Language of document : ECLI:EU:T:2015:511

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża T‑423/10,

Redaelli Tecna SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn R. Zaccà, M. Todino, E. Cruellas Sada u S. Patuzzo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn B. Gencarelli, L. Prete u V. Bottka, sussegwentement minn V. Bottka, G. Conte u P. Rossi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 1. Tfakkir tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

75      Il-premessi 1122 sa 1125 tad-deċiżjoni kkontestata jesponu kif ġej ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm lok li Redaelli tingħata, taħt l-Avviż dwar il-klemenza, tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha:

“(1122) Redaelli wieġbet għal talba għal informazzjoni fil-21 ta’ Ottubru 2002 u ressqet talba għal klemenza fl-20 ta’ Marzu 2003, fejn ammettiet prinċipalment l-eżistenza ta’ ċerti akkordji fil-livell Taljan bejn l-1990 u l-1993 u bejn l-1995 u l-2002, u fil-livell pan-Ewropew bejn l-1995 u l-2002. Il-kontribuzzjonijiet ta’ Redaelli jinkludu ċerti provi fil-forma ta’ dokumenti kontemporanji. Madankollu, din il-kontribuzzjoni la żiedet element importanti u lanqas ma kkjarifikat punti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma kellhiex, f’dak il-mument, provi suffiċjenti. Għaldaqstant, fid-19 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ klemenza ta’ Redaelli inkonformità mal-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza.

(1123) Fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Redaelli tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni fis-sens li l-provi pprovuduti minnha ma kienu jikkontribwixxu ebda valur miżjud sinjifikattiv. Hija tosserva li kkollaborat kompletament mal-Kummissjoni minkejja d-diffikultajiet marbuta mar-ristrutturazzjoni tal-kumpannija matul is-snin u dan mhux biss billi pprovdiet, f’Ottubru 2002, informazzjoni li kienet tinkriminaha u billi integrat din l-informazzjoni f’talba għal klemenza fl-20 ta’ Marzu 2003, iżda wkoll billi wieġbet għal diversi talbiet għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Hija tiddikjara li l-Kummissjoni rreferiet diversi drabi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għall-informazzjoni kkomunikata minn din l-impriża. Hija tikkontesta l-fatt li ma ngħatat ebda tnaqqis provviżorju tal-multa, b’differenza minn impriżi oħra u b’mod partikolari minn Nedri, li ressqet it-talba għal klemenza tagħha fit-23 ta’ Ottubru 2003.

(1124) [Huwa mfakkar] li sabiex tkun tista’ titlob tnaqqis tal-multa skont l-Avviż dwar il-klemenza, impriża għandha tipprovdi lill-Kummissjoni provi li jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li jkunu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. Għalkemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u f’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni xi drabi għamlet riferiment għall-provi u għad-dikjarazzjoni ppreżentati minn Redaelli, ebda waħda mill-provi pprovduti minn Redaelli ma kkontribwixxiet valur miżjud sinjifikattiv, għall-kuntrarju tal-provi ppreżentati minn kumpanniji oħra bħalma huma Nedri [...]

(1125) Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ Redaelli fis-sens li hija dejjem ikkooperat kompletament mal-Kummissjoni billi wieġbet għad-diversi talbiet għal informazzjoni, il-Kummissjoni tosserva li l-impriżi għandhom obbligu legali li jwieġbu għat-talbiet għal informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, dan is-sempliċi fatt ma jagħtihomx dritt għal tnaqqis tal-multa.”

 2. Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-valur miżjud sinjifikattiv tal-provi pprovduti minn Redaelli matul il-proċedura amministrattiva

76      Essenzjalment, Redaelli tfakkar li kkooperat kompletament mal-Kummissjoni matul il-proċedura. Hija tosserva wkoll li, f’diversi okkażjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi dokumenti u dikjarazzjonijiet pprovduti fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni. Ċerti drabi, dawn ir-riferimenti jikkostitwixxu l-unika prova ċċitata mill-Kummissjoni insostenn tal-argumenti tagħha. Diversi eżempji juru l-valur miżjud sinjifikattiv ta’ dawn il-provi, u dan jiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Avviż dwar il-klemenza.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-Avviż dwar il-klemenza (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ddefiniet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha ta’ akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li altrimenti kien ikollhom iħallsu.

78      L-imsemmi avviż issostitwixxa avviż inizjali tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-1996”) sabiex jippermettilha tadatta l-politika tagħha f’dan il-qasam fid-dawl tal-esperjenza miksuba wara ħames snin ta’ implementazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li, għalkemm il-validità tal-prinċipji li fuqhom kien ibbażat l-Avviż tal-1996 kienet ġiet ikkonfermata, l-esperjenza wriet li, jekk it-tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi jingħata f’kundizzjonijiet ta’ trasparenza u ta’ ċertezza msaħħa, l-effikaċja ta’ dan l-avviż kienet ser tissaħħaħ. Bl-istess mod, il-Kummissjoni indikat li korrispondenza eqreb bejn il-livell tat-tnaqqis tal-ammont tal-multi u l-importanza tal-kontribuzzjoni tal-impriża għall-istabbiliment tal-ksur setgħet tkompli ttejjeb din l-effikaċja (Avviż dwar il-klemenza, premessa 5).

79      Il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-iżviluppi mixtieqa mill-Kummissjoni meta ssostitwiet l-Avviż tal-1996 bl-Avviż dwar il-klemenza.

 a) Kundizzjonijiet stabbiliti sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa

80      Anki jekk ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Avviż dwar il-klemenza sabiex tinkiseb immunità minn multa, impriża xorta waħda tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li altrimenti kienet tiġi imposta fuqha.

81      Mill-punt 21 tal-Avviż dwar il-klemenza effettivament jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tikkwalifika għal tali tnaqqis, impriża għandha, minn naħa, “tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni” u, min-naħa l-oħra, għandha “twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

82      Il-punt 23(a) tal-imsemmi avviż jindika, f’dan ir-rigward, li, f’kull deċiżjoni finali adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tiddetermina “jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien”.

83      Il-kunċett ta’ “valur miżjud” huwa speċifikat b’dan il-mod fil-punt 22 tal-Avviż dwar il-klemenza:

“Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.”

84      Fl-ewwel inċiż tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-klemenza huma previsti tliet skali ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa. L-ewwel impriża li tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 21 tal-imsemmi avviż ser tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 30 u 50 %, it-tieni impriża minn tnaqqis ta’ bejn 20 u 30 %, u l-impriżi segwenti minn tnaqqis massimu ta’ 20 %.

85      It-tieni paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-klemenza jindika li, “[b]iex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud” u li l-Kummissjoni “[t]ista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa”.

86      Għaldaqstant, it-termini tal-Avviż dwar il-klemenza jirrikjedu li ssir distinzjoni bejn żewġ stadji (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, MRI vs Il-Kummissjoni, T‑154/09, Ġabra, EU:T:2013:260, punt 320).

