Language of document : ECLI:EU:C:2001:664

OPINJONI 2/00 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

6 ta’ Diċembru 2001

“Protokoll ta’ Cartagena ─ Konklużjoni ─ Bażi legali ─ Artikoli 133 KE, 174(4) KE u 175(1) KE ─ Organiżmi ħajjin modifikati ─ Protezzjoni ta’ l-ambjent ─ Politika kummerċjali komuni”

Il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha talba għal opinjoni, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ottubru 2000 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 300(6) KE, li jipprovdi:

“Il-Kunsill, il-Kummissjoni jew Stat Membru jista’ jikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim prospettat ikunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat. Meta l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun negattiva, il-ftehim ikun jista’ jidħol fis-seħħ biss fit-termini ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Werrej

I –  Il-kuntest tat-talba għal opinjoni

A –  Il-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika

B –  Il-Protokoll ta’ Cartagena

II –  Id-domandi tal-Kummissjoni u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –  Id-domandi tal-Kummissjoni

B –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

III –  L-osservazzjonijiet ta’ l-Istati Membri u ta’ l-istituzzjonijiet

A –  Fuq l-ammissibbiltà tat-talba

B –  Fuq il-mertu

1.  Sunt

2.  Argumenti

Pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

IV –  Fuq l-ammissibbiltà tat-talba

V –  Fuq il-mertu


I –  Il-kuntest tat-talba għal opinjoni

A –  Il-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika

Il-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”) ġiet iffirmata fil-5 ta’ Ġunju 1992 mill-Komunità Ekonomika Ewropea u mill-Istati Membri tagħha, matul il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED), magħrufa bħala s-“Summit Dinji”, li saret f’Rio de Janeiro (il-Brażil), u ġiet approvata, f’isem il-Komunità, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE, tal-25 ta’ Ottubru 1993 (ĠU L 309, p. 1). Din id-deċiżjoni ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 130s tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 175 KE).

L-għanijiet tal-Konvenzjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 1 tagħha, huma “l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika, l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha u l-qsim indaqs u imparzjali [ġust u ekwu] tal-ġid li jkun ġej mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi […]”.

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Konvenzjoni timponi, b’mod partikolari, l-obbligi li ġejjin fuq il-partijiet kontraenti:

–        l-iżvilupp ta’ strateġiji, pjanijiet jew programmi nazzjonali, għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika u l-integrazzjoni ta’ dawn l-elementi fil-pjanijiet, programmi u politiki rilevanti tagħhom (Artikolu 6);

–        l-identifikazzjoni u l-ħarsien tal-komponenti tad-diversità bijoloġika u tal-fatturi ta’ riskju (Artikolu 7);

–        l-adozzjoni ta’ miżuri għall-konservazzjoni in situ u ex situ (Artikoli 8 u 9);

–        l-adozzjoni ta’ miżuri li jippromwovu l-użu sostenibbli tal-komponenti tad-diversità bijoloġika, ir-riċerka u t-taħriġ xjentifiċi, l-edukazzjoni u l-għarfien pubbliku, il-valutazzjoni ta’ l-effetti ta’ proġetti fuq id-diversità bijoloġika, l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u għat-teknoloġija (inkluża l-bioteknoloġija), kif ukoll il-bdil tat-tagħrif u l-kooperazzjoni teknika u xjentifika (Artikoli 10 sa 18).

L-Artikolu 19(3) tal-Konvenzjoni jiddisponi:

“Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa għal u l-modalitajiet ta’ protokoll li jwaqqaf proċeduri xierqa, inklużi l-aktar ftehim mgħarraf minn qabel [inkluż, b’mod partikolari, qbil minn qabel informat] fil-qasam tat-trasferiment mingħajr periklu, it-tmexxija u l-użu ta’ kull organiżmu ħaj immodifikat li jkun ġej minn bioteknoloġija li jista’ jkollha effett ħażin fuq il-konservazzjoni, kif ukoll l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika.”

Barra minn dan, skond l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni:

“1.      Din il-Konvenzjoni u kull Protokoll għandhom ikunu suġġetti għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Istati u organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika. […]

2.      Kull organizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 li ssir Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni jew xi Protokoll, mingħajr ma l-ebda Stat Membru tagħha jkun Parti Kontraenti, għandha tkun marbuta bl-obbligi kollha taħt din il-Konvenzjoni jew Protokoll, skond il-każ. Fil-każ ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, wieħed mill-Istati Membri tagħha jew aktar, li jkunu Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni jew il-Protokoll relevanti, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddeċiedu fuq ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom marbuta mat-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni jew Protokoll, skond il-każ. F’dawn il-każijiet, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha m’għandhomx ikunu awtorizzati jeżerċitaw id-drittijiet taħt il-Konvenzjoni jew il-Protokoll relevanti fl-istess waqt.

3.      Fl-istrumenti tagħhom tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, l-organizzazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiddikjaraw sa fejn jaslu l-kompetenzi tagħhom dwar il-materji kkontrollati [rregolati] bil-Konvenzjoni jew il-Protokoll relevanti. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jgħarrfu lid-Depożitarju dwar kull tibdil relevanti li jista’ jkun hemm dwar sa fejn jaslu l-kompetenzi tagħhom.”

B –  Il-Protokoll ta’ Cartagena

Fis-17 ta’ Novembru 1997, il-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni adottat id-deċiżjoni II/5 li tagħti mandat lil dawn ta’ l-aħħar sabiex jinnegozjaw protokoll “li jiffoka speċifikament fuq il-moviment bejn il-fruntieri ta’ kull organiżmu ħaj modifikat li huwa r-riżultat tal-bioteknoloġija moderna li jista’ jkollu effett ħażin fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bioloġika, u li jipprovdi, b’mod partikolari, proċedura xierqa għal qbil minn qabel informat”.

Dawn in-negozjati wasslu għall-adozzjoni, fid-29 ta’ Jannar 2000, f’Montreal (il-Kanada), tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), li nfetaħ għall-iffirmar f’Najrobi (il-Kenja) fil-15 ta’ Mejju 2000 u ġie ffirmat f’isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri fl-24 ta’ Mejju 2000.

Il-Protokoll huwa magħmul minn erbgħin artikolu u tliet annessi.

Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll:

“Bi qbil mal-metodu prekawzjonarju li jinsab fil-Prinċipju 15 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, l-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li jikkontribwixxi biex jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni fil-qasam tat-trasferiment żgur, immaniġġjar u l-użu ta’ organiżmi ħajjin modifikati li huma r-riżultat tal-bioteknoloġija modena u li jista’ jkollhom effett ħażin fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bioloġika, billi tikkunsidra wkoll ir-riskji għal saħħet il-bniedem u speċifikament tiffoka fuq movimenti bejn il-fruntieri.”

Il-Prinċipju 15 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, miżuri ta’ prekawzjoni għandhom jiġu applikati b’mod wiesa’ mill-Istati skond il-kapaċitajiet tagħhom. Fil-każ ta’ riskju ta’ dannu gravi jew irreversibbli, in-nuqqas ta’ ċertezza xjentifika assoluta m’għandhiex isservi bħala pretest sabiex tiġi posposta l-adozzjoni ta’ miżuri effettivi intiżi sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni ta’ l-ambjent”.

Skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll, u bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-farmaċewtiċi u l-organiżmi ħajjin modifikati (iktar ’il quddiem l-“OĦM”) waqt ċaqliq jew destinati għal użu kkontrollat (ara l-Artikoli 5 u 6 ta’ l-imsemmi protokoll), il-Protokoll “għandu japplika għall-moviment bejn il-fruntieri, iċ-ċaqliq, l-immaniġġjar u l-użu ta’ l-organiżmi ħajjin modifikati kollha li jista’ jkollhom effett ħażin fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bioloġika, filwaqt li jiġu kkunsidrati wkoll riskji għal saħħet il-bniedem”.

L-Artikolu 2(2) tal-Protokoll jiddisponi:

“Il-Partijiet għandhom jassiguraw li l-iżvilupp, l-immaniġġjar, it-trasport, l-użu, it-trasferiment u t-telqien [r-rilaxx] ta’ kwalunkwe organiżmi ħajjin modifikati jsiru b’mod li jipprevjieni jew inaqqas ir-riskji għad-diversità bioloġika, u billi jikkunsidra wkoll ir-riskji għal saħħet il-bniedem.”

Għal dan il-għan, l-imsemmi protokoll jistabbilixxi diversi proċeduri ta’ kontroll, b’mod partikolari l-“proċedura maqbula ta’ mogħdija ta’ informazzjoni [proċedura ta’ qbil minn qabel informat]” (Artikoli 7 sa 10 u 12), il-“proċedura dwar organiżmi ħajjin modifikati intenzjonati għall-użu dirett bħala ikel jew għalf, jew għall-ipproċessar” (Artikolu 11) u l-“proċedura simplifikata” (Artikolu 13).

Dispożizzjonijiet oħra tal-Protokoll jirrigwardaw l-istima u l-immaniġġjar tar-riskji assoċjati ma’ l-użu, l-immaniġġjar u l-moviment bejn il-fruntieri ta’ OĦM (Artikoli 15 u 16), il-moviment mhux intenzjonat bejn il-fruntieri u miżuri ta’ emerġenza (Artikolu 17), kif ukoll l-immaniġġjar, it-trasport, l-ippakkeġġjar u l-identifikazzjoni ta’ OĦM (Artikolu 18).

L-Artikolu 19 tal-Protokoll jirrigwarda n-nomina ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-punti ta’ riferiment nazzjonali, kif ukoll fuq it-tixrid ta’ din l-informazzjoni mis-Segretarjat; l-Artikolu 20 jipprovdi għal sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni, għall-ħolqien ta’ Aġenzija Informattiva dwar il-Biosigurtà u jiddefinixxi l-kompiti tagħha; l-Artikolu 21 jirrigwarda l-protezzjoni tal-konfidenzjalità ta’ l-informazzjoni mogħtija skond il-proċeduri previsti fl-imsemmi protokoll; l-Artikolu 22 jiddisponi li l-partijiet għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp u/jew tisħiħ ta’ riżorsi umani u kapaċitajiet istituzzjonali fil-biosigurtà fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma partijiet fl-imsemmi protokoll; l-Artikolu 23 jipprovdi li l-partijiet għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw il-kuxjenza u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku; l-Artikolu 24 jirrigwarda r-relazzjonijiet tal-partijiet ma’ l-Istati li mhumiex partijiet fil-Protokoll; l-Artikolu 25 jirrigwarda movimenti illegali bejn il-fruntieri u jipprovdi li l-partijiet għandhom jadottaw miżuri sabiex dawn il-movimenti jiġu evitati u ppenalizzati; l-Artikolu 26 jippermetti lill-partijiet jieħdu in kunsiderazzjoni il-kunsiderazzjonijiet soċjo-ekonomiċi li jiġu mill-impatt ta’ l-OĦM fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika; l-Artikolu 27 jirrigwarda l-elaborazzjoni adegwata ta’ regoli u ta’ proċeduri internazzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà u l-kumpens għad-danni li jirriżultaw minn movimenti bejn il-fruntieri ta’ OĦM; l-Artikolu 28 jirrigwarda l-mekkaniżmu finanzjarju tal-Protokoll u r-riżorsi finanzjarji għall-implementazzjoni tiegħu.

Il-Protokoll fih ukoll dispożizzjonijiet ta’ natura istituzzjonali: l-Artikolu 29 jirrigwarda l-“Konferenza tal-Partijiet”, l-Artikolu 30, il-korpi sussidjarji u l-Artikolu 31, is-Segretarjat.

L-Artikolu 32 tal-Protokoll jiddisponi li, “[ħ]lief fejn huwa previst mod ieħor f’dan il-Protokoll, id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-protokolli tagħha għandhom japplikaw għal dan il-Protokoll”.

L-Artikoli 33 u 34 ta’ l-imsemmi protokoll jirrigwardaw l-osservanza ta’ l-obbligi mill-partijiet (it-tħejjija ta’ rapporti, l-approvazzjoni ta’ proċeduri u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni). Evalwazzjoni perjodika ta’ l-effettività tal-Protokoll mill-Konferenza tal-partijiet hija prevista fl-Artikolu 35.

L-Artikoli 36 sa 40 tal-Protokoll fihom id-dispożizzjonijiet finali dwar l-iffirmar, id-dħul fis-seħħ, l-impossibbiltà li jsiru riżervi, l-irtirar mill-imsemmi protokoll u t-testi awtentiċi tiegħu.

II –  Id-domandi tal-Kummissjoni u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –  Id-domandi tal-Kummissjoni

Qabel il-preżentazzjoni lill-Kunsill ta’ proposta għal deċiżjoni li tikkonkludi l-Protokoll, il-Kummissjoni, irrappreżentata minn A. Rosas, G. zur Hausen, u M. Afonso, bħala aġenti, ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 300(6) KE, talba għal opinjoni dwar l-għażla ta’ l-iktar bażi legali adegwata għal dan il-għan, fid-dawl tad-diverġenzi fl-opinjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill matul id-diskussjoni u l-adozzjoni minn dan ta’ l-aħħar tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar, f’isem il-Komunità, ta’ l-imsemmi protokoll. Filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-Artikoli 133 KE u 174(4) KE, flimkien ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) KE, il-Kunsill adotta l-imsemmija deċiżjoni unanimament, fil-15 ta’ Mejju 2000, abbażi ta’ l-Artikolu 175(1) KE biss, flimkien mad-dispożizzjoni fuq imsemmija ta’ l-Artikolu 300 KE.

Billi kkunsidrat li l-eliminazzjoni ta’ l-Artikolu 133 KE mill-bażi legali tad-deċiżjoni li tikkonkludi l-Protokoll tippreġudika l-kompetenza esterna mogħtija mit-Trattat KE lill-Komunità fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikoli 133 u 174(4), flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 300 tat-Trattat KE, jikkostitwixxu l-bażi legali adegwata ta’ l-att tal-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-biosigurtà?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-kompetenzi li l-Istati Membri jżommu fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, u li jistgħu jiġġustifikaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-biosigurtà, huma ta’ natura residwa meta mqabbla mal-kompetenza predominanti tal-Komunità sabiex tassumi impenji internazzjonali fl-oqsma ttrattati f’dan il-protokoll?”

B –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Skond l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal opinjoni ġiet innotifikata lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Europea, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet:

–        mill-Gvern Daniż, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent,

–        mill-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn E. Samoni-Rantou, G. Karipsiadis u P. Patronos, bħala aġenti,

–        mill-Gvern Spanjol, irrappreżentat minn R. Silva de Lapuerta, bħala aġent,

–        mill-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn R. Abraham, D. Colas u G. de Bergues, bħala aġenti,

–        mill-Gvern Taljan, irrappreżentat minn U. Leanza u M. C. Ciciriello, bħala aġenti,

–        mill-Gvern Awstrijak, irrappreżentat minn H. Dossi, bħala aġent,

–        mill-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn R. Plender, QC,

–        mill-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos u K. Bradley, bħala aġenti,

–        mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. P. Jacqué, R. Gosalbo Bono u G. Houttuin, bħala aġenti.

III –  L-osservazzjonijiet ta’ l-Istati Membri u ta’ l-istituzzjonijiet

A –  Fuq l-ammissibbiltà tat-talba

Sabiex tiġġustifika t-tressiq tat-talba għal opinjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tfakkar li, skond l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni, il-Komunità għandha l-obbligu li tindika safejn jaslu l-kompetenzi tagħha dwar il-materji rregolati bil-Protokoll meta tiddepożita l-istrument ta’ approvazzjoni. Konsegwentement, il-proposta għal deċiżjoni li tikkonkludi l-imsemmi protokoll, li l-Kummissjoni se tissottometti lill-Kunsill skond l-Artikolu 300(2) KE, għandha tinkludi dikjarazzjoni fuq il-kompetenzi tal-Komunità, li tindika, jekk ikun il-każ, l-oqsma rregolati mill-protokoll li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità, bħall-qasam kopert mill-Artikolu 133 KE.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-dibattitu fuq il-bażi legali m’għandux konsegwenzi fuq il-proċedura interna applikabbli, anki fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Parlament f’din il-proċedura. Fil-fatt, kemm jekk id-deċiżjoni li tikkonkludi l-Protokoll f’isem il-Komunità tiġi adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 175(1) KE kif ukoll jekk tkun ibbażata fuq l-Artikoli 133 KE u 174(4) KE, il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata u wara konsultazzjoni jew eventwalment wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament (ara t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) KE). Madankollu, skond il-Kummissjoni, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi mqajma għandha tippermetti li jinħoloq kuntest ta’ ċertezza legali għall-ġestjoni ta’ l-imsemmi protokoll, b’mod partikolari meta jiġi eżerċitat id-dritt tal-vot (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-25/94, Ġabra p. I-1469).

