Language of document : ECLI:EU:T:2002:59

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tielet Awla Estiża)

6 ta’ Marzu 2002(*)

“Għajnuna mill-Istat ─ Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ─ Miżuri fiskali ─ Karattru selettiv ─ Ġustifikazzjoni permess tan-natura jew l-istruttura tas-sistema fiskali ─ Kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni”

Fil-kawżi magħquda T 127/99, T 129/99 u T 148/99

Territorio Histórico de Álava ─ Diputación Foral de Álava, irrappreżentat minn A. Creus Carreras u B. Uriarte Valiente, avukati,

         rikorrent fil-kawża T 127/99,

Comunidad Autónoma del País Vasco,

Gasteizko Industria Lurra, SA, stabbilita f'Vitoria (Spanja),

irrappreżentati minn F. Pombo García, E. Garayar Gutiérrez u J. Alonso Berberena, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

         rikorrenti fil-kawża T 129/99,

Daewoo Electronics Manufacturing España, SA, stabbilita f’Vitoria, irrappreżentata minn A. Creus Carreras u B. Uriarte Valiente, avukati,

rikorrenti fil-kawża T 148/99,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Santaolalla, G. Rozet u G. Valero Jordana, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Asociación Nacional de Fabricantes de Electrodomésticos de Línea Blanca (ANFEL), stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn M. Muñiz u M. Cortés Muleiro, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

         intervenjenti,


Conseil européen de la construction d'appareils domestiques (CECED), irrappreżentat minn A. González Martínez, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent fil-kawża T 148/99,

li għandha bħala għan talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 1999/718/KE, tal-Kummissjoni ta’ l-24 ta’ Frar 1999, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Spanja lil Daewoo Electronics Manufacturing España SA (Demesa) (ĠU L 292, p 1),


IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn J. Azizi, President, K. Lenaerts, V. Tiili, R. M. Moura Ramos u M. Jaeger, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest Ġuridiku

 Intensità massima ta’ għajnuna permessa fil-Pajjiż Bask

1        Skond il-mappa Spanjola dwar l-għajnuna reġjonali proposta mill-Kummissjoni (ĠU 1996, C 25, p 3), il-limitu massimu applikabbli għalihom fil-Pajjiż Bask hu ta’ 25 fil-mija tan-net grant equivalent (NGE).

 L-iskema ta’ għajnuna reġjonali Ekinem tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask

2        B’deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996 [SG (96) D/11028 (għajnuna mogħtija mill-Istat N 529/96)], li kienet pubblikata permezz ta’ avviż (ĠU 1997, C 189, p 7), il-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ għajnuna reġjonali Ekimen tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, li ġiet innotifikata lilha minn Spanja fit-28 ta’ Ġunju 1996, meta kienet fil-fażi ta’ l-ippjanar. Din l-iskema twaqqfet permezz tad-Digriet Nru 289 tas-17 ta’ Diċembru 1996 (aktar ’il qiddiem: id-“Digriet Ekimen”), li ġie ppubblikat fil-Boletin Oficial del País Vasco Nru 246 tat-23 ta’ Diċembru 1996, p 20138.

3        Din l-iskema kienet tkopri l-perijodu mill-1996 sa l-1998. Hija kienet intiża sabiex tippromwovi l-iżvilupp reġjonali u l-kreazzjoni tal-postijiet tax-xogħol fil-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask (Artikolu 1 tad-Digriet Ekimen). L-għajnuna setgħet tingħata fil-forma ta’ sussidju jew bħala self b’interessi baxxi sabiex jinħolqu faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew sabiex tiġi estiża jew immodernizzata l-infrastruttura eżistenti (Artikolu 9 tad-Digriet Ekimen). L-ispejjeż ammissibbli kienu jinkludu l-art, il-bini u l-impjanti [Artikolu 7(a) tad-Digriet Ekimen].

4        L-impriżi industrijali kienu fost dawk li setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna (Artikolu 3 tad-Digriet Ekimen). Għal dan il-għan, l-Artikolu 5 tad-Digriet Ekimen kien jipprovdi li l-investiment kellhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet segwenti:

–        il-proġett ta’ investiment irid ikun vijabbli mil-lat tekniku, ekonomiku u finanzjarju u jrid jitwettaq fi żmien tliet snin mid-data ta’ l-għotja ta’ l-għajnuna;

–        l-ammont ta’ l-investiment irid ikun ta’ aktar minn 360 miljun peseta Spanjoli (ESP); 

–        il-proġett għandu jwassal għall-ħolqien ta’ mhux anqas minn 30 post ta’ xogħol;

–        kemm l-investimenti kif ukoll il-ħolqien ta’ postijiet ta’ xogħol iridu jitwettqu minn entità legali waħda u, fil-każ ta’ impriżi li għandhom aktar minn ċentru ta’ produzzjoni wieħed, f’wieħed biss minn dawn iċ-ċentri, ħlief jekk huwa debitament stabbilit li proġett ta’ investiment wieħed biss huwa kkonċernat;

–        mill-anqas 30 fil-mija ta’ l-investiment għandu jkun iffinanzjat mir-riżorsi stess ta’ l-impriża benefiċjarja.

5        Skond l-Artikolu 10 tad-Digriet Ekimen, l-għajnuna mogħtija taħt din l-iskema ta’ għajnuna ma tistax tkun aktar minn 25 fil-mija ta’ l-investiment (ara aktar ’il quddiem punt 112).

 Vantaġġi fiskali fis-seħħ fit-territorju storiku ta’ Álava

6        Is-sistema tat-taxxa fis-seħħ fil-Pajjiż Bask hija rregolata mill-Ftehim Ekonomiku stabbilit mill-Liġi Spanjola Nru 12/1981, tat-13 ta’ Mejju 1981, li sussegwentement ġiet emendata permezz tal-Liġi Nru 38/1997, ta’ l-4 ta’ Awwissu 1997.Bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni, id-Diputación Foral de Álava jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jorganizza s-sistema tat-taxxa applikabbli fit-territorju tiegħu.

7        Id-Diputación Foral de Álava, fuq din il-bażi, addotta numru ta’ miżuri ta’ għajnuna fiskali fil-forma ta’ kreditu fiskali ta’ 45 % u ta’ tnaqqis tal-bażi għall-istima tat-taxxa applikabbli għall-kumpanniji.

 Kreditu fiskali ta’ 45 %.

8        Is-Sitt Dispożizzjoni Addizzjonali tan-Norma Foral Nru 22/1994 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1995 li implementat il-baġit għall-1995 tat-Territorio Histórico de Álava [Boletín Oficial del Territorio Histórico de Álava (aktar ’il quddiem: il-“BOTHA”) nru 5 tat-13 ta’ Jannar 1995], tipprovdi:

“L-investimenti f’assi fissi ġodda, magħmula bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 1995, li jaqbżu ESP 2,500 miljun, skond il-ftehim tad-Diputación Foral de Álava, jibbenefikaw minn kreditu fiskali ta’ 45 % ta’ l-ammont ta’ l-investiment iddeterminat mid-Diputación Foral de Álava, li għandu jiġi applikat lill-ammont definittiv ta’ taxxa dovuta

Il-kreditu li ma jkunx ġie applikat minħabba li jaqbeż l-ammont ta’ taxxa dovuta jista’ jiġi applikat fid-disa’ snin suċċessivi għas-sena li fiha kien konkluż il-ftehim tad-Diputación Foral de Álava.

Dan il-ftehim tad-Diputación Foral de Álava għandu jiffissa t-termini u r-restrizzjonijiet applikabbli f’kull każ.

Il-vantaġġi mogħtija bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandhom ikunu inkompatibbli ma kull vantaġġ fiskali ieħor li joħroġ mill-istess investimenti.

Id-Diputación Foral de Álava għandu wkoll jiddeċiedi it-tul tal-proċess ta’ l-investiment, li jista’ jinkludi investimenti magħmula waqt il-fażi tal-preparazzjoni tal-proġett li fuqu huma bbażati l-investiment.”

9        Il-validità ta’ din id-dispożizzjoni kienet estiża għas-sena 1996 permezz tal-Ħames Dispożizzjoni Adddizzjonali tan-Norma Foral nru 33/1995 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1995 (BOTHA nru 4 ta’ l-10 ta’ Jannar 1996), kif emendata minn punt 2.11 ta’ l-unika dispożizzjoni derogatorja tan-Norma Foral nru 24/1996 tal-5 ta’ Lulju 1996 (BOTHA nru 90 tad-9 ta’Awwissu 1996). Il-miżura fiskali kienet imġedda għall-1997 mis-Seba’ Dispożizzjoni Addizzjonali tan-Norma Foral nru 31/1996 tat-18 ta’ Diċembru 1996 (BOTHA nru 148 tat-30 ta’ Diċembru 1996). Il-kreditu fiskali ta’ 45% ta’ l-ammont ta’ l-investiment inżamm, f’forma emendata għas-snin 1998 u 1999, rispettivament, permezz tal-Ħdax-il Dispożizzjoni Addizzjonali tan-Norma Foral nru 33/1997 tad-19 ta’ Diċembru 1997 (BOTHA nru 150 tal-31 ta’ Diċembru 1997) u permezz tas-Seba’ Dispożizzjoni Addizzjonali tan-Norma Foral nru 36/1998, tas-17 ta’ Diċembru 1998 (BOTHA nru 149 tat-30 ta’ Diċembru 1998).

 Tnaqqis tal-bażi ta’ l-istima għat-taxxa applikabbli għall-kumpanniji

10      L-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996 tal-5 ta’ Lulju 1996, li sar riferenza għalih fil-punt preċedenti, jipprovdi li ġej:

“1.      L-impriżi li jkunu ser jibdew l-attività tagħhom, jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 99 %, 75 %, 50 % u 25 %, rispettivament, tal-bażi pożittiva ta’ stima li tikkorrispondi mar-riżultat ta’ l-attività ekonomika tagħhom, qabel it-tpaċċija ma’ tal-bażijiet negattivi ta’ stima li jirriżultaw minn perijodi fiskali preċedenti, għall-erba’ perijodi ta’ stima konsekuttivi, li jibdew mill-ewwel perijodu, matul liema, fl-erba’ snin li jsegwu l-bidu ta’ l-attività tagħhom, jirreġistraw bażi pożittivi ta’ stima.

[...]

2.      Sabiex jibbenefikaw minn dan-tnaqqis, l-impriżi jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      jibdew l-attività tagħhom b’kapital azzjonarju imħallas ta’ mill-anqas ESP 20 miljun;

b)      [...]

c)      [...]

d)      ma jkunu qatt wettqu l-attività l-ġdida, kemm b’mod dirett kif ukoll indirett, taħt denominazzjoni oħra;

e)      iwettqu l-attività l-ġdida f’post jew fi stabbiliment fejn ma ssir ebda attività oħra minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi;

f)      fl-ewwel sentejn tagħhom ta’ attività, iwettqu investiment f’assi fissi tanġibbli ta’ mill-anqas ESP 80 miljun, liema assi fissi jridu jkunu assenjati għal tali attività, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma mikrija jew ċeduti biex jintużaw minn terzi persuni. Għal dan il-għan, assi akkwistati permezz ta’ leasing għandhom ukoll ikunu kkunsidrati bħala investimenti sakemm ix-xerrej jimpenja ruħu li jeżerċita l-jedd ta’ akkwist;

g)      joħolqu mill-anqas għaxar postijiet tax-xogħol fis-sitt xhur li jsegwu l-bidu ta’ l-attività tagħhom u li jżommu l-medja tal-ħaddiema ta’ kull sena f’dan il-livell minn dak il-mument u sas-sena li fiha d-dritt tagħhom għat-tnaqqis fil-bażi ta’ l-istima jiskadi;

h)      [...]

i) ikollhom pjan tan-negozju għal mill-anqas ħames snin.

3. [...]

4.      L-ammont minimu ta’ l-investimenti indikati fil-paragrafu 2(f) aktar ’il fuq u n-numru ta’ postijiet tax-xogħol imsemmi fil-paragrafu 2(g), m’humiex kompatibbli ma’ kull vantaġġ fiskali li joħroġ mill-istess investiment jew mill-istess ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol.

5.      It-tnaqqis stabbilit minn din id-dispożizzjoni għandu jintalab mill-amministrazzjoni tat-taxxa, li, wara li tivverifika li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet rikjesti fil-bidu, għandha tikkomunika, fejn hu xieraq, l-awtorizzazzjoni provviżorja tagħha lill-kumpannija li applikat, liema awtorizazzjoni trid tkun ikkonfermata mid-Diputación Foral de Álava.

[...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11       Fit-13 ta’ Marzu 1996, l-awtoritajiet Baski u d-Daewoo Electronics Co. Ltd (aktar ’il quddiem: id-“Daewoo Electronics””) iffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni, permezz ta’ liema d-Daewoo Electronics aċċettat illi tistabbilixxi impjant tal-manifattura ta’ fridges fil-Pajjiż Bask. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet Baski aċċettaw li jsostnu dan il-proġett permezz ta’ sussidji.

12      Skond dan il-ftehim, il-proġett imsemmi aktar ’il fuq seta’ jibbenefika minn sussidju li seta’ jwassal għal 25 % ta’ l-investimenti f’assi fissi u ta’ l-ispejjeż sabiex l-impjant jiġi stabbilit, kif ukoll kull għajnuna pubblika disponibbli għal operaturi li jixtiequ jinvestu fil-Pajjiż Bask fil-każ ta’ proġetti ambjentali, ta’ riċerka u żvilupp u ta’ ffrankar ta’ enerġija.

13      L-impriża mwaqqfa minn Daewoo Electronics kellha l-obbligu li tħejji pjan ta’ negozju u l-approvazzjoni ta’ tali pjan kien rekwiżit preliminari sabiex il-ftehim jitwettaq. Dan il-pjan, li kien jirrigwarda l-perijodu bejn l-1996 u l-2001 ġie ppreżentat lill-awtoritajiet Baski f’Settembru 1996. Huwa kien jipprovdi għal investiment ta’ ESP 11 835 600 000 u għall-ħolqien ta’ 745 postijiet tax-xogħol. Il-bejgħ kellhu jibda fl-1997, prinċipalment fis-suq Spanjol, fis-suq Franċiż u fis-suq Taljan, u, fl-1998, jestendi għas-suq Ġermaniż u s-suq tar-Renju Unit. Fil-bidu, il-biċċa l-kbira tat-turnover kellha ssir fis-suq Spanjol. L-esportazzjonijiet kellhom jiżdiedu kull sena sabiex jilħqu wara tliet sa erbgħa snin, 60 % tat-turnover.

14      Id-Daewoo Electronics Manufacturing España SA (aktar ’il quddiem: “Demesa”), kienet inkorporata skond id-dritt Spanjol bħala sussidjarja, proprjetà 100 % tad-Daewoo Electronics fis-7 ta’ Ottubru 1996.

15      B’ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 1996, l-impriża Gasteizko Industria Lurra SA (aktar ’il quddiem: “Gasteizko Industria”), kumpannija tas-settur pubbliku bagħtet lil Demesa offerta dwar il-bejgħ ta’ art 100 000 m2 sitwata f’Vitoria Gasteiz, fiż-żona industrijali ta’ Júndiz għall-prezz ta’ ESP 4 125 kull metru kwadru. Demesa aċċettat din l-offerta f’Novembru1996.

16      Madwar Novembru 1996, Demesa bdiet ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ l-impjant tagħha għall-manifattura ta’ fridges

17      Fl-24 ta’ Diċembru 1996, abbażi tad-Digriet Ekimen (ara aktar ’il fuq punti 2 sa 5), il-Consejo de Gobierno (Kunsill tal-Gvern) Bask iddeċieda li jagħti lil Demesa, sussidju li jikkorrispondi għall-25 % f'għotja grossa ekwivalenti (GGE) ta’ l-ammont globali ta’ l-investiment ippjanat, jiġifieri ESP 2 958 900 000.

18      Skond il-ftehim nru 737/1997 tal-21 ta’Ottubru 1997 tad-Diputación Foral de Álava, ir-rikorrent kiseb il-kreditu fiskali ta’ 45 % imsemmi hawn fuq fil-punti 8 u 9.

19      Fit-30 ta’ Diċembru 1997, il-jum li fih ġie ffirmat il-kuntratt uffiċjali ta’ bejgħ, Demesa ħallset lil Gasteizko Industria l-prezz tax-xiri ta’ l-art, li kien iffissat fl-offerta ta’ l-19 ta’Ottubru 1996 (ara l-punt15 aktar ‘il fuq).