87      L-ewwel nett, sabiex tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis fl-ammont tal-multa, huwa meħtieġ li l-impriża tipprovdi provi li jkollhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li jkunu diġà jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni. B’hekk, u kif osservat espliċitament il-Kummissjoni fin-noti tagħha (ara, pereżempju, il-punt 27 tar-risposta u l-punt 10 tal-kontroreplika), meta jistabbilixxi li l-provi prodotti minn impriża “jippreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni”, l-Avviż dwar il-klemenza jeżiġi paragun bejn il-provi li diġà kellha l-Kummissjoni u dawk miksuba permezz tal-kooperazzjoni min-naħa ta’ min jitlob il-klemenza.

88      It-tieni nett, sabiex tistabbilixxi, jekk ikun il-każ, ir-rata tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li altrimenti kienet timponi, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni żewġ kriterji: id-data li fiha jkunu ġew ikkomunikati l-provi u l-livell ta’ valur miżjud li jirrappreżentaw dawn il-provi. F’din l-analiżi, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-portata u l-kontinwità tal-kooperazzjoni li l-impriża tkun uriet b’effett mid-data tal-kontribuzzjoni tagħha.

89      Meta l-provi mogħtija lill-Kummissjoni jkollhom valur miżjud sinjifikattiv u meta l-impriża ma tkunx l-ewwel jew it-tieni impriża li tikkomunika tali provi, ir-rata massima tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li altrimenti kienet tiġi imposta mill-Kummissjoni hija ta’ 20 %. Iktar ma l-kooperazzjoni tkun ingħatat fi stadju bikri u iktar ma jkun għoli l-livell ta’ valur miżjud, iktar tiżdied ir-rata ta’ tnaqqis, li tista’ tilħaq massimu ta’ 20 % tal-ammont li altrimenti kien jiġi impost mill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza MRI vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2013:260, punt 322).

90      Għaldaqstant, l-ordni kronoloġika u r-rapidità tal-kooperazzjoni mogħtija mill-membri tal-akkordju jikkostitwixxu elementi fundamentali tas-sistema implementata permezz tal-Avviż dwar il-klemenza [sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni, T‑39/06, Ġabra, EU:T:2011:562, punt 380, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Roca vs Il-Kummissjoni, T‑412/10, Ġabra (Estratti), EU:T:2013:444, punt 183]. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-livell ta’ valur miżjud marbut mad-diversi provi prodotti minn impriża f’dan ir-rigward.

91      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, filwaqt li l-Kummissjoni hija obbligata timmotiva r-raġunijiet għaliex tqis li provi prodotti minn impriżi fil-kuntest tal-Avviż dwar il-klemenza jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew li ma tiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, huma għall-kuntrarju l-impriżi li jkunu jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li l-informazzjoni prodotta volontarjament minn dawn l-impriżi kienet determinanti sabiex il-Kummissjoni setgħet tipprova l-essenzjal tal-ksur u għalhekk setgħet tadotta deċiżjoni li timponi multi (ara s-sentenza Roca vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 90 iktar ’il fuq, EU:T:2013:444, punt 184 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Fid-dawl tar-raġuni li tiġġustifika t-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal-informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi mill-provi li diġà kellha fil-pussess tagħha (ara s-sentenza Roca vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 90 iktar ’il fuq, EU:T:2013:444, punt 185 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Meta, fil-kuntest ta’ talba għal klemenza, impriża sempliċement tikkonferma, u dan b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerti elementi tal-informazzjoni li tkun diġà ngħatat minn impriża oħra fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha, il-livell ta’ kooperazzjoni pprovdut minn din l-impriża, minkejja li jista’ jkun li dan il-livell ta’ kooperazzjoni ma jkunx mingħajr ċerta utilità għall-Kummissjoni, ma jistax jitqies li huwa paragunabbli għal-livell ta’ kooperazzjoni pprovdut mill-ewwel impriża meta tat l-imsemmija informazzjoni. Fil-fatt, dikjarazzjoni li sempliċement tikkorrobora, sa ċertu punt, dikjarazzjoni li l-Kummissjoni kellha diġà ma tiffaċilitax il-kompitu tagħha b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, tali dikjarazzjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt l-Avviż dwar il-klemenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2011, Arkema France vs Il-Kummissjoni, T‑343/08, Ġabra, EU:T:2011:218, punt 137, u Roca vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 90 iktar ’il fuq, EU:T:2013:444, punt 186).

94      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li d-dikjarazzjoni ta’ impriża investigata minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju, li l-eżattezza tiegħu tkun qiegħda tiġi kkontestata minn diversi impriżi oħra investigati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tkun issostanzjata minn provi oħra (ara s-sentenza Roca vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 90 iktar ’il fuq, EU:T:2013:444, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Fl-aħħar nett, għalkemm għandu jitqies li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-valur miżjud sinjifikattiv ta’ informazzjoni mogħtija lilha fil-kuntest tal-Avviż dwar il-klemenza, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma tistax tibbaża ruħha fuq l-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ fil-fond kemm tad-dritt u kemm tal-fatti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara s-sentenzi Roca vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 90 iktar ’il fuq, EU:T:2013:444, punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il-Kummissjoni, C‑510/11 P, EU:C:2013:696, punti 24 u 92).

96      Dan jgħodd iktar u iktar meta l-Qorti Ġenerali tintalab, bħalma huwa l-każ hawnhekk, tevalwa hija stess il-valur li għandu jiġi rrikonoxxut lill-provi ppreżentati mir-rikorrent matul il-proċedura li wasslet għas-sanzjoni tiegħu minħabba t-twettiq ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara l-punt 74 iktar ’il fuq).

97      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti invokati minn Redaelli sabiex jiġi stabbilit il-valur miżjud sinjifikattiv tal-provi kkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

 b) Eżami tal-argumenti dwar il-valur miżjud sinjifikattiv

 Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest u l-kronoloġija

98      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, sabiex tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar l-argumenti li jirrigwardaw il-valur miżjud sinjifikattiv, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tippreżentalha, għal kull aspett tal-ksur li fir-rigward tiegħu Redaelli invokat il-valur miżjud sinjifikattiv tal-kontribuzzjoni tagħha, id-diversi provi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tasal għall-konklużjoni li din il-kontribuzzjoni “la żiedet element importanti u lanqas ma kkjarifikat punti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma kellhiex, f’dak il-mument, provi suffiċjenti” jew li “ebda waħda mill-provi pprovduti minn Redaelli ma kkontribwixxiet valur miżjud sinjifikattiv” (ara l-premessi 1122 u 1124 tad-deċiżjoni kkontestata).