Il-Kummissjoni żżid li kompetenza kondiviża dejjem toħloq diffikultajiet f’dan ir-rigward. Fil-fatt, sabiex l-istituzzjonijiet ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem il-Komunità fil-korpi previsti mill-protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu li mhumiex iktar kompetenti, individwalment jew kollettivament, sabiex jaġixxu fl-oqsma kkonċernati. Skond l-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni, li huwa applikabbli għall-imsemmi protokoll skond l-Artikolu 32 ta’ dan ta’ l-aħħar, “[l]-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika, f’materji li jaqgħu fil-kompetenzi tagħhom, għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-vot b’numru ta’ voti li jkun ugwali għal dak ta’ l-Istati Membri tagħhom li jkunu Partijiet Kontraenti għal din il-Konvenzjoni jew il-Protokolli relevanti. Dawn l-organizzazzjonijiet m’għandhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-vot jekk l-Istati Membri tagħhom jeżerċitaw il-vot tagħhom, u bil-maqlub”.

Il-Gvern Spanjol u l-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kunsill, jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 300(6) KE.

Il-Gvern Spanjol iqis li, skond din id-dispożizzjoni, tista’ tinkiseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim prospettat mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Jirriżulta mill-opinjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li minn naħa, din il-kompatibbiltà tista’ tiddependi mhux biss minn regoli sostantivi, iżda wkoll minn dawk dwar il-kompetenza, il-proċedura jew l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Komunità (ara l-opinjoni 1/75, tal-11 ta’ Novembru 1975, Ġabra p. 1355, 1360; 1/76, tas-26 ta’ April 1977, Ġabra p. 741, punt 10, u 1/78, ta’ l-4 ta’ Ottubru 1979, Ġabra p. 2871, punt 30), u, min-naħa l-oħra, li tista’ tinkiseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari dwar il-kwistjonijiet ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri (opinjoni 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, Ġabra p. I-5267, punt 9).

Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni mhijiex qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tal-Protokoll mat-Trattat u lanqas fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha fir-rigward ta’ l-imsemmi protokoll, iżda hija tixtieq issir taf biss liema hija l-bażi legali adegwata għall-adozzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar.

Il-Gvern Franċiż jiddubita wkoll kemm id-domandi magħmula mill-Kummissjoni jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 300(6) KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din ta’ l-aħħar iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ trattat fid-dawl tad-diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw mill-modalitajiet magħżula għall-adozzjoni tal-ftehim in kwistjoni.

Fir-rigward ta’ l-ewwel domanda, il-Kummissjoni la tikkontesta li l-Komunità hija kompetenti sabiex tikkonkludi l-Protokoll u lanqas li l-Istati Membri jżommu biżżejjed kompetenzi sabiex tiġi ġġustifikata l-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmi protokoll flimkien mal-Komunità. Id-domanda tirrigwarda biss il-bażi legali li fuqha l-Komunità tista’ tikkonkludi l-imsemmi protokoll. Kif magħmula, l-ewwel domanda għalhekk ma tagħtix lok għal opinjoni negattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Huwa minnu li bażi legali żbaljata tikkostitwixxi difett proċedurali li jista’ jwassal sabiex id-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Protokoll tiġi ddikjarata invalida fi proċeduri ta’ rikors għal annullament jew ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Skond il-Gvern Franċiż, ipoteżi bħal din tidher li hija koperta minn dik ta’ l-“inkompatibbiltà ta’ ftehim mat-Trattat fid-dawl tal-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu” (opinjoni 3/94, tat-13 ta’ Diċembru 1995, Ġabra p. I-4577, punt 17).

Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ f’dawn il-proċeduri, billi, anki fil-każ ta’ iktar minn bażi legali waħda, tiġi applikata l-proċedura ta’ l-Artikoli 174 KE jew 175 KE, billi hija dik li l-iktar tipproteġi l-prerogattivi tal-Parlament.

Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li din tqajjem biss problema teoretika li tirrigwarda r-rikonoxximent, fid-dritt Komunitarju, tal-kunċetti ġodda ta’ “kompetenza predominanti” tal-Komunità u ta’ “kompetenza residwa” ta’ l-Istati Membri. Il-Gvern Franċiż ma jarax għalfejn ir-rikonoxximent jew le tan-natura residwa tal-kompetenza ta’ l-Istati Membri għandu jqiegħed fid-dubju l-kompatibbiltà tal-Protokoll mat-Trattat u lanqas kif il-proċedura ta’ reviżjoni tat-Trattat tkun ikkonċernata minn eventwali risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda.

Il-Kunsill isostni pożizzjoni simili. Huwa jżid li l-għan li l-Kummissjoni tfittex li tilħaq huwa dak li testendi għall-qasam ta’ l-ambjent il-kompetenza esklużiva li għandha l-Komunità taħt il-politika kummerċjali komuni, filwaqt li tinjora d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat dwar l-ambjent, u dan sabiex tevita d-diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ ftehim imħallta. Argument bħal dan ma jistax ikun il-bażi ta’ kompetenza esklużiva tal-Komunità.

Il-Kunsill għalhekk jistaqsi jekk l-għan li l-Kummissjoni tfittex li tilħaq setax jintlaħaq permezz ta’ rikors għal annullament, imressaq skond l-Artikolu 230 KE, fil-konfront tad-deċiżjoni li jiġi ffirmat il-Protokoll. Huwa minnu, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-opinjoni 2/92, ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 (Ġabra p. I 521, punt 14), li l-fatt li ċerti kwistjonijiet setgħu jiġu ttrattati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji oħra ma kienx ta’ natura li jeskludi eżami preliminari ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 300 KE. Madankollu, l-aċċettazzjoni ta’ l-ammissibbiltà tat-talba tal-Kummissjoni f’dan il-każ tkun tfisser li jiġu evitati r-rekwiżiti dwar it-terminu sabiex jitressaq rikors għal annullament, li kellu jitressaq fil-konfront tad-deċiżjoni li jiġi ffirmat l-imsemmi protokoll sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Lulju 2000, filwaqt li t-talba għal opinjoni ġiet ippreżentata fit-23 ta’ Ottubru 2000.

Il-Parlament, min-naħa l-oħra, isostni espressament li t-talba għal opinjoni hija ammissibbli.

Huwa jikkonstata li, f’dan il-każ, l-għażla tal-bażi legali għandha effett fuq in-natura ġuridika tal-kompetenza tal-Komunita u, minħabba f’hekk, fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn din ta’ l-aħħar u l-Istati Membri. Meta l-Komunità taġixxi taħt il-politika kummerċjali komuni, il-kompetenza tagħha hija esklużiva, filwaqt li, fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, din hija maqsuma ma’ dik ta’ l-Istati Membri. Skond ġurisprudenza stabbilita, “tista’ tinkiseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu [300(6) KE], b’mod partikolari dwar kwistjonijiet li […] jirrigwardaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri” (opinjoni 2/92, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

Barra minn dan, anki jekk l-għażla tal-bażi legali ma taffettwax in-natura tal-kompetenza tal-Komunità, iżda biss il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta’ l-att li jikkonkludi ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja hija wkoll kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni skond l-Artikolu 300(6) KE.

Skond il-Parlament, l-għażla tal-bażi legali ta’ ftehim internazzjonali jista’ jkollha effett fuq il-kompatibbiltà ta’ dan ta’ l-aħħar mat-Trattat u, għaldaqstant, tista’ tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ opinjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 300(6) KE. Huwa ċar li, kieku d-deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Protokoll kellha tiġi sussegwentement annullata, minħabba li hija kienet ibbażata fuq bażi legali żbaljata, sitwazzjoni bħal din toħloq eżattament it-tip ta’ komplikazzjonijiet li t-twaqqif tal-proċedura ta’ opinjoni preliminari hija intiża li tevita.

B –  Fuq il-mertu

1.     Sunt

Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-Artikoli 133 KE u 174(4) KE, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 300 KE, jiffurmaw il-bażi legali adegwata għall-konklużjoni tal-Protokoll mill-Komunità u, min-naħa l-oħra, li din ta’ l-aħħar għandha, fl-oqsma koperti mill-imsemmi protokoll, kompetenza predominanti meta mqabbla mal-kompetenzi li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent.

Għall-kuntrarju, il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll il-Kunsill iqisu li l-bażi legali adegwata hija l-Artikolu 175(1) KE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Il-Parlament isostni wkoll li l-Artikolu 175(1) KE jikkostitwixxi l-bażi legali adegwata ta’ l-att li jikkonkludi l-Protokoll. Madankollu, safejn dan ta’ l-aħħar għandu effetti sinjifikattivi fuq il-kummerċ ta’ OĦM, ikun rilevanti li ssir referenza wkoll għall-Artikolu 133 KE.

2.     Argumenti

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konklużjoni tal-Protokoll, minħabba l-għan u l-kontenut tiegħu, taqa’ essenzjalment taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità skond l-Artikolu 133 KE. Id-difiża effikaċi ta’ l-interess globali tal-Komunità u, għaldaqstant, l-interess ta’ l-Istati Membri kollha jeżiġu li l-imsemmi protokoll ikun konkluż fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

Madankollu, safejn l-imsemmi protokoll jittratta ċerti materji li mhumiex koperti mill-politika kummerċjali komuni, mingħajr ma d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala aċċessorji fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompetenza tal-Komunità sabiex tassumi l-obbligi internazzjonali korrispondenti hija bbażata fuq l-Artikolu 174(4) KE.

Fir-rigward tal-kompetenzi li miżmuma mill-Istati Membri sabiex jadottaw regoli nazzjonali u jidħlu fi ftehim internazzjonali fl-oqsma koperti bil-Protokoll, dawn huma ta’ natura residwa meta mqabbla mal-kompetenza predominanti tal-Komunità. Il-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri fl-imsemmi protokoll għandha għalhekk tinftiehem bħala li hija limitata għall-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi biss; fir-realtà, huma biss koperti d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-iżvilupp, it-trasport, l-użu, it-trasferiment u r-rilaxx ta’ kwalunkwe OĦM, barra mill-kummerċ internazzjonali, u dawk li jirrigwardaw il-movimenti mhux intenzjonati bejn il-fruntieri ta’ OĦM. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li, skond l-Artikolu 174(4) KE, il-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkoopera u tikkonkludi ftehim ma’ pajjiżi terzi u organizazzjonijiet internazzjonali ma tippreġudikax il-kompetenza esterna ta’ l-Istati Membri.

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa ġuridikament ġġustifikat li tirrikorri għal bażi legali dupliċi, jiġifieri l-Artikoli 133 KE u 174(4) KE, mingħajr ma tiġi eskluża a priori l-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri fil-Protokoll. Madankollu, għandu jkun ċar, meta tiġi ddepożitata d-dikjarazzjoni ta’ kompetenza u fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ l-imsemmi protokoll, li l-Komunità għandha kompetenza esklużiva fuq il-parti l-kbira ta’ l-oqsma in kwistjoni, taħt l-Artikolu 133 KE, filwaqt li l-Istati Membri jżommu kompetenzi konkorrenti biss għal numru limitat ta’ kwistjonijiet, jiġifieri dawk li ma jaffettwawx il-kummerċ f’OĦM bejn il-Komunità u l-Istati terzi.

Fir-rigward, iktar speċifikament, tal-portata ta’ l-Artikolu 133 KE, il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, għal żmien twil, ilha tadotta interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett tal-politika kummerċjali komuni (ara l-opinjoni 1/78, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Il-fatt li leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali ta’ ċerti prodotti tfittex li tilħaq, prinċipalment, għanijiet ta’ natura mhux kummerċjali ─ bħall-protezzjoni ta’ l-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, għanijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà, jew ta’ politika agrikola ─ ma jistax ikollu l-effett li jeskludi l-kompetenza esklużiva tal-Komunità u li jiġġustifika r-rikors, per eżempju, għall-Artikolu 175 KE. Fir-realtà, il-miżuri li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali spiss ifittxu li jilħqu għanijiet multipli u differenti, iżda dan ma jfissirx li dawn għandhom jiġu adottati fuq il-bażi tad-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat li jfittxu li jilħqu dawn l-għanijiet.

Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, billi l-miżuri in kwistjoni huma speċifikament intiżi sabiex jirregolaw il-kummerċ internazzjonali u għalhekk sabiex jirregolaw il-kummerċ estern tal-Komunità, dawn jaqgħu fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, anki jekk ifittxu li jilħqu għanijiet multipli, u l-Komunità biss hija kompetenti sabiex tadottahom, mingħajr mhemm bżonn li jiġi ddeterminat l-għan prevalenti jew iċ-“ċentru ta’ gravità” tal-miżuri in kwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il-Kunsill, C-62/88, Ġabra p. I-1527, punti 17 sa 20 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Chernobyl”); tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 45/86, Ġabra p. 1493, punti 16 sa 20; tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner, C-70/94, Ġabra p. I-3189, punti 8 sa 11, u Leifer et, C-83/94, Ġabra p. I-3231, punti 8 sa 11, u ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com, C-124/95, Ġabra p. I-81, punti 26 sa 29, kif ukoll l-opinjonijiet iċċitati iktar ’il fuq 1/78, punti 41 sa 46, u 1/94, punti 28 sa 31].

L-Artikolu 6 KE huwa f’armonija sħiħa ma’ din il-ġurisprudenza. Fil-fatt, skond din id-dispożizzjoni, il-ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3 KE. Diversi inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni juru l-importanza li din l-istituzzjoni torbot ma’ l-integrazzjoni ta’ preokkupazzjonijiet li mhumiex ta’ natura kummerċjali, b’mod partikolari ta’ kwistjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent u tas-saħħa pubblika, fil-politika ekonomika u kummerċjali tal-Komunità. Il-Kummissjoni żżid li kunsiderazzjonijiet ta’ natura mhux kummerċjali huma, barra minn hekk, diġà rikonoxxuti u integrati fil-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim WTO”) u fl-annessi tiegħu, b’mod partikolari fl-Artikolu XX tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“GATT”), fil-Ftehim fuq l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (iktar ’il quddiem il-“Ftehim SPS”) u fil-Ftehim fuq l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TBT”), mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja madankollu eskludiet, fil-punt 34 ta’ l-opinjoni 1/94 tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, il-kompetenza esklużiva tal-Komunità sabiex tikkonkludi, abbażi ta’ l-Artikolu 113 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 133 KE), il-ftehim multilaterali kollha dwar il-kummerċ tal-merkanzija.

Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-Artikolu 133 KE jibqa’ l-bażi legali adegwata għall-konklużjoni mill-Komumità tal-ftehim dwar il-kummerċ internazzjonali ta’ prodotti, indipendentement mill-kwistjoni dwar il-bażi legali li fuqha għandhom jiġu adottati l-miżuri ta’ eżekuzzjoni interna ta’ tali impenji. Għalhekk, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni interna ta’ impenji internazzjonali meħuda taħt l-Artikolu 133 KE u li jolqtu l-qasam agrikolu huma bbażati fuq l-Artikolu 43 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 37 KE) (ara opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). Lanqas in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni kompleta fuq livell intrakomunitarju f’qasam kopert bl-impenji internazzjonali meħuda mill-Komunità ma jeskludi r-rikors għall-Artikolu 133 KE biss, billi l-ftehim in kwistjoni għandu bħala għan l-eliminazzjoni ta’ l-ostakoli mhux neċessarji għall-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija (opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 sa 33).