20      Fit-30 ta’ Diċembru 1997, il-kuntratt uffiċjali ta’ bejgħ ta’ din l-art ġie ukoll eżegwit.

 Proċedura Amministrattiva

21       Il-Kummissjoni rċeviet ilment li Spanja kienet tat għajnuna lil Demesa, bħala sussidji u eżenzjonijiet fiskali li kienu aktar mill-massimu applikabbli għall-għajnuna reġjonali fir-Reġjun Bask, mill-Asociatión Nacional de Fabricantes de Electrodomésticos de Línea Blanca (ANGEL) permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 1996. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll ilment dwar dan mill-Conseil Européen de la construction d’appareils domestiques (CECED) u mill-Associazione Nazionale Industrie Elettrotecniche ed Elettroniche (ANIE).

22      Il-Kummissjoni bagħtet talba għall-informazzjoni lill-awtoritajiet Spanjoli permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ġunju 1996.

23      L-awtoritajiet Spanjoli bagħtu xi nformazzjoni permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 1996. L-Awtoritajiet Baski bagħtu xi informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 1997.

24      Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Spanjoli bid-deċiżjoni tagħha b’ittra tas-16 ta’ Diċembru 1997, jiġifieri li “tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 93(2) tat-Trattat minħabba il-possibiltà li kien issuperat il-limitu massimu ta’ l-għajnuna, stabbilit bħala 25 % tat-net grant equivalent (NGE), applikabbli fir-reġjun, minħabba l-għotja [...] ta’ għajnuna lil Demesa bħala:

–        miżuri fiskali fil-kuntest tas-sistema fiskali tal-provinċja ta’ Álava (Norma Foral nru 24/1996, tal-5 ta’ Lulju 1996, dwar it-tassazzjoni tal-kumpanniji);

–        kreditu fiskali li kien jikkonsisti f’tnaqqis ta’ 45 % ta’ l-ammont dovut bħala taxxa fuq il-kumpanniji [is-Sitt Dispożizzjoni Addizzjonali tan-Norma Foral nru 22/1994, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-provinċja ta’ Álava għall-1995, estiża min-Norma Foral nru 33/1995, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1995 (Ħames Dispożizzjoni Addizzjonali), min-Norma Foral nru 24/1996, tal-5 ta’ Lulju 1996 (dispożizzjoni li tidderoga, punt 2.11) u min-Norma Foral nru 24/1996, tat-18 ta’ Diċembru 1996, (Seba’ Dispożizzjoni Addizzjonali)];

–        l-użu b’xejn, minn Demesa ta’ art ta’ 500 000 m2 fiż-żona industrijali ta’ Júndiz mill-1996, u, sussegwentement, ix-xiri ta’ art għall-prezz li mhuwiex il-prezz tas-suq”.

25       Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-għajnuna allegata (ĠU 1998, C 103, p 3). L-awtoritajiet Spanjoli għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittri tat-23 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Marzu 1998. Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet minn persuni interessati u ttrażmettithom lill-awtoritajiet Spanjoli li bagħtulha l-kummenti tagħhom dwar tali osservazzjonijiet f’ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 1998.

26      B’ittra ta’ l-4 ta’ Ġunju1998, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Spanjoli bid-deċiżjoni tagħha li testendi l-proċeduri għall-għajnuna mogħtija lil Demesa fil-kuntest ta’ l-iskema Ekimen, fir-rigward tal-parti li ma kinitx taqa’ taħt ir-regola ġenerali ta’ l-Artikolu 10(1) tad-Digriet Ekimen li tawtorizza intensità ta’ għajnuna ta’ 10 % ta’ l-ispejjeż effettivi ammissibbli (ara, aktar ’il quddiem, punt 112).

27      Hija stiednet lill-interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett (ĠU 1998, C 266, p 6). L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ittri tat-22 u l-24 ta’ Lulju 1998. Il-Kummissjoni ttrasmettiet l-osservazzjonijiet ta’ persuni interessati oħra lill-awtoritajiet Spanjoli, li weġbuhom permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 1998.

28      Inżammu żewġ laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet Baski, waħda fi Brussel u waħda f’Vitoria Gasteiz, fid-29 ta’ Ottubru 1998 u fil-15 ta’ Diċembru 1998 rispettivament

29      Fl-24 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni 1999/718/KE dwar l-għajnuna mill-Istat ta’ Spanja lil Daewoo Electronics Manufacturing España SA (Demesa) (ĠU L 292, p 1; aktar ’il quddiem: id-“deċiżjoni kkontestata”).

30      Din id-deċiżjoni tinkludi, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin

Artikolu 1

L-għajnuna mogħtija minn Spanja lil [Demesa], jiġifieri:

a)      il-vantaġġ, li hu kkalkulat li jammonta għal’ EUR 184 075,79, li jikkorrispondi għad-differiment tal-ħlas tal-prezz ta’ l-art għal disa’ xhur, li jibdew jgħoddu minn meta [Demesa] okkupat l-art fiż-żona industrijali ta’ Júndiz (Vitoria-Gasteiz) sabiex twettaq ix-xogħol ta’ kostruzzjoni sa meta ħallset il-prezz;

b)      il-vantaġġ, li hu kklakulat li jammonta għal EUR 213 960,31, li jikkonsisti fid-differenza bejn il-prezz tas-suq u l-prezz imħallas minn [Demesa] għal art li tinstab fiż-żona industrijali ta’ Júndiz (Vitoria Gasteiz);

c)      l-għotja ta’ sussidju, li huwa ta’ aktar minn ħames punti perċentwali mis-sussidju massimu ta’ 20 % ta’ l-ispejjeż ammissibbli skond l-iskema ta’ għajnuna Ekimen, jiġifieri billi kienu esklużi minn tali spejjeż attrezzaturi, stmati li jiswew EUR 1 803 036.31 fir-rapport ta’ l-awdituri ppreżentat mill-awtoritajiet reġjonali anness ma’ l-ittra ta’ Spanja ta’ l-24 ta’ Lulju 1998;

d)      l-għotja ta’ kreditu fiskali ta’ ammont li jikkorrispondi għal 45 % ta’ l-ispiża ta‘ l-investiment kif determinat mid-Diputación Foral di Álava f’Deċiżjoni 737/1997 tal-21 ta’ Ottubru 1997

e)      it-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa għall-kumpanniji ġodda previst mill-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996, tal-5 ta’ Lulju 1996.

hija nkompatibbli mas-suq komuni

Artikolu 2

1.      Spanja għandha tadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex:

a) tirkupra mill-kumpannija benefiċċjarja l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 (a), (b) u (c) u li ngħatatilha illegalment;

b) tneħħi mill-kumpannija benefiċċjarja l-vantaġġi li rriżultaw mill-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 (d) u (e) u li ngħatatilha illegalment.

2.      L-irkupru għandu jsir skond il-proċeduri fid-dritt nazzjonali. L-ammonti li għandhom ikunu rkuprati jinkludu l-interessi mid-data meta dawn ingħataw lill-kumpannija benefiċċjarja u d-data meta jiġu definittivament irkuprati. L-interessi għandhom ikunu ikkalkulati abbażi tar-rata ta’ referenza utilizzata għall-kalkolu ta’ l-għotja ekwivalenti fil-kuntest ta’ l-għajnuna reġjonali.

Artikolu 3

Spanja għandha tavża lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni bil-miżuri li ħadet sabiex tikkonforma ruħha magħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Proċedura

31      B’atti introduttivi ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Mejju, is-26 ta’ Mejju u t-18 ta’ Ġunju 1999 rispettivament, ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99, T 129/99 u T 148/99 ressqu ir-rikorsi preżenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

32      B’atti depożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Novembru 1999, l-ANFEL talbet biex tintervjeni sabiex issostni tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawżi T 127/99 u T 129/99

33      B’atti depożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Diċembru 1999, l-ANFEL u ċ-CECED talbu biex jintervjenu sabiex isostnu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawża T 148/99.

34      Dawn it-talbiet għall-intervent ġew milqugħa permezz ta’ digrieti tal-25 ta’ Frar 2000 tal-President tat-Tielet Awla Estiża’ tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35       Fit-12 ta’ April 2000, l-ANFEL u ċ-CECED ippreżentaw is-sottomissjonijiet għall-intervent tagħhom u l-partijiet prinċipali kkonċernati ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarhom

36      B’digriet tal-5 ta’ Ġunju 2001, il-kawżi T 127/99, T 129/99 u T 148/99 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

37      Fuq ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali

38      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta li nżammet fis-26 ta’ Ġunju 2001

 It-talbiet tal-partijiet

39       Ir-rikorrent fil-kawża T 127/99 jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiddikjara ir-rikors ammissibbli u fondat u tannulla l-Artikoli 1(d) u (e), u 2(1)(b) u 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż

40      Fil-kawża T‑129/99, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna l-ANFEL għall-ispejjeż li jikkonċernaw il-proċedura ta’ l-intervent.

41      Ir-rikorrenti fil-kawża T 148/99 jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiddikjara ir-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż

42      Fil-kawżi T‑127/99 u T‑148/99, ir-rikorrenti jitolbu wkoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna lill-Kummissjoni biex tiżvela d-dokumenti interni tagħha dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-kawża T‑129/99, ir-rikorrenti jitolbu li fajl amministrattiv kollu li jirreferi għad-deċiżjoni kkontestata jkun żvelat.

43      Fil-kawża T‑127/99 u fil-kawża T‑148/99, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti ta’ Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

44      Fil-kawża T-129/99, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 1(d) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata u, jew inkella li tiċħad lir-rikors fuq dan il-punt bħala mhux fondat;

–        tiċħad ir-rikors f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 1(a) sa (c) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

45      Il-Kummissjoni tissottometti wkoll li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99 dwar il-komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti jew ta’ fajl sħiħ, għandhom ikunu miċħuda.

46      Fil-konklużjonijiet tagħhom, li kienu ċċaraw fis-seduta, l-ANFEL, fit-tliet kawżi kollha, u ċ-CECED, fil-kawża T‑148/99, jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna r-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-inammissibbiltà parzjali tar-rikors fil-kawża T‑129/99

47      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors fil-kawża T‑129/99 huwa inammissibbli fejn ir-rikorrenti qiegħdin jippruvaw jottjenu l-annullament ta’ l-Artikolu 1(d) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrenti m’humiex direttament u individwalment ikkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

48      Bi tweġiba għal din is-sottomissjoni, ir-rikorrenti fil-kawża T‑129/99 isostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun ikkunsidrata bħala ħaġa sħiħa indivisibbli. Barra minn dan, huma jsostnu li l-Kummissjoni għamlet valutazzjoni globali ta’ l-għajnuna fiskali prevista mill-Artikolu 1(d) u (e) u ta’ l-għajnuna li taħt l-Artikolu 1(a) sa (c) u, fuq din il-bażi, kkonkludiet li l-valur totali ta’ l-għajnuna mogħtija lil Demes kienet kunsiderevolament aktar mill-intensità massima ta’ l-għajnuna permess fil-Pajjiż Bask. Fl-aħħar nett, skond id-dritt Spanjol, il-Komunità awtonoma tal-Pajjiż Bask għandha kompetenzi fil-każ tal-kwistjonijiet fiskali li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(d) u (e) tad- deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għandu jiġi aċċettat li din għandha locus standi għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

49      Il-Qorti tal-Prim’Istanza, qabel kollox, tikkonstata li r-rikorrenti fil-kawża T 129/99, jiġifieri l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask u Gasteizko Industria, m’humiex id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi eżaminat jekk dawn il-partijiet jistgħux ikunu kkunsidrata bħala direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

50      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li, minn naħa, l-Artikolu 1(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-għajnuna li Gasteizko Industria tat lil Demesa u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda għajnuna li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask tat lill-istess impriża. Id-dispożizzjonijiet in kwistjoni tad-deċiżjoni kkontestata mhux biss jeffettwaw l-atti magħmula mir-rikorrenti fil-kawża T-129/99 iżda jwaqqfu wkoll lill-istess rikorrenti milli jeżerċitaw, fil-mod li jħossu li hu xieraq, il-kompetenzi tagħhom li joħorġu direttament mid-dritt nazzjonali Spanjol (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998 Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T 214/95, Ġabra p II 717, punti 29 u 30, tal-15 ta’ Ġunju 1999, Regione Autonoma Friuli Venezia Giulia vs. Il-Kummissjoni, T-288/97, Ġabra p II 1871, punt 31).

51      Minn dan isegwi li Gasteizko Industria hija direttament u individualment ikkonċernata mill-Artikolu 1(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask hija direttament u individwalment kkonċernata mill-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata.

52      Għaldaqstant, peress li huwa involut biss rikors wieħed, jista’ jiġi ddikjarat minn issa li r-rikors fil-kawża T-129/99, safejn dan hu dirett għall-annullament ta’ l-Artikolu 1(a) sa (c) tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ammissibbli (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C 313/90, Ġabra p I 1125, punt 31).

53      Fil-każ tal-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(d) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-kreditu fiskali u t-tnaqqis fil-bażi ta’ stima, il-partijiet jaqblu li dawn il-miżuri ġewx adottati minn wieħed mir-rikorrenti fil-kawża T 129/99.

54      Madanakollu, ir-rikorrenti f’din il-kawża jsostnu li huma wkoll direttament u individwalement ikkonċernati minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huma jagħmlu referenza għall kompetenzi fiskali tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask.

55      Madanakollu, dan l-argument ma jreġix peress li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ma stabbilitx li l-Artikolu 1 (d) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jwaqqafha milli teżerċita, kif tixtieq hi, l-kompetenzi tagħha fil-qasam fiskali (ara l-punt 29 tas-sentenza Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 50 aktar ’il fuq).

56      Ir-rikorrenti l-anqas ma jistgħu jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija indiviżibbli. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi numru ta’ deċiżjonijiet dwar diversi tipi ta’ għajnuna mogħtija lill-istess impriża minn entitajiet pubbliċi differenti.

57      Barra minn dan, għall-kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-għajnuna allegata, li kienet msemmija fl-Artikolu 1(d) u (e) ta’ l-istess deċiżjoni, sabiex tevalwa jekk il-vantaġġi mogħtija lil Demesa taħt l-iskema Ekinem kinux jissuperaw il-limitu permess fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru (ara l-punt 2 aktar ‘il fuq). U, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-anqas ma bbażat l-evalwazzjoni tagħha li l-għajnuna allegata msemmija fid-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli mas-suq komuni, fuq il-konstatazzjoni li t-total tal-vantaġġi differenti mogħtija lil Demesa jissupera l-limitu ta’ 25 % NGE iffissat għal Pajjiż Bask (ara aktar ’il fuq, il-punt 1).

58      Għalhekk għandu jiġi konkluż li r-rikors fil-kawża T 129/99 huwa inammissibbli safejn hu intiż għall-annullament ta’ l-Artikolu 1(d) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant ukoll, safejn hu intiż għall-annullament ta’ l-Artikolu 2(a)(b) tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-mertu

59      Tliet motivi komuni jistgħu jiġu distinti fl-atti introduttivi tar-rikorsi preżenti. L-ewwel motiv huwa fuq fuq ksur ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE (li, wara l-emendi sar l-Artikolu 87(1) KE). It-tieni huwa fuq fuq ksur tal-prinċipji ta’ l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali u t-tielet fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 253 KE).

60      Fil-kawża T-129/99 u T-148/99, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll motiv bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawża T-129/99 jissottomettu wkoll motiv fuq fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 92(3) tat-Trattat.