99      Il-Kummissjoni onorat din it-talba billi kkomunikat dawn il-provi fit-28 ta’ Frar 2014 u fis-16 ta’ Mejju 2014.

100    Sussegwentement, fit-8 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni kkomunikat lill-Qorti Ġenerali serje ġdida ta’ dokumenti sabiex tikkompleta t-tweġiba tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati fis-17 ta’ Diċembru 2013. Dawn id-dokumenti ġew inklużi fil-proċess matul is-seduta (ara l-punti 68 u 69 iktar ’il fuq). L-imsemmija dokumenti kienu jikkorrispondu għall-verżjonijiet kompleti tad-dokumenti pprovduti minn Redaelli matul il-proċedura amministrattiva, u għalhekk kienu magħrufa sew mir-rikorrenti. Dawn id-dokumenti kienu diġà ġew prodotti mill-Kummissjoni f’forma parzjali, mingħajr l-ittra ta’ akkumpanjament u mingħajr l-annessi mibgħuta flimkien ma’ din l-ittra.

101    Għalkemm il-komunikazzjoni tal-verżjoni kompleta tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq saret tardivament, għandu madankollu jiġi osservat li l-kontenut tagħhom kien diġà ġie espost fid-dettall fir-rikors ta’ Redaelli u li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-istruttorja sussegwenti għat-tweġibiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għall-miżuri istruttorji, diġà kellha għarfien suffiċjentement preċiż tal-kontribuzzjoni magħmula minn Redaelli.

102    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali tqis li tinsab f’pożizzjoni li tistħarreġ b’mod sodisfaċenti, fil-fatt u fid-dritt, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-valur miżjud sinjifikattiv tad-diversi provi prodotti minn Redaelli matul il-proċedura amministrattiva fid-dawl tal-argumenti ppreżentati f’dan ir-rigward mir-rikorrenti.

103    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, f’din il-kawża, Redaelli qiegħda biss titlob lill-Qorti Ġenerali tirrikonoxxilha l-benefiċċju tal-klemenza billi tinkludiha fit-tielet grupp ta’ impriżi msemmi fil-punt 23 tal-Avviż dwar il-klemenza, jiġifieri fil-grupp li jiġbor fih l-impriżi li jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis li jista’ jilħaq l-20 % tal-valur tal-multa imposta (ara l-punti 74 u 84 iktar ’il fuq).

104    B’hekk, Redaelli la qiegħda titlob u lanqas ma qiegħda tikkontesta t-trattament mogħti, l-ewwel nett, lil DWK, li kisbet eżenzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kull multa li altrimenti din l-impriża kien ikollha tħallas, it-tieni nett, lil ITC, li tqieset mill-Kummissjoni bħala l-ewwel impriża li pprovditilha provi li pprovdew valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li diġà kellha fil-pussess tagħha, jew, it-tielet nett, lil Nedri, li tqieset mill-Kummissjoni bħala t-tieni impriża li tissodisfa l-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq li hija stabbilita fil-punt 21 tal-Avviż dwar il-klemenza.

105    Redaelli kkonfermat dan fi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, u ttieħdet nota ta’ din il-konferma fil-proċess verbal tas-seduta.

106    Fit-tielet lok, fid-dawl tad-diversi aspetti tal-ksur li fir-rigward tagħhom Redaelli tinvoka l-valur miżjud sinjifikattiv tal-kontribuzzjoni tagħha, għandha ssir ukoll distinzjoni bejn il-provi li jirrigwardaw il-club Italia u dawk li jirrigwardaw il-club Zurich u s-suċċessur tiegħu, il-club Europe, u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kronoloġija, li għandha rwol essenzjali fl-analiżi tad-dokumenti rilevanti.

107    Fil-fatt, fir-rigward tal-club Italia, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kellha diversi provi kontemporanji għall-fatti, miksuba matul l-ispezzjonijiet imwettqa fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002 jew ipprovduti sussegwentement, b’mod partikolari minn ITC. Dawn il-provi ppermettewlha tistabbilixxi dan l-aspett tal-ksur b’effett mill-1995 u sal-2002, kemm fir-rigward ta’ Redaelli u kemm fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ tliet produtturi Taljani oħra: CB, Itas u ITC.

108    Fir-rigward tal-club Zurich, il-fażi inizjali tal-ksur fil-livell pan-Ewropew, li kienet tinvolvi operatur Taljan, Redaelli, u operaturi fi swieq oħra (WDI, Nedri, DWK, Tréfileurope …), il-kwalità tal-provi disponibbli hija limita ħafna. Fir-rigward ta’ din il-fażi, il-Kummissjoni tenfasizza pjuttost id-dikjarazzjonijiet magħmula mid-diversi impriżi li talbu l-klemenza jew in-noti ta’ Emesa miksuba fit-28 ta’ Ġunju 2007, jiġifieri fi stadju avvanzat tal-proċedura.

109    Fir-rigward tal-club Europe, it-tieni fażi tal-ksur fil-livell pan-Ewropew, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal diversi sorsi fir-rigward tal-provi, li ħafna drabi jikkorroboraw lil xulxin. F’dan ir-rigward, jista’ jingħad li Redaelli tissemma mid-deċiżjoni kkontestata bħala impriża li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta’ impriżi oħra f’dan l-aspett tal-ksur.

110    F’dan ir-rigward ukoll, u fid-dawl tad-distinzjoni msemmija iktar ’il fuq bejn id-diversi aspetti tal-ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li żewġ serji ta’ dokumenti ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali: dawk ikkomunikati minn Redaelli, li jistabbilixxu, skontha, il-valur miżjud sinjifikattiv tal-kontribuzzjoni tagħha, u dawk ippreżentati mill-Kummissjoni sabiex turi li kellha diġà provi suffiċjenti sabiex tikkonkludi li l-kontribuzzjoni ta’ Redaelli ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv.

111    Il-kontribuzzjoni ta’ Redaelli tinkludi erba’ dokumenti: l-ewwel nett, it-tweġiba tal-21 ta’ Ottubru 2002 għal talba għal informazzjoni, it-tieni nett, it-talba għal klemenza tal-20 ta’ Marzu 2003, it-tielet nett, it-tweġiba tas-6 ta’ Settembru 2006 għal talba għal informazzjoni u, ir-raba’ nett, it-tweġiba tal-15 ta’ Ġunju 2007 għal talba għal informazzjoni.