Fid-dawl tal-multiplikazzjoni tal-ftehim li jimponu restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali b’risposta għal preokkupazzjonijiet imsejħa non-kummerċjali, ir-rikors għal bażijiet legali oħra jkollu l-effett li jneħħi s-sustanza ta’ l-Artikolu 133 KE u li jippreġudika l-koerenza tal-politika tal-Komunità fir-rigward ta’ l-imsieħba kummerċjali tagħha, kif ukoll l-interess globali tal-Komunità, b’riżultat tal-parteċipazzjoni f’dan it-tip ta’ ftehim ta’ l-Istati Membri kollha jew ta’ wħud minnhom.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li l-għan tagħhom jaqa’ ’l barra mill-kuntest tar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali ta’ OĦM, il-Kummissjoni tikkontesta li s-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C-284/95, Ġabra p. I-4301, punt 43), timplika r-rikors għall-Artikolu 175(1) KE iktar milli għall-Artikolu 174(4) KE. Din l-aħħar dispożizzjoni tagħti espliċitament lill-Komunità kompetenza sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali fil-qasam ta’ l-ambjent. Il-Kummissjoni ssostni li, f’dak li jikkonċerna r-regoli proċedurali applikabbli, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 300 KE.

Skond l-Artikolu 174(4) KE, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent biss jekk dawn ta’ l-aħħar jikkostitwixxu miżuri ta’ protezzjoni msaħħa kompatibbli mat-Trattat u nnotifikati lill-Kummissjoni. L-osservanza stretta ta’ dawn il-kundizzjonijiet hija indispensabbli sabiex jiġu żgurati l-unità tas-suq komuni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju.

Il-Kummissjoni tikkonkludi billi titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta affermativa għaż-żewġ domandi magħmula minnha.

Il-Gvern Daniż isostni li l-Artikolu 175(1) KE, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 300 KE, jikkostitwixxu l-bażi legali idonea u suffiċjenti għall-konklużjoni tal-Protokoll mill-Komunità.

F’dan ir-rigward, huwa jirreferi, filwaqt li jsemmi diversi eżempji, għall-prassi preċedenti tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-għażla tal-bażi legali għall-konklużjoni ta’ ftehim fil-qasam ta’ l-ambjent, minkejja li huwa konxju tal-fatt li dan ma jikkostitwixxix, fih innifsu, argument deċiżiv. Skond l-imsemmi gvern, il-Kunsill ibbaża ruħu sistematikament fuq l-Artikolu 130s tat-Trattat jew fuq il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief f’każ iżolat, u skarta d-diversi proposti tal-Kummissjoni.

Din il-prassi hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [ara s-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-155/91, Ġabra p. I-939 (iktar ’il quddiem is-“sentenza ‘Direttiva skart’”), u tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-187/93, Ġabra p. I-2857], li ħadet in kunsiderazzjoni l-għan prinċipali ta’ l-att in kwistjoni, li huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent, filwaqt li l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq fi ħdan il-Komunità tikkostitwixxi l-għan aċċessorju ta’ tali att.

Skond il-Gvern Daniż, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali adegwata ta’ l-att li jikkonkludi l-Protokoll, huwa meħtieġ, skond ġurisprudenza stabbilita, li jiġi vverifikat jekk, kemm bil-għan tiegħu kif ukoll bil-kontenut tiegħu, l-imsemmi protokoll jikkonċernax fuq kollox il-qasam ta’ l-ambjent jew jekk l-aspetti kummerċjali għandhomx rwol ekwivalenti jew, possibbilment, iktar importanti.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż isostni li l-Protokoll jagħmel parti minn assjem ta’ miżuri adottati mill-komunità internazzjonali sabiex tiġ protetta u ppreservata d-diversità bijoloġika. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni hija ftehim li jirrigwarda essenzjalment l-ambjent u li l-Komunità aderixxiet għalih fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 130s(1) tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, il-preambolu tal-Protokoll u l-Artikoli 1 u 4 tiegħu).

Jekk il-Protokoll jiffoka, fl-Artikolu 1 tiegħu, fuq il-movimenti bejn il-fruntieri, dan huwa minħabba l-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet bijoloġiċi jvarjaw b’mod sinjifikattiv minn Stat għall-ieħor, li d-differenzi fil-livell ta’ l-iżvilupp ta’ l-Istati fil-qasam tal-bioteknoloġija moderna huma ta’ theddida partikolari għall-bijodiversità u billi r-regolamentazzjoni tar-riskji marbuta ma’ l-OĦM tkun inkompleta jekk ma jkunx hemm regoli li jirregolaw il-movimenti bejn il-fruntieri. Għalhekk, dak li kien determinanti fit-tħejjija tal-Protokoll ma kienx il-kwantità jew il-valur ta’ l-OĦM li kienu s-suġġett ta’ dawn il-movimenti, iżda tabilħaqq ir-riskji potenzjali għad-diversità bijoloġika. Barra minn hekk, huwa fin-natura ta’ ftehim multilaterali fil-qasam ta’ l-ambjent li jiffoka iktar fuq l-aspetti transkonfinali milli fuq l-aspetti nazzjonali. Il-kumplessità tal-qasam in kwistjoni tispjega wkoll in-numru kbir ta’ artikoli li jirrigwardaw speċifikament il-moviment bejn il-fruntieri. Madankollu, dan ma jfissirx li d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Protokoll huma ta’ natura purament aċċessorja.

Għalhekk ir-regolamentazzjoni tal-movimenti bejn il-fruntieri ta’ l-OĦM, li barra minn dan m’għandhiex għan kummerċjali, ma tikkostitwixxix il-kontenut prinċipali tal-Protokoll. Dan huwa prinċipalment ftehim fil-qasam ta’ l-ambjent intiż sabiex jirregola r-riskji għall-bijodiversità u għas-saħħa tal-bniedem marbuta ma’ l-OĦM.

Il-Gvern Daniż madankollu ma jiċħadx li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Artikolu 133 KE għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ u li l-politika kummerċjali komuni ma tkoprix biss l-istrumenti klassiċi tal-politika kummerċjali. Madankollu, dejjem għandhom ikunu strumenti marbuta ma’ leġiżlazzjoni li tfittex li tippromwovi jew li tiffaċilita l-kummerċ. Il-fatt li t-Trattat, fil-verżjoni tiegħu attwalment fis-seħħ, jipprovdi li l-protezzjoni ta’ l-ambjent għandha tkun integrata fil-politiki Komunitarji l-oħra bl-ebda mod ma jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-ambjent għandhom jintużaw inqas minn qabel bħala bażi legali għall-ftehim li, permezz ta’ l-għan u l-kontenut tagħhom, huma prinċipalment ftehim fil-qasam ta’ l-ambjent.

Fir-rigward ta’ l-Artikolu 174(4) KE, il-Gvern Daniż isostni li dan ma jistax iservi ta’ bażi legali għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam ta’ l-ambjent. L-imsemmija dispożizzjoni tiffissa biss l-għanijiet ġenerali ta’ l-azzjoni tal-Komunità f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Safety Hi-Tech, iċċitata iktar ’il fuq, u ta’ l-14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C 341/95, Ġabra p. I-4355). Skond l-istess termini tagħha, din id-dispożizzjoni timponi biss fuq l-Istati Membri u fuq il-Komunità obbligu ta’ kooperazzjoni “fil-qafas ta’ l-isferi ta’ kompetenza rispettiva tagħhom” ma’ pajjizi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Daniż żviluppa argument iktar politiku kontra l-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa jispeċifika li ma jifhimx għalfejn din ta’ l-aħħar ħadet din l-okkażjoni sabiex tesprimi l-ostilità tagħha fir-rigward tal-ftehim mħallta, billi, f’kull każ, il-Protokoll jibqa’ ftehim imħallat, anki li kieku kellha tintgħażel il-bażi legali sostnuta mill-Kummissjoni. F’dan il-każ, il-Komunità u l-Istati Membri tiegħu kellhom rwol importanti matul in-negozjati diffiċli tal-Protokoll, li tmexxew preċiżament fil-perspettiva li jiġi konkluż ftehim mħallat. Dawn in-negozjati wrew b’mod ċar li d-diffikultajiet allegati mill-Kummissjoni mhumiex ta’ ostakolu għall-Komunità u għall-Istati Membri milli jkollhom rwol importanti fin-negozjati u fil-konklużjoni ta’ ftehim imħallta.

Il-Gvern Daniż jikkonkludi billi jikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda u li mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Il-Gvern Elleniku jsostni wkoll li l-Protokoll jaqa’ b’mod ċar fl-ambitu tad-dritt internazzjonali ta’ l-ambjent.

Huwa jfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li jinkludu l-għan u l-kontenut ta’ l-att kollu kemm hu (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 25, u tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-268/94, Ġabra p. I-6177). Is-sempliċi preżenza ta’ elementi ta’ politika kummerċjali fi ftehim fil-qasam ta’ l-ambjent ma jistax ikollu l-effett li jittrasformah fi ftehim kummerċjali, bl-istess mod kif il-preżenza ta’ fatturi ambjentali fi ftehim ta’ natura fundamentalment kummerċjali ma jibdilx in-natura kummerċjali ta’ dan ta’ l-aħħar.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Elleniku jsostni li l-eżami ta’ l-għanijiet tal-Protokoll kif ukoll ta’ l-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet tiegħu jwassal inevitabbilment għall-konklużjoni li dan huwa ftehim internazzjonali li huwa qabel kollox ta’ natura ambjentali.

Wara kollox, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konformi ma’ l-approċċ globali segwit mill-Komunità f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp sostenibbli, sostnut b’mod partikolari matul in-negozjati tal-Protokoll. Din il-pożizzjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni, li jipprovdi li “[i]d-disposizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ kull Parti Kontraenti li jkunu ġejjin minn ftehim internazzjonali eżistenti, ħlief fejn il-prattika [l-eżerċizzju] ta’ dawk id-drittijiet u [l-osservanza ta’ dawk] l-obbligi jistgħu jikkawżaw ħsara serja jew theddida lid-diversità bijoloġika”. Il-kriterju tal-protezzjoni ta’ l-ambjent huwa għalhekk determinanti għall-interpretazzjoni tal-Protokoll (ara, f’dan is-sens, l-Artikoli 1, 2(4), 4, 7(4), 10(6), 11(8), 15, 16(2), 17 u 26 tal-Protokoll). Jekk l-Artikolu 133 KE jiġi magħżul bħala l-bażi legali, billi tingħata natura essenzjalment kummerċjali lill-Protokoll, l-impatt fuq l-interpretazzjoni tiegħu u fuq l-applikazzjoni futura tiegħu jkunu “devastanti”.

Il-Gvern Elleniku jżid li, jekk il-Protokoll kien prinċipalment intiż sabiex jirregola l-kummerċ internazzjonali, dan kien ikun konkluż fil-kuntest tal-WTO, kif fil-fatt xtaqu l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, u mhux fil-kuntest tal-Konvenzjoni.

Il-Gvern Elleniku jislet argumenti wkoll mill-fatt li l-Protokoll huwa bbażat fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt ambjentali.

It-teżi tal-Kummissjoni fis-sens li m’għandhiex titneħħa s-sustanza ta’ l-Artikolu 133 KE tista’ wara kollox tippreġudika l-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjoni li tagħmel din ta’ l-aħħar, billi din twassal biex tneħħi s-sustanza leġiżlattiva ta’ serje ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat.

Il-Gvern Elleniku jsostni wkoll li, billi l-Protokoll huwa bbażat fuq l-Artikoli 17 u 19(3) u (4) tal-Konvenzjoni (ara t-tieni premessa tal-preambolu tiegħu), huwa ġuridikament koerenti li l-Komunità tapprova l-imsemmi protokoll fuq il-bażi ta’ l-istess kompetenza, jiġifieri fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 175 KE, li wara kollox huwa l-bażi ta’ kull azzjoni fil-qasam ta’ l-ambjent.

Sabiex jikkonkludi, il-Gvern Elleniku jikkunsidra li l-bażi legali adegwata għall-konklużjoni tal-Protokoll huwa l-Artikolu 175(1) KE.

Huwa jżid li d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn il-kompetenza predominanti tal-Komunità u l-kompetenza residwa ta’ l-Istati Membri hija ġuridikament inaċċettabbli u turi li qed isir ġudizzju ta’ valur f’dak li jirrigwarda l-kompetenzi mħallta, li l-eżistenza tagħhom tirrifletti l-organizzazzjoni attwali tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Għal din l-istess raġuni, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet fil-konklużjoni u fil-ġestjoni tal-ftehim imħallta huma irrilevanti. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet twassal sabiex tiġi rikonoxxuta l-kompetenza esklużiva tal-Komunità għall-azzjonijiet kollha previsti fit-Trattat, għas-sempliċi raġuni li l-eżerċizzju tal-kompetenzi konġuntament ma’ l-Istati Membri jwassal għal diffikultajiet ta’ ġestjoni.

Il-Gvern Spanjol isostni li l-Protokoll huwa ftehim internazzjonali li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment iddedikat għall-ambjent, b’mod li l-unika bażi legali għall-approvazzjoni tiegħu hija l-Artikolu 175(1) KE.

Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att ma tistax tiddependi biss mill-konvinzjoni ta’ istituzzjoni, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11). Fost dawn il-kriterji hemm b’mod partikolari l-għan u l-kontenut ta’ l-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-271/94, Ġabra p. I-1689, punt 14), billi għan li huwa sempliċement aċċessorju ta’ att ma jistax iservi validament sabiex jiġġustifika l-għażla ta’ bażi legali (ara, per eżempju, is-sentenza “Direttiva skart”) u billi, meta l-kompetenza ta’ istituzzjoni tistrieħ fuq żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat, din ta’ l-aħħar għandha tadotta l-att in kwistjoni fuq il-bażi taż-żewġ dispożizzjonijiet sakemm l-użu konġunt tal-bażijiet legali ma jneħħix is-sustanza tal-prerogattivi tal-Parlament [ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-300/89, Ġabra p. I-2867 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Dijossidu tat-titanju”)].

F’dan il-każ, skond il-Gvern Spanjol, l-għan u l-kontenut tal-Protokoll jaqgħu fl-ambitu ta’ politika speċifikament ambjentali u l-effett tiegħu fuq il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija huwa biss aċċċessorju. Jirriżulta mill-Artikolu 4 tal-Protokoll li l-għan tiegħu mhuwiex li jirregola l-kummerċ ta’ l-OĦM, iżda li jadotta miżuri li jiggarantixxu l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika (ara wkoll f’dan is-sens, l-Artikoli 2, 17, 20, 22, 23 u 26 ta’ l-imsemmi protokoll). Ir-raġuni għalfejn il-movimenti bejn il-fruntieri ta’ OĦM huma rregolati, bl-istess mod bħaċ-ċaqliq, l-immaniġġjar jew l-użu tagħhom, hija sabiex jiġu evitati l-effetti ħżiena fuq il-konservazzjoni u l-użu tad-diversità bijoloġika.

Il-Gvern Spanjol isostni li, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-politika kummerċjali, li tieħu in kunsiderazzjoni l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali, dan bl-ebda mod ma jfisser li ftehim internazzjonali, li l-għan prinċipali tiegħu huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem, għandu jiġi adottat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 133 KE minħabba li jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ internazzjonali, approċċ li jċaħħad il-politiki Komunitarji l-oħra mis-sustanza tagħhom.

Barra minn hekk, id-diffikultajiet marbuta mal-ġestjoni u ma’ l-applikazzjoni ta’ ftehim imħallat huma irrilevanti f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni tal-bażi legali.