I –  Fuq il-motiv bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat

61      Dan il-motiv jikkonsisti f’sitt partijiet. L-ewwel ħamsa jirreferu għal diversi elementi allegati ta’ għajnuna identifikati fid-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata [Artikolu 1(a) sa (e)]. Is-sitt parti tirreferi għal possibbiltà ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju fis-sens ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

62      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li jkun opportun li teżamina l-ewwel nett dik il-parti tat-talba li tirreferi għall-għajnuna allegata msemmija fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata qabel ma tevalwa l-legalità tal-punti l-oħra ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel parti, li tikkonċerna l-prezz ta akkwist ta’ l-art ta’ 100 000 m2, li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata

63      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vvalutat il-prezz tas-suq ta’ l-art ta’ 100 000 m2 li Gasteizko Industria biegħet lil Demesa bħala 4 481 ESP/m2 (l-aħħar paragrafu ta’ punt V.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Din l-art kellha s-servizzi kollha, bil-konnessjonijiet ta’ l-ilma, tal-gass, tad-dawl u tad-drenaġġ

64      Il-prezz ta’ 4 481 ESP/m2, li bbażat ruħha fuqu l-Kummissjoni huwa dak imsemmi fir-rapport ta’ Price Waterhouse ta’ Jannar 1997 (is-seba’ paragrafu ta’ punt V.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt “dan id-dokument jindika prezz unitarju ta’ 4 481 ESP/m2 ta’ art bis-servizzi fil-każ ta’ biċċiet ta’ art ta’ 50 000 m2 li jinstabu fl-istess żona bħal dik li fiha tinstab l-art okkupata minn Demesa” (ir-raba’ paragrafu ta’ punt III.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

65      Mid-deċiżjoni kkontestata joħroġ li l-Kummissjoni vverifikat l-affidabbiltà tal-valutazzjoni magħmula minn Price Waterhouse billi rreferiet għal tliet rapport oħra

66      Il-Kummissjoni rreferiet l-ewwel nett għall-valutazzjonijiet ta’ żewġ esperti immobiljari tat-13 ta’ Jannar u s-6 ta’ Frar 1998, li saru matul proċedura amministrattiva ta’ l-awtoritarjiet reġjonali Baski. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tiċċara illi:

“L-ewwel valutazzjoni indikat […] li l-prezz ta’ bejgħ ta’ art, bis-servizzi kollha, ta’ aktar minn 10 000 m2 għandu jkun bejn 4 000 ESP/m2 u 4 500 ESP/m2. It-tieni valutazzjoni, li kienet ibbażata fuq data reali, jiġifieri l-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ art bis-servizzi kollha b’karatteristiċi simili li ġew mibjugħa fix-xhur ta’ qabel, iffissat prezz ta’ 5 000 ESP/m2 għal żewġ biċċiet art ta’ madwar 33 000 m2 u 50 000 m2 rispettivament, jiġifieri ta’ daqs evidentement akbar minn 10 000 m2, u kkonkludiet li għalkemm fis-suq mhemmx riferenzi għal art, bis-servizzi, ta’ 100 000 m2, prezz bejn l-4 000 ESP/m2 u l-4 800 ESP/m2, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher ġustifikat minħabba li l-ispejjeż involuti sabiex jingħataw is-servizzi lill-biċċiet kbar ta’ art. Fl-istess ħin, din il-valutazzjoni enfasizzat il-karattru politiku, jiġifieri l-karattru li huwa neċessarjament influwenzat minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura mhux ekonomika, ta’ dan it-tip ta’ bejgħ” (il-ħames paragrafu ta’ punt V.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

67      Il-Kummissjoni bbażat innifisha wkoll fuq audit ta’ l-IDOM ta’ Lulju 1998. Id-deċiżjoni kkontestata tispjega li dan l-audit “jindika li l-prezz bil-m2 ta’ biċċa art, bla servizzi fl-istess żona huwa ta’ madwar 5 000 ESP/m2. Il-prezz imħallas minn Demesa huwa ġġustifikat minn tnaqqis mogħti minħabba l-kobor ta’ l-art. Madanakollu, fil-konklużjonijiet, l-awditur jinsisti fuq il-prezz ta’ 5 000 ESP/m2 u jinnota d-differenza bejn l-istima u l-prezz ta’ 4 125 ESP/m2 stabbilit mill-awtoritajiet reġjonali” (is-sitt paragrafu ta’ punt V.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Il-Kummissjoni kkonkludiet li: “il-medja ta’ [l-] istimi [li jinstabu fir-rapporti li ġew iċċitati] ma tvarjax b’mod sinjifikanti mill-prezz unitarju medju ta’ 4 481 ESP/m2 ta’ art, bis-servizzi, kkalkulat f’Jannar 1997 minn Price Waterhouse, li jinkludi l-ispejjeż ta’ l-għotja tas-servizzi” (is-sitt paragrafu ta’ punt V.2.2 tad-deċiżjoni). Għaldaqstant, skond il-Kummissjoni, dan hu l-prezz tas-suq.

69      Il-Kummissjoni żiedet:

“Peress li Demesa ħallset 4 125 ESP/m2, il-kumpannija bbenefikat minn għajnuna li tikkorrispondi għad-differenza bejn iż-żewġ ċifri (356 ESP/m2), jiġifieri 213 960,31 EUR (35 600 000 ESP)” (l-aħħar paragrafu ta’ punt V.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, iddeskriviet bħala għajnuna mogħtija mill-Istat “il-vantaġġ, stmat bħala 213 960,31 EUR, li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tas-suq u l-prezz imħallas minn [Demesa] għall-art, bis-servizzi, fiż-żona industrijali ta’ Júndiz (Vitoria-Gasteiz)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

71      Ir-rikorrenti, fil-kawżi T 129/99 u T 148/99, jissottomettu li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat meta kkunsidrat li l-prezz ta’ l-akkwist ta’ 4 125 ESP/m2 ma jikkorrispondix għall-prezz tas-suq. Huma jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-Kummissjoni ffissat prezz tas-suq b’mod arbitrarju. Fil-fatt, l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-prezz ta’ 4 481 ESP/m2 stabbilit mill-awdituri Price Waterhouse għal art ta’ 50 000 m2, meta r-rapporti ta’ l-esperti indipendenti li ntbagħtulha waqt il-proċedura amministrativa kollha jinkludu l-prezz attwali ta’ bejgħ ta’ 4 125 ESP/m2 fl-iskala tal-prezzijiet tas-suq.

72      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, f’dan ir-rigward, il-bejgħ ta’ proprjetà b’kundizzjonijiet preferenzjali minn awtorità pubblika, kif sar permezz ta’ Gasteizko Industria jista’ jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI, C 39/94, Ġabra p I 3547, punt 59).

73      Sabiex jiġi evalwat jekk, fil-kawża preżenti, Demesa rċevietx għajnuna mogħtija mill-Istat meta akkwistat il-biċċa art ta’ 100 000 m2, jeħtieġ li jiġi ivverifikat jekk din l-impriża xtratx din l-art bi prezz li ma setgħetx tottjeni f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Aprile 1999, Spanja vs il-Kummissjoni, C 342/96, Ġabra p I 2459, punt 41, u tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C 256/97, Ġabra p I 3913, punt 22).

74      Mid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 63 sa 70 aktar ’il fuq) jirriżulta illi l-Kummissjoni tat importanza deċisiva lill-prezz ta’ 4 481 ESP/m2 li kien mogħti fir-rapport ta’ Price Waterhouse. Fil-fatt, sabiex jiġi evalwat jekk il-prezz effettivament imħallas minn Demesa għal biċċa art ta’ 100 000 m2 kienx jinkludi element ta’ għajnuna, il-Kummissjoni qabblet il-prezz ta’ bejgħ ma’ l-uniku prezz mogħti fir-rapport ta’ Price Waterhouse. Il-prezzijiet stabbiliti mir-rapporti l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri r-rapporti tat-13 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Frar 1998 u r-rapport ta’ IDOM ta’ Lulju 1998 kienu użati biss sabiex tiġi vverifikata l-affidibbiltà tal-prezz propost minn Price Waterhouse.

75      Għaldaqstant, sabiex tiġi vverifikata l-legalità ta’ l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx raġonevolement tagħti tali importanza deċisiva lir-rapport ta’ Price Waterhouse.

76      Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġi nnotat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li l-valur taż-żewġ stimi [jiġifieri dawk tat-13 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Frar 1998] u ta’ l-audit [ta’ IDOM] li saru a posteriori ma jistax ikun l-istess bħal dak ta’ stima qabel il-bejgħ” (it-tielet paragrafu ta’ punt V.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

77      Madanakollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 1996, Gasteizko Industria indirizzat lil Demesa offerta ta’ bejgħ ta’ biċċa art ta’ 100 000 m2 fiż-żona industrijali ta’ Júndiz bil-prezz ta’ 4 125 ESP/m2. Mill-faxxiklu, joħroġ ukoll li, f’Novembru 1996, Demesa aċċettat din l-offerta verbalment. Jeħtieġ għalhekk li jiġi kkonstatat li l-erba’ stimi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, inkluża dik ta’ Price Waterhouse, saru wara l-ftehim għal bejgħ. Għaldaqstant, anki jekk jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat fil-bejgħ ta’ art u bini minn awtoritajiet pubbliċi (ĠU 1997, C 209, p 3) li l-prezz ta’ bejgħ li jikkorrispondi ma’ prezz stmat minn espert indipendenti qabel il-bejgħ, ma jinkludix element ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, il-Kummissjoni ma setgħetx raġjonevolment tibbaża ruħha fuq id-data tar-rapport ta’ Price Waterhouse (Jannar 1997) sabiex tagħti lil tali rapport importanza deċisiva.

78      Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni spjegat li l-istima ta’ Price Waterhouse, awditur tal-kumpannija immobiljari li biegħet l-art, hija l-unika stima aċċettabbli għaliex hija saret sabiex ikun determinat il-valur finanzjarju tal-proprjetà immobiljari ta’ din il-kumpannija. Barra minn dan, hija wkoll l-unika stima li saret qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura skond l-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 88(2) KE). Il-Kummissjoni mbagħad qajmet il-kwistjoni ta’ l-affidibbiltà tar-rapport tat-13 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Frar 1996 għaliex l-ewwel rapprt ma kienx ibbażat fuq data attwali tas-suq filwaqt li t-tieni kien għamel reviżjoni tal-prezz sabiex naqqsu, abbażi ta’ kriterji politiċi

79      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, fil-każ preżenti, il-fatt li l-istimi tat-13 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Frar 1998 u r-rapport ta’ IDOM saru wara l-ftuħ tal-proċedura, ma jippermettix li tingħata importanza eċċezzjonali lir-rapport ta’ Jannar 1997 ta’ Price Waterhouse. L-erba’ rapporti, anki dak ta’ Price Waterhouse, kienu ppreparati fi żmien meta l-Kummissjoni kienet diġà bdiet investigazzjoni dwar l-għajnuna li allegatament ingħatat lil Demesa. Fil-fatt, l-ewwel talba għall-informazzjoni f’dan il-fajl saret f’Ġunju 1996.

80       It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed mill-erba’ rapporti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma jibbaża ruħu direttament fuq il-bejgħ ta’ l-artijiet ta’ daqs ta’ 100 000 m2. Fil-fatt, kif inhu indikat fid-deċiżjoni kkontestata, fis-suq mhemmx riferenzi għal art, bis-servizzi, ta’ 100 000 m2” (il-ħames paragrafu ta’ punt V.2.2) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

81      Minkejja dan, abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, l-esperti li ppreparaw ir-rapport tas-6 ta’ Frar 1998 u l-audit ta’ IDOM ippruvaw jistmaw il-prezz ta’ bejgħ ta’ art ta’ tali daqs. Ir-rapport tat-13 ta’ Jannar jinkludi, b’mod globali, stima għal kull art ta’ aktar minn 10 000 m2.

82      Bil-kuntrarju, ir-rapport ta’ Price Waterhouse jipproponi stima ta’ prezz ta’ biċċa art ta’ 55 481 m2 u ma jiħux in kunsiderazzjoni d-daqs attwali ta’ l-art akkwistata minn Demesa.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jkun ikkunsidrat li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod arbitrarju meta, fid-deċiżjoni kkontestata, hija użat il-prezz propost fir-rapport ta’ Price Waterhouse bħala l-prezz ta’ riferenza deċisiv.

84      Il-fatt li l-Kummissjoni vverifikat il-prezz indikat minn Price Waterhouse, billi qabblitu mal-medja tal-prezzijiet proposti fi tliet rapport oħra, jiġifieri ir-rapporti tat-13 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Frar 1998 u l-audit ta’ IDOM, ma jinvalidax din il-konklużjoni.

85      Minn naħa, il-Kummissjoni kellha teżamina jekk il-prezz imħallas minn Demesa kienx il-prezz tas-suq. Hija kellha għalhekk tqabbel il-prezz effettivament imħallas minn Demesa - u mhux il-prezz stabbilit minn Price Waterhouse - mal-prezzijiet proposti fir-rapporti differenti ta’ l-esperti li kienu għad-dispożizzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva sabiex tivverifika jekk il-prezz imħallas minn Demesa tant kien ivarja mill-prezzijiet indikati f’dawn ir-rapporti li kien iwassal għall-konklużjoni li kien hemm għajnuna mogħtija mill-Istat.

86      Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata (is-seba’ paragrafu ta’ punt V.2.2), il-kalkulu tal-medja tal-valuri fir-rapporti tat-13 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Frar 1998 u ta’ l-audit ta’ IDOM huwa bbażat fuq il-qari żbaljat ta’ tali rapporti u audit.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li bi tweġiba għal mistoqsija magħmula bil-miktub mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet ikkalkulat il-medja ta’ l-istimi indikati fid-deċiżjoni kkontestata (is-seba’ paragrafu ta’ punt V.2.2,) kif ġej: “Il-valuri minimi kienu (...): 4 000 ESP/m2 (Aġenzija Luis Perales [rapport tat-13 ta’ Jannar 1998]), 4 000 ESP/m2 (Agenzija Juan Calvo [rapport tas-6 ta’ Frar 1998]) u 5 000 ESP/m2 (IDOM). Il-valur minimu medju li jirrizulta minnhom huwa ta’ 4 333 ESP/m2. Il-valuri massimi kienu: 4 500 ESP/m2 (Aġenzija Luis Perales [rapport tat-13 ta’ Jannar 1998]) u 4 800 ESP/m2 (Aġenzija Juan Calvo [rapport tas-6 ta’ Frar 1998]). Il-valur massimu medja li jirriżulta minnhom huwa għalhekk ta’ 4 650 ESP/m2. Konsegwentement, il-valur medju li jirriżulta mit-tliet stimi hu ta’ 4 491 ESP/m2”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

88      Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ fatt meta kkunsidrat li l-audit ta’ IDOM kien jipproponi “madwar 5 000 ESP/m2” bħala l-valur minimu ta’ l-art mixtrija minn Demesa. Huwa veru li l-audit ta’ IDOM jipproponi “madwar 5 000 pesetas” (“entorno a las 5 000 pesetas”) għal art bla servizzi. Madanakollu, l-audit jikkonferma wkoll li l-prezz finali miksub minn Demesa, jiġifieri 4 125 ESP/m2, huwa prezz tas-suq bi skont normali li jieħu in kunsiderazzjoni l-kobor ta’ l-art (“el precio final obtenido por DEMESA es un precio de mercado con un descuento normal, teniendo en cuenta el tamaño de la superficie comprada”). Barra minn dan, għalkemm il-konklużjonijiet finali jsemmu għal darb’oħra il-prezz ta’ 5 000 ESP/m2, huma jikkonfermaw ukoll li, skond l-istimi magħmula minn IDOM, l-investiment ta’ Demesa kien sar bil-prezz attwali tas-suq (“la inversión realizada por DEMESA se ajusta a los precios de mercado actuales, tras las comprobaciones efectuadas por IDOM”). Għaldaqstant, mill-audit li saret minn IDOM, jirriżulta illi, minkejja li l-prezz normali jista’ jkun ikkunsidrat bħala 5 000 ESP/m2, jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni d-daqs ta’ l-art, il-prezz imħallas minn Demesa kien prezz tas-suq.

89      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, anki mir-rapporti tat-13 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Frar 1998, joħroġ li l-prezz ta’ 4 125 ESP/m2 huwa prezz tas-suq. Fil-fatt, l-ewwel rapport isostni li l-prezz tas-suq ta’ biċċa art li hija akbar minn 10 000 m2 huwa ta’ bejn 4 000 u 4 500 ESP/m2 . It-tieni rapport jindika prezz tas-suq ta’ bejn 4 000 u 4 800 ESP/m2. Madanakollu, meta kkalkulat il-medja unika tal-valuri espressi fir-rapporti differenti, il-Kummissjoni interpretat ħażin ir-rapport tat-13 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Frar 1998. Fil-fatt, peress li fiż-żewġ każijiet, il-prezz imħallas minn Demesa – jiġifieri 4 125 ESP/m2 - huwa qrib, il-valur minimu fl-iskala mogħtija fir-rapporti tat-13 ta’ Jannar u s-6 ta’ Frar 1998, meta kkalkulat medja unika tal-valuri mogħtija f’dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni neċessarjament waslet għall-prezz tas-suq allegat li hu ogħla minn dak imħallas minn Demesa, minkejja l-fatt li l-istess rapporti jikkonfermaw li l-prezz ta’ 4 125 ESP/m2 huwa prezz tas-suq.

