Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2021 – De Capitani vs Il-Kunsill

(Kawża T-163/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Emilio De Capitani (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: O. Brouwer u B. Verheijen, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti mitluba taħt ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ġiet ikkomunikata lir-rikorrent fl-14 ta’ Jannar 2021 f’ittra bir-referenza SGS 21/000067, inkluż l-anness mehmuż magħha;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrent b’applikazzjoni tal-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż relatati ma’ kull parti intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni li jwasslu għal applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 1 ) u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għaliex l-iżvelar ma jippreġudikax b’mod serju l-proċess deċiżjonali.

Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tieħux inkunsiderazzjoni d-dimensjoni kostituzzjonali l-ġdida li tirriżulta mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) TFEU, u li ħolqot reġim legali ġdid għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti, b’mod partikolari għad-dokumenti leġiżlattivi.

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma applikatx u ma osservatx il-kriterju t-tajjeb li jinsab fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li hija bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq argument li jipprovdi li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jqiegħed inkwistjoni l-għażliet definittivi magħmula mill-Istati Membri u joħloq inċertezza inutli rigward l-intenzjoni tagħhom.

Ir-rikorrent isostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq argument li jipprovdi li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jostakola lid-delegazzjonijiet fil-kapaċità tagħhom li jsibu bilanċ bejn id-diversi interessi fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni u bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq argument li jipprovdi li r-rifjut tal-iżvelar ta’ numru limitat ta’ dokumenti ma jfissirx li ċ-ċittadini jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jiksbu informazzjoni dwar il-proċess deċiżjonali leġiżlattiv.

It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni li jwasslu għal applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001) u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għaliex id-deċiżjoni kkontestata ma rrikonoxxietx u ma tatx l-aċċess abbażi ta’ interess pubbliku superjuri.

Ir-rikorrent jenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata ma rrikonoxxietx u ma tatx l-aċċess abbażi ta’ interess pubbliku superjuri. B’mod partikolari, huwa jsostni li jeżisti interess pubbliku superjuri, peress li żvelar tad-dokumenti jippermetti liċ-ċittadini Ewropej jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv u jiżgura li dan ma jieqafx iżda jkompli u jasal għal konklużjoni.

It-tielet motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq żbalji ta’ liġi kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni li jwasslu għal applikazzjoni żbaljata tal-obbligu li jiġi pprovdut aċċess parzjali għad-dokumenti (Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001) u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma eżaminatx u ma tatx l-aċċess parzjali b’mod suffiċjenti fil-liġi. Hija applikat b’mod żbaljat il-kriterju legali, li jimponi li jiġi evalwat jekk kull parti ta’ dokument mitlub hijiex koperta mill-eċċezzjoni invokata għar-rifjut tal-aċċess.

____________

1     Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).