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 174 KE, il-Gvern Spanjol isostni li din id-dispożizzjoni tillimita ruħha sabiex tiddefinixxi għanijiet ġenerali (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C-379/92, Ġabra p. I‑3453, punt 57, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Safety Hi-Tech, punt 43, u Bettati, punt 41), filwaqt li tirrikonoxxi l-eżistenza, fil-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ kompetenzi kondiviżi bejn il-Komunità u l-Istati Membri fil-qasam ta’ ftehim internazzjonali fuq l-ambjent, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi l-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim bħal dawn. Għal dan il-għan, wieħed għandu jirrikorri għall-Artikolu 175 KE. Dan l-artikolu huwa għalhekk l-unika dispożizzjoni li tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ regola ambjentali, kemm jekk tkun interna jew esterna.

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-prassi kostanti tal-Komunità.

Il-Gvern Franċiż isostni, preliminarjament, li l-Protokoll ifittex li jimplementa l-għanijiet tal-Konvenzjoni, konkluża mill-Komunità fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 130s tat-Trattat. Huwa jenfasizza li, matul in-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tal-Protokoll, din ta’ l-aħħar kellha rwol ferm attiv u kien hemm koeżjoni perfetta bejnha u l-Istati Membri tagħha, b’mod li l-għanijiet ta’ l-Unjoni Ewropea setgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni b’mod xieraq.

Il-Gvern Franċiż jikkunsidra, b’mod ġenerali, li l-bażi legali adegwata għall-konklużjoni tal-Protokoll hija biss l-Artikolu 175 KE u li l-kunċetti ta’ kompetenza residwa u ta’ kompetenza predominanti, anki jekk dawn jeżistu fid-dritt Komunitarju, mhumiex applikabbli f’dan il-każ.

Fir-rigward ta’ l-ewwel domanda, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta instrument internazzjonali jippermetti lill-Komunità tadotta miżuri ta’ protezzjoni ambjentali u meta dawn il-miżuri ikollhom impatt fuq il-kummerċ internazzjonali mingħajr ma jkollhom l-għan li jippromwovuh, u lanqas li jirregolawh, l-Artikolu 175 KE jikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex jiġi adottat ftehim bħal dan. Din id-dispożizzjoni tista’ tintuża konġuntament ma’ l-Artikolu 133 KE biss jekk l-imsemmija miżuri jikkonċernaw, b’mod inseparabbli, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali (ara, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, minn naħa, u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, min-naħa l-oħra, is-sentenzi Dijossidu tat-titanju u “Direttiva skart”). Il-Gvern Franċiż jiċċita wkoll is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll il-punti 42 sa 44 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs f’dik il-kawża, li jagħmlu distinzjoni bejn il-miżuri li jikkontribwixxu għat-twettiq tas-suq intern, li għalihom għandu jintuża l-Artikolu 100a tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE) bħala bażi legali, u l-miżuri li għandhom impatt fuq il-kummerċ, li għalihom dispożizzjoni bħal din mhijiex bażi legali neċessarja.

Għalhekk, skond l-Avukat Ġenerali Jacobs, miżura “li tiddefinixxi l-karatteristiċi li għandu jkollha merkanzija sabiex tkun tista’ tiċċirkola liberament fis-suq intern” tikkostitwixxi ─ skond is-sentenza Dijossidu tat-titanju ─ miżura li tirrikjedi l-użu tal-bażi legali relattiva għas-suq intern. Min-naħa l-oħra, huwa biss l-Artikolu 175 KE li jippermetti li jiġu adottati miżuri li “jipprovdu sistema armonizzata ta’ proċeduri li permezz tagħha l-movimenti ta’ merkanzija partikolari jistgħu jiġu impediti u kkontrollati għall-finijiet tal-protezzjoni ta’ l-ambjent”.

Il-Gvern Franċiż jirreferi wkoll għall-prassi Komunitarja ta’ dawn l-aħħar snin, billi jsemmi numru ta’ “ftehim ambjentali multilaterali” jew atti interni li jimplementaw ftehim bħal dawn, ibbażati fuq l-Artikolu 130s tat-Trattat, bl-esklużjoni ta’ l-Artikolu 113 tiegħu, minkejja li dawn il-ftehim jew atti kellhom impatt evidenti kemm fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kif ukoll fuq il-kummerċ bejn il-Komunità u l-Istati terzi.

L-eżempji ċċitati mill-Kummissjoni in sostenn tat-teżi tagħha ma jikkonċernawx il-politika ta’ l-ambjent, iżda l-politika ta’ l-iżvilupp, il-politika agrikola komuni u l-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Dawn il-politiki għandhom rabta mal-politika kummerċjali li hija differenti ħafna minn dik li għandhom il-ftehim internazzjonali fil-qasam tal-kummerċ mal-ftehim fil-qasam ta’ l-ambjent. Barra minn dan, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja li fuqu huma bbażati s-sentenzi Dijossidu tat-titanju u “Direttiva skart” huwa diffiċilment applikabbli għal dan il-każ.

L-eżami ta’ l-għan u tal-kontenut tal-Protokoll, li jikkostitwixxu elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fuqhom, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tkun ibbażata l-għażla tal-bażi legali, jikkonferma l-fondatezza tar-rikors għall-Artikolu 175 KE biss.

Il-Gvern Franċiż jinvoka diversi elementi li, skondu, jixhdu l-għan ambjentali tal-miżuri previsti mill-Protokoll: il-mandat mogħti lin-negozjaturi mill-Konferenza tal-partijiet fil-Konvenzjoni, it-titolu tal-Protokoll, il-preambolu tiegħu kif ukoll l-Artikoli 1 u 4 tiegħu.

Barra minn dan, is-sempliċi fatt li s-suġġett ta’ l-imsemmija miżuri huwa l-moviment bejn il-fruntieri ta’ OĦM ma jagħmilx neċessarju r-rikors għall-Artikolu 133 KE bħala bażi legali; fil-fatt, il-fatt li fil-Protokoll jiġi rregolat il-kummerċ transkonfinali ma jfissirx huwa jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni. Għalkemm il-kummerċ huwa kopert, dan isir biss sabiex jiġi kkontrollat, jew saħansitra impedit, bil-għan li jintlaħaq għan ambjentali. Għalhekk mhuwiex il-każ li l-kummerċ qed jiġi rregolat il-kummerċ għall-finijiet li jiġi promoss.

F’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-Protokoll, il-Gvern Franċiż isostni li dan fih żewġ tipi ta’ dispożizzjonijiet distinti:

–        minn naħa, l-Artikoli 7 sa 14 jistabbilixxu d-diversi stadji tal-proċedura ta’ qbil minn qabel informat applikabbli għall-OĦM u r-regoli speċifiċi li japplikaw għall-kategorija ta’ OĦM intiżi għall-ikel jew għall-għalf jew sabiex jiġu pproċessati. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu r-regoli applikabbli għall-kummerċ jew għall-iskambji ta’ natura speċifika u jispeċifikaw il-proċedura għall-istima tar-riskju għall-ambjent ta’ moviment bejn il-fruntieri ta’ OĦM propost;

–        min-naħa l-oħra, diversi artikoli oħra jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ l-għanijiet tal-Protokoll u fihom impenji distinti minn dawk assunti taħt l-Artikoli 7 sa 14. Dawn jirrigwardaw dispożizzjonijiet dwar l-istima tar-riskju mill-partijiet (Artikolu 15), l-immaniġġjar tar-riskju minn dawn ta’ l-aħħar (Artikolu 16), il-movimenti bejn il-fruntieri mhux intenzjonati (per eżempju aċċidentali), kif ukoll miżuri ta’ emerġenza li jista’ jkun hemm bżonn li jittieħdu minħabba f’tali movimenti (Artikolu 17), regoli dwar l-immaniġġjar, it-trasport, l-ippakkeġġjar u l-identifikazzjoni (Artikolu 18), il-ħolqien ta’ Aġenzija Informattiva dwar il-Biosigurtà (Artikolu 20), miżuri ta’ prevenzjoni ta’ movimenti illegali bejn il-fruntieri (Artikolu 25) u l-konsultazzjonijiet internazzjonali li għandhom jinbdew dwar il-ħolqien ta’ sistema ta’ responsabbiltà u ta’ rrimedjar fil-każ ta’ dannu kkawżat minn moviment bejn il-fruntieri ta’ OĦM (Artikolu 27).

Għalhekk ma jkunx iġġustifikat li l-Protokoll jiġi limitat għar-regoli li jinsabu fl-Artikoli 7 sa 14 tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jiġġustifikaw referenza għall-Artikolu 133 KE, billi, fil-kliem ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs, fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-187/93, iċċitata iktar ’il fuq, il-proċeduri previsti minnhom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “sistema ta’ proċeduri armonizzati intiża sabiex timpedixxi jew tikkontrolla l-movimenti bejn il-fruntieri ta’ OĦM għal motivi marbuta mal-protezzjoni ta’ l-ambjent”, iżda fl-ebda każ bħala “definizzjoni tal-karatteristiċi” li għandu jkollhom l-OĦM “sabiex ikunu jistħgu jidħlu liberament fil-Komunità”.

Il-Gvern Franċiż jikkonkludi billi jgħid li l-għan u l-kontenut tal-Protokoll juru li l-bażi legali adegwata tal-Protokoll ─ li l-fatt li għandu impatt sinjifikattiv fuq il-kummerċ ta’ OĦM mhuwiex madankollu kkontestat ─ huwa biss l-Artikolu 175 KE.

Fir-rigward tal-Ftehim SPS u TBT, li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punti 31 u 33 ta’ l-opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, li setgħu jiġu validament konklużi fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 113 tat-Trattat, il-Gvern Franċiż isostni, minn naħa, li, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan essenzjali ta’ dawn il-ftehim kien li jiġu limitati l-effetti negattivi fuq il-kummerċ u għalhekk jiġi inkoraġġit il-kummerċ, filwaqt li l-għan tal-Protokoll huwa li jikkontrolla, u possibbilment ukoll jimpedixxi, il-kummerċ. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi gvern isostni li dawn iż-żewġ ftehim joħolqu qafas istituzzjonali li jfittex li jassigura li l-miżuri adottati sabiex jilqgħu għal riskju sanitarju jew ta’ tip ieħor ma jkollhomx impatt indebitu fuq il-kummerċ, filwaqt li l-Protokoll jitlaq mill-konstatazzjoni li jeżisti riskju speċifiku għall-ambjent u li dan ir-riskju għandu jkun is-suġġett ta’ miżuri sabiex jiġi kkontrollat.

Barra minn dan, skond il-Gvern Franċiż, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni ta’ kategorija ta’ ftehim internazzjonali mhumiex rilevanti għall-għażla ta’ bażi legali. Għall-kuntrarju huwa jqis li, fil-qasam tal-ftehim ambjentali, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet huwa implementat b’mod sodisfaċenti.

Wara l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iżmantellament tal-politika kummerċjali komuni fir-realtà hemm il-biża’ li, fl-applikazzjoni tal-Protokoll, l-Istati Membri jew il-Komunità jiksru obbligi internazzjonali oħra ta’ din ta’ l-aħħar u b’mod partikolari l-Ftehim WTO. Għall-Gvern Franċiż dan il-biża’ jidher li huwa perfettament leġittimu, iżda dan ma jistax effettivament jitneħħa bl-għażla ta’ bażi legali inadegwata u inġustifikata.

Hemm metodi oħra, iktar adatti, sabiex jiġi assigurat li l-implementazzjoni tal-Protokoll ma jkollhiex impatt sfavorevoli fuq il-politika kummerċjali komuni. Dawn il-metodi jistgħu jikkonsistu, per eżempju, fl-inklużjoni, fil-preambolu tad-deċiżjoni li tawtorizza lill-Komunità tikkonkludi l-imsemmi protokoll, ta’ sentenza li tafferma b’mod ċar li l-Komunità se tirrispetta l-impenji internazzjonali l-oħra kollha tagħha jew fit-twaqqif ta’ proċedura sistematika sabiex tiġi vverifikata l-konformità ta’ kull deċiżjoni meħuda b’applikazzjoni tal-Protokoll ma’ l-impenji internazzjonali l-oħra tal-Komunità, jew f’miżuri ta’ koordinazzjoni speċifika bejn id-diversi servizzi kkonċernati li jistgħu jiġu stabbiliti.

F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-għażla bejn l-Artikoli 174(4) KE u 175(1) KE, il-Gvern Franċiż isostni li, anki fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-ewwel domanda tal-Kummissjoni hija ammissibbli, dan il-punt partikolari ma jkunx. Fil-fatt, din id-domanda f’kull każ tirrigwarda kompetenza kondiviża u ma jistax ikollha impatt fuq il-proċedura. Il-Gvern Franċiż ma jifhimx ir-raġuni għalfejn l-għażla ta’ bażi legali minflok oħra għandha taffettwa l-kompatibbiltà tal-Protokoll ─ u anki tad-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni tiegħu ─ mat-Trattat.

Anki kieku kellu jiġi ammess li l-Artikolu 174(4) KE jista’ jikkostitwixxi “bażi legali esterna”, il-Komunità f’kull każ għandha żewġ bażijiet sabiex tadotta atti tad-dritt internazzjonali:

–        l-Artikolu 174(4) KE għall-ftehim li jirrigwardaw il-kooperazzjoni bejn l-Istati terzi u l-Komunità u li jirrigwardaw diversi aspetti tal-politika ambjentali;

–        l-Artikolu 175(1) KE għall-ftehim ta’ natura iktar settorjali, li jfittxu li jimplementaw, fuq livell internazzjonali, kompetenzi diġà eżerċitati fuq livell intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Safety Hi-Tech, iċċitata iktar ’il fuq).

Il-Gvern Franċiż jikkonstata li l-Protokoll jaqa’ iktar taħt din l-aħħar kategorija billi jippermetti l-applikazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati terzi ta’ regoli simili għal dawk li diġà jeżistu bejn l-Istati Membri.

L-imsemmi gvern jikkonkludi billi jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija taċċetta l-ammissibbiltà ta’ l-ewwel domanda, sabiex tirrispondi kif ġej:

“Il-Komunità għandha kompetenzi neċessarji u suffiċjenti fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 175(1) [KE] sabiex tikkonkludi, konġuntament ma’ l-Istati Membri, il-Protokoll ta’ [Cartagena] dwar il-biosigurtà.”

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda tkun mingħajr skop.

Il-Gvern Franċiż jikkontesta, f’kull każ, il-kunċett ta’ “kompetenza predominanti” tal-Komunità, li mhuwiex rikonoxxut fid-dritt Komunitarju u ma ġiex stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din ta’ l-aħħar tirrikonoxxi biss ftehim li fihom il-Komunità biss tista’ tkun parti, minħabba l-kompetenza esklużiva tagħha, jew ftehim imħallta li jaqgħu in parti taħt il-kompetenza tal-Komunità u in parti taħt dik ta’ l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

L-imsemmi gvern iżid li, billi l-Kummissjoni ma tikkontestax li, anki kieku kellu jiġi konkluż fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 133 KE u 175 KE, il-Protokoll ikun ftehim mħallat, hemm lok li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji, kemm fil-proċess tan-negozjati u tal-konklużjoni kif ukoll fl-implementazzjoni tal-Protokoll (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq).

Il-Gvern Taljan isostni li l-Protokoll fih regoli ambjentali intiżi, kif jindika l-Artikolu 1, sabiex jiġu miġġielda l-effetti ħżiena fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari dawk marbuta mal-movimenti bejn il-fruntieri ta’ OĦM. Jirriżulta b’mod ċar mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll li s-suġġett u l-għan ta’ dan ta’ l-aħħar huma l-ħolqien ta’ qafas ġuridiku proċedurali applikabbli għall-moviment intenzjonat bejn il-frunitieri ta’ OĦM (Artikoli 4 sa 16) u għall-moviment mhux intenzjonat bejn il-fruntieri li jista’ jkollu effetti ħżiena sinjifikattivi fuq id-diversità bijoloġika (Artikolu 17).

Il-preokkupazzjonijiet ambjentali u r-riskji għas-saħħa tal-bniedem huma meħuda in kunsiderazzjoni b’mod partikolari fl-Artikoli 10(6) u 11(8) tal-Protokoll, fejn huma previsti ċ-ċirkustanzi li fihom l-partijiet jistgħu jadottaw deċiżjonijiet restrittivi f’dak li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ OĦM.