90      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi konkluż li l-proċedura użata mill-Kummissjoni sabiex tivverfika jekk il-prezz ta’ 4 125 ESP/m2 imħallas minn Demesa għal biċċa art ta’ 100 000 m2 jimplikax element ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, kienet arbitrarja. Barra minn dan, il-Kummissjoni għamlet żbalji ta’ fatt fil-kalkuli tagħha.

91      Għalhekk, meta, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-differenza bejn il-prezz ta’ 4 481 ESP/m2 indikat minn Price Waterhouse u l-prezz ta’ 4 125 ESP/m2 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, hija kisret id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 92(1).

92      L-ewwel parti ta’ din it-talba hija għalhekk fondata. Għaldaqstant, fil-kawżi T 129/99 u T 148/99, l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat. Fl-istess kawżi, l-Artikolu 2(a)(i) tad-deċiżjoni kkontestata għandu wkoll ikun annullat safejn dan jordna lir-Renju ta’ Spanja sabiex jirkupra mingħand Demesa l-għajnuna allegata msemmija fl-Artikolu 1(ii) tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tieni parti, li tirreferi għad-differiment tal-ħlas tal-prezz tax-xiri ta’ l-art, imsemmi fl-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata

93      Fl-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata, l-Kummissjoni tiddeskrivi bħala għajnuna mill-Istat “il-vantaġġ, li hu kkalkulat li jiswa’ 184 075,79 EUR, li jikkorrispondi għad-differiment tal-ħlas ta’ l-art għal disa’ xhur, li jibdew jgħoddu minn meta [Demesa] okkupat l-art fiż-żona industrijali ta’ Júndiz (Vitoria-Gasteiz) sabiex twettaq ix-xogħol ta’ kostruzzjoni sa meta ħallset il-prezz” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

94      Peress li l-parti operattiva ta’ att hija indissoċjabbilment marbuta mal-motivazzjoni tiegħu, fl-interpretazzjoni tagħha, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C 335/95 P, Ġabra p I 2549, punt 21).

95      Mill-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata joħroġ li l-element ta’ għajnuna msemmi fl-Artikolu 1(i) ta’ din id-deċiżjoni huwa l-benefiċċju li ħadet Demesa b’riżultat ta’ l-użu b’xejn ta’ biċċa art ta’ 100 000 m2 għal ta’ l-inqas disa’ xhur, li kien konsegwenza tad-differiment tal-konklużjoni ta’ l-att pubbliku ta’ bejgħ u, għalhekk, tal-ħlas tal-prezz ta’ l-art.

96      Fil-fatt, il-punt V.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferi għall-Artikolu 1(a) tal-parti operattiva huwa intitolat “Użu u titlu b’xejn ta’ art ta’ 100 000 m2”. F’dan il-punt, il-Kummissjoni tispjega li “ma ngħatawx provi li Demesa għamlet xi spiża matul il-perjodu li għadda minn meta [...] din l-impriża okkupat l-art sabiex tibni l-fabbrika, sal-mument meta sar il-ħlas effettiv tal-prezz tal-bejgħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (it-tieni paragrafu ta’ punt V.2.1). Il-Kummissjoni żżid illi “Demesa, ta' l-anqas bejn Frar 1997 u Ottubru 1997, okkupat [l-] art [ta’ 100 000 m2, li nbiegħhet lilha minn Gasteizko Industria, impriża pubblika], bil-għan li tibni jew li tqabbad lil min jibni, fabbrika, mingħajr ma tkun ħallset il-prezz ta’ din l-art u mingħajr ma tkun għamlet l-anqas spiża konnessa ma’ l-użu ta’ l-art ikkonċernata” (il-ħames paragrafu ta’ punt V.2.1). Hija tispjega wkoll li:

“Demesa użat art mingħajr ma kienet obbligata tħallas il-prezz li għalih il- kumpannija li biegħetilha kienet intitolata” (is-seba’ paragrafu ta’ punt V.2.1) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

97      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar illi, b’ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 1996, Gasteizko Industria għamlet lil Demesa offerta ta’ bejgħ ta’ biċċa art ta’ 100 000 m2 fiż-żona industrijali ta’ Júndiz għall-prezz ta’ 4 125 ESP/m2 u li din l-offerta kienet ġiet aċċettata verbalment minn Demesa f'Novembru 1996. Il-prezz miftiehem għall-art, tħallas fit-30 ta’ Diċembru 1997, il-jum li fih l-att pubbliku ta’ bejgħ kien ġie ffirmat.

98      Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Demesa ammettiet li kienet bdiet ix-xogħlijiet tal-bini tal-fabbrika tagħha fuq l-art in kwistjoni madwar Novembru 1996.

99      Peress li l-ħlas tal-prezz tal-bejgħ sar biss fit-30 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni kellha d-dritt li, fid-deċiżjoni kkontestata, tikkonkludi li Demesa okkupat b’xejn biċċa art ta’ 100 000 m2 għal mill-anqas disa’ xhur.

100    Madanakollu, minn din l-okkupazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax awtomatikament tiddeduċi li Gasteizko Industria kienet tat għajnuna ta’ l-Istat lil Demesa. Dan ikun il-każ biss jekk l-imġiba ta’ Gasteizko Industria ma tikkorrispondix ma’ l-imġiba normali ta’ impriża privata (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ottubru 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C 261/89, Ġabra p I 4437, punt 8).

101    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawżi T 129/99 u T 148/99 jirreferu għall-Artikolu 1502 tal-Kodiċi Ċivili Spanjola sabiex jiġġustifikaw id-dewmien għall-konklużjoni ta’ l-att pubbliku u, b’konsegwenza, tal-ħlas tal-prezz tal-bejgħ. Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

“Jekk x-xerrej ikun immolestat fil-pussess jew fil-proprjetà tal-ħaġa akkwistata, jew ikollu raġunijiet tajbin li jibża’ li sejjer ikun hekk immolestat b’azzjoni rivendikatorja jew ipotekarja, huwa għandu d-dritt li jissospendi l-ħlas tal-prezz sakemm il-bejjiegħ ikun neħħa l-molestja jew ir-raġuni li minħabba fiha jista’ jkun hemm biża’ ta’ dik il-molestja [...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

102    Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-każ preżenti, kienu jeżistu ċ-ċirkustanzi għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1502 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol. Minn naħa, Gasteizko Industria kellha tissepara biċċa art ta’ 100 000 m2 minn żewġ biċċiet art akbar. Min-naħa l-oħra, grupp ta’ bdiewa kienu eżiġew l-implementazzjoni ta’ ftehim verbali konkluż ma’ Gasteizko Industria, li kien jagħtihom id-dritt li jikkultivaw l-art. Dawn il-bdiewa bdew il-proċeduri legali quddiem il-qorti ta’ Vitoria Gasteiz u dawn il-proċeduri spiċċaw biss fl-4 ta’ Novembru 1997. Il-vantaġġ li joħroġ mill-okkupazzjoni ta’ l-art qabel il-ħlas tal-prezz tal-bejgħ ma jistax ikun deskritt bħala għajnuna mill-Istat peress li huwa l-konsegwenza ta’ l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali tad-dritt ċivili Spanjol.

103    Bi tweġiba għal dan l-argument, imressaq ukoll mill-Awtoritajiet Baski matul il-proċedura amministrattiva, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li “ebda prova ma ngħatat li Demesa kienet għamlet l-iċken spiża matul il-perijodu minn meta [...] l-impriża okkupat l-art sabiex tibni l-fabbrika sa meta sar il-ħlas effettiv tal-prezz tal-bejgħ” (it-tieni paragrafu ta’ punt V.2.1; ara wkoll is-seba’ paragrafu ta’ punt V.2.1) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

104    Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jidher li l-Kummissjoni ddeduċiet l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat direttament mill-konstatazzjoni tagħha li Demesa okkupat il-biċċa art ta’ 100 000 m2 għal mill-inqas disa’ xhur mingħajr ħlas u mingħajr ma eżaminat jekk l-imġiba ta’ Gasteizko Industria setgħetx kienet imġiba ta’ operatur privat.

105    Wara l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedura amministrattiva dwar ir-raġunijiet għad-dewmien tal-konklużjoni ta’ l-att pubbliku u l-ħlas tal-prezz tal-bejgħ sat-30 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni kellha teżamina jekk operatur privat setgħax jeżiġi l-ħlas tal-prezz tal-bejgħ qabel din id-data u, jekk dan ma setgħax ikun il-każ, jekk setgħax jeżiġi l-ħlas ta’ remunerazzjoni għal dak il-perjodu ta’ l-okkupazzjoni ta’ l-art qabel il-ħlas tal-prezz ta’ tali art.

106    Fin-nuqqas ta’ eżami bħal dan, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni ma wrietx skond il-liġi li d-Demesa rċeviet għajnuna mill-Istat, skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, meta okkupat bla ħlas ta’ biċċa art ta’ 100 000 m2 qabel il-ħlas tal-prezz tal-bejgħ fit-30 ta’ Diċembru 1997.

107    Konsegwentement, it-tieni parti ta’ din it-talba hija fondata.

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kawżi T 129/99 u T 148/99, għandu jiġi annullat l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-istess kawżi, għandha wkoll tiġi annulata dik il-parti ta’ l-Artikolu 2(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata li tordna lir-Renju ta’ Spanja li jirkupra mingħand id-Demesa l-għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tielet parti, li tirreferi għall-allegat superament tal-limitu ffissat mid-Digriet Ekimen, li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata

109    Fl-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddiskrivi l-“għotja ta’ sussidju, li huwa ta’ aktar minn ħames punti perċentwali mis-sussidju massimu ta’ 20 % ta’ l-ispejjeż ammissibbli skond l-iskema ta’ għajnuna Ekimen, jiġifieri billi kienu esklużi minn tali spejjeż attrezzaturi, stmati li tiswa’ 1 803 036.31 EUR fir-rapport ta’ l-awdituri ppreżentat mill-awtoritajiet reġjonali anness ma’ l-ittra ta Spanja ta’ l-24 ta’ Lulju 1998” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

110    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawżi T-129/99 u T-148/99 jirreferu għal, minn naħa, l-għotja massima permessa mill-skema Ekimen u, min-naħa l-oħra, għall-esklużjoni ta’ l-ispiża għal ċerta attrezzatura mill-ispejjeż ammissibli skond l-iskema ta’ l-għajnuna Ekimen.

 Għotjiet massimi permessi mill-skema Ekimen

111    B’deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Diċembru tal-Consejo de Gobierno tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, Demesa ingħatat sussidju ekwivalenti għal 25% ta’ l-investimenti f’assi fissi fil-kuntest tal-skema Ekimen.

112    Dak iż-żmien, l-Artikolu 10 tad-Digriet Ekinem kien jipprovdi illi:

“Għajnuna mogħtija bħala sussidji mhux rimborsabbli, ta’ mhux aktar 25 % ta’ l-investiment ammissibbli, għandha tingħata skond il-kriterji li ġejjin:

1.      Sussidju ta’ 10 % ta’ l-investiment, kkunsidrat bħala ammissibbli, għandu jingħata b’mod ġenerali.

2.      Barra minn dan, fil-każ ta’ proġetti strateġiċi u proġetti li jwasslu għal ħolqien sinjifikanti ta’ impjiegi, jiġifieri, ta’ mill-inqas 50 impjieg għal investiment ta’ mill-inqas ESP 750 miljuni, il-perċentwali hawn fuq imsemmija tiżdied b’ħames punti.

3.       Bl-istess mod, l-impriżi li jwettqu proġett f’żona ta’ interess preferenzjali skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tad-Digriet preżenti, jibbenefikaw minn sussidju addizzjonali ta’ 5 % ta’ l-investiment li huwa kkunsidrat bħala ammissibbli.

4      Fl-aħħar nett, il-perċentwali jista’ jkollha żieda addizzjonali ta’ mhux aktar minn 5 punti, skond il-kriterji li ġejjin:

–        il-livell ta’ l-integrazzjoni tal-proġett fil-bażi industrijali tal-Pajjiż Bask;

–        jekk l-investment isirx f’settur strateġiku tal-Pajjiż Bask;

–        il-potenzjal tal-ħolqien ta’ impjiegi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

113    Fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996, li appruvat l-elementi ta’ għajnuna li jinsabu fl-iskema Ekimen (ara l-punt 2 aktar ‘il fuq), il-Kummissjoni indikat li ġej:

“Il-Kummissjoni tinnota li għotjiet li mhumiex suġġetti għal rifużjoni, li ma jistgħux jissuperaw il-massimu ta’ 25 % [GGE], se jingħataw skond il-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) 10 % bħala regola ġenerali, (b) 5 % oħra fil-każ ta’ proġetti strateġiċi jew li joħolqu postijiet tax-xogħol, (c) 5 % oħra għall-proġetti sitwati f’żoni prioritarji, u (d) 5 % oħra għall-proġetti li jagħtu sehem sinjifikanti lill-iżvilupp reġjonali jew lill-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

114     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li s-sussidju mogħti lil Demesa skond id-Digriet Ekimen u li jikkorrispondi għal 25 % ta’ l-ispiża ta’ l-investiment f’assi fissi ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-skema Ekimen, kif kien approvat minnha. Hija tispjega illi “l-applikazzjoni korretta tal-skema Ekimen kellha twassal għal sussidju mhux rimborsabbli, ta’ mhux aktar minn 20 % GGE ta’ l-ispejjeż kollha ammissibbli”[traduzzjoni mhux uffiċjali] (it-tielet paragrafu ta’ punt V.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, “il-Kummissjoni ssostni li l-proġett ta’investiment ta’ Demesa jissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 10(a) tad-Digriet (10 % bħala regola ġenerali) kif ukoll dak fl-Artikolu 10(4) (5% oħra)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (it-tmien paragrafu ta’ punt V.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, il-kriterju stabbilit mill-Artikolu 10(3) tad-Digriet Ekimen mhuwiex sodisfatt għaliex “Vitoria Gasteiz, il-muniċipju fejn sar l-investiment ta’ Demesa, mhijiex ‛żona prioritarja’ skond l-iskema Ekimen” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (id-disa’ paragrafu ta’ punt V.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, “f’dak li jirrigwarda l-kriterju msemmi fl-Artikolu 10(2) tad-Digriet, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għotja ta’ żewġ supplimenti ta’ 5 %, skond dan l-Artikolu, tikkostitwixxi applikazzjoni żbaljata ta’ l-iskema Ekimen kif awtorizzata mill-Kummissjoni fid-[deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996]” (l-għaxar paragrafu ta’ punt V.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Proġett ma jistax għalhekk jirċievi żewġ supplimenti ta’ 5 % bħala “proġett strateġiku” u “proġett ta’ investiment li jwassal għall-ħolqien sinjifikanti ta’ impjiegi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(2) tad-Digriet Ekimen għandha twassal għal suppliment wieħed biss ta’ 5 %.

115    Ir-rikorrenti fil-kawżi T 129/99 u T 148/99 isostnu li Demesa kellha d-dritt li tirċievi sussidju ta’ 25 % GGE li ngħatalha mill-Gvern Bask: 10 % skond l-Artikolu 10(a) tad-Digriet Ekimen; 5 % bħala proġett strateġiku u 5 % bħala proġett li joħloq postijiet tax-xogħol skond l-Artikolu 10(b); u 5 % skond il-kriterji stabbilit mill-Artikolu 10(4). Skond l-Artikolu 10(2) tad-Digriet Ekimen, Demesa kellha għalhekk dritt għal żewġ supplimenti ta’ 5 % tas-sussidju, suppliment minnhom għaliex l-investiment kien proġett strateġiku u l-ieħor għaliex l-investiment kien jikkonsisti fi proġett li għamel kontribuzzjoni sinjifkattiva għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol, jiġifieri proġett li wassal għal ħolqien ta’ mill-inqas 50 post tax-xogħol u li jfisser investiment ta’ ESP 750 miljuni. Il-Kummissjoni żbaljat meta, fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996 li approvat l-iskema Ekinem, hija kienet ikkonstatat li l-Artikolu 10(2) tad-Digriet Ekimen kien jawtorizza sussidju wieħed ta’ 5 % għal proġetti strateġiċi “jew” li joħolqu postijiet tax-xogħol.

