu f’dan l-Istat terz fid-data tat-tressiq tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur – Esklużjoni – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni abbażi ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, ta’ kunsens dwar il-ġurisdizzjoni jew ta’ regoli nazzjonali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 24; Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, premessa 33 u Artikoli 8(1), 10, 12, 14 u 60(e))

(ara l-punti 39, 40, 45, 46, 49 sa 55, 58 sa 64 u d-dispożittiv)

Sunt

SS u MCP, li huma t-tnejn li huma ċittadini Indjani għandhom awtorizzazzjoni ta’ residenza fir-Renju Unit, huma l-ġenituri ta’ P, ċittadina Brittannika li twieldet matul is-sena 2017. F’Ottubru 2018, l-omm marret l-Indja ma wildha, fejn din tal-aħħar ilha minn dak iż-żmien tgħix man-nanna materna tagħha u għalhekk ir-residenza abitwali tagħha ma għadhiex ir-Renju Unit. Din kienet ir-raġuni li fuqha l-omm ibbażat ruħha sabiex tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales, li ntalbu jiddeċiedu dwar it-talba tal-missier, li qed jitlob ir-ritorn tal-wild lejn ir-Renju Unit u, sussidjarjament, drittijiet ta’ aċċess fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Familja, ir-Renju Unit).

Dik il-qorti tqis li l-ġurisdizzjoni tagħha għandha tiġi evalwata abbażi tar-Regolament Brussell IIa (1). F’dan ir-rigward hija tindika li, meta ġiet adita mill-missier, il-wild kellha r-residenza abitwali tagħha fl-Indja u kienet kompletament integrata f’ambjent soċjali u tal-familja Indjan, sa fejn ir-rabtiet konkreti u fattwali tagħha mar-Renju Unit kienu ineżistenti, ħlief għaċ-ċittadinanza.

il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja tinnota li l-Artikolu 10 tar-Regolament Brussell IIa jistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-każ ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali ta’ wild, filwaqt li tispeċifika li għandha dubji, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli għal kunflitt ta’ ġurisdizzjonijiet bejn il-qrati ta’ Stat Membru u dawk ta’ Stat terz. Għalhekk hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk din id-dispożizzjoni għandiex tiġi interpretata fis-sens li, meta wild kiseb ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat terz wara ħtif lejn dan l-Istat, il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel il-ħtif tiegħu jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom mingħajr limitu ratione temporis. Għalhekk din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-portata territorjali ta’ din id-dispożizzjoni.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tistipula, fl-ewwel lok, li f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild, l-Artikolu 10 tar-Regolament Brussell IIa jipprevedi kriterji li jirrigwardaw sitwazzjoni li hija limitata għat-territorju tal-Istati Membri. Iċ-ċirkustanza li l-imsemmi artikolu juża l-espressjoni “Stat Membru” u mhux it-termini “Stat” jew “Stat terz”, jimplika wkoll li huwa jirregola biss il-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif ta’ wild bejn l-Istati Membri.

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 10 tar-Regolament Brussell IIa jikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fir-rigward tar-regola ġenerali (2) li tgħid li l-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ wild għandhom, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenitur. Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali tinnewtralizza l-effett li l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali tinvolvi fil-każ ta’ ħtif ta’ wild, jiġifieri t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lejn l-Istat Membru li fih il-wild kiseb residenza abitwali ġdida. Issa, meta l-wild kiseb residenza abitwali barra mill-Unjoni Ewropea, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali ma hijiex applikabbli. Konsegwentement, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jitlef ir-raġuni għall-eżistenza tiegħu u għalhekk lanqas dan ma jibqa’ applikabbli.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Brussell IIa jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10 il-każijiet tal-ħtif ta’ wild lejn Stat terz, sa fejn tali każijiet ta’ ħtif għandhom ikunu koperti, b’mod partikolari, minn konvenzjonijiet internazzjonali bħal ma huma l-Konvenzjonijiet ta’ Den Haag tal-1980 (3) u tal-1996 (4). F’ċerti ċirkustanzi (bħalma huma l-kunsens jew il-passività ta’ wieħed mid-detenturi tad-drittijiet ta’ kustodja), Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 effettivament tipprevedi t-trasferiment tal-ġurisprudenza lill-qrati tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida tal-wild. L-effett ta’ tali trasferiment jiġi mxejjen jekk il-qrati ta’ Stat Membru jkollhom iżommu, mingħajr limitu ratione temporis, il-ġurisdizzjoni tagħhom.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li żamma ta’ ġurisdizzjoni illimitata ratione temporis ma tkunx konformi ma wieħed mill-għanijiet fundamentali mfittxija mir-Regolament Brussell IIa, jiġifieri l-issodisfar tal-interess superjuri tal-wild, billi tingħata preċedenza, għal dan il-għan, lill-kriterju ta’ prossimità. Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Brussell IIa tkun tmur ukoll kontra l-loġika tal-mekkaniżmu ta’ ritorn jew ta’ żamma immedjata stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 10 tar-Regolament Brussell IIa ma japplikax fil-każ fejn jiġi kkonstatat li wild kiseb, fid-data tat-tressiq tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur, ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat terz wara ħtif lejn dan l-Istat. Jekk dan ikun il-każ, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita għandha tiġi ddeterminata konformement mal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, jew, fin-nuqqas ta’ tali konvenzjonijiet, konformement mal-Artikolu 14 tar-Regolament Brussell IIa.


1      Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013 L 82, p. 63, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIa”).


2      Prevista fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament.


3      Il-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili dwar il-ħtif internazzjonali ta’ minuri, iffirmata fil-25 ta’ Ottubru 1980 fil-kuntest tal-Konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat.


4      6      Il-Konvenzjoni fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, konkluża f’Den Haag fid-19 ta’ Ottubru 1996 (ĠU 2008, L 151, p. 39 sa 48).