Għalkemm huwa minnu li l-kompetenza Komunitarja fil-qasam kummerċjali, kemm fuq livell intern kif ukoll fuq livell estern, hija esklużiva, l-aspett kummerċjali għandu jwarrab quddiem ir-rekwiżiti imperattivi, rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

Skond l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ta’ l-1969 fuq il-Liġi tat-Trattati, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest li fih il-protokoll ġie adottat, liema kuntest jinkludi, b’mod partikolari, kull ftehim relatat mat-trattat li għandu jiġi interpretat u kull regola rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet [l-Artikolu 31(2)(a)]. Il-Protokoll ġie adottat fil-kuntest tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika.

Il-Gvern Taljan iqis li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-bażi legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-Protokoll għandha tinsab fid-dispożizzjonijiet dwar il-politika ambjentali Komunitarja.

Ikun xi jkun l-artikolu speċifiku li fuqu għandha tiġi bbażata l-imsemmija deċiżjoni ta’ konklużjoni, jiġifieri l-Artikolu 174(4) KE jew l-Artikolu 175 KE, il-Gvern Taljan isostni li d-deċiżjoni f’kull każ se tittieħed b’maġġoranza kkwalifikata u wara konsultazzjoni mal-Parlament.

Billi dan huwa każ ta’ kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar, skond il-Gvern Taljan, se jipparteċipaw fil-Protokoll billi jassumu l-obbligi li jikkonċernaw l-oqsma li għalihom iżommu kompetenza residwa meta mqabbla mal-kompetenza Komunitarja. L-imsemmi protokoll għandu għalhekk bilfors ikun ftehim mħallat. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan ifakkar fil-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-dmir ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji, kemm fil-proċess tan-negozjati u tal-konklużjoni kif ukoll fit-twettiq ta’ l-impenji li jkunu daħlu għalihom (opinjoni 2/91, tad-19 ta’ Marzu 1993, Ġabra p. I-1061, punt 38, u 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108).

Il-Gvern Awstrijak iqis, b’mod ġenerali, li l-Protokoll jikkostitwixxi ─ kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju, mill-għan u mid-dispożizzjonijiet tiegħu ─ ftehim multilaterali fil-qasam ta’ l-ambjent, li huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni (Artikolu 1 tal-Protokoll). L-għan ambjentali tiegħu, enfasizzat nettament fil-preambolu tiegħu, huwa għalhekk dovut fil-biċċa l-kbira tiegħu għall-inizjattiva tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tiegħu, filwaqt li l-Kummissjoni ─ bħall-Istati Membri kollha ─ konstantement enfasizzat dan l-għan fil-kuntest tan-negozjati.

L-għan tal-ftehim huwa li jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni fl-użu ta’ OĦM, sabiex jiġu evitati eventwali effetti ħżiena fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika. Għal dan il-għan, qed tiġi stabbilita sistema ta’ informazzjoni li tippermetti lil kull Stat jieħu deċiżjonijiet informati fir-rigward tal-possibbiltà ta’ l-użu ta’ OĦM fit-territorju tuegħu.

Il-Gvern Awstrijak jikkontesta, f’dan ir-rigward, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li skondha ċerti artikoli tal-Protokoll ─ b’mod partikolari l-Artikolu 11 ─ għandhom in-natura ta’ prinċipju filwaqt li dispożizzjonijiet oħra huma kkunsidrati bħala aċċessorji, bħalma huma d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-finanzjament, ir-responsabbiltà, l-aspetti soċjo-ekonomiċi, l-Aġenzija Informattiva u l-bini tal-kapaċità. Fin-nuqqas ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, l-implementazzjoni tal-Protokoll tkun impossibbli, b’mod partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Skond il-Gvern Awstrijak, il-konsegwenzi tal-Protokoll fil-qasam tal-politika kummerċjali jistgħu jiġu evalwati biss fid-dawl ta’ l-għan ambjentali tiegħu. Huwa jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ “movimenti bejn il-fruntieri” m’għandux barra minn hekk jiġi applikat esklużivament għall-qasam kummerċjali. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ l-OĦM, il-movimenti bejn il-fruntieri għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika jikkostitwixxu aspett essenzjali ta’ l-imsemmi protokoll.

Il-Gvern Awstrijak iżid li r-referenza għall-Artikolu XX tal-GATT hija irrilevanti. Il-GATT huwa manifestament ftehim kummerċjali u l-Artikolu XX tiegħu għandu jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni derogatorja, li tippermetti lill-partijiet kontraenti jadottaw miżuri ta’ salvagwardja għal raġunijiet speċifiċi.

B’mod iktar partikolari fir-rigward ta’ l-għażla tal-bażi legali adegwata, il-Gvern Awstrijak ifakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-għażla għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Skond il-Kummissjoni, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rikors għall-Artikolu 133 KE, flimkien ma’ l-Artikolu 174(4) KE, jiġifieri allegata “preokkupazzjoni leġittima” fir-rigward tat-tnaqqir mill-kompetenzi Komunitarji jew il-kumplessità tal-ġestjoni ta’ ftehim imħallta, huma irrilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula.

Il-Gvern Awstrijak isostni li l-Artikolu 174 KE jillimita ruħu li jistabbilixxi l-għanijiet u l-prinċipji li għandhom jiggwidaw l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja fil-qasam ta’ l-ambjent, iżda ma joħloqx kompetenzi tiegħu stess (ara s-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq Peralta, punt 57, u Bettati, punt 41). L-Artikolu 175(1) KE biss jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ azzjoni tal-Kunsill sabiex jitwettqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 174 KE. Barra minn dan, din l-interpretazzjoni hija msaħħa, minn naħa, mill-fatt li l-miżuri adottati taħt l-Artikolu 176 KE, jiġifieri l-miżuri protettivi iktar iebsa, jistgħu jittieħdu biss jekk ir-regoli in kwistjoni jkunu ġew adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 175 KE, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-prassi kostanti tal-Kunsill, li l-ftehim internazzjonali jkunu bbażati fuq l-Artikolu 175(1) KE, u mhux fuq l-Artikolu 174(4) KE.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Awstrijak jirrileva li l-għażla ta’ l-Artikolu 175(1) KE bħala bażi legali tippermetti li jiġi garantit li l-Parlament, li r-rwol tiegħu huwa partikolarment importanti fil-kuntest ambjentali, jeżerċita l-poter tiegħu ta’ kodeċiżjoni, kif ukoll li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni jiġu kkonsultati, filwaqt li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 133 KE, il-Parlament jinżamm biss informat u, f’dik prevista fl-Artikolu 174(4) KE, jiġi biss ikkonsultat.

Il-Gvern Awstrijak jikkonkludi billi jqis li l-Protokoll ma jikkostitwixxix ftehim ta’ politika kummerċjali, iżda ftehim ta’ politika ambjentali. L-aspetti kummerċjali huma koperti biss b’xi dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi protokoll, bħall-Artikolu 11 tiegħu, li jirrigwarda l-movimenti ta’ merkanzija intiżi għall-użu dirett bħala ikel jew għalf jew għall-ipproċesar. Il-kompetenzi ta’ l-Istati Membri għalhekk mhumiex ta’ “natura residwa”; għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet essenzjali tal-Protokoll jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dawn ta’ l-aħħar.

Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-bażi legali korretta ta’ l-att li jikkonkludi l-Protokoll huwa l-Artikolu 175(1) KE, flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) KE. Bħall-Istati Membri l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet, il-Gvern tar-Renju Unit invoka, f’dan ir-rigward, il-prassi kostanti tal-Kunsill.

F’dan il-każ, il-Protokoll ifittex manifestament li jilħaq l-ewwel żewġ għanijiet elenkati fl-Artikolu 174(1) KE, jiġifieri s-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent kif ukoll il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Il-Protokoll ifittex li jilħaq ukoll it-tielet wieħed minn dawn l-għanijiet, jiġifieri, “l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali”, billi jitlaq mill-prinċipju li d-diversità bijoloġika hija riżorsa naturali. Jidher li jfittex li jilħaq anki r-raba’ wieħed minn dawn l-għanijiet, billi jikkostitwixxi, fuq livell internazzjonali, miżura li tittratta problemi ambjentali kemm reġjonali kif ukoll globali.

Il-Gvern tar-Renju Unit iżid li l-prinċipju ta’ prekawzjoni, imsemmi fl-Artikolu 174(2) KE, għandu rwol predominanti fost l-għanijiet tal-Protokoll (ara, per eżempju, ir-raba’ premessa tal-preambolu tiegħu kif ukoll l-Artikoli 1, 10(6), u 11(8) tiegħu). Barra minn dan, skond l-Artikolu 174(2) KE, il-Protokoll jirrispetta l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva u li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn (ara, per eżempju r-raba’ u s-seba’ premessi tal-preambolu tiegħu, kif ukoll l-Artikoli 3, 7 u 15 sa 18 tiegħu); fir-rigward ta’ l-Artikolu 27, dan jipprevedi l-elaborazzjoni ta’ regoli konformi mal-prinċipju għall-prinċipju li min iniġġes għandu jħallas billi jipprevedi l-elaborazzjoni ta’ regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku għall-kumpens għad-danni kkawżati minn movimenti bejn il-fruntieri ta’ OĦM.

Il-Gvern tar-Renju-Unit isostni wkoll li, skond l-Artikolu 174(3) KE, il-Protokoll jieħu in kunsiderazzjoni data xjentifika u teknika eżistenti, kundizzjonijiet ambjentali fit-territorji tal-partijiet kontraenti kif ukoll il-vantaġġi u l-piżijiet li jistgħu jirriżultaw minn azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni. Skond l-Artikolu 174(4) KE, il-Protokoll jipprovdi għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti (ara, per eżempju, it-tieni, it-tielet u t-tmien premessi tal-preambolu tiegħu, kif ukoll l-Artikoli 6, 10, 14 sa 16, 20, 22 u 29 tiegħu).

L-Artikolu 175 KE jipprovdi bażi legali preċiżament sabiex jitwettqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 174 KE.

Barra minn dan, il-Gvern tar-Renju Unit ifakkar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skondha l-għażla tal-bażi legali ta’ att li għandu jiġi adottat minn istituzzjoni Komunitarja għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Fost dawn l-elementi hemm l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att.

F’dan il-każ, l-għan ambjentali tal-Protokoll huwa espress fil-preambolu u fl-Artikoli 1 u 2 tiegħu. Skond l-imsemmi gvern, il-kontenut tal-Protokoll huwa konformi ma’ dan l-għan: huwa jistabbilixxi proċedura ta’ qbil minn qabel informat, qabel l-ewwel moviment intenzjonat bejn il-fruntieri ta’ OĦM; skond l-Artikolu 15, għandhom isiru stimi tar-riskju skond metodi xjentifiċi pprovati u għandhom ikunu bbażati, ta’ l-inqas, fuq l-informazzjoni pprovduta skond il-proċedura ta’ qbil minn qabel fuq imsemmija u fuq provi xjentifiċi oħra disponibbli; skond l-Artikolu 16, il-partijiet jistabbilixxu u jżommu mekkaniżmi sabiex jikkontrollaw ir-riskji assoċjati ma’ l-użu, l-immaniġġjar u l-moviment bejn il-fruntieri ta’ OĦM; skond l-Artikoli 20 u 22, huma għandhom jipparteċipaw f’sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni u fl-Aġenzija Informattiva dwar il-Biosigurtà u jikkooperaw fl-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ riżorsi umani u kapaċitajiet istituzzjonali fil-qasam tal-biosigurtà.

Minkejja li l-Protokoll jaffettwa b’mod inċidentali l-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, l-element prinċipali jew predominanti tal-Protokoll huwa li jfittex li jsegwi l-programm ambjentali tal-Komunità, skond l-Artikolu 175(1) KE. L-Artikolu 133 KE għalhekk jikkostitwixxi bażi ġuridika inadegwata għall-konklużjoni ta’ l-imsemmi protokoll.

Il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza li, bl-użu tat-terminu “movimenti”, l-awturi tal-Protokoll fittxew li jinkludu movimenti oħra barra dawk kummerċjali, bħalma huma l-movimenti mhux intenzjonati ta’ OĦM, il-movimenti illegali bejn il-fruntieri u l-movimenti ta’ dawn organiżmi li għandhom għanijiet karitattivi, ta’ interess pubbliku jew privat, kif ukoll movimenti oħra ta’ natura mhux kummerċjali.

Tabilħaqq, il-Protokoll m’għandux x’jaqsam mat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet għall-kummerċ internazzjonali u mat-tnaqqis ta’ ostakoli tariffarji. Anki jekk jaffettwa l-kummerċ, huwa għandu l-għan li jikkontrolla jew li jissorvelja movimenti internazzjonali ta’ OĦM (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, kawża li fiha l-Gvern tar-Renju Unit ikkonstata li kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja bbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-att in kwistjoni ma kienx jippromwovi l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ in kwistjoni, fatt li kien jippermetti l-adozzjoni ta’ l-Artikolu 113 tat-Trattat bħala bażi).

Il-Ftehim WTO u, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura mhux kummerċjali integrati f’xi annessi ta’ dan il-ftehim, b’mod partikolari fl-Artikolu XX tal-GATT, fil-Ftehim SPS u fil-Ftehim TBT ─ li, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Komunità setgħet tikkonkludihom fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 113 tat-Trattat ─, ma jimmilitawx favur l-Artikolu 133 KE bħala bażi legali tal-Protokoll, billi ċ-“ċentru ta’ gravità” ta’ dan ta’ l-aħħar mhuwiex il-promozzjoni tal-kummerċ, iżda l-protezzjoni ta’ l-ambjent.

Barra minn dan, il-Gvern tar-Renju Unit iqis li l-Artikolu 174(4) KE ma joffrix bażi legali konġunta adegwata, billi ma jagħtix kompetenza sabiex jiġu konklużi ftehim internazzjonali. Huwa jimponi biss fuq l-Istati Membri u l-Komunità obbligu ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali “fil-qafas ta’ l-isferi ta’ kompetenza rispettiva tagħhom”. It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 174(4) KE jiddisponi saħansitra espressament li l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni m’għandux jippreġudika l-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jinnegozjaw f’korpi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim internazzjonali.

Din id-dispożizzjoni tillimita ruħha biex tiddefinixxi l-għanijiet ġenerali tal-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent, filwaqt li l-Artikolu 175 KE jħalli f’idejn il-Kunsill ir-responsabbiltà li jiddeċiedi x’azzjoni għandha tittieħed sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Peralta, punt 57, u Safety Hi-Tech, punt 43, kif ukoll il-punt 76 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Safety Hi-Tech u Bettati; ara wkoll il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-187/93, iċċitata iktar ’il fuq.

Fl-aħħar nett, lanqas id-diffikultajiet marbuta mal-ġestjoni u ma’ l-applikazzjoni ta’ ftehim imħallat ma jistgħu jiffavorixxu t-teżi tal-Kummissjoni. F’kull każ, skond il-Gvern tar-Renju Unit, din l-istituzzjoni tkabbar wisq dawn id-diffikultajiet. Il-ftehim imħallta huma “fenomeni magħrufa sew li mingħajr dubju jkomplu jeżistu sakemm il-Komunità u l-Istati Membri tagħha jibqa’ jkollhom is-setgħa li jikkonkludu trattati”. Minn mindu l-Att Uniku Ewropew introduċa titolu fuq l-ambjent fit-Trattat KE, il-kompetenza mħallta f’dan il-qasam ġiet rikonoxxuta b’mod espress. Il-Kummissjoni stess tenfasizza li l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha kellhom rwol ewlieni matul in-negozjati diffiċli tal-Protokoll, li damu għaddejjin erba’ snin. Kien ikun diffiċli għaliha li twettaq dan ir-rwol kieku l-ostakoli kienu kbar daqskemm illum issostni li huma. Barra minn dan, l-allegati diffikultajiet ma jistgħux ikunu rilevanti għall-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

Il-Gvern tar-Renju Unit jikkonkludi billi jqis li l-Artikoli 133 KE u 174(4) KE, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 300 KE, ma jikkostitiwixxux il-bażi legali adegwata għall-konklużjoni tal-Protokoll f’isem il-Komunità Ewropea. Għalhekk, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Sussidjarjament, il-Gvern tar-Renju Unit isostni, b’risposta għat-tieni domanda, li s’issa l-Komunità adottat relattivament ftit regoli komuni fil-qasam tal-biosigurtà. L-istrumenti prinċipali adottati fil-qasam huma d-Direttiva tal-Kunsill 90/219/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar l-użu fil-magħluq ta’ mikro-organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunisll 98/81/KE, tas-26 ta’ Ottubru 1998 (ĠU L 330, p. 13), u d-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, p. 15).