116    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni għamlet żball klerikali fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 1996 li approvat l-iskema Ekimen. L-iskema għandha titqies bħala approvata mill-Kummissjoni hekk kif kienet notifikata. Fi kwalunkwè każ, il-Kummissjoni m’għandhiex il-poter li temenda unilateralment skema ta’ għajnuna notifikata. Kieku l-skema Ekimen kienet jikkawżatilha xi problemi, hija setgħet tiftaħ il-proċedura ta’ eżami prevista mill-Artikolu 93(2) tat-Trattat u trendi l-approvazzjoni tagħha suġġett għal dan, ħaġa li madanakollu hija m’għamlitx .

117    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-partijiet jaqblu li Demesa rċeviet sussidju ta’ 25 % GGE mill-iskema Ekinem, jiġifieri l-10 % skond l-Artikolu 10(a) tad-digriet, żewġ supplimenti ta’ 5 % skond l-Artikolu 10(b) tad-Digriet u 5 % skond l-Artikolu 10(4) tad-Digriet. Madanakollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni doppja ta’ l-Artikolu 10(2).

118    It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Artikolu 10(2) tad-Digriet Ekimen jawtorizza suppliment wieħed biss ta’ 5 % tas-sussidju li minnu jista’ jibbenefika proġett ta’ investiment taħt l-iskema ta’ għajnuna kkonċernata.

119    F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Artikolu 10 tad-Digriet Ekimen, li jippromwovi l-prinċipju ta’ sussidju massimu ta’ 25 %, jinkludi erba’ punti, li minnhom ta’ l-ewwel jipprovdi għal għotja ta’ 10 %, u t-tlieta l-oħra li jipprovdu rispettivament għal żieda ta’ 5 % (ara aktar ‘il fuq punt 112). Il-punti 2 sa 4 ta’ l-Artikolu 10 tad-Digriet jistgħu biss jagħtu dritt għal żieda ta’ 5 % kull darba sabiex ma jinqabiżx l-ammont massimu tas-sussidju.

120    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Bask spjega, fl-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lill-Kummissjoni mir-Rapreżentanza Permanenti ta' Spanja, fit-23 ta’ Jannar 1998, li proġett ta’ investiment li jissodisfa l-kriterji kollha msemmija fl-Artikolu 10 (1),(2) u (3) tad-Digriet Ekimen għandu jirċievi għotja grossa ta’ 20 %. Kieku l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 10(2) tad-Digriet Ekimen imressqa mir-rikorrenti hija korretta, proġett li jissodisfa l-krietji kollha ta' l-Artikolu 10 (1) sa (3) għandu jirċievi għotja grossa ta’ 25 % u dan għadu kemm ġie kontradett.

121    Peress li l-Artikolu 10(2) jippermetti biss suppliment wieħed ta’ 5 % tas-sussidju, għandu jiġi konkluż li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996 [suppliment wieħed “5 % [oħra] fil-każ ta’ proġetti strateġiċi jew li joħolqu postijiet tax-xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfażi miżjuda)] u fid-deċiżoni kkontestata, hija korretta.

122    Konsegwentement, il-proġett ta’ investiment ta’ Demesa huwa intitolat biss għal suppliment ta’ 5 % wieħed taħt l-Artikolu 10(2) tad-Digriet Eikmen kif approvat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 1996.

123    Ir-rikorrenti tal-kawżi T‑129/99 u T‑148/99 isostnu wkoll li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask hija l-unika awtorità li tista’ tagħti interpretazzjoni awtentika tal-leġiżlazzjoni tagħha.

124    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, hija biss il-Kummissjoni li hija kompetenti sabiex tapprova għajnuna mill-Istat li taqa’ fl-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Peress li, bħala prinċipju, l-għajnuna mill-Istat hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li tinvolvi elementi ta’ għajnuna hija leġittima biss jekk dawn l-elementi ġew approvati mill-Kummissjoni. Mid-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996 (ara l-punt 113 aktar ’il fuq) jirriżulta li l-interpretazzjoni li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask tagħti lill-Artikolu 10(2) tad-Digriet Ekimen mhuwiex kopert mill-awtorizzazzjoni mogħtija minn din id-deċiżjoni. Barra minn dan, mill-eżami magħmul aktar ’il fuq jirriżulta li l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti lid-Digriet Ekimen fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996 u fid-deċiżjoni kkontestata, hija perfettament kompatibbli mat-test u ma’ l-ispirtu tad-Digriet Ekimen

125    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawżi T-129/99 u T-148/99 jissottomettu li, fl-Lulju 1999, l-Kummissjoni awtorizzat id-Digriet Ekimen il-ġdid (digriet nru 241/1999, tat-8 ta’ Ġunju 1999, li emenda l-skema Ekimen ta’ għajnuna finanzjarja għal investimenti industrijali produttivi li joħolqu postijiet tax-xogħol), li jipprovdi illi, “għal proġetti strateġiċi u għal proġetti ta’ investiment li jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol u li joħolqu, mill-inqas, 50 impjieg u jwasslu għal investimenti ta’ ESP 750 miljun, l-imsemmija perċentwali għandha tiżdied, f’kull każ, b’ħames punti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] .

126    Madanakollu, dan l-argument huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata kemm minħabba li l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 1999 ingħatat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u wkoll għaliex hija tirreferi għal test leġiżlattiv ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T 296/97, Ġabra p II 3871, punt 86).

127    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kellha raġun meta, fid-deċiżjoni kkontestata, kkunsidrat li s-sussidju massimu awtorizzat mill-iskema Ekimen – kif approvata mid-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996 – huwa ta’ 20 % GGE. Hija għalhekk ikkwalifikat korrettament is-sussidju ta’ ħames punti aktar minn dan il-limitu, li minnu bbenefikat Demesa, bħala għajnuna ġdida skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat (l-erbatax-il paragrafu ta’ punt V.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata

128    Għaldaqstant, l-ilment dwar is-sussidju massimu permess mill-iskema Ekimen għandu jiġi miċħud.

 Spejjeż ammissibbli fil-kuntest ta’ l-iskema Ekimen

129    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat illi, “skond l-Artikolu 7 tad-[Digriet Ekimen], assi fissi li ġew ċeduti lill-terzi, mhumiex ammissibbli sabiex jibbenefikaw minn sussidju. Madanakollu, skond ir-rapport ta’ l-audit [ippreżentat mill-Gvern Bask], parti mit-tagħmir tal-produzzjoni akkwistat minn Demesa (għal valur ta’ ESP 300 miljun = EUR 1 803 036,31) kien installat għand impriżi oħra. Konsegwentement, dan it-tagħmir ma jistax jibbenefika mis-sussidji ta’ l-iskema Ekimen u l-finanzjament tiegħu jikkostitwixxi wkoll għajnuna skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-aħħar paragrafu ta’ punt V.2.3).

130    Ir-rikorrenti fil-kawżi T 129/99 u T 148/99 isostnu li l-Artikolu 7 tad-Digriet Ekimen ma jipprojbixxix is-sussidju ta’ assi trasferiti lil terzi iżda jillimita ruħu għall-indikazzjoni li “bħala regola ġenerali [jistgħu jiġu sussidjati] [biss l-assi li], għal ħlas jew mingħajr ħlas, ma jkunux ġew ċeduti lil terzi”[traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’kull każ, it-tagħmir ta’ produzzjoni (forom u siġilli), stmati mill-Kummissjoni li jiswew ESP 300 miljun (EUR 1 803 036,31) fl-aħħar paragrafu ta’ punt V.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu maħżuna minn tliet kumpanniji li, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, kienu inkarigati mir-rikorrent li jimmanifatturaw parti mill-prodott final. Madanakollu, il-proprjetà ta’ dawn l-assi baqgħet esklużivament ta’ Demesa u l-użu ta’ tali assi kien irriservat esklużivament għal Demesa. Għaldaqstant, dawn l-assi ma kinux ġew “ċeduti”.

131    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li d-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996, li approvat l-iskema Ekimen (ara, aktar ’il fuq, punt 2) ma tinkludi ebda riferenza speċifika għall-Artikolu 7(d) tad-Digriet Ekimen.

132    Il-partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni, li ma teskludix awtomatikament il-benefiċċju tas-sussidji fil-każ ta’ assi ċeduti lil terzi, għandha tkun interpretata fis-sens li hi intiża sabiex tevita abbuż. Fil-fatt l-Artikolu 7 (d) tad-Digriet Ekimen huwa intiż sabiex jevita li għajnuna li tingħata lil impriżi taħt id-Digriet Ekimen tiġi trasferita lil impriżi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dan id-Digriet. Riskju ta’ abbuż bħal dan jista’ jeżisti mhux biss meta impriża, li bbenefikat minn sussidju abbażi tad-Digriet Ekinem, iċċedi l-proprjetà ta’ assi li l-prezz tax-xiri tiegħu kien ittieħed in kunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ l-ammont totali ta’ l-għajnuna, iżda wkoll jekk l-assi in kwistjoni jitpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ impriża oħra taħt kundizzjonijiet vantaġġjużi. Fil-fatt, mil-lat ekonomiku, ir-regoli legali li japplikaw għal dan it-trasferiment m’għandhomx effett deċisiv sabiex ikun stabbilit jekk kienx trasferit element ta’ għajnuna minn impriża għal oħra.

133    Madanakollu, minħabba l-għan ta’ l-Artikolu 7(d) tad-Digriet Ekimen, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk, fl-assenza ta’ riskju ta’ abbuż konness mat-trasferiment ta’ l-għajnuna in kwistjoni, l-ispejjeż ta’ l-akkwist ta’ assi jibqgħux ikkunsidrati bħala spejjeż ammissibbli skond l-iskema Ekimen ta’ għajnuna reġjonali, kif approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996 (ara l-punt 2 aktar ‘il fuq), anki jekk tali assi huma sussegwentement “ċeduti”.

134    Jeħtieġ għalhekk ikun eżaminat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppruvatx suffiċjentement li, fil-każ preżenti, it-trasferiment, mhux ikkontestat, ta’ ċerti assi lil erba’ kumpanniji kien jinvolvi riskju ta’ abbuż marbut mat-trasferiment ta’ elementi ta’ għajnuna

135    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżoni kkontestata, il-Kummissjoni m’għamlet ebda analiżi sabiex tivverifika jekk it-trasferiment ta’ ċerti assi, għal liema Demesa rċeviet għajnuna taħt l-iskema Ekimen, kienx ta’ vantaġġ lill-erba’ kumpanniji kkonċernati li dawn ma setgħux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi SFEI et, iċċitata fil-punt 72 aktar ’il fuq, punt 60, u Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 73 aktar ’il fuq, punt 41).

136    Barra minn dan, għandu wkoll jiġi osservat li l-Kummissjoni qatt ma eżaminat dan il-punt matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, fil-komunikazzjoni dwar il-kawża preżenti, li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-25 ta’ Awwissu 1998, (C266, p 6), il-Kummissjoni l-anqas ma ssuġġeriet li kellha l-intenzjoni li ma tiħux in kunsiderazzjoni bħala spejjeż ammissibbli ċertu spejjeż li kienu jirrigwardaw assi ċeduti lil terzi.

137    Fin-nuqqas ta’ kull prova ta’ riskju ta’ abbuż marbut mat-trasferiment ta’ elementi ta’ għajnuna, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma ppruvatx li l-assi “ċeduti” lil terzi u stmati li jiswew EUR 1 803 036,31 ma setgħux iwasslu għal sussidju taħt id-digriet Ekimen. Għaldaqstant, meta kkunsidrat li s-sussidju rċevut minn Demesa għal finanzjament ta’ l-assi in kwistjoni kien jikkostitwixxi għajnuna ġdida li ma kinitx taqa’ taħt id-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

138    Għaldaqstant, fil-kawżi T 129/99 u T 148/99, għandu jiġi annullat l-Artikolu 1(c), tad-deċiżjoni kkontestata safejn dan jeskludi mill-ispejjeż ammissibbli skond l-iskema ta’ għajnuna Ekimen it-tagħmir li kien stmat li jiswa’ EUR 1 803 036,31. Fl-istess kawżi, jeħtieġ ukoll li jiġi annullat l-Artikolu 2(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata safejn dan jordna lir-Renju ta’ Spanja li jirkupra mingħand Demesa l-għajnuna li rċeviet taħt id-Digriet Ekimen għall-finanzjament ta’ assi, stmati li jiswew EUR 1 803 036,31, li kienu ġew “ċeduti” lil terzi.

 Fuq ir-raba’ parti, li tikkonċerna l-kreditu fiskali msemmi fl-Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata

139    Fl-Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi bħala għajnuna mogħtija mill-Istat “l-għotja ta’ kreditu fiskali ta’ ammont li jikkorrispondi għal 45 % ta’ l-ispiża ta’ l-investiment kif iddeterminat mid-Diputación Foral di Álava f’Deċiżjoni 737/1997 tal-21 ta’ Ottubru 1997”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

140    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 jirreferixxu preliminarjament għad-drittjiet storiċi tat-Territorio Histórico de Álava fil-każ tat-tassazzjoni. Huma mbagħad jikkontestaw l-ispeċificità tad-dispożizzjoni fiskali kkonċernata. Huma jsostnu li s-Sitt Dispożizzjoni Addizzjonali tan-Norma Foral nru 22/1994, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994, li kienet applikata mid-Diputación Foral, hija miżura fiskali ta’ karattru ġenerali li tagħti l-istess vantaġġ lill-kontribwenti kollha li jagħmlu investimenti ta’ ESP 2 500 miljun. L-istess rikorrenti jissottomettu li, anki kieku l-miżura fiskali kellha karattru speċifiku, hija kienet tkun ġustifikata min-natura u mill-iskema tas-sistema fiskali kkonċernata. Fl-aħħar nett, huma jenfasizzaw li, kieku l-miżura fiskali kellha tkun kwalifikata bħala għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, hija għanda tkun kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti.

 Fuq id-drittijiet storiċi tat-Territorio Histórico de Álava fil-każ tat-tassazzjoni

141    Ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 jissottomettu li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kreditu fiskali fid-dawl ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni naqset li tieħu in kunsiderazzjoni d-drittijiet storiċi tat-Territorio Histórico de Álava fil-każ tat-tassazzjoni. F’dan ir-rigward, huma jfakkru li t-Territorio Histórico de Álava ilu jgawdi minn awtonomija fiskali rikonoxxuta u protetta mill-Kostituzzjoni ta’ l-Istat Spanjol għal mijiet ta’ snin.

142    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-fatt li, fil-każ preżenti, il-kreditu fiskali ġie mogħti abbażi ta’ leġiżlazzjoni adottata mit-Territorio Histórico de Álava, huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, meta ssemmi għajnuna “ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”, tirreferi għal kull għajnuna ffinanzjata permezz ta’ riżorsi pubbliċi. Konsegwentement, bl-istess mod bħal miżuri adottati mill-awtorità federali jew ċentrali, miżuri adottati minn korpi parastatali (deċentralizzati, federati, reġjonali jew oħra) ta’ l-Istati membri, indipendentement mill-istatut legali u mid-denominazzjoni tagħhom, jaqgħu fl-iskop ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni huma sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 248/84, Ġabra p 4013, punt 17).

143    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-drittijiet storiċi tat-Territorio Histórico de Álava fil-każ tat-tassazzjoni m’humiex ta’ natura li jeffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

 Fuq in-natura speċifika tal-kreditu fiskali

–       Osservazzjonijiet preliminari

144    L-Artikolu 92(1) tat-Trattat jeżiġi li sabiex miżura tkun tista’ tiġi definita bħala għajnuna mogħtija mill-Istat, hija għandha “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”. L-ispeċifiċità jew is-selettività ta’ miżura tikkostitwixxi għalhekk waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C 200/97, Ġabra p I 7907, punt 40; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T 55/99, Ġabra p II 3207, punt 39).