112    Min-naħa tagħhom, il-provi invokati mill-Kummissjoni sabiex turi l-assenza ta’ valur miżjud sinjifikattiv tal-kontribuzzjoni ta’ Redealli joriġinaw, l-ewwel nett, mit-talba għal immunità ta’ DWK tat-18 ta’ Ġunju 2002, li tressqet qabel saru l-ispezzjonijiet, u mid-dikjarazzjonijiet magħmula sussegwentement minn din l-impriża, it-tieni nett, minn dokumenti ssekwestrati matul l-ispezzjonijiet tad-19 u tal-20 ta’ Settembru 2002, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ispezzjoni mwettqa fil-bini ta’ Redaelli, it-tielet nett, mit-talbiet għal klemenza mressqa wara l-ispezzjonijiet, b’mod partikolari minn ITC, fil-21 ta’ Settembru 2002, minn Nedri, fit-23 ta’ Ottubru 2002, minn Emesa, fil-25 ta’ Ottubru 2002, u minn Tréfileurope, fl-4 ta’ Novembru 2002, kif ukoll min-noti ta’ Emesa ppreżentati lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Ġunju 2007, data sussegwenti għall-produzzjoni tal-aħħar dokument imsemmi minn Redaelli sabiex tistabbilixxi l-kontenut tal-kontribuzzjoni tagħha.

113    Huwa f’dan il-kuntest u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-informazzjoni kronoloġika esposta iktar ’il fuq, li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti invokati minn Redaelli sabiex tistabbilixxi l-valur miżjud sinjifikattiv tal-provi kkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

114    Effettivament, sabiex jitwettaq tali eżami huwa meħtieġ li wieħed iqiegħed lilu nnifsu fil-mument li fih il-provi inkwistjoni ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi l-oħra li f’dak il-mument kienu diġà disponibbli.

 Analiżi tad-dokumenti rilevanti

115    Għandhom jiġu eżaminati, wieħed wieħed, id-diversi argumenti invokati minn Redaelli sabiex tistabbilixxi l-valur miżjud sinjifikattiv tal-kontribuzzjoni tagħha.

 – Rappreżentanza ta’ CB, Itas u ITC fil-club Zurich mill-1993 sal-1995

116    Redaelli ssostni li l-kontribuzzjoni tagħha ppermettiet lill-Kummissjoni tqis li ITC, Itas u CB kienu pparteċipaw fil-club Zurich matul is-snin 1993-1995. B’hekk, Redaelli kienet l-ewwel u l-unika impriża li esponiet ir-rwol tagħha bħala rappreżentant ta’ ITC, Itas u CB fil-laqgħat tal-club Zurich matul dan il-perijodu. Bl-istess mod, fir-rigward tat-tifsira tal-espressjoni “group Assider”, kienet Redaelli u mhux Nedri li ppermettiet li jinftiehem li din l-espressjoni kienet tidentifika grupp limitat ta’ produtturi Taljani involuti fl-akkordju u mhux il-membri kollha tal-assoċjazzjoni professjonali bl-istess isem.

117    A priori, dan huwa wieħed mill-iktar aspetti notevoli tal-kontribuzzjoni ta’ Redaelli peress li, fuq il-bażi ta’ tali informazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni saħħet il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti filwaqt li timplika lil CB, lil Itas u lil ITC għal perijodu itwal u fir-rigward ta’ aspett tal-ksur differenti minn dawk li setgħet tikkunsidra qabel.

118    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata u tal-provi msemmija fiha, li r-rikorrenti għandha żball fir-rigward tal-rwol li kellha l-kontribuzzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva.

119    Fil-fatt, il-Kummissjoni turi b’mod konvinċenti li hija kienet taf, ferm qabel ma indikat dan Redealli, fil-15 ta’ Ġunju 2007, fi stadju avvanzat tal-proċedura u bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, l-identità tat-tliet impriżi Taljani produtturi ta’ APS, li fil-passat kienu membri tal-assoċjazzjoni professjonali Assider li ma baqgħetx teżisti fl-1988, li setgħu pparteċipaw fil-club Zurich permezz ta’ din l-assoċjazzjoni.

120    L-ewwel nett, sa mill-istadju tat-talba għal klemenza ta’ DWK tat-18 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tkun taf li Redaelli kienet tirrappreżenta tliet produtturi Taljani oħra ta’ APS (ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

121    It-tieni nett, fid-dawl tat-talba għal klemenza ta’ Nedri tat-23 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni kienet taf ukoll li, għal din l-impriża, Redaelli kienet tirrappreżenta lil Assider matul il-laqgħat ta’ Zurich (ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Ikkunsidrati flimkien, dawn l-elementi ta’ informazzjoni kienu jagħtu indikazzjoni essenzjali lill-Kummissjoni, jiġifieri li, matul il-laqgħat ta’ Zurich, Redaelli kienet tirrappreżenta wkoll lil Assider, jiġifieri lil tliet produtturi Taljani oħra.

123    Fl-istess ħin, il-Kummissjoni kienet taf li Redaelli u tliet produtturi Taljani (CB, Itas u ITC) kellhom, fi ħdan il-club Italia, diskussjonijiet dwar ftehim mal-membri tal-club Zurich. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-abbozz ta’ ftehim tat-23 ta’ Jannar 1995 li nstab mill-Kummissjoni waqt l-ispezzjoni mwettqa fil-bini ta’ Redaelli fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, fejn huwa indikat li Redaelli ngħatat mandat sabiex tirrappreżenta lil CB, lil Itas u lil ITC mal-produtturi pan-Ewropej (ara l-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    It-tielet nett, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti stess tirreferi għall-kontenut tad-dikjarazzjoni magħmula minn DWK fit-8 ta’ Marzu 2007, li minnha jirriżulta li, għal din l-impriża, matul il-laqgħat tal-club Zurich, Redaelli kienet tirrappreżenta, skont l-indikazzjonijiet tagħha stess, tliet produtturi Taljani (ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni tispeċifika wkoll li, skont dak li kien jiftakar wieħed mir-rappreżentanti ta’ DWK f’dawn il-laqgħat, Redaelli ma kinitx speċifikat liema kienu dawn il-produtturi u li l-imsemmi rappreżentant ma kienx inkwieta dwar dan, filwaqt li osserva li kien issuspetta li dawn kienu l-produtturi CB, Itas u ITC, peress li l-produtturi Taljani l-oħra kienu iżgħar jew ma kinux għadhom jeżistu (pereżempju SLM).

125    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, saħansitra qabel l-indikazzjonijiet mogħtija minn Redaelli fil-15 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni kienet taf li, fil-laqgħat tal-club Zurich, Redaelli kienet indikat li kienet qiegħda tirrappreżenta tliet produtturi Taljani oħra. Il-Kummissjoni kienet ukoll f’pożizzjoni li tkun taf liema setgħu jkunu dawn it-tliet produtturi.

126    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-indikazzjonijiet mogħtija minn Redaelli fil-15 ta’ Ġunju 2007 jippreċedu dawk li jirriżultaw min-noti ta’ Emesa ppreżentati ftit ta’ żmien wara, fit-28 ta’ Ġunju 2007. Fil-fatt, huwa fid-dawl tan-noti ta’ Emesa ppreżentati minn ArcelorMittal li l-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tqis li, matul il-laqgħa tal-club Zurich tat-8 u tad-9 ta’ Ġunju 1994, fil-preżenza ta’ Tréfileurope, DWK, WDI, Tycsa, Nedri u Emesa, ir-rappreżentant ta’ Redaelli indika li kien qiegħed jirrappreżenta tliet impriżi, jiġifieri CB, Itas u ITC (ara l-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, hawnhekk ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-noti ta’ Emesa iżda biss il-provi kkomunikati qabel il-15 ta’ Ġunju 2007 sabiex jiġi stabbilit il-valur miżjud sinjifikattiv tal-kontribuzzjoni ta’ Redaelli.