L-ebda waħda minn dawn id-direttivi m’għandha l-għan li tikkontribwixxi sabiex tassigura livell adegwat ta’ protezzjoni għat-trasferiment, l-immaniġġjar u l-użu mingħajr periklu ta’ OĦM li jirriżultaw mill-bioteknoloġoija moderna u li jista’ jkollhom effett ħażin fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, billi “speċifikament tiffoka fuq movimenti bejn il-fruntieri” (Artikolu 1 tal-Protokoll). Għalhekk huwa impossibbli li tiġi stabbilita kompetenza Komunitarja predominanti, u inqas u inqas esklużiva, sabiex jiġi konkluż il-Protokoll, u dan fuq il-bażi tal-prinċipju “in foro interno, in foro externo” [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 17 (iktar ’il quddiem is-“sentenza ERTA”)].

Il-Parlament ifakkar, preliminarjament, li, fl-opinjoni 1/91 tagħha, ta’ l-14 ta’ Diċembru 1991 (Ġabra p. I-6079, punt 14), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, skond l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati, “trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skond it-tifsira ordinarja li għandha tingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tas-suġġett u ta’ l-għan tiegħu”. Meta ftehim ikun strettament marbut ma’ strument jew inizjattiva wieħed jew iktar li jkunu diġà ġew adottati, huwa ġustifikabbli li jiġi kkunsidrat li dawn l-istrumenti jew inizjattivi jagħmlu parti mill-kuntest li fih it-termini tal-ftehim għandhom jiġu interpretati, fatt li għandu jirriżulta li jkun partikolarment utli f’dan il-każ, minħabba fir-rabta stretta bejn il-Protokoll u l-Konvenzjoni.

Skond il-Parlament, ma jsitax jiġi sostnut, fid-dawl ta’ dawn ir-rabtiet stretti, li l-Protokoll ġie nnegozjat u ffirmat prinċipalment għal raġunijiet relatati mal-kummerċ internazzjonali ta’ OĦM. Għall-kuntrarju, ġie deċiż li l-movimenti bejn il-fruntieri ta’ dawn il-prodotti jiġu ttrattati bħala kwistjoni ta’ priorità mhux sabiex jiġi rregolat il-kummerċ tagħhom, iżda għaliex dawn il-movimenti u l-attivitajiet konnessi jikkostitwixxu riskju speċifiku għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika.

Il-Parlament iqis li t-teżi tal-Kummissjoni tidher li ma tiħux in kunsiderazzjoni l-insenjament prinċipali ta’ l-opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari tal-punt 42 tagħha, li skondu l-portata tal-politika kummerċjali komuni, tkun kemm tista’ tkun wiesgħa fil-prinċipju, hija limitata mis-“sistema tat-Trattat kollu kemm hu”, u b’mod partikolari mill-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet iktar speċifiċi li jirregolaw il-kompetenzi tal-Komunità f’oqsma oħra.

Fid-dawl tal-kriterji li fuqhom għandha tkun ibbażata l-għażla tal-bażi legali ta’ att, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament isostni li jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tal-Protokoll li dan jirrigwarda speċifikament l-OĦM u mhux il-kummerċ internazzjonali.

Għalhekk, ma jistax ikun hemm dubju dwar l-għan ambjentali tal-Protokoll (ara l-Artikolu 1 tiegħu).

Fir-rigward tal-kontenut sostantiv tal-Protokoll, il-Parlament iqis li l- preokkupazzjoni ta’ l-awturi tal-Protokoll dwar l-ambjent hija riflessa kemm fit-tielet premessa tal-preambolu tiegħu kif ukoll fid-dispożizzjonijiet sostantivi tiegħu (Artikoli 1, 2(2) u (4), 14, 22, 23, 25, 27 u 28).

Żewġ elementi b’mod partikolari huma xhieda ta’ l-importanza tal-Protokoll għall-protezzjoni ta’ l-ambjent. Minn naħa, huwa jirrikonoxxi espressament, proabbilment għall-ewwel darba fi ftehim internazzjonali, il-bżonn ta’ regolamentazzjoni speċifika ta’ l-OĦM u jammetti li dawn il-prodotti, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni ta’ l-ambjent, ma jistgħux jiġu ttrattati bħal kwalunkwe prodott ieħor. Min-naħa l-oħra, il-Protokoll japplika b’mod ferm konkret il-prinċipju ta’ prekawzjoni, wieħed mill-prinċipji li fuqu hija bbażata l-politika tal-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent, sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta ta’ l-obbligi tal-pajjiżi importaturi. Fil-fatt, kemm l-Artikolu 10(6) kif ukoll l-Artikolu 11(8) jiddisponu li “[n]uqqas ta’ ċertezza xjentifika […] dwar il-kobor ta’ l-effetti ħżiena potenzjali ta’ organiżmu ħaj modifikat fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika […] ma għand[u]x iżomm[… lill]-Parti [li timporta mil]li tieħu deċiżjoni, kif inhu xieraq, rigward l-importazzjoni ta’ l-organiżmu modifikat ħaj diskuss [in kwistjoni]”. Għandu jiġi enfasizzat li, kif ifformulat f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika r-rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni “sabiex jiġu evitati jew minimizzati l-effetti ħżiena potenzjali”.

B’dan il-mod, il-Protokoll jadotta l-verżjoni “permissiva” ta’ dan il-prinċipju, li hija tipika tal-ftehim fuq il-protezzjoni ta’ l-ambjent, iktar milli l-verżjoni “restrittiva” li tinsab f’ċerti ftehim kummerċjali, u b’mod partikolari fl-Artikolu 5(7) tal-Ftehim SPS. Din l-aħħar dispożizzjoni tfittex li tillimita l-kundizzjonijiet li fihom membru jista’ jirrikorri għall-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex jillimita l-importazzjoni ta’ prodotti.

Il-Parlament isostni wkoll li huwa possibbli li jiġi applikat għal dan il-każ ir-raġunalment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, is-sentenza Chernobyl, iċċitata mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-interpretazzjoni tagħha, ma tistax issostni t-teżi ta’ din l-istituzzjoni, billi tirrigwarda miżura “klassika” tal-politika kummerċjali. Fil-fatt, ir-regolament ikkontestat fil-kawża li tat lok għas-sentenza Chernobyl sempliċement issuġġetta l-moviment liberu ta’ ċerti prodotti agrikoli għall-osservanza tal-livelli massimi permessi ta’ radjoattività, minkejja li l-adozzjoni tiegħu kienet iġġustifikata għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, li dan ir-regolament “għandu l-għan li jirregola l-kummerċ bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi; għalhekk jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 113 tat-Trattat KEE”. Il-Protokoll għalhekk mhuwiex, kif tallega l-Kummissjoni, “att dwar il-kummerċ internazzjonali ta’ OĦM”, iżda pjuttost ftehim li, bil-għan li jippreserva, jipproteġi u jtejjeb il-kwalità ta’ l-ambjent, jistabbilixxi standards minimi, b’mod partikolari standards proċedurali, għat-twettiq ta’ attivitajiet li joħolqu ċerti riskji għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika.

Madankollu, il-Parlament jirrikonoxxi li, minkejja li l-element ambjentali tal-Protokoll huwa predominanti, dan ta’ l-aħħar se ikollu wkoll effetti fuq il-kummerċ ta’ OĦM. Safejn jintwera li dawn l-effetti huma fattur sinjifikattiv b’żieda mal-protezzjoni ta’ l-ambjent prevista fl-Artikolu 175(1) KE, il-Parlament jikkunsidra li l-imsemmi protokoll ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala strument li jirrigwarda l-kummerċ internazzjonali, li jeħtieġ referenza għall-Artikolu 133 KE fil-bażi legali ta’ l-att li jikkonkludi dan l-istrument.

Il-Parlament isostni li huwa mhuwiex qiegħed jiddefendi kunċett restrittiv tal-politika kummerċjali. Huwa jfakkar li, fil-proposti tiegħu waqt l-aħħar konferenza intergovernattiva, huwa argumenta, b’suċċess limitat, favur estensjoni konsiderevoli tal-qasam ta’ l-Artikolu 133 KE. Huwa neċessarju madankollu li l-bażijiet legali l-oħra previsti fit-Trattat, inklużi dawk dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent, jingħataw il-valur li jixirqilhom. Il-fatt li jingħad li ftehim, li huwa ta’ importanza fundamentali għall-protezzjoni ta’ l-ambjent fuq livell internazzjonali, ma jidħolx fil-qasam tal-politika kummerċjali ma jwassalx biex “ineħħi s-sustanza ta’ l-Artikolu 133 KE”. Għalkemm il-Parlament jista’ jifhem ix-xewqa tal-Kummissjoni li tevita d-diffikultajiet marbutin mal-qsim tal-kompetenzi, kunsiderazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux jinfluwenzaw l-għażla tal-bażi legali. Fil-punt 107 ta’ l-opinjoni 1/94 tiegħu, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod partikolari li “il-problema tat-tqassim tal-kompetenzi ma tistax tiġi riżolta abbażi tad-diffikultajiet eventwali li jistgħu jinqalgħu waqt il-ġestjoni tal-ftehim”.

Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-għażla bejn l-Artikolu 174(4) KE u l-Artikolu 175(1) KE, il-Parlament jirrikonoxxi li l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li tipprovdi li “il-Komunità […] [għandha tikkoopera] ma’ pajjizi terzi u mal-organizazzjonijiet internazzjonali kompetenti”, tista’ tidher li hija iktar speċifika mit-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet sabiex tiġġustifika l-kompetenza sostantiva tal-Komunità sabiex tikkonkludi l-Protokoll. Madankollu, huwa jfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il-Kunsill (C 36/98, Ġabra p. I 779, punti 42 u 43), li għandu jiġi “eżaminat jekk regoli Komunitarji interni li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni għandhomx jiġu adottati fuq il-bażi” ta’ l-Artikolu 175(1) KE jew ta’ l-Artikolu 175(2) KE, billi l-għażla ta’ waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet tiddetermina l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ l-att u, b’mod partikolari, il-metodu ta’ votazzjoni fi ħdan il-Kunsill. Barra minn dan, il-Parlament iqis li, skond il-punt 9 tas-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, “referenza espliċita [għall-bażi legali] hija […] indispensabbli meta, fin-nuqqas tagħha, il-partijiet ikkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja jitħallew fl-inċertezza fir-rigward tal-bażi legali speċifika”. Għalhekk il-Parlament ma jarax l-utilità tas-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni, li tikkonsisti fil-fatt li jiġi ċċitat l-Artikolu 174(4) KE biss bħala bażi legali, billi l-partijiet ikkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux jafu r-raġuni għalfejn il-Kunsill iddeċieda b’mod unanimu minflok bil-maġġoranza kkwalifikata jew viċeversa.

Il-Parlament jikkonkludi billi jipproponi li, b’risposta għad-domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara, minn naħa, li l-Artikolu 175(1) KE jikkostitwixxi l-bażi legali adegwata ta’ l-att li jikkonkludi l-Protokoll f’isem il-Komunità u, min-naħa l-oħra, li, safejn l-effetti ta’ l-imsemmi protokoll fuq il-kummerċ internazzjonali jaqgħu ’l barra mill-ambitu ta’ l-Artikolu 175(1) KE, ikun adegwat li tiżdied referenza għall-Artikolu 133 KE fil-bażi legali ta’ dan l-att.

Il-Kunsill isostni li, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bażi legali dupliċi, magħmula mill-Artikoli 133 KE u 174(4) KE, hijiex adegwata, għandu jiġi eżaminat jekk, permezz ta’ l-għan u l-kontenut tiegħu, il-Protokoll jirrigwardax kemm l-ambjent kif ukoll il-kummerċ ─ billi dawn iż-żewġ aspetti huma essenzjali ─, f’liema każ bażi legali dupliċi tkun neċessarja sabiex tiġi awtorizzata l-konklużjoni tal-Protokoll mill-Komunità, jew jekk dan ta’ l-aħħar għandux biss effetti aċċessorji fuq il-politika fil-qasam ambjentali jew fil-politika kummerċjali, f’liema każ bażi legali waħda tkun biżżejjed għal tali konklużjoni.

Il-Kunsill jikkonstata li l-Protokoll jirreferi, fil-preambolu tiegħu, għall-Artikoli 19(3) u (4), 8(g) u 17 tal-Konvenzjoni, kif ukoll għad-deċiżjoni II/5 tal-Konferenza tal-Partijiet fl-imsemmija konvenzjoni. Għalhekk huwa jagħmel parti minn numru ta’ miżuri adottati mill-komunità internazzjonali għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika.

Il-Kunsill jirreferi wkoll għall-Artikoli 1 u 2(2) tal-Protokoll sabiex jenfasizza l-għan ambjentali ta’ dan ta’ l-aħħar.

Skond il-Kunsill, ma jistax jiġi kkontestat li l-Protokoll ġie nnegozjat bl-għan ewlieni li jiġu stabbiliti mezzi, bħat-twaqqif ta’ proċedura ta’ “ftehim mgħarraf minn qabel [qbil minn qabel informat]”, prevista fl-Artikolu 19(3) tal-Konvenzjoni, li huma intiżi sabiex jikkontrollaw ir-riskji għall-konservazzjoni u għall-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem, riskji li huma marbuta ma’ l-użu u mar-rilaxx ta’ OĦM li jirriżultaw mill-bioteknoloġija.

Il-politika tal-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent, li l-għanijiet tagħha huma speċifikati fl-Artikolu 174 KE, tikkorrispondi bis-sħiħ għall-għan tal-Protokoll.

Il-kontenut tal-ftehim jixhed ukoll il-predominanza ta’ l-elementi li jirrigwardaw il-konservazzjoni tal-bijodiversità, filwaqt li l-aspetti kummerċjali huma subordinati għad-dispożizzjonijiet dwar l-protezzjoni ta’ l-ambjent, bħalma huma b’mod partikolari dawk dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-istima tar-riskju skond il-metodi xjentifiċi pprovati.

Il-Kunsill għalhekk iqis li, fid-dawl ta’ l-għan u tal-kontenut tiegħu, il-Protokoll u, għaldaqstant, l-att li jikkonkludi l-Protokoll, jaqgħu fl-ambitu tal-politika segwita mill-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent. Konsegwentement, id-deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ l-imsemmi protokoll għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 175(1) KE.

Huwa jikkunsidra li din l-aħħar dispożizzjoni tikkostitwixxi l-unika bażi legali possibbli ta’ l-att li jikkonkludi l-Protokoll, ħlief għall-Artikolu 133 KE, billi l-element prinċipali jew predominanti ta’ l-imsemmi protokoll, fis-sens tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, huwa tabilħaqq il-protezzjoni ta’ l-ambjent.

Il-Kunsill iqis li l-ġurisprudenza li għaliha tirreferi l-Kummissjoni in sostenn ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp tal-politika kummerċjali komuni tirrigwarda miżuri kummerċjali klassiċi (ara s-sentenza Chernobyl, punti 18 u 19, kif ukoll l-opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tal-Ftehim SPS, li ftehim huwa ta’ natura purament kummerċjali biss jekk l-element prinċipali jew predominanti tiegħu jirrigwarda l-kummerċ). Il-Kunsill ifakkar, billi jiċċita diversi eżempji, li diversi ftehim fil-qasam ambjentali, li għandhom aspetti marbuta mal-kummerċ internazzjonali, ġew konklużi mil-leġiżlatur Komunitarju fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 130s tat-Trattat, jew fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE), fil-perijodu meta t-Trattat ma kienx jipprovdi bażi legali speċifika fir-rigward tal-protezzjoni ta’ l-ambjent.