145    Fid-deċiżjoni kkontestata (punt V.2.4.1), il-Kummissjoni tispjega li l-karattru speċifiku tan-Norma Foral nru 22/1994, li tintroduċi kreditu fiskali ta’ 45 % fuq l-ammont ta’ l-investiment, jirriżulta minn erba’ elementi, jiġifieri l-poter diskrezzjonali tad-Diputación Foral “sabiex jiddeċiedi liema investimenti f’assi fissi għal ammont akbar minn ESP 2 500 miljuni, jistgħu jibbenefikaw mill-kreditu fiskali, sabiex jiddeċiedi għal liema parti ta’ l-investimenti jista’ jiġi applikat it-tnaqqis ta’ 45 % u sabiex jiffissa t-tul ta’ żmien u l-limiti massimi applikabbli f’kull każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-erbatax-il paragrafu ta’ punt V.2.4.1); l-ammont minimu ta’ l-investiment (ESP 2 500 miljuni), li jillimita, fil-fatt, l-applikazzjoni tal-kreditu għall-investituri l-kbar mingħajr il-ġustifikazzjoni ta’ tali limitazzjoni permezz tan-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali, li minnha ssir din id-deroga (is-sittax-il paragrafu ta’ punt V.2.4.1); il-karattru temporanju tal-kreditu nnifsu li jħalli “għad-diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet l-għotja tal-kreditu fiskali lil ċerti impriżi biss” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (is-sbatax-il paragrafu ta’ punt V.2.4.1) u “il-paralleliżmu totali bejn [il-] miżura [fiskali] u l-iskema Ekimen, kemm f’dak li jirrigwarda l-għanijiet rispettivi (il-finanzjament ta’ investimenti ġodda) kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-iskop ġeografiku (reġjonali fil-każ ta’ Ekimen, provinċjali fil-każ tal-kreditu fiskali); madanakollu l-iskema kienet ikkunsidrata bħala għajnuna reġjonali mill-awtoritajiet Spanjoli u kienet innotfikata bħala tali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (it-tmintax-il paragrafu ta’ punt V.2.4.1).

146    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq il-konstatazzjoni li l-miżura fiskali kkonċernata hija applikabbli biss għal parti mit-territorju Spanjol, jiġifieri għal Álava, sabiex waslet għall-konklużjoni li din il-miżura hija selettiva. Ir-rikorrenti għalhekk ma jisgħux isostnu li d-deċiżjoni kkontestata ddaħħal in kwistjoni l-kompetenza leġiżlattiva tat-Territorio Histórico de Álava sabiex tadotta miżuri fiskali ta’ natura ġenerali.

147    Fid-dawl ta’ l-argumenti magħmula mir-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-elementi, li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jippermettu li tintlaħaq il-konklużjoni li l-kreditu fiskali introdott min-Norma Foral nru 22/1994 jikkostitwixxi miżura speċifika li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

–       Fuq l-allegat poter diskrezzjonali tad-Diputación Foral

148    Ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 isostnu li d-Diputación Foral de Álava m’għandu ebda poter diskrezzjonali, f’dak li jirrigwarda il-livell fejn issir l-għażla ta’ l-impriżi benefiċjarji tal-kreditu fiskali, tal-grad ta’ l-intensità tal-vantaġġ jew taż-żmien ta’ l-applikazzjoni tal-miżura fiskali. Id-Diputación Foral huwa obbligat li japplika l-kreditu fiskali b’mod uniformi u awtomatiku, wara li jivverifika li l-impriża benefiċjarja tissodisfa l-kundizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti. Filwaqt li għamlu riferenza għal dikjarazzjoni li saret mid-Direttur Ġenerali, huma enfasizzaw il-benefiċċju tal-miżura kkontestata qatt ma kien miċħud lil impriża li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet leġiżlattivi.

149    Għandu jiġi mfakkar li miżuri li għandhom skop purament ġenerali ma jaqgħux taħt l-Artikolu 87(1) KE. Madankollu, il-ġurisprudenza stabbiliet diġà li anki interventi li, prima facie, huma applikabbli għall-impriżi kollha jistgħu jippreżentaw element ta’ selettività u, għaldaqstant, jiġu kkunsidrati bħala miżuri intiżi sabiex jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-amministazzjoni li għandha l-kompitu tapplika r-regola ġenerali tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, Ġabra p. I-4551, punti 23 u 24; Ecotrade, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u tas-17 ta' Ġunju 1999, Piaggio, C-295/97, Ġabra p. I-3735, punt 39). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li miżuri ta’ skop purament ġenerali ma jaqgħux taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Madanakollu, il-ġurisprundenza diġà ċċarat li anki interventi li, ma’ l-ewwel daqqa ta’ għajn, huma applikabbli lill-impriżi b’mod ġenerali, jistgħu jkunu, sa ċertu punt, selettivi, u għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala miżuri intiżi sabiex jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-amministrazzjoni, li hija mitluba tapplika r-regola ġenerali, ikollha poter diskrezzjonali f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-miżura (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C 241/94, Ġabra p. I 4551, punt 23 u 24; Ecotrade, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 144, punt 40, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C 295/97, Ġabra p I 3735, punt 39; il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 73, Ġabra. p I 2461, punt 8). Għalhekk, fis-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq (punti 23 u 24), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li s-skema ta’ parteċipazzjoni f’miżuri li jakkumpanjaw lill-pjani soċjali ta’ impriżi f’diffikultà tal-fond Franċiż għax-xogħol kienet “setgħat tpoġġi ċerti impriżi f’sitwazzjoni aktar favorevoli minn impriżi oħra u li għalhekk tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kwalifikata bħala għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, peress li l-fond in kwistjoni “[kien] jiddisponi [abbażi ta’ dispożizzjonijiet ta’ regolamenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ l-Istat għas-sostenn ta’ pjani soċjali] minn poter diskrezzjonali li kien jippermettilu li jaġġusta l-intervent finanzjarju skond kunsiderazzjonijiet differenti bħal, b’mod partikolari, l-għażla tal-benefiċjarji, l-ammont ta’ l-għajnuna finanzjarja u l-kundizzjonijiet għall-intervent”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

150    Għandu jiġi kkonstatat li, skond id-dispożizzjonijiet tan-Norma Foral nru 22/1994, id-Diputación Foral de Álava għandu ċertu poter diskrezzjonali fl-applikazzjoni tal-kreditu fiskali. Fil-fatt, in-Norma Foral nru 22/1994 tipprovdi illi (ara l-punt 8, aktar ’il fuq) l-kreditu fiskali għandu jikkonsisti f’45% “ta’ l-ammont ta’ l-investiment, kif iddeterminat mid-Diputación Foral de Álava”. Madanakollu, in-Norma Foral nru 22/1994, li tippermetti lid-Diputación Foral li jiffissa l-ammont ta’ investiment ammissibbli, fl-istess ħin tħalli lill-istess Diputación Foral jvarja l-ammont ta’ assistenza finanzjarja. Minnbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li skond in-Norma Foral nru 22/1994, id-Diputación Foral huwa awtorizzat li jistabbilixxi “it-tul taż-żmien u r-restrizzjonijiet applikabbli f’kull każ”.

151    Peress li taw lid-Diputación Foral de Álava poter diskrezzjonali, id-dispożizzjonijiet tan-Norma Foral nru 22/1994 dwar il-kreditu ta’ taxxa jistgħu jpoġġu ċerti impriżi f’sitwazzjoni aktar favorevoli minn dik ta’ impriżi oħra. Konsegwentement, il-miżura fiskali in kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata li tissodisfa l-kundizzjoni ta’ l-ispeċifiċità.

152    Ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 ma jistgħux jużaw bħala argument il-fatt li l-benefiċċju tal-kreditu fiskali qatt ma kien ġie rrifjutat lil impriżi, li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali rilevanti. Fil-fatt, affermazzjoni bħal din ma turix li r-rikjesti kollha li saru kienu approvati mid-Diputación Foral taħt l-istess kundizzjonijiet.

153    Ir-rikorrenti kkonċernati jżidu wkoll li, f’kull każ, il-poter diskrezzjonali li għandu d-Diputación Foral de Álava ma jistax ikun ikkunsidrat poter sabiex jadotta deċiżjonijiet arbitrarji. Fil-fatt, l-Artikolu 9 tal-Kostituzzjoni Spanjola jipprojbixxi l-eżerċizzju arbitrarju ta’ poter min-naħa ta’ l-awtoritajiet pubbliċi.

154    Madanakollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, sabiex tipprekludi l-kwalifika ta’ miżura bħala miżura ġenerali, mhemmx bżonn li tivverifika jekk l-imġiba ta’ l-amministrazzjoni tat-taxxa kinitx arbitrarja. Huwa biżżejjed li jiġi ppruvat, kif fil-fatt sar fil-każ preżenti, li l-imsemmija amministrazzjoni għandha poter ta’ evalwazzjoni diskrezzjonarju li, b’mod partikolari, jippermettilha li tvarja l-ammont ta’, jew il-kundizzjonijiet għall-għotja tal-vantaġġ fiskali in kwistjoni skond il-karatteristiċi tal-proġetti ta’ investiment sottomessi għall-evalwazzjoni tagħha.

–       Fuq l-ammont minimu ta’ investiment

155    Fid-deċiżjoni kkontestata huwa spjegat (sittax-il paragrafu, punt V.2.4.1) dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ammont minimu ta’ investiment (ESP 2 500 miljuni) li huwa kundizzjoni sabiex jingħata l-benefiċċju ta’ tali kreditu, huwa għoli biżżejjed sabiex jillimita fil-fatt l-applikabbiltà ta’ dan il-kreditu għal dawk l-investimenti li jimplikaw il-mobilizazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji kbar, u li dan mhuwiex ġustifikat min-natura jew mill-istruttura globali tas-sistema fiskali, li minnha ssir tali deroga. Il-fatt li huma biss l-investituri kbar li jistgħu jikkwalifikaw għall-kreditu fiskali jagħti lil tali kreditu karattru speċifiku, li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

156    Ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 isostnu li r-rekwiżit ta’ investiment minimu ta’ ESP 2 500 miljun huwa kundizzjoni oġġettiva li ma joħloq ebda diskriminazzjoni bejn operaturi jew setturi ekonomiċi. Huma jfakkru illi, globalment, hemm piż fiskali akbar fil-Pajjiż Bask minn dak li jeżisti fil-bqija ta’ Spanja. Is-sistemi fiskali kollha jinkludu miżuri li l-għotja jew l-osservanza jiddependu fuq xi kriterju kwantitattiv. Barra minn dan, l-istess Kummissjoni għamlet użu minn kriterji kwantitattivi f’numru ta’ direttivi, rakkommandazzjonijiet jew komunikazzjonijiet fil-qasam fiskali. Il-kriterju kwantitattiv huwa l-aktar mezz oġġettiv għar-restrizzjoni ta’ l-iskop ta’ miżura fiskali. Fil-każ preżenti, ir-rekwiżit dwar l-ammont ta’ l-investiment ma jiffavorixxi ebda impriża jew settur partikolari. Barra minn dan, il-Kummissjoni ma indikatx livell, li taħtu rekwiżit ta’ dan it-tip ma jkunx ikkunsidrat bħala element selettiv. Wara kollox, kieku l-miżura kkontestata kellha tkun kkunsidrata li tagħti vantaġġ lill-impriżi l-kbar, ikun neċessarju li tittieħed in kunsiderazzjoni l-eżistenza tan-numru kbir ta’ skemi komunitarji ta’ għajnuna għall-impriżi żgħar u medji (SMEs) kif ukoll il-kundizzjonijiet aktar flessibli li dawn jibbenefikaw minnhom fil-każ tar-regoli dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

157    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, meta llimitaw l-applikazzjoni tal-kreditu fiskali għal investimenti f’assi fissi ġodda li jiswew aktar minn ESP 2 500 miljun, l-awtoritajiet Baski kienu rriservaw, fil-fatt, il-vantaġġ fiskali in kwistjoni għal impriżi li għandhom riżorsi finanzjarji kbar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li l-kreditu fiskali previst min-Norma Foral nru 22/1994 huwa intiż sabiex ikun applikat b’mod selettiv lil “ċerti impriżi” skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

158    Anki kieku kellu jkun ammess li l-piż fiskali fil-Pajjiż Bask huwa ikbar minn dak fil-bqija ta’ Spanja, il-fatt jibqa’ li n-Norma Foral nru 22/1994 tirriserva l-vantaġġ fiskali kkonċernat għal ċerti impriżi biss li jaqgħu taħt is-sistema fiskali Baska.

159     Barra minn dan, il-fatt li s-sistemi fiskali ta’ spiss ikollhom vantaġġi għall-benefiċċju ta’ l-SMEs, jew li l-Kummissjoni tuża kriterji kwantitattivi f’diversi direttivi, rakkommandazzjonijiet jew komunikazzjonijiet, ma jwassalx għall-konklużjoni li, billi introduċiet vantaġġ fiskali li jiffavorixxi biss impriżi li għandhom riżorsi finanzjarji kbar, in-Norma Foral nru 22/1994, tevita l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jkun enfasizzat li l-anqas l-miżuri selettivi favur l-SMEs ma jevitaw li jkunu karaterizzati bħala għajnuna mill-Istat (ara il-qafas Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat lill-SMEs, ĠU 1996, C 213, p 4).

160    Minn dak kollu li jippreċedi, jirriżulta li n-Norma Foral nru 22/1994, meta introduċiet kreditu fiskali, ikkostitwixxiet vantaġġ favur “ċerti impriżi” skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx bżonn li jkun eżaminat ukoll jekk il-karattru temporanju tan-Norma Foral nru 22/1994 u l-allegat parallelliżmu bejn il-kreditu fiskali u l-iskema Ekimen huma wkoll ta’ natura li jagħtu karattru speċifiku lill-miżura eżaminata.

161    Għaldaqstant, sakemm il-miżura mhijiex iġġustifikata min-natura jew l-istruttura tas-sistema fiskali ─ kif se jkun kkunsidrat fil-punti 162 sa 170 ─, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-kreditu fiskali previst min-Norma Foral nru 22/1994 jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

 Fuq in-natura jew l-istruttura tas-sistema fiskali

162    Ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 isostnu li l-kreditu fiskali huwa ġġustifikat min-natura u l-istruttura tas-sistema fiskali, peress li jissodisfa kriterji oġġettivi u applikabbli b’mod uniformi u jservi sabiex jiġi mwettaq l-objettiv tad-dispożizzjonijiet fiskali li jintroduċuh. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenzi tal-Qorti tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p 709, punt 27, tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C 75/97, Ġabra p I 3671, punt 34; is-sentenza CETM vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 144, punt 52) u għad-Deċiżjoni 96/369/KE tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 1996 dwar għajnuna fiskali mogħtija lill kumpanniji ta’ l-ajru Ġermaniżi bħala faċilità ta’ deprezzament (ĠU L 146, p 42).

163    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li anki jekk il-miżura fiskali in kwistjoni tiddetermina l-iskop ta’ l-applikazzjoni tagħha fuq kriterji oġġettivi, il-karattru tagħha xorta jibqa’ wieħed selettiv (ara aktar ’il fuq, punti 144 sa 161). Madanakollu, kif josservaw ir-rikorrenti, il-karattru selettiv ta’ miżura jista’, f’ċerti kundizzjonijiet, ikun ġustifikat “min-natura jew mill-istruttura tas-sistema”. F’dak il-każ, il-miżura tevita l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat (sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs. Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt preċedenti - punt 162 - punt 27, u Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt preċedenti - punt 162 - punt 34; sentenza CETM vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 144, punt 52).

164     Madanakollu, għandu jkun enfasizzat li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura jew fuq l-istruttura tas-sistema fiskali tirrifletti l-konsistenza ta’ miżura fiskali speċifika mal-loġika interna tas-sistema fiskali in ġenerali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 162, punt 39, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali La Pergola f’din il-kawża, Ġabra p I 3675, punt 8; ara wkoll il-Konklużjonijiet ppreżentati mill-Avukat Ġenerali Ruiz Jarabo Colomer fil-każ tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C 6/97, Ġabra p I 2981, I 2983, punt 27). Għalhekk, miżura fiskali speċifika li hija ġustifikata mill-loġika interna tas-sistema fiskali – bħall-progressività tat-taxxa, li hi ġġustifikata mill-għan redistributtiv tas-sistema ─ tevita l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat

165    Ir-rikorrenti fil-kawżi T-127/99 u T-148/99 isostnu li l-kreditu fiskali, li saret referenza għalih fl-Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata, jipparteċipa fin-natura u fl-istruttura tas-sistema fiskali Spanjola. Il-kreditu fiskali joħroġ minn prinċipji ta’ progressività u effiċjenza fil-ġbir tat-taxxi.