127    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-indikazzjonijiet preċedenti ma għandhomx l-effett allegat minn Redaelli, li ssostni li l-kontribuzzjoni tagħha ppermettiet lill-Kummissjoni tqis li ITC, Itas u CB ipparteċipaw fil-club Zurich matul is-snin 1993-1995.

128    Fir-rigward ta’ CB, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din ikkontestat li kienet ħadet sehem fil-club Zurich jew f’arranġament pan-Ewropew. Skontha, Redaelli kienet “ħatret lilha nnifisha” bħala rappreżentant tal-produtturi Taljani l-oħra f’dan ir-rigward. Fid-dawl ta’ din il-kontestazzjoni u minkejja li, fid-dawl ta’ informazzjoni pprovduta minn ITC fit-talba għal klemenza tagħha, osservat li CB kienet assistiet, kif ukoll Redaelli, Itas, ITC, Tréfileurope Italia, DWK u Tycsa, għal laqgħa tal-club Italia mal-produtturi tal-club Zurich, li nżammet fl-24 ta’ Frar 1993 u li matulha ma ġewx diskussi biss il-prezzijiet u l-bejgħ fis-suq Taljan iżda wkoll il-konsum ta’ APS fis-swieq Ewropej l-oħra, il-Kummissjoni ppreferiet tqis li kien biss fit-23 ta’ Jannar 1995 li CB bdiet tipparteċipa fil-ksur, u dan minħabba, b’mod partikolari, l-abbozz ta’ ftehim li sabet matul l-ispezzjonijiet organizzati fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002 (ara l-punt 123 iktar ’il fuq).

129    Għalhekk, kien biss b’effett mit-23 ta’ Jannar 1995, fuq il-bażi ta’ provi differenti minn dawk invokati minn Redaelli fil-kuntest tat-talba għal klemenza tagħha, li ġiet stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ CB fl-akkordju (ara, b’mod partikolari, il-premessi 155, 165, 166 u 849 sa 855 tad-deċiżjoni kkontestata).

130    Fir-rigward ta’ Itas, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi wkoll il-fatt li din l-impriża kkontestat li kienet ipparteċipat fil-club Zurich matul is-snin 1993-1994 minħabba li kien biss fl-1995 li kisbet iċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-Ġermanja u iktar tard fir-rigward ta’ pajjiżi oħra. B’differenza minn CB u għar-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni ta’ Itas fil-ksur kienet stabbilita b’effett mill-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-laqgħa tal-club Italia mal-produtturi tal-club Zurich tal-24 ta’ Frar 1993. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat il-parteċipazzjoni ta’ Itas, kif ukoll ta’ Redaelli u ta’ ITC, f’laqgħa tal-club Italia tas-7 ta’ Mejju 1993, li fir-rigward tagħha ITC ipprovdiet informazzjoni fit-talba għal klemenza tagħha. Din il-laqgħa kienet, b’mod partikolari, dwar erba’ proposti fir-rigward tal-produtturi pan-Ewropej. Għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata tindika barra minn hekk li Itas kienet “irrappreżentata minn Redaelli fil-laqgħat tal-club Zurich” li nżammu wara l-laqgħa tal-24 ta’ Frar 1993, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li tali indikazzjoni tista’ tiġi dedotta perfettament mill-provi kkomunikati minn DWK u minn Nedri qabel id-data tal-kontribuzzjoni magħmula minn Redaelli fil-15 ta’ Ġunju 2007 (ara l-premessi 155, 163, 164 u 856 sa 861 tad-deċiżjoni kkontestata).

131    F’tali sitwazzjoni, fid-dawl tal-fatt li kellha diversi provi sabiex tistabbilixxi l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Itas fil-ksur, fosthom l-informazzjoni pprovduta minn ITC fit-talba għal klemenza tagħha li pprovdiet minuti miktubin bl-idejn tal-laqgħa tal-club Italia mal-produtturi tal-club Zurich tal-24 ta’ Frar 1993, informazzjoni li hija essenzjali, u l-informazzjoni mgħoddija minn DWK u minn Nedri dwar ir-rwol ta’ Redaelli fi ħdan il-club Zurich, il-Kummissjoni setgħet tqis li l-kontribuzzjoni effettiva ta’ Redaelli mogħtija fil-15 ta’ Ġunju 2007 ma kinitx ipprovdiet valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li diġà kellha fil-pussess tagħha.

132    Fir-rigward ta’ ITC, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din l-impriża approvat il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet intbagħtitilha filwaqt li kkonfermat li hija kienet “taqbel mad-dikjarazzjonijiet u man-narrazzjonijiet ipprovduti fit-talba għal klemenza u mad-dikjarazzjonijiet sussegwenti”, jiġifieri li kienet ipparteċipat direttament fl-akkordju, b’mod partikolari fil-club Zurich, fil-club Italia u fl-integrazzjoni tal-produtturi Taljani fi ħdan il-club Europe mill-24 ta’ Frar 1993 sad-19 ta’ Settembru 2002 (ara, b’mod partikolari, il-premessi 841 u 843 tad-deċiżjoni kkontestata).

133    Fir-rigward ta’ dan il-punt ukoll, u minkejja li d-deċiżjoni kkontestata tindika, fil-premessi 153 u 155, li ITC ma kinitx ikkontestat li kienet irrappreżentata minn Redaelli fi ħdan il-club Zurich, il-Kummissjoni kellha provi oħra, fosthom dawk ikkomunikati minn ITC stess, iżda wkoll dawk ikkomunikati minn DWK u minn Nedri, sabiex tistabbilixxi l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ ITC fil-ksur. F’tali sitwazzjoni, il-Kummissjoni setgħet tqis li l-kontribuzzjoni magħmula minn Redaelli fil-15 ta’ Ġunju 2007 ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Avviż dwar il-klemenza sabiex tikkontribwixxi valur miżjud sinjifikattiv fir-rigward tal-provi li kienu diġà fil-pussess tagħha.

134    Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet u tad-dokumenti trażmessi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet fil-fatt f’pożizzjoni li tqis li, fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-ksur, hija kellha diġà, kemm mill-aspett sostantiv u kemm mill-aspett kronoloġiku, provi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni. Għaldaqstant, il-provi invokati minn Redaelli f’dan ir-rigward ma kinux jippreżentaw il-valur miżjud sinjifikattiv meħtieġ sabiex din tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-Avviż dwar il-klemenza.