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni li tikkonkludi l-Protokoll ─ kuntrarjament għall-bażi legali “proċedurali”, jiġifieri l-Artikolu 300 KE ─ għandhiex tkun l-Artikolu 175(1) KE jew l-Artikolu 174(4) KE, il-Kunsill mill-ġdid jistqarr id-dubji tiegħu fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni. L-għan tal-proċedura prevista fl-Artikolu 300(6) KE huwa li jiġi stabbilit jekk ftehim huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, inklużi l-kwistjonijiet dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, iżda mhux li tiġi stabbilita l-bażi legali adegwata ta’ deċiżjoni li tikkonkludi ftehim bħal dan.

F’kull każ, din il-kwistjoni diġà ġiet riżolta bis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Safety Hi-Tech u Bettati.

Fir-rigward tat-tieni domanda mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill isostni li jsibha diffiċli jifhem il-portata u r-rilevanza tagħha. Minkejja l-problemi marbuta mal-ftehim mħallta msemmija mill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar taċċetta f’kull każ in-natura mħallta tal-Protokoll. Id-determinazzjoni tal-portata tal-kompetenza ─ residwa jew le ─ ta’ l-Istati Membri se tiddependi mill-istat ta’ avanz tal-leġiżlazzjoni Komunitarja interna fid-data tal-konklużjoni tal-Protokoll. Sa llum, il-leġiżlazzjoni Komunitarja tkopri biss parzjalment ferm l-obbligi li jirriżultaw mill-Protokoll.

Il-Kunsill jikkonkludi billi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, li tiddikjara t-talba għal opinjoni inammissibbli u, sussidjarjament, fil-każ li t-talba għal opinjoni tiġi ddikjarata ammissibbli, li tagħti r-risposta li ġejja għall-ewwel domanda:

“L-Artikoli 133 u 174(4), flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 300 tat-Trattat KE, ma jikkostitwixxux il-bażi legali adegwata għall-att li jikkonkludi l-Protokoll f’isem il-Komunità Ewropea u dan l-att għandu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 175(1) flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 300 tat-Trattat KE”.

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Kunsill jitlob lil din ta’ l-aħħar li:

“tiddikjara li l-kompetenzi ta’ l-Istati Membri sabiex jikkonkludu l-Protokoll mhumiex ta’ natura residwa meta mqabbla mal-kompetenza Komunitarja”.

 Pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja


IV –           Fuq l-ammissibbiltà tat-talba

1.      Jirriżulta mid-domandi magħmula li l-Qorti tal-Ġustizzja hija essenzjalment mistiedna, minn naħa, tiddeċiedi fuq l-għażla tal-bażi legali adegwata ta’ l-att li permezz tiegħu l-Kunsill jipproponi li jikkonkludi l-Protokoll u, b’mod partikolari, fuq il-punt jekk il-kunsens tal-Komunità li tintrabat bil-Protokoll għandux ikun ibbażat fuq l-Artikoli 133 KE u 174(4) KE u, min-naħa l-oħra, teżamina jekk il-kompetenzi, li l-Istati Membri ser ikomplu jeżerċitaw minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Protokoll flimkien mal-Komunità, humiex, fir-rigward ta’ l-oqsma koperti, ta’ natura residwa jew predominanti meta mqabbla ma’ dawk tal-Komunità.

2.      Skond il-Gvern Spanjol u l-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kunsill, kwistjonijiet bħal dawn ma jaqgħux fl-ambitu ta’ l-Artikolu 300(6) KE billi la jikkonċernaw il-kompatibbiltà tal-ftehim prospettat mat-Trattat u lanqas it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-imsemmi ftehim.

3.      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond pożizzjoni stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-opinjoni ta’ din ta’ l-aħħar, skond l-Artikolu 300(6) KE, tista’ b’mod partikolari tinkiseb fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri sabiex jikkonkludu ftehim partikolari ma’ pajjiżi terzi (ara, b’mod partikolari, l-opinjonijiet iċċitati iktar ’il fuq 1/75, speċjalment p. 1360; 1/78, punt 30; 2/91, punt 3, u 1/94, punt 9). L-Artikolu 107(2) tar-Regoli tal-Proċedura jsaħħaħ din l-interpretazzjoni

4.      F’dan il-każ, la l-Kummissjoni, la l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u lanqas il-Kunsill u l-Parlament ma jiddubitaw li l-Komunità għandha kompetenza sabiex tapprova l-Protokoll. Lanqas il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ta’ l-aħħar mat-Trattat mhija kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huma biss il-bażi tal-kompetenza tal-Komunità u n-natura, esklużiva jew kondiviża, tagħha, kif ukoll id-delimitazzjoni tagħha meta mqabbla ma’ dik ta’ l-Istati Membri li huma s-suġġett ta’ diskussjoni.

5.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għażla tal-bażi legali adegwata għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali. Fil-fatt, billi l-Komunità għandha biss kompetenzi li huma mogħtija lilha, hija għandha torbot il-Protokoll ma’ dispożizzjoni tat-Trattat li tagħtiha s-setgħa li tapprova tali att. Ir-rikors għal bażi legali żbaljata għalhekk jista’ jinvalida l-att stess li jikkonkludi l-ftehim u, għaldaqstant, jivvizja l-kunsens tal-Komunità sabiex tintrabat mal-ftehim li din ta’ l-aħħar tkun daħlet għalih. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta t-Trattat ma jagħtix lill-Komunità kompetenza suffiċjenti sabiex tirratifika l-ftehim kollu kemm hu, li jfisser li jkun irid jiġi eżaminat it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri sabiex jikkonkludu l-ftehim prospettat ma’ pajjiżi terzi, jew meta l-bażi legali adegwata ta’ l-imsemmi att li jikkonkludi l-ftehim tipprevedi proċedura leġiżlattiva differenti minn dik effettivament segwita mill-istituzzjonijiet Komunitarji.

6.      Fil-fatt, l-annullament ta’ l-att li jikkonkludi l-ftehim, minħabba żball fil-bażi legali ta’ tali att, jista’ joħloq, kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll fis-sistema ġuridika internazzjonali, komplikazzjonijiet li l-proċedura eċċezzjonali ta’ talba għal opinjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, prevista fl-Artikolu 300(6) KE, għandha preċiżament l-għan li tevita (ara l-opinjonijiet 1/75, iċċitata iktar ’il fuq, p. 1360 u 1361, u 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I 1759, punti 3 sa 6).

7.      Għaldaqstant l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

8.      Fir-rigward ta’ l-ewwel domanda, mhuwiex eskluż, prima facie, minn qari tat-talba għal opinjoni, li l-konklużjoni tal-Protokoll taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Komunità taħt l-Artikolu 133 KE.

9.      F’dan l-istadju ta’ l-eżami tat-talba għal opinjoni, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda magħmula, dwar l-għażla tal-bażi legali fid-dawl tal-konklużjoni tal-Protokoll, tirrigwarda l-eżistenza stess ta’ kompetenza esklużiva tal-Komunità, taħt il-politika kummerċjali komuni, sabiex hija tiddeċiedi dwar tali konklużjoni u li r-risposta għal din id-domanda jista’ jkollha effett fuq il-proċedura leġiżlattiva Komunitarja li għandha tiġi segwita. Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-ammissibbiltà ta’ l-ewwel domanda.

10.    Madankollu, il-Kunsill iżid li l-Kummissjoni kien imissha ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2000 dwar l-iffirmar tal-Protokoll f’isem il-Komunità, sabiex tikkontesta l-bażi legali adottata f’din l-okkażjoni, b’mod li hija prekluża milli tikkontesta, billi jinvoka dan l-istess motiv, l-att li l-Kunsill qed jipproponi li jadotta għall-approvazzjoni tal-Protokoll.

11.    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-att li jawtorizza l-iffirmar tal-ftehim internazzjoni u dak li jikkonkludih jikkostitwixxu żewġ atti ġuridiċi distinti li jagħtu lok għal obbligi fundamentalment distinti għall-partijiet ikkonċernati, billi t-tieni wieħed bl-ebda mod mhuwa l-konferma ta’ l-ewwel wieħed. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas li jitressaq rikors għall-annullament ta’ l-ewwel att fuq imsemmi mhuwiex ta’ ostakolu għat-tressiq ta’ rikors bħal dan kontra l-att li jikkonkludi l-ftehim prospettat u lanqas ma jagħmel inammissibbli talba għal opinjoni li tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dan ta’ l-aħħar mat-Trattat.

12.    F’kull każ, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu ttrattati fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji oħrajn, u b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, ma jikkostitwixxix argument li jeskludi li titressaq talba għal opinjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 300(6) KE (ara opinjoni 2/92, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

13.    Fir-rigward tat-tieni domanda magħmula, hija titlaq mill-ipoteżi li l-Komunità ma ngħatatilhiex kompetenza esklużiva, taħt l-Artikolu 133 KE, sabiex tikkonkludi l-Protokoll kollu kemm hu, iżda hija tidħol f’impenji mal-partijiet kontraenti l-oħra fuq il-bażi konġunta ta’ l-Artikoli 133 KE u 174(4) KE. F’din l-ipoteżi, il-Protokoll jiġi konkluż kemm mill-Komunità, taħt il-kompetenti tagħha fil-qasam tal-politika kummerċjali u tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, kif ukoll mill-Istati Membri, taħt il-kompetenzi li huma jżommu f’dan l-aħħar qasam. Għalhekk, il-Kummissjoni tixtieq tikseb kjarifiki fuq l-effett li l-portata tal-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri tagħha jista’ jkollha fuq il-ġestjoni ta’ l-imsemmi protokoll.

14.    Skond il-Gvern Franċiż, din il-kwistjoni hija purament teoretika u m’għandha l-ebda effett fuq il-kompatibbiltà tal-Protokoll mat-Trattat. Hija għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

15.    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, meta tkun ġiet stabbilita l-eżistenza tal-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, il-portata tagħhom ma jistax ikollha, bħala tali, xi effett fuq il-kompetenza nfisha tal-Komunità sabiex tikkonkludi l-Protokoll u lanqas, b’mod iktar ġenerali, fuq il-validità sostantiva jew ir-regolarità proċedurali ta’ dan ta’ l-aħħar fid-dawl tat-Trattat.

16.    Huwa minnu li l-portata tal-kompetenzi rispettivi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri fl-oqsma rregolati mill-Protokoll tiddetermina l-portata tar-responsabbiltà rispettiva tagħhom f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi protokoll. L-Artikolu 34(2) u (3) tal-Konvenzjoni jieħu in kunsiderazzjoni proprju din il-kunsiderazzjoni, b’mod partikolari billi jistieden lill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika, li huma partijiet fil-Konvenzjoni jew f’xi protokoll tiegħu, sabiex jiddikjaraw safejn jaslu l-kompetenzi tagħhom fl-istrumenti ta’ approvazzjoni tagħhom u sabiex jgħarrfu lid-depożitarju dwar kull tibdil rilevanti li jista’ jkun hemm dwar safejn jaslu l-kompetenzi tagħhom.

17.    Madankollu, din il-kunsiderazzjoni mhijiex minnha nfusha ta’ natura li tiġġustifika r-rikors għal proċedura ta’ l-Artikolu 300(6) KE, li hija intiża, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 6 ta’ din l-opinjoni, sabiex tevita l-komplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq livell Komunitarju fil-każ li jirriżulta, wara l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Komunità, li dan il-ftehim mhuwiex kompatibbli mat-Trattat. Din il-proċedura m’għandhiex l-għan li tirregola d-diffikultajiet marbuta ma’ l-implementazzjoni ta’ ftehim prospettat li jaqa’ fl-ambitu ta’ kompetenzi kondiviżi bejn il-Komunità u l-Istati Membri.

18.    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li f’kull każ, meta jkun jidher li s-suġġett ta’ ftehim internazzjonali jkun jaqa’ parzjalment taħt il-kompetenza tal-Komunità u parzjalment taħt dik ta’ l-Istati Membri, għandha tiġi żgurata kooperazzjoni stretta bejn dawn ta’ l-aħħar u l-istituzzjonijiet Komunitarji kemm fil-proċċess tan-negozjati u tal-konklużjoni, kif ukoll fl-eżekuzzjoni ta’ l-impenji assunti. Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni jirriżulta mill-ħtieġa ta’ unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Komunità (ara d-deliberazzjoni 1/78, ta’ l-14 ta’ Novembru 1978, Ġabra p. 2151, punti 34 sa 36; opinjonijiet iċċitati iktar ’il fuq 2/91, punt 36, u 1/94, punt 108).

19.    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi aċċettata l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal opinjoni biss safejn din tirrigwarda l-punt jekk il-Protokoll jaqax fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Komunità jew jekk jaqax fl-ambitu ta’ kompetenza kondiviża bejn din ta’ l-aħħar u l-Istati Membri.

V –           Fuq il-mertu

20.    Skond il-Kummissjoni, il-Protokoll jaqa’ essenzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 133(3) KE, iżda hija ma teskludix li ċerti materji li jirrigwardaw iktar speċifikament il-protezzjoni ta’ l-ambjent jaqgħu ’l barra mill-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, hija ssostni li l-Artikoli 133 KE u 174(4) KE jikkostitwixxu l-bażi legali adegwata għall-konklużjoni ta’ l-imsemmi protokoll.

21.    Din l-interpretazzjoni hija kkontestata mill-Kunsill u mill-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet. Dawn ta’ l-aħħar jikkunsidraw li, prinċipalment minħabba l-għan u l-kontenut tal-Protokoll, il-konklużjoni tiegħu tista’ tkun ibbażata biss fuq l-Artikolu 175(1) KE. Il-Parlament isostni wkoll li din l-aħħar dispożizzjoni tikkostitwixxi l-bażi legali adegwata ta’ l-att li jikkonkludi l-imsemmi protokoll, iżda huwa ma jeskludix referenza addizzjonali għall-Artikolu 133 KE, safejn jiġi stabbilit li l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ ta’ l-OĦM huma fattur sinjifikattiv b’żieda mal-protezzjoni ta’ l-ambjent, li hija l-għan ewlieni ta’ dan il-protokoll.

22.    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att, inkluż att adottat bil-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, ma jirriżultax biss mill-konvinzjoni ta’ l-awtur tiegħu, iżda għandu jkun ibbażat fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Fost dawn l-elementi hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att (ara s-sentenzi Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22; ta’ l-4 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-269/97, Ġabra p. I-2257, punt 43; u Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

23.    Jekk l-eżami ta’ att Komunitarju juri li għandu għan dupliċi jew li għandu komponenti dupliċi u jekk wieħed minn dawn huwa identifikabbli bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss aċċessorju, l-att irid ikun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew komponent prinċipali jew predominanti (ara is-sentenzi “Direttiva skart”, punti 19 u 21; tat-23 ta’ Frar 1999, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-42/97, Ġabra p. I-869, punti 39 u 40, u Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). Eċċezzjonalment, jekk jiġi stabbilit li l-att ifittex li jilħaq fl-istess ħin diversi għanijiet li huma marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta pparagunat ma’ l-ieħor, tali att jista’ jkun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dijossidu tat-titanju, punti 13 u 17, u tat-23 ta’ Frar 1999, Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

24.    Fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali, għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati, “trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skond it-tifsira ordinarja li għandha tingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tas-suġġett u ta’ l-għan tiegħu”.

25.    F’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni tfisser li wieħed għandu jistaqsi jekk, fid-dawl tal-kuntest, ta’ l-għan u tal-kontenut tiegħu, il-Protokoll jikkostitwixxix ftehim adottat prinċipalment fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, li jista’ jkollu effetti aċċessorji fuq il-kummerċ ta’ l-OĦM, jew, għall-kuntrarju, jekk għandux prinċipalment in-natura ta’ ftehim fil-qasam tal-politika tal-kummerċ internazzjonali filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni, b’mod aċċessorju, ċerti rekwiżiti ambjentali, jew inkella jekk jirrigwardax b’mod inseparabbli kemm il-protezzjoni ta’ l-ambjent kif ukoll il-kummerċ internazzjonali.