166    Madanakollu, peress li kien stabbilit ammont minimu ta’ l-investiment ta’ ESP 2500 miljun, il-kreditu fiskali introdott min-Norma Foral nru 22/1994 jiffavorixxi biss l-impriżi li għandhom mezzi finanzjarja sinjifikanti. Għaldaqstant, il-miżura tmur kontra l-prinċipji ta’ progressività u ridistribuzzjoni, li jagħmlu parti integrali tas-sistema fiskali Spanjola. Barra minn dan, ir-rikorrenti kkonċernati ma wrew, bl-ebda mod, kif il-miżura kkonċernata tista’ tikkontribwixxi għall-effiċjenza fil-ġbir tat-taxxi.

167    Għall-bqija, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom biss għall-affermazzjoni li l-kreditu fiskali għandu l-iskop li jiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-Pajjiż Bask, li jinstab fl-Stat membru ta’ l-Unjoni Ewropea li għandu l-ogħla rata ta’ qgħad. Huma qiegħdin għaldaqstant jirreferu għal għanijiet ta’ politika ekonomika li m’humiex relatati mas-sistema fiskali kkonċernata.

168     Madanakollu, kieku raġunijiet relatati mal-ħolqien jew il-manteniment ta’ postijiet tax-xogħol kellhom ikunu kkunsidrati tali li jwasslu sabiex miżuri speċifiċi ma jaqgħux fl-iskop ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, dik id-dispożizzjoni titlef kull effett prattiku. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-għajnuna huma mogħtija mill-Istat bl-għan tal-kreazzjoni jew tal-protezzjoni ta’ postijiet tax-xogħol. Għaldaqstant, skond ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tal-miżura in kwistjoni mhuwiex biżżejjed sabiex tali miżura ma tkunx karatterizzata bħala għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat (sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 149 aktar ’il fuq, punt 20; Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 162 aktar ’il fuq, punt 25, u CETM vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 144 aktar ‘il fuq, punt 53).

169    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 ibbażat fuq in-natura u s-sistema fisali spanjola għandu jiġi miċħud

170    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha dritt tikkunsidra li l-kreditu fiskali li jikkorrispondi ma’ 45 % ta’ l-ammont ta’ l-investiment jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

 Fuq l-allegazzjoni li l-għajnuna in kwistjoni hija għajnuna eżistenti

171    Ir-rikorrenti jissottomettu li, anki kieku l-miżura fiskali prevista min-Norma Foral n. 22/1994 kellha tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, din għanda tkun kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti għaliex il-vantaġġ fiskali kkonċernat ilu jeżisti minn qabel ma’ Spanja saret membru tal-Komunità Ewropea. Fil-fatt, il-kreditu fiskali kien introdott fit-30 ta’ Lulju 1984 permezz ta’ deċiżjoni tal-Juntas Generales de Álava u, minn dak inhar ġie estiż min-numru ta’ Normas Forales suċċessivi, cioè in-Norma Foral nru 28/1988 tat-18 ta’ Lulju 1988, in-Norma Foral nru 9/1990 ta’ l-14 ta’ Frar 1990, in-Norma Foral nru 18/1993 tal-5 ta’ Lulju 1993, u n-Norma Foral nru 22/1994 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994.

172    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li t-Trattat jistabbilixxi proċeduri distinti għal għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida. Għalkemm, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, għajnuna ġdida għandha tkun innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel mal-proċedura twassal għal deċiżjoni finali, skond l-Artikolu 93(1), l-għajnuna eżistenti tista’ tiġi implementata sakemm il-Kummissjoni ma tiddikjarax li hija inkompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C 387/92, Ġabra p I 877, punt 20). Għalhekk, l-għajnuna eżistenti tista’ tkun biss is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li tipproduċi effetti għal futur.

173    Skond ġurisprudenza stabbilita, għajnuna li kienet teżisti qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat jew qabel l-adeżjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat fil-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll dik l-għajnuna li ġiet implementata korretement skond il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 93(3), hija għajnuna eżistenti (sentenza Piaggio, iċċitata fil-punt 149 aktar ‘il fuq, punt 48). Għall-kuntrarju, miżuri intiżi sabiex jistabbilixxu għajnuna ġdida jew sabiex jimmodifikaw għajnuna eżistenti jew proġetti preliminari ta’ għajnuna nnotifikati lill-Kummissjoni, għandhom jitqiesu bħala għajnuna li hija suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Heineken Brouwerijen, 91/83 u 127/83, Ġabra p 3435, punti 17 u 18, u tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur Les assurances du crédit, C 44/93, Ġabra p I 3829, punt 13).

174    Mhuwiex ikkontestat li l-għajnuna, li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata, kienet mogħtija fuq il-bażi ta’ strument legali li kien addottat fi żmien meta Spanja kienet diġà Stat membru, jiġifieri n-Norma Foral nru 22/1994 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994

175    Għandu wkoll ikun enfasizzat li, fit-Territorio Histórico de Álava, strumenti legali li jikkonċernaw il-kreditu fiskali huma ta’ applikazzjoni li hija limitata fiż-żmien. Għaldaqstant, anki jekk, kif jallegaw ir-rikorrenti, il-vantaġġ fiskali previst min-Norma Foral nru 22/1994 kien jikkostitwixxi biss l-“estensjoni” ta’ miżura fiskali li kienet stabbilita fl-1984, il-fatt jibqa’ li, minħabba l-emenda fit-terminu tagħha, din l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida.

176    Għandu għalhekk jiġi konkluż li l-għajnuna, li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata, tikkostitwixxi għajnuna ġdida li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat u li din l-għajnuna ma setgħetx tkun implementata qabel ma l-Kummissjoni adottat deċiżjoni finali dwar il-miżura kkonċernata.

177    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ parti ta’ dan il-motiv ma tistax tintlaqa’.

 Fuq il-ħames parti, li tirreferi għat-tnaqqis tal-bażi tat-tassazzjoni li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata

178    Fl-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li -“t-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa għall-kumpanniji ġodda previst mill-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996, tal-5 ta’ Lulju 1996” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ingħatat minn Spanja lil Demesa u li dan il-vantaġġ għandu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

179    Ir-rikorrenti fil-kawżi T-127/99 u T-148/99 isostnu li l-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti. Fil-fatt, skond dawn ir-rikorrenti, Demesa qatt ma bbenefikat mit-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa previst mill-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996.

180    Il-Kummissjoni tosserva li l-klassifikazzjoni tat-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa, previst mill-Artikolu 26 tan- Norma Foral nru 24/1996, bħala element ta’ għajnuna, ma jiddependix fuq jekk id-destinatarju ta’ din il-miżura effettivament ibbenefikax minnha jew le, iżda fuq il-fatt li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 92 tat-Trattat ġew sodisfatti.

181    Skond il-Kummissjoni, l-implementazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat trid tinftiehem mhux bħala l-konċessjoni ta’ tali għajnuna lill-benefiċjarji, iżda bħala l-adozzjoni ta’ mekkaniżmu leġiżlattiv li jippermetti li ssir tali konċessjoni lill-benefiċjarji mingħajr formalità oħra. Il-miżura fiskali, li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk għajnuna illegali.

182    Il-fatt li r-rikorrenti għadha m’għamlitx użu mid-dritt tagħha għal tnaqqis fit-taxxa, hi x’inhi r-raġuni għal dan, ma jistax jaħbi l-fatt li hija kellha dan id-dritt mill-bidu ta’ l-attivitajiet tagħha.

183    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, għajnuna ġdida għandha tkun innotifikata lill-Kummissjoni. Skond l-istess dispożizzjoni, tali għajnuna ma tistax tkun implementata qabel mal-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

184    L-Artikolu 93(3) tat-Trattat ma jagħmel ebda distinzjoni bejn għajnuna individwali u skemi ġenerali ta’ għajnuna.

185    Konsegwentement, meta Stat membru jew awtorità reġjonali jew lokali ta’ Stat membru jwaqqaf mekkaniżmu leġiżlattiv u/jew amministrattiv li jimplika skema ġenerali ta’ għajnuna, tali skema għandha tkun notifikata lill-Kummissjoni.

186    F’sitwazzjoni bħal din, jekk id-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, kienet tirreferi, b’mod ġenerali, għall-allegata skema ta’ għajnuna mwaqqfa mill-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996, il-kwistjoni dwar jekk Demesa jew impriżi oħra kinux effettivament ibbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mhijiex rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni

187    Madanakollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax, b’mod ġenerali, l-allegata skema ta’ għajnuna mwaqqfa mill-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996. Fil-fatt, hija tirrigwarda biss l-għajnuna individwali rċevuta minn Demesa.

188    Fil-fatt, fil-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Spanja “tat (...) lil [Demesa]” diversi tipi ta’ għajnuna (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata), u b’mod partikolari “it-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa għall-kumpanniji ġodda previst mill-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996, tal-5 ta’ Lulju 1996” [Artikolu 1(e)]. L-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lil Spanja li tadotta l-miżuri neċessarji sabiex “tirkupra mill-kumpannija benefiċjarja l-vantaġġi li rriżultaw [mit-tnaqqis tal-bażi tat-tassazzjoni] mill-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 (d) u (e) u li ngħatatilha illegalment”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

189    Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk tikkonstata li Demesa ngħatat it-tnaqqis tal-bażi tat-tassazzjoni prevista mill-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996. Din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi lment magħmul kemm lill-awtoritajiet Spanjoli, li allegatament taw għajnuna individwali kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif ukoll kontra d-Demesa, li allegatament rċeviet għajnuna illegali u li, Barra minn dan, hija wkoll ikkonċernata fl-inġunzjoni għall-irkupru indirizzata lil Spanja fl-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata.

190    Madanakollu, fil-kawżi T 127/99 u T 148/99, ir-rikorrenti qiegħdin jikkontestaw l-eżattezza, f’dak li jirrigwarda l-fatti, ta’ din il-konstatazzjoni.

191    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda element li jista’ juri li l-awtoritajiet ta’ Álava implementaw il-vantaġġ previst mill-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996 favur Demesa.

192    F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li mill-Artikolu 26(5) tan-Norma Foral nru 24/1996 (ara aktar ’il fuq, punt 10) jidher li, sabiex impriża tkun tista’ tgawdi mit-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa, hija trid tissottometti qabel applikazzjoni lill-amministrazzjoni tat-taxxa. Skond l-istess dispożizzjoni, din għandha tagħti, “fejn hu xieraq, l-awtorizazzjoni [provviżorja] tagħha lill-kumpannija li applikat, liema awtorizazzjoni trid tkun ikkonfermata mid-Diputación Foral de Álava” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

193    Matul il-proċedura amministrattiva, b’ittra li kienet mibgħuta mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Spanja lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Marzu 1998, il-Gvern Bask ikkonferma li, “jekk id-Demesa tagħmel l-applikazzjoni, it-tnaqqis fuq il-bażi tat-taxxa skond l-Artikolu 26(5) tan-Norma Foral dwar it-taxxa japplika skond din id-dispożizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi miżjuda).

194    Madanakollu, il-Kummissjoni ma kkunsidratx jekk Demesa kinitx attwalment għamlet l-applikazzjoni skond l-Artikolu 26(5) tan-Norma Foral nru 24/1996. L-anqas ma vverifikat jekk l-awtoritajiet ta’ Álava kinux taw l-awtorizzazzjoni prevista mill-istess dispożizzjoni.

195    Barra minn dan, waqt il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-partijiet fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 spjegaw, mingħajr ma kienu kontradetti mill-Kummissjoni dwar dan il-punt, li, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Demesa ma setgħetx tibbenefika aktar mit-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa prevista mill-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996. Huma jagħmlu riferenza, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 25 tar-Regolament dwar it-tassazzjoni tal-kumpanniji (Reglamento del Impuesto sobre Sociedades) li jipprovdi li impriża li trid tibbenefika mit-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa trid tissottometti applikazzjoni f’terminu ta’ tliet xhur li jibda’ jiddekorri minn meta tibda’ l-attività tagħha.

196    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ fatt meta, fid-deċiżjoni kkontestata, kkonstatat li Demesa kienet ingħatat it-tnaqqis tal-bażi ta’ taxxa previst mill-Artikolu 26 tan-Norma Foral nru 24/1996.

197    Konsegwentement, fil-kawzi T 127/99 u T 148/99, l-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat. Fl-istess kawżi, jeħtieġ li jkun annullat ukoll l-Artikolu 2(a)(b) tad-deċiżjoni kkontestata safejn dan jordna lir-Renju ta’ Spanja sabiex tirkupra mill-kumpannija benefiċjarja l-vantaġġi li jirriżultaw mill-għajnuna allegata fl-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq is-sitt parti, li tallega n-nuqqas ta’ distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri kif ukoll in-nuqqas ta’ raġunijiet fil-każ ta’ dawn il-punti

198    Din il-parti tal-motiv kienet mressqa fil-kawża T 148/99 kif ukoll, moħbija bħala allegazzjoni ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat, fil-kawża T-127/99.

199    Ir-rikorrent fil-kawża T-148/99 jissottometti li miżura li ma tikkawżax distorsjoni fil-kompetizzjoni b’mod reali u sinjifikanti ma tikkostitwixxix għajnuna mogħtija mill-Istat ipprojbita mill-Artikolu 92(1) tat-Trattat. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti (sentenzi tal-Qorti tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il-Kummissjoni, 47/69, Ġabra p 487, punt 16; Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 142 aktar ’il fuq, punt 18, u t-2 ta’ Frar 1988, 67/85, 68/85 u 70/85, Van der Kooy et, Ġabra p 219, punt 58), għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-regola de minimis għall-għajnuna mill-Istat (ĠU 1996, C 68, p 9) u għall-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni “Spjega tar-Regoli applikabbli lil għajnuna mill-Istat: il-pożizzjoni f’Diċembru 1996”, Dritt tal-Kompetizzjoni fil-Komunitajiet Ewropej, Volum II B. Il-Kummissjoni ma tidhirx li eżaminat sew jekk il-miżuri li minnhom ibbenefikat id-Demesa kinux wasslu għal distorsjoni sinjifikanti fil-kompetizzjoni li kellu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri fis-sens ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Ir-rikorrent fil-kawża T 127/99 jikkunsidra li l-Kummissjoni naqset li tagħmel eżami konkret fuq l-effetti tal-miżuri kkontestati fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri.

200    Ir-rikorrenti fil-kawżi T-127/99 u T-148/99 isostnu li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed fuq dawn il-punti.

201    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, hija biss dik l-għajnuna mogħtija mill-Istat li “tolqot il-kummerċ bejn l-Istati membri” u li twassal għal “distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni” li hija inkompatibbli mas-suq komuni. Għalkemm, f’ċerti każijiet, il-fatt li għajnuna hija kapaċi li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati membri u li tikkawża jew li thedded li tikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni jista’ joħroġ miċ-ċirkustanzi stess li fihom ingħatat l-għajnuna, il-Kummissjoni hija xorta obbligata li almenu ssemmi dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C 15/98 u C 105/99, Ġabra p I 8855, punt 66, u r-riferenzi ċċitati hemmhekk).

202    Fil-punt V.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega għaliex hija tikkunsidra li l-għajnuna li rċeviet Demesa għandha effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri. Hija ssostni, l-ewwel nett, li skond il-pjan tan-negozju ta’ Demesa, din il-kumpannija għandha tipproduċi 600 000 fridge/freezer kombinati fis-sena (ara l-ewwel paragrafu ta’ punt V.1). Hija tispjega li s-suq fil-fridges u fil-freezers huwa saturat fl-Ewropa tal-punent (ir-raba’ paragrafu, punto V.1, tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-każ tal-fridges, huwa stmat li fl-1997, kien hemm kapaċità produttiva żejda ta’ madwar 5 000 000 unità (is-sitt paragrafu ta’ punt V.1). Fid-dawl tal-fatt li d-Demesa “ser ikollha, l-aktar tard sal-1999, kapaċità produttiva annwali ta’ 600 000 unità, li minnhom 30 % se jinbiegħu fuq is-suq Spanjol u 70 % fuq swieq oħra (prinċipalment Franza u r-Renju Unit)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-ewwel paragrafu ta’ punt V.1 tad-deċiżjoni kkontestata), u li “jeżisti kummerċ kbir intra-komunitarju”, il-Kummissjoni tikkonkludi li “kull miżura ta’ għajnuna neċessarjament ikollha effett fuq il-kummerċ intra-komunitarju u fuq il-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-aħħar paragrafu ta’ punt V.1 tad-deċiżjoni kkontestata).

203    Konsegwentement id-deċiżjoni kkontestata tesponi b’mod adegwat ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri kkontestati jwasslu għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u għandhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri. Għaldaqstant, din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat.

204    F’dak li jirrigwarda l-validità ta’ l-istima tal-Kummissjoni li l-għajnuna li rċeviet Demesa twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni u għandhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, għandu jkun imfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs. Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p 2671, punti 11 u 12; tat-13 ta’ Marzu 1985, L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, u Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 162 aktar ’il fuq, punti 47 sa 48; sentenza Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 50 aktar ’il fuq, punti 48 sa 50), kull għajnuna mogħtija lill-impriża li twettaq l-attivitajiet tagħha fis-suq komunitarju tista’ twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni u jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri.

205    Diġà kien ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet intitolata li tikkonkludi li Demesa bbenefikat minn elementi differenti ta’ għajnuna mill-Istat. Barra minn dan, ma kienx ikkontestat li, fil-pjan tan-negozju, Demesa għandha l-għan li tipproduċi 600 000 fridge/freezer kombinati kull sena. L-anqas ma huwa kkontestat li produtturi oħra ta’ fridges u ta’ freezers huma attivi fis-suq komunitarju u li, skond il-pjan tan-negozju ta’ Demesa, hija ser tesporta l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tagħha lil Stati membri oħra, b’mod partikolari Franza u r-Renju Unit.

206    Barra minn dan, il-pjan tan-negozju ta’ Demesa jenfasizza l-eżistenza ta’ “suq intern b’kapaċità żejda”.

207    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-għajnuna mogħtija lil Demesa “tolqot il-kummerċ bejn l-Istati membri” u “twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni” skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

208    Anki jekk fil-pubblikazzjoni tagħha “Spjega tar-Regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat”, iċċitat fil-punt 119 aktar ’il fuq, il-Kummissjoni ammettiet li “l-għajnuna għandu jkollha impatt sinjifikanti fuq il-kompetizzjoni” sabiex taqa’ taħt l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, il-fatt jibqa’ li l-Kummissjoni, b’riferenza għall-komunikazzjoni tagħha dwar l-għajnuna de minimis, iċċitata fil-punt 199 aktar ’il fuq, iffissat EUR 100 000 bħala l-livell massimu ta’ għajnuna, livell li ġie ċarament maqbuż f’dan il-każ (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C 156/98, Ġabra p I 6857, punti 39 sa 41.

209    F’dak li jirrigwarda l-argument sottomess mir-rikorrenti fil-kawżi T-127/99 u T-148/99 li l-kompetizzjoni tiġi msaħħa bil-wasla ta’ produttur ġdid ta’ fridge/freezers fis-suq Spanjol, għandu jiġi nnotat li l-ħolqien ta’ impriża ġdida dejjem ikollu effett fuq l-istruttura kompetittiva. Madanakollu, fil-każ preżenti, l-għotja ta’ diversi tipi ta’ għajnuna mill-awtoritajiet Baski lil operatur ġdid hija ta’ natura li tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

210    Matul il-proċedura bil-miktub, ir-rikorrenti fil-kawża T 148/99 spjegat li l-produzzjoni tagħha hija fil-biċċa l-kbira tagħha intiża għal pajjiżi terzi, jiġifieri l-Afrika tat-Tramuntana u l-pajjiżi għarab. Għaldaqstant, il-vantaġġi li ngħatawlu ma kinux tali li jkollhom effett fuq il-kummerċ u li jwasslu għal distorsjoni tas-suq komunitarju.

211    Madanakollu, mill-pjan tan-negozju ta’ Settembru 1996 ta’ Demesa, joħroġ li, dak iż-żmien, kien previst li l-impriża kellha tesporta 60 % sa 65 % tal-produzzjoni tagħha, b’mod partikolari lejn Franza u r-Renju Unit. Fis-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża T-148/99 spjegat li l-esportazzjonijiet kienu żviluppaw b’mod differenti milli kien previst fil-bidu fil-pjan tan-negozju.

212    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att komunitarju trid tiġi evalwata abbażi ta’ l-elementi tal-fatt u tad-dritt li kienu jeżistu meta l-att ġie adottat (sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 126, punt 86).

213    Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kwalunkwè intervent minn Demesa matul il-proċedura amministrattiva, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet raġjonevolment tibbaża ruħha fuq il-pjan tan-negozju ta’ Demesa sabiex tevalwa l-effetti ta’ l-għajnuna mogħtija lil Demesa fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri u fuq il-kompetizzjoni.

214    F’kull każ, ir-rikorrenti fil-kawża T-148/99 ma tikkontestax il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tiegħu tinbiegħ fis-suq Spanjol. Waqt is-seduta, hija tat l-figura ta’ 50 sa 60 %. Madanakollu, peress li l-importazzjonijiet tal-fridges/freezers jirrappreżentaw 30 % tas-suq Spanjol (skond il-pjan tan-negozju ta’ Demesa), il-produzzjoni ta’ Demesa, bil-fors, kellha effett fuq il-possibbiltajiet ta’ l-impriżi kompetituri stabbilit fi Stati membri oħra li jesportaw il-prodotti tagħhom lis-suq Spanjol. Barra minn dan, anki jekk il-biċċa kbira tal-prodotti ta’ Demesa hija intiża għall-pajjiżi terzi, Demesa hija xorta f’kompetizzjoni diretta ma’ kumpanniji stabbiliti fil-Komunità f’dak li jirrigwarda l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

215    Il-vantaġġi li kienu mogħtija lil Demesa huma għalhekk ta’ natura li jolqtu l-kummerċ u li jwasslu għal distorsjoni fil-kompetizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 1988, Exécutif régional Wallon vs Il-Kummissjoni, 62/87 u 72/87, Ġabra p. 1573, punt 13; tat-13 ta’ Lulju 1988, Franza vs Il-Kummissjoni, 102/87, Ġabra p 4067, punt 19, u l-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 162, punt 47

216    Ir-rikorrenti fil-kawża T 148/99 tikkritika wkoll il-fatt li l-Kummissjoni eżaminat l-effetti tal-miżuri kkontestati billi bbażat ruħha biss fuq informazzjoni li ngħatat lilha minn min kien ressaq l-ilment matul il-proċedura amministrattiva. Abbażi ta’ dik id-data, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat, li kien hemm kapaċità żejda fis-suq Spanjol tal-fridges. B’riferenza għal rapport ta’ l-1 ta’ Lulju 1998 ta’ Master Cadena, ir-rikorrenti fil-kawża T 148/99 tissottometti li s-suq huwa fil-fatt f’fażi ta’ espansjoni, li ġiet eżatti wara kriżi ġenerali tas-suq fl-appliances domestiċi.

217    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni fetħet inkjesta wara li rċeviet numru ta’ lmenti dwar l-għajnuna li ngħatat lil Demesa. Peress li kellha dubji serji dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista mill-Artikolu 93(2) tat-Trattat bil-għan li takkwista l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjoni finali dwar dan il-fajl. Demesa, li ma ħassitx li kien neċessarju li tissottometti osservazzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva, ma tistax tikkritika l-Kummissjoni għaliex ħadet bħala bażi għad-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni li kienet tinstab f’dawk l-ilmenti, informazzjoni li ma kinitx kontradetta mill-informazzjoni miġbura wara d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 93(2) tat-Trattat.

218    F’dak li jirrigwarda r-rapport ta’ Master Cadena, għandu jkun osservat li fih biss ċifri dwar bejgħ li jikkonċerna lil Spanja u ma fihx informazzjoni dwar il-kapaċità ta’ produzzjoni. Għandu jkun ukoll osservat li l-pjan ta’ negozju ta’ Demesa jsemmi bħala “punt debboli” l-eżistenza ta’ “suq intern bi provvista eċċessiva”.

219    Madanakollu, anki kieku r-rapport ta’ Master Cadena kellu juri li mhemmx provvista eċċessiva fis-suq li fih topera Demesa – li mhux il-każ -, dan ma jkollux effett fuq il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-għajnuna, li minnha bbenefikat Demesa, għandha effett fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jkun imfakkar li, f’suq kompetittiv, għajnuna sinjifikanti, bħal ma hu l-każ fil-każ preżenti, mogħtija lil impriża bl-għan li tippermettilha tibda’ l-produzzjoni ta’ ċertu prodott fi Stat membru, għandha bħala konsegwenza li jonqsu l-possibbiltajiet li impriżi stabbiliti fi Stati membri oħra jesportaw il-prodotti tagħhom lejn dak l-Istat membru. Għajnuna bħal din tista’ għalhekk tolqot il-kummerċ bejn l-Istati membri li jwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Exécutif Régional Wallon vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 13; tat-13 ta’ Lulju 1988, Franza vs Il-Kummisjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 215, punt 19,u L-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 162, punt 47).

220    Ir-rikorrenti f’kawżi T 127/99 u T 148/99 isostnu li Demesa hi l-unika impriża li tiddedika ruħha biss għall-manifattura ta’ fridges “no frost”. Il-Kummissjoni kellha tieħu dan il-fatt in kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti fil-kawża T 129/99 jsostnu li s-suq tal-freezers hu distint minn dak tal-fridges.

221    Anki kieku s-suq tal-freezers huwa distint minn dak tal-fridges u kieku Demesa tiddedika ruħha biss għall-manifattura tal-fridges “no frost”, ir-rikorrenti ma jispjegawx kif dawn il-fatti jistgħu jkunu ta’ natura li jpoġġu in diskussjoni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-għajnuna mogħtija lil Demesa tolqot il-kummerċ bejn l-Istati membru u jwasslu f’distorsjoni għall-kompetizzjoni. Dan l-argument għalhekk għandu jiġi miċħud.

222    Ir-rikorrenti fil-kawża T 148/99 issostni li l-Kummissjoni ħalliet barra għal kollox l-eżami tas-suq minn perspettiva vertikali. Il-Kummissjoni la eżaminat l-effetti li l-miżuri kkontestati kellhom fuq fornituri u subkuntratturi u l-anqas l-effett li dawn il-miżuri kellhom fuq konsumaturi ta’ appliances domestiċi

223    Madanakollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-verifika tal-konformità ta’ għajnuna mill-Istat mat-Trattat ma timplikax l-evalwazzjoni tar-raġunijiet li jistgħu eventwalment jiġġustifikaw eżenzjoni individwali ta’ akkordji, deċiżjonijiet jew prattiċi anti-kompetittivi skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat KE (li issa sar l-Artikolu 81(3) KE). Peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet, skond il-liġi, li l-għajnuna mogħtija lil Demesa twassal jew tista’ twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni (orizzontali) skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat u li l-miżuri ta’ għajnuna in kwistjoni huma ta’ natura li jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati membri, dawn huma, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, inkompatibbli mas-suq komuni.

224    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 isostnu li sabiex tevalwa l-effetti tal-miżura kkontestata, il-Kummissjoni kellha teżamina kif is-suq kien irreaġixxa għad-daħla ta’ Demesa fih u mhux kif is-suq kien jaħdem qabel.

225    Anki dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kieku fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet obbligata turi l-effett reali ta’ għajnuna diġà mogħtija, kieku jiġu ffavoriti dawk l-Istati membri li jagħtu għajnuna bi ksur ta’ l-obbligu ta’ notifika fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat għad-detriment ta’ dawk li jinnotifikaw għajnuna li tkun għadha fil-fażi ta’ l-ippjanar (sentenza tal-Qorti ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C 301/87, Ġabra p I 307, punt 33). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kenitx obbligata li tipproċedi sabiex tagħmel evalwazzjoni aġġornata tal-konsegwenzi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ta’ għajnuna li kienet implementata mingħajr ma qabel ġiet notifikata (sentenzi ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata akar ’il fuq, punt 33, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq fil-punt 162, punt 48).

226    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li anki l-aħħar parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

II –  Fuq it-tieni motiv, bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali

227    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda s-sussidju li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti fil-kawżi T 129/99 u T 148/99 isostnu li d-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996, li awtorizzat l-iskema ġenerali ta’ għajnuna Ekimen hekk kif kienet innotifikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, jiġifieri fit-termini tad-digriet ippubblikat fil-Boletin Oficial del País Vasco, tirrappreżenta garanzija partikolari tal-kompatibbiltà ta’ kull sussidju mogħti fil-kuntest ta’ din is-sistema mas-suq komuni. Ir-rikorrenti jinsistu fuq il-fatt li l-Kummissjoni approvat l-iskema Ekimen ftit biss qabel ma Demesa stabbilixxiet ruħha fit-territorju ta’ Álava

228    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li meta l-Kummissjoni teżamina għajnuna individwali, li suppost ingħatat abbażi ta’ skema li diġà ġiet awtorizzata, hija ma tistax teżaminaha direttament fid-dawl tat-Trattat. Qabel il-bidu ta’ kwalunkwè proċedura, hija għandha tistabbilixxi jekk l-għajnuna tidħolx fl-iskema ġenerali u jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet iffissati mid-deċiżjoni ta’ l-approvazzjoni ta’ tali skema. Kieku ma timxix b’dan il-mod, waqt l-eżami ta’ kull għajnuna individwali, il-Kummissjoni tkun tista’ tbiddel id-deċiżjoni tagħha ta’ approvazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, li kienet diġà ġiet eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 92 tat-Trattat. F’każ bħal dan, il-prinċipji tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali jiġu mhedda kemm fil-każ ta’ l-Istati membru kif ukoll fil-kaz ta’ l-operaturi ekonomiċi għaliex għajnuna individwali li tkkonforma strettament mad-deċiżjoni ta’ l-approvazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna tista’ terġa’ titpoġġa in diskussjoni mill-Kummissjoni fi kwalunkwè mument.

229    Madanakollu, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-għajnuna individwali mogħtija lil Demesa abbażi ta’ l-iskema Ekimen ma taqax kompletament taħt id-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 1996, li tapprova din is-sistema ġenerali ta’ għajnuna (ara, aktar ‘il fuq, il-punt 127). F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija setgħet tikkunsidra, mingħajr ma tmur kontra l-prinċipji tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, li s-sussidju mogħti abbażi ta’ l-iskema Ekimen kien jikkostitwixxi għajnuna ġdida safejn dan kien jaqbeż il-limitu ffissat mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tagħha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq fil-punt 228, punt 26).

230    Ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li d-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996 li tapprova l-iskema Ekimen u d-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-Digriet Ekimen. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tad-Digriet li saret mill-Kummissjoni fiż-żewġ deċiżjonijiet hija kompatibbli kemm mat-test kif ukoll ma’ l-ispirtu tad-Digriet (ara, aktar ‘il fuq, il-punti 118 sa 124).

231    Fl-aħħar nett, għandu jkun osservat li r-rikorrenti ma jressqu ebda element ta’ natura li juri li l-Kummissjoni tathom assigurazzjonijiet preċiżi li setgħu wassluhom sabiex ikollhom aspettattivi raġjonevoli li l-element ta’ għajnuna, li ma kienx kopert mid-deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 1996 li approvat l-iskema Ekimen, kien kompatibbli mas-suq komuni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Marzu 1998, Preussag Stahl vs Il-Kummissjoni, T 129/96, Ġabra p II 609, punt 78).

232    Għaldaqstant, jirriżulta minn dak li jippreċedi li l-ewwel argument għandu jiġi miċħud.

233    It-tieni nett, fil-każ tal-kreditu fiskali, ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 jispjegaw li fl-10 ta’ Mejju 1993, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni 93/337/KEE dwar skema ta’ għajnuna fiskali għall-investimenti fil-Pajjiż Bask (ĠU L 134, p 25), u b’mod partikolari, in-Norma Foral nru 28/1988, fejn hi ddikjarat li ċerti vantaġġi fiskali previsti mill-istess Norma Foral, b’mod partikolari kreditu fiskali għall-investimenti magħmula, jikkostitwixxu għajnuna li mhijiex kompatibbli mas-suq komuni għaliex imorru kontra l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi sar l-Artikolu 43 KE). Id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex il-leġiżlazzjoni reġjonali tkun adattata għad-Deċiżjoni 93/337 kienu adottati u, b’ittra tat-3 ta’ Frar 1995, il-Kummissjoni nnotifikat uffiċjalment lill-awtoritajiet Spanjoli bil-qbil tagħha mas