 – Aspetti oħra tal-ksur

135    Redaelli ssostni li l-kontribuzzjoni tagħha kienet waħda minn tal-ewwel li kkonfermat l-eżistenza tas-sistema ta’ kontroll tal-akkordju u li pprovdiet deskrizzjoni kompleta tagħha. Dan sar sa mill-21 ta’ Ottubru 2002 fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni u fit-talba għal klemenza tagħha tal-20 ta’ Marzu 2003.

136    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tar-raġunijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tal-provi prodotti f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, li din tal-aħħar kellha diġà diversi provi wara l-ispezzjonijiet imwettqa fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, wara t-talba għal klemenza ta’ ITC tal-21 ta’ Settembru 2002 u wara dik ta’ Tréfileurope tal-4 ta’ Novembru 2002 (ara l-premessi 450 sa 455 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    B’mod partikolari, mill-aspett kronoloġiku, għandu jitfakkar li, fit-tweġiba tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2002 għal talba għal informazzjoni, Redaelli sempliċement irreferiet għal negozjant, is-Sur Pr., li kien responsabbli sabiex jiġbor data dwar l-evoluzzjoni tal-bejgħ tad-diversi produtturi. Issa, f’dak il-mument, il-Kummissjoni kellha, b’mod partikolari, dokumenti kontemporanji għall-fatti ppreparati minn din il-persuna, li kienu nstabu matul l-ispezzjonijiet imwettqa fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, u li kienu jsemmu b’mod ċar l-informazzjoni msemmija minn Redaelli.

138    Fit-talba għal klemenza tal-20 ta’ Marzu 2003, Redaelli tagħti iktar dettalji dwar ir-rwol tas-Sur Pr., filwaqt li tindika, b’mod partikolari, li dan seta’ jiddetermina x-xiri mwettaq minn kull wieħed mill-klijenti tal-produtturi kkonċernati. Ir-rwol tiegħu ma kienx għadu sempliċement li jikkontrolla l-kwantitajiet mibjugħa iżda li jiddetermina l-potenzjal f’termini ta’ klijentela. Għalkemm huwa minnu li din it-tieni parti tar-rwol li kellu s-Sur Pr. tissemma fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessa 452, fejn huwa indikat li l-informazzjoni f’dan ir-rigward toriġina minn Redaelli, xorta waħda jibqa’ l-fatt li essenzjalment ir-rwol ta’ din il-persuna kien fil-fatt, kif tiddikjara l-Kummissjoni filwaqt li tirreferi għad-dokumenti misjuba matul l-ispezzjonijiet, rwol ta’ sorveljanza u ta’ kontroll.

139    Għaldaqstant, il-provi invokati minn Redaelli f’dan ir-rigward ma kinux jippreżentaw il-valur miżjud sinjifikattiv meħtieġ sabiex din tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-Avviż dwar il-klemenza.

140    Barra minn hekk, Redaelli ssostni li l-kontribuzzjoni tagħha kienet l-ewwel waħda li kkonfermat l-eżistenza u l-kontenut ta’ diversi laqgħat, fosthom dawk tal-club Italia tal-1 ta’ Frar 2002, tal-1 ta’ Marzu 2002 u tas-26 ta’ Awwissu 2002, u dawk tal-club Europe tat-28 u tad-29 ta’ Frar 2000, tat-8 u tad-9 ta’ Mejju 2000, tal-15 ta’ Mejju 2001, tal-4 ta’ Settembru 2001 u tal-24 ta’ Lulju 2002.

141    F’dan ir-rigward ukoll, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kellha, globalment, diversi elementi ta’ informazzjoni dwar il-perijodu kkonċernat (2000-2002) kemm fir-rigward tal-club Italia u kemm fir-rigward tal-club Europe (ara l-Annessi 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata dwar id-deskrizzjonijiet tal-laqgħat imsemmija). Fil-fatt, il-kontribuzzjoni invokata minn Redaelli dwar dan il-punt ma żżid xejn jew ftit ħafna fir-rigward tal-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni, la fir-rigward tal-perijodu kkonċernat, la fir-rigward tal-clubs ikkonċernati u lanqas fir-rigward tal-kontenut tal-laqgħat imsemmija minn Redaelli, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kellha diġà provi li kienu nstabu matul l-ispezzjonijiet jew li kienu ġew prodotti fil-ħin minn impriżi oħra, bħal ITC, CB, Tréfileurope, Nedri jew DWK, jew kienet f’pożizzjoni fejn setgħet tqis li l-provi prodotti minn Redaelli ma kinux jistabbilixxu n-natura antikompetittiva tal-laqgħa msemmija [bħall-laqgħa li allegatament inżammet fit-8 u fid-9 ta’ Mejju 2000, li rriżultat li kienet biss laqgħa tal-Eurostress Information Service (ESIS), waħda mill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-APS].

142    Għaldaqstant, il-kontribuzzjoni ta’ Redaelli fir-rigward tal-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq ma tistax titqies li tipprovdi valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-Avviż dwar il-klemenza.

143    Fl-aħħar nett, Redaelli tinvoka wkoll il-fatt li kienet l-ewwel waħda li kkonfermat dak li jissemma fil-qosor fit-talba għal klemenza fir-rigward tal-konnessjoni bejn il-ftehim ta’ ffissar ta’ kwoti fil-livell Ewropew (club Zurich) u l-ftehim fil-livell Taljan (club Italia); li kienet l-ewwel waħda li ddeskriviet id-dinamika tal-club Italia fil-bidu tas-snin 1990 fir-rigward, b’mod partikolari, tal-abbandun tal-prassi ta’ ffissar ta’ kwoti wara r-rifjut ta’ ITC li tkun involuta f’din l-inizjattiva; li kellha kontribuzzjoni sinjifikattiva fir-rigward tad-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Tréfileurope fil-club Italia u li kienet l-oriġini tad-distinzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata bejn klijenti esklużivi u klijenti komuni fir-rigward tal-club Italia jew fir-rigward tal-laqgħat pan-Ewropej magħmula “fl-okkażjoni tal-laqgħat tal-‘ESIS’”.

144    Fir-rigward ta’ dawn il-punti, għandu jiġi kkonstatat, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għall-miżuri istruttorji deċiżi mill-Qorti Ġenerali, li l-provi invokati f’dan ir-rigward minn Redaelli ma kinux determinanti jew kienu jikkonċernaw aspetti żgħar tal-ksur li bħala tali ma humiex rilevanti fid-dawl tal-provi li l-Kummissjoni diġà kellha fil-pussess tagħha, liema provi kienu joriġinaw minn diversi sorsi li jikkorroboraw lil xulxin.

145    B’hekk, fir-rigward tal-konnessjoni bejn il-club Zurich u l-club Italia, għalkemm il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ċċitata minn Redaelli, jiġifieri l-premessi 401 et seq, tirreferi effettivament għal dokumenti prodotti minn Redaelli, mill-proċess jirriżulta wkoll li dokumenti oħra kienu ssekwestrati matul l-ispezzjonijiet jew inkella kienu trażmessi minn ITC, b’mod partikolari l-iktar dokument rilevanti f’dan ir-rigward, jiġifieri l-ftehim tal-5 ta’ Diċembru 1995 bejn Redaelli, CB, Itas u ITC.

146    Bl-istess mod, fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dinamika tal-club Italia fil-bidu tas-snin 1990, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni ta’ Redaelli, ta’ CB, ta’ Itas u ta’ ITC fil-club Italia bdiet fit-23 ta’ Jannar 1995, id-data tal-iktar abbozz ta’ ftehim antik li l-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha wara l-ispezzjonijiet (ara l-premessi 402 u 456 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, l-informazzjoni kkomunikata minn Redaelli fir-rigward tas-sitwazzjoni preċedenti ma kellha ebda impatt fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti. Fir-rigward tad-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Tréfileurope fil-club Italia, mill-premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni kellha diġà provi suffiċjenti sabiex tiffissa din id-data bħala t-3 ta’ April 1995, fejn id-dokumenti msemmija f’dan ir-rigward kienu ġew ippreżentati minn ITC. Fir-rigward tad-distinzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata bejn klijenti esklużivi u klijenti komuni, mill-premessi 445 u 447 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod daqstant ieħor ċar li l-Kummissjoni kienet diġà taf b’din id-distinzjoni permezz tad-dokumenti misjuba matul l-ispezzjonijiet u permezz tal-osservazzjonijiet magħmula minn Tréfileurope.

147    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferimenti magħmula għal-laqgħat pan-Ewropej miżmuma “fl-okkażjoni tal-laqgħat tal-‘ESIS’”, tali indikazzjoni kienet tirriżulta diġà mid-dokumenti pprovduti mill-Bundeskartellamt fl-istadju inizjali tal-proċedura u mid-dokumenti misjuba matul l-ispezzjonijiet.

 c) Konklużjoni

148    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata fl-intier tagħha.

 3. Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

149    Essenzjalment, Redaelli ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba li ma eżaminatx it-talba għal klemenza tagħha fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fl-Avviż dwar il-klemenza. Meta ċaħdet din it-talba, fid-19 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni kienet fil-verità influwenzata mill-avviż iktar ġdid u iktar sever tagħha, l-Avviż dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17). Issa, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza u kif jirriżulta minn deċiżjonijiet adottati sabiex jiġu ssanzjonati kartelli oħra, il-Kummissjoni allegatament kienet iktar lesta li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa fir-rigward ta’ talbiet ibbażati prinċipalment fuq dikjarazzjonijiet u l-livell ta’ “valur miżjud” allegatament kien iktar baxx minn dak meħtieġ sussegwentement.

150    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Redaelli u kif jirriżulta mill-punti 76 sa 148 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, meta ddeċidiet dwar it-talba għal klemenza ta’ Redaelli, għamlet applikazzjoni korretta tal-kriterji ddefiniti fl-Avviż dwar il-klemenza.

151    Barra minn hekk, Redaelli lanqas ma tista’ sempliċement tinvoka soluzzjonijiet applikati mill-Kummissjoni f’każijiet oħra sabiex titlob li tibbenefika minn tali sitwazzjonijiet mingħajr, għal dan il-għan, ma tinvoka l-iċken prova li tippermetti li jiġi stabbilit ix-xebh bejn is-sitwazzjonijiet fattwali fir-rigward kemm tal-ksur inkwistjoni u kemm tal-provi ppreżentati fil-kuntest tat-talbiet għal klemenza mill-impriżi kkonċernati.

152    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Avviż dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji adottat fl-2006 ittieħed inkunsiderazzjoni, il-preċiżazzjonijiet magħmula fir-rigward tal-kunċett ta’ “valur miżjud” f’dan l-avviż ftit li xejn huma ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni l-allegati aspettattivi leġittimi invokati minn Redaelli. Fir-rigward tal-klemenza, ma jistax ikun hemm dritt li wieħed jibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa għas-sempliċi raġuni li l-Kummissjoni tkun ingħatat dikjarazzjonijiet jew provi.

153    Fil-fatt, fiż-żewġ avviżi, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat il-valur miżjud sinjifikattiv ta’ tali provi, fid-dawl b’mod partikolari tal-provi li jkunu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, u huwa dan il-valur miżjud li jservi ta’ bażi għad-deċiżjoni dwar jekk jingħatax jew le tnaqqis tal-ammont tal-multa fil-kuntest tal-klemenza.

154    Bl-istess mod, fiż-żewġ avviżi, huwa rrikonoxxut espliċitament li l-provi kontemporanji għall-perijodu kkonċernat mill-fatti għandhom valur kwalitattiv ogħla mill-provi stabbiliti sussegwentement.

155    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 4. Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

156    Redaelli ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tat tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ 5 % lil impriżi, Emesa/Galycas u WDI, li l-kollaborazzjonijiet tagħhom kienu iktar modesti.

157    Fir-rigward ta’ Emesa u ta’ Galycas, Redaelli tosserva li t-tnaqqis ingħata fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta bi tweġiba għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-kontribuzzjoni tagħhom, Emesa u Galycas kienu sempliċement ammettew l-eżistenza ta’ laqgħat antikompetittivi bejn produtturi Ewropej u produtturi Spanjoli u Portugiżi fl-okkażjoni ta’ laqgħat ta’ assoċjazzjonijiet professjonali, li fir-rigward tagħhom huma ppreżentaw ukoll żewġ listi ta’ laqgħat bid-data, il-post u l-isem tal-parteċipanti “mingħajr ma pprovdew ebda deskrizzjoni tal-kontenut tagħhom u mingħajr ma ssostanzjawhom b’xi prova dokumentarja” (ara l-premessa 1095 tad-deċiżjoni kkontestata). Filwaqt li tirrikonoxxi n-natura limitata ta’ din il-kontribuzzjoni, li kienet vaga wisq sabiex tikkostitwixxi prova tal-ksur bħala tali, il-Kummissjoni xorta waħda qieset li din il-prova kienet tirrappreżenta valur miżjud sinjifikattiv sa fejn kienet ser issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi ċerti fatti li jikkostitwixxu l-akkordju fil-każ li tkun ikkonfermata minn provi oħra.

158    Għall-kuntrarju, il-kontribuzzjoni pprovduta minn Redaelli hija, skontha, ferm iktar sinjifikattiva. Saħansitra qabel ma ressqet talba formali għal klemenza bi provi oħra, fil-21 ta’ Ottubru 2002, jiġifieri qabel Emesa u Galycas, Redaelli kienet ammettiet li kienu seħħew laqgħat antikompetittivi bejn produtturi Ewropej u produtturi Taljani. Redaelli ssostni li hija kienet ipprovdiet ukoll deskrizzjoni ta’ dawn il-laqgħat u lista, li tindika d-data, il-post u l-parteċipanti, li kienet iktar iddettaljata minn dik ippreżentata minn Emesa u Galycas. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjonijiet ta’ Redaelli ntużaw mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ CB, ta’ Itas u ta’ Tréfileurope sabiex timputalhom responsabbiltà għal parti mill-akkordju.

159    Fir-rigward ta’ WDI, mid-deċiżjoni kkontestata allegatament jirriżulta li l-kontribuzzjoni ta’ din l-impriża kienet limitata ħafna u ma kinitx tirrigwarda kwistjonijiet deċiżivi. Id-dikjarazzjoni ta’ WDI tad-19 ta’ Mejju 2004 tinkludi informazzjoni inizjali dwar ċerti elementi tal-organizzazzjoni tal-club Zurich u dwar il-fatt li dan il-club kien qiegħed isegwi l-eżempju Taljan. WDI kienet ukoll, allegatament, l-ewwel waħda li kkonfermat id-dikjarazzjonijiet ta’ DWK dwar l-eżistenza ta’ kumpannija responsabbli għall-ġbir ta’ data għall-club Zurich u għall-club Europe u kienet l-ewwel waħda li kkonfermat id-dikjarazzjonijiet ta’ Nedri dwar is-sistema ta’ kumpens tal-club Zurich. Dawn huma sempliċi dikjarazzjonijiet, li ma kinux issostanzjati permezz ta’ provi bil-miktub.

160    Għall-kuntrarju, skont Redaelli, il-kontribuzzjoni tagħha f’ebda każ ma tidher li hija inferjuri għal dik ta’ WDI. Redaelli kienet ukoll l-ewwel waħda li pprovdiet informazzjoni dwar ċerti aspetti tal-akkordju (b’mod partikolari dwar ir-rwol tagħha bħala rappreżentant ta’ diversi impriżi Taljani u dwar is-sitwazzjoni tal-club Italia fil-bidu tas-snin 1990) u kienet l-ewwel waħda li kkonfermat id-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti ppreżentati minn impriżi oħra (b’mod partikolari dawk dwar is-sistema ta’ kontroll, il-konnessjoni bejn il-club Zurich u l-club Italia, kif ukoll dawk dwar laqgħat pan-Ewropej u Taljani). Barra minn hekk, Redaelli ssostni li hija kienet ikkontribwixxiet għall-investigazzjoni permezz ta’ sensiela ta’ dettalji, informazzjoni u spjegazzjonijiet, li ma jinsabux fit-talba ta’ WDI.

161    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra, EU:C:1984:394, punt 28, u tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra, EU:T:2011:560, punt 102).

162    Fil-kawża ineżami, ebda prova ppreżentata minn Redaelli ma tippermetti li jiġi konkluż li hemm inugwaljanza fit-trattament bejnha u Emesa/Galycas jew WDI.

163    Minn naħa, Redaelli ma tressaqx argumenti li jistgħu jdaħħlu inkwistjoni l-valur miżjud sinjifikattiv li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet magħmula minn Emesa/Galycas u minn WDI matul il-proċedura amministrattiva.

164    Fil-fatt, kien wara li evalwat il-valur intrinsiku u relattiv tad-diversi dikjarazzjonijiet jew dokumenti ppreżentati minn Emesa/Galycas u minn WDI li l-Kummissjoni kkonkludiet, kif spjegat fid-deċiżjoni kkontestata, li kien ġustifikat tnaqqis ta’ 5 % tal-ammont tal-multa imposta fuq kull waħda minn dawn l-impriżi. Issa, l-argumenti ta’ Redaelli ma jindirizzawx dan il-valur miżjud rikonoxxut mill-Kummissjoni iżda l-valur miżjud li kien imissu ġie rrikonoxxut lill-kontribuzzjoni tagħha stess minħabba li l-valur miżjud tagħha fil-fehma tagħha “kien ferm iktar sinjifikattiv” minn dak irrikonoxxut lil Emesa/Galycas jew ma jidhirx li huwa “fi kwalunkwe każ inferjuri” minn dak irrikonoxxut lil WDI.

165    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-valur miżjud sinjifikattiv irrikonoxxut mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ Emesa/Galycas u ta’ WDI kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 21 sa 23 tal-Avviż dwar il-klemenza. B’mod partikolari, il-premessi 1094 u 1096 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-Anness 4 tagħha jippermettu li jiġi kkonstatat ir-rwol li kellha l-kontribuzzjoni magħmula minn Emesa/Galycas, liema kontribuzzjoni kienet l-ewwel element li ppermettiet li jiġi stabbilit il-kontenut illegali ta’ diversi laqgħat tal-club España. Bl-istess mod, fil-premessa 1113 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għaliex hija wasslet sabiex tqis li l-kontribuzzjoni ta’ WDI kienet ippermettiet li jiġu ċċarati diversi kwistjonijiet dwar, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni tal-club Zurich.

166    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ppreżentati minn Redaelli lanqas ma jippermettu li l-valur miżjud sinjifikattiv allegat minnha jiġi pparagunat effettivament mal-valur miżjud sinjifikattiv irrikonoxxut mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ Emesa/Galycas u ta’ WDI.

167    Għalkemm, mill-aspett formali, il-kontribuzzjonijiet huma simili peress li saru essenzjalment fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq fir-rigward ta’ Emesa/Galycas u ta’ WDI huma ferm differenti minn impriża għall-oħra, u dan minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi fl-akkordju. Emesa/Galycas hija impriża Spanjola li pparteċipat b’mod partikolari fil-club Europe jew fil-club España, WDI hija impriża Ġermaniża li pparteċipat fil-club Europe u Redaelli hija impriża Taljana li pparteċipat fil-club Europe u fil-club Italia. L-attivitajiet tagħhom u l-livell ta’ involviment tagħhom fl-akkordju, kif deskritti fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-provi li l-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha f’dak il-mument, ivarjaw b’tali mod li ma huwiex possibbli li s-sitwazzjoni ta’ waħda tiġi pparagunata mas-sitwazzjoni ta’ oħra.

168    Għaldaqstant, jekk Redaelli ma ngħatatx tnaqqis tal-ammont tal-multa fil-kuntest tal-klemenza, dan ma kienx minħabba l-valur miżjud sinjifikattiv irrikonoxxut mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet magħmula minn Emesa/Galycas u minn WDI, iżda minħabba li l-kontribuzzjoni tagħha ma kellhiex valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punti 21 sa 23 tal-Avviż dwar il-klemenza.

169    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kif ukoll, għaldaqstant, dan il-motiv kollu.

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

231    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Redaelli Tecna SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.