26.    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Protokoll ġie mħejji skond id-deċżijoni II/5 tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni, li nżammet skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 19(3) tal-Konvenzjoni, li tistieden lill-imsemmija partijiet sabiex jeżaminaw jekk huwiex opportun li jadottaw miżuri, b’mod partikolari ta’ natura proċedurali, “fil-qasam tat-trasferiment mingħajr periklu, it-tmexxija u l-użu ta’ kull organiżmu ħaj immodifikat li jkun ġej minn bioteknoloġija li jista’ jkollha effett ħażin fuq il-konservazzjoni, kif ukoll l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika”.

27.    Huwa paċifiku li l-Konvenzjoni, li ġiet konkluża mill-Komunità fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 130s tat-Trattat, hija strument li taqa’ fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent. Hija r-riżultat tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED), li saret f’Rio de Janeiro f’Ġunju 1992. L-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni jiddisponi, b’mod partikolari, li l-għanijiet tagħha huma “l-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika, l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha u l-qsim indaqs u imparzjali [ġust u ekwu] tal-ġid li jkun ġej mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi”.

28.    Skond l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati, huwa b’referenza għal dan il-kuntest relattiv għall-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika li huwa neċessarju li jiġi identifikat l-għan u li jiġi speċifikat is-suġġett tal-Protokoll, li t-tieni u tielet premessi tiegħu jirreferu għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija konvenzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) u d-deċiżjoni II/5 tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni. Diversi dispożizzjonijiet tal-Protokoll, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 7, 16, 18, 20, 22, 27 sa 35 u 37 tiegħu, jirreferu wkoll għall-Konvenzjoni jew għall-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni.

29.    It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-għan tal-Protokoll, jirriżulta mingħajr dubju mill-Artikolu 1 tiegħu, li jirreferi għall-Prinċipju 15 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, li huwa jfittex li jilħaq għan ta’ natura ambjentali, li huwa enfasizzat b’referenza għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, imsemmi fl-Artikolu 174(2) KE.

30.    L-għan li jiġi assigurat “livell adegwat” ta’ protezzjoni fil-qasam tat-trasferiment, l-immaniġġjar u l-użu mingħajr periklu ta’ OĦM jirriżulta wkoll b’mod ċar mit-titolu tal-Protokoll, li jirriferi espressament għall-“biosigurtà”, kif ukoll mill-ħames sat-tmien premessi tiegħu, li jenfasizzaw ir-riskji li l-bioteknoloġija tista’ toħloq għas-saħħa tal-bniedem, il-bżonn li din tiġi użata b’miżuri adegwati ta’ sigurtà għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem u “l-importanza ewlenija għall-umanità ta’ ċentri ta’ oriġini u ċentri ta’ diversità ġenetika”.

31.    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kontenut tal-Protokoll, l-obbligu fundamentali impost fuq il-partijiet bl-Artikolu 2(2) tiegħu li jipprevjenu jew inaqqsu r-riskji għad-diversità bioloġika fl-iżvilupp, l-immaniġġjar, it-trasport, l-użu, it-trasferiment u r-rilaxx ta’ kwalunkwe OĦM jirrifletti sewwa l-għan ambjentali ta’ l-imsemmi protokoll.

32.    Jista’ wkoll jiġi dedott mill-Artikolu 4 tal-Protokoll, safejn dan jipprovdi, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, li huwa jikkonċerna l-OĦM kollha “li jista’ jkollhom effett ħażin fuq [… id-]diversità bioloġika, filwaqt li jiġu kkunsidrati wkoll riskji għal saħħet il-bniedem”, li l-għan intrinsiku ta’ dan il-Protokoll huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent.

33.    Fl-istess sens, sabiex jippermetti lill-partijiet iwettqu l-obbligu fundamentali tagħhom, stabbilit fl-Artikolu 2(2) tal-Protokoll, dan ta’ l-aħħar jistabbilixxi diversi proċeduri ta’ kontroll (ara l-Artikoli 7 sa 13 tiegħu), fosthom il-“proċedura maqbula ta’ mogħdija ta’ informazzjoni [proċedura ta’ qbil minn qabel informat]”, li tikkostitwixxi strument tipiku tal-politika ta’ l-ambjent (ara, fir-rigward ta’ l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ notifika u ta’ awtorizzazzjoni minn qabel fil-qasam ta’ trasferiment ta’ skart bejn l-Istati Membri, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23, 25 u 26). Il-Protokoll jittratta wkoll l-istima u l-immaniġġjar tar-riskji assoċjati ma’ l-użu, l-immaniġġjar u l-moviment bejn il-fruntieri ta’ OĦM (Artikoli 15 u 16), il-moviment mhux intenzjonat bejn il-fruntieri u miżuri ta’ emerġenza (Artikolu 17), l-immaniġġjar, it-trasport, l-ippakkeġġjar u l-identifikazzjoni ta’ OĦM (Artikolu 18). Fl-aħħar nett, l-Artikoli 19 sa 28 tal-Protokoll, li s-suġġett tagħhom ġie mfakkar fil-qosor fl-ispjegazzjoni tat-talba għal opinjoni, japplikaw għal kull tip ta’ moviment bejn il-fruntieri u huma wkoll essenzjalment intiżi sabiex jippermettu lill-partijiet jikkonformaw ruħhom ma’ l-obbligu fundamentali tagħhom previst fl-Artikolu 2(2) ta’ l-imsemmi protokoll.

34.    Għalhekk mill-eżami magħmul fil-punti 26 sa 33 ta’ din l-opinjoni, li jirrigwarda l-kuntest, l-għan u l-kontenut tal-Protokoll, jirriżulta li l-għan jew l-element prinċipali ta’ dan l-aħħar huwa l-protezzjoni tad-diversità bijoloġika kontra l-effetti ħżiena li jistgħu jirriżultaw mill-attivitajiet li jinvolvu t-trattament ta’ OĦM, u b’mod partikolari l-movimenti bejn il-fruntieri ta’ dawn ta’ l-aħħar.

35.    Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Protokoll jaqa’, essenzjalment, fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, għal żmien twil, ilha tadotta kunċett wiesa’ tal-politika kummerċjali komuni (ara l-opinjoni 1/78, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Skond il-Kummissjoni, il-fatt li leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali ta’ ċerti prodotti tfittex li tilħaq, prinċipalment, għanijiet ta’ natura mhux kummerċjali ─ bħall-protezzjoni ta’ l-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, għanijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà jew ta’ politika agrikola ─ ma jistax ikollu l-effet li jeskludi l-kompetenza esklużiva tal-Komunità u li jiġġustifika ir-rikors, per eżempju, għall-Artikolu 175 KE, billi l-miżuri in kwistjoni huma speċifikament intiżi sabiex jirregolaw il-kummerċ estern tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punti 16 sa 20; Chernobyl, punti 17 sa 20; Werner, punti 8 sa 11; Leifer et, punti 8 sa 11; u Centro-Com, punti 26 sa 29; kif ukoll l-opinjonijiet iċċitati iktar ’il fuq 1/78, punti 41 sa 46, u 1/94, punti 28 sa 34). Fir-realtà, il-miżuri li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali spiss ifittxu li jilħqu għanijiet multipli u differenti, iżda dan ma jfissirx li dawn għandhom jiġu adottati fuq il-bażi tad-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għal dawn l-għanijiet.

36.    Il-Kummissjoni żżid li kunsiderazzjonijiet ta’ natura mhux kummerċjali ġew integrati fil-Ftehim WTO u fl-annessi tiegħu, b’mod partikolari fl-Artikolu XX tal-GATT u fil-Ftehim SPS u TBT, mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja madankollu eskludiet, fil-punt 34 ta’ l-opinjoni 1/94 tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, il-kompetenza esklużiva tal-Komunità sabiex tikkonkludi, abbażi ta’ l-Artikolu 113 tat-Trattat, il-ftehim multilaterali kollha dwar il-kummerċ tal-merkanzija.

37.    F’dan ir-rigward, huwa minnu, li skond l-istess termini ta’ l-Artikolu 1 tal-Protokoll, il-“livell adegwat ta’ protezzjoni” imfittex jirrigwarda, b’mod partikolari, it-“trasferiment” ta’ OĦM u li għandu “[j]iffoka” fuq il-“movimenti bejn il-fruntieri” ta’ dawn ta’ l-aħħar. Huwa wkoll minnu li diversi dispożizzjonijiet tal-Protokoll jirrigwardaw preċiżament il-kontroll ta’ dawn il-movimenti, b’mod partikolari meta l-OĦM huma intiżi sabiex jiġu użati direttament bħala ikel jew għalf jew għall-ipproċessar, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jevitaw jew inaqqsu r-riskji li dawn joħolqu għad-diversità bijoloġika u għas-saħħa tal-bniedem. Madankollu, anki jekk jitqies, kif issostni l-Kummissjoni, li l-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti mill-Protokoll huma applikati l-iktar spiss, jew għall-inqas, f’termini ta’ valur kummerċjali, prevalentament għall-kummerċ ta’ OĦM, jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-eżami magħmul fil-punti 26 sa 33 ta’ din l-opinjoni, il-Protokoll huwa, fid-dawl tal-kuntest, ta’ l-għan u tal-kontenut tiegħu, strument intiż essenzjalment sabiex jevita r-riskji marbuta mal-bioteknoloġija u mhux sabiex jippromwovi, jiffaċilita jew jirregola l-kummerċ.

38.    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, skond l-Artikolu 3(k) tal-Protokoll, l-espressjoni “moviment bejn il-fruntieri jfisser il-moviment ta’ organiżmu ħaj modifikat mingħand Parti waħda għal għand Parti oħra, ħlief li għall-għanijiet ta’ l-Artikoli 17 u 24 moviment bejn il-fruntieri jestendi għal moviment bejn Partijiet u non-Partijiet”. Tali definizzjoni, li hija partikolarment wiesgħa, hija intiża sabiex tkopri kull forma ta’ moviment ta’ OĦM bejn l-Istati, kemm jekk dawn il-movimenti jsirux għal għanjiet kummerċjali kemm jekk le. Għalhekk, mhux biss huma koperti l-movimenti ta’ OĦM ta’ natura agrikola, “intenzjonati għall-użu dirett bħala ikel jew għalf, jew għall-ipproċessar”, iżda wkoll il-movimenti illegali bejn il-fruntieri, “mhux intenzjonati”, u l-movimenti għal għanijiet karitattivi, xjentifiċi jew ta’ interess pubbliku.

39.    Bl-istess mod, it-tqegħid flimkien tal-kliem “trasferiment”, “immaniġġjar” u “użu” ta’ l-OĦM, fl-Artikoli 1 u 2(2) tal-Protokoll, jindika r-rieda tal-partijiet li jkopru kull xorta ta’ trattament ta’ l-OĦM sabiex jiġi assigurat “livell adegwat ta’ protezzjoni” tal-bijodiversità.

40.    It-tieni nett, il-fatt li diversi ftehim internazzjonali fil-qasam tal-kummerċ ifittxu li jilħqu għanijiet multipli u l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ politika kummerċjali komuni, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux iqiegħdu fid-dubju l-konstatazzjoni li l-Protokoll huwa strument li jaqa’ prinċipalment taħt il-politika ambjentali, anki jekk il-miżuri ta’ prevenzjoni jistgħu jaffettwaw il-kummerċ relattiv għall-OĦM. Kieku kellha tiġi aċċettata, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tneħħi l-parti l-kbira tas-sustanza tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat dwar il-politika tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, billi, malli jiġi stabbilit li l-azzjoni Komunitarja jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq il-kummerċ, il-ftehim prospettat ikollu għalhekk jitqiegħed fil-kategorija ta’ ftehim li jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-politika ambjentali tissemma espliċitament fl-Artikolu 3(1)(l) KE, bl-istess mod bħall-politika kummerċjali komuni, li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 31(1)(b).

41.    It-tielet nett, tkun xi tkun il-portata tagħhom, id-diffikultajiet prattiċi marbuta ma’ l-implementazzjoni ta’ ftehim mħallta, li huma invokati mill-Kummissjoni sabiex jiġi ġġustifikat ir-rikors għall-Artikolu 133 KE ─ li jagħti lill-Komunità kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni ─, ma jistgħux jitqiesu li huma rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju (ara l-opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107).

42.    Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-konklużjoni tal-Protokoll, f’isem il-Komunità, għandha tkun ibbażata fuq bażi legali waħda, li tkun speċifika għall-politika ambjentali.

43.    F’dan ir-rigward, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Peralta, punt 57, u Safety Hi-Tech, punt 43), l-Artikolu 174 KE jiddefinixxi l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti fil-kuntest tal-politika ambjentali, filwaqt li l-Artikolu 175 KE jikkostitwixxi l-bażi legali li fuqha jiġu adottati l-atti Komunitarji. Huwa minnu li l-Artikolu 174(4) KE jipprovdi speċifikament li l-“arranġamenti dwar il-kooperazzjoni tal-Komunità” ma’ pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali “jistgħu jkunu s-suġġett ta’ akkordj[i …] negozjati u konklużi skond l-Artikolu 300”. Madankollu, f’dan il-każ, il-Protokoll mhuwiex limitat sabiex jiffissa “arranġamenti dwar il-kooperazzjoni” fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, iżda jistabbilixxi b’mod partikolari regoli preċiżi dwar il-proċeduri ta’ kontroll relattivi għall-movimenti bejn il-fruntieri, għall-istima u għall-immanniġjar tar-riskji, għall-immaniġġjar, għat-trasport, għall-ippakkeġġjar u għall-identifikazzjoni ta’ OĦM.

44.    Konsegwentement, l-Artikolu 175(1) KE huwa l-bażi legali adegwata għall-konklużjoni tal-Protokoll f’isem il-Komunità.

45.    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-Komunità għandhiex, abbażi ta’ l-Artikolu 175 KE, kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-Protokoll minħabba l-eżistenza ta’ atti tad-dritt sekondarju adottati fil-kuntest Komunitarju, li jkopru l-qasam tal-biosigurtà u li jistgħu jkunu affettwati fil-każ li l-Istati Membri jipparteċipaw fil-proċedura għall-konklużjoni ta’ l-imsemmi protokoll (ara s-sentenza ERTA, punt 22).

46.    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif ġustament għamlu l-Gvern tar-Renju Unit u l-Kunsill, li, f’kull każ, l-armonizzazzjoni mwettqa fuq livell Komunitarju, fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Protokoll, tkopri tali qasam biss b’mod parzjali ħafna [ara d-Direttivi 90/219 u 90/220, kif ukoll id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 106, p. 1), li l-Artikolu 36(1) tagħha jħassar id-Direttiva 90/220].

47.    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenza kondiviża sabiex jikkonkludu l-Protokoll.

Għaldaqstant,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, P. Jann, F. Macken, N. Colneric u S. von Bahr, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola, J. P. Puissochet, L. Sevón, M. Wathelet (Relatur), R. Schintgen u V. Skouris, Imħallfin,

wara li semgħet lil S. Alber, Avukat Ġenerali Prinċipali, F. G. Jacobs, P. Léger, D. Ruiz-Jarabo Colomer, J. Mischo, A. Tizzano, L. A. Geelhoed u C. Stix-Hackl, Avukati Ġenerali,

tagħti l-opinjoni segwenti:

Il-kompetenza sabiex jiġi konkluż il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà hija kondiviża bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

Rodríguez Iglesias

Jann

Macken

Colneric

von Bahr

Gulmann

Edward

La Pergola

Puissochet

Sevón

Wathelet

Schintgen

 

      Skouris

 

Magħmul il-Lussemburgu, fis-6 ta’ Diċembru 2001.

Reġistratur

 

      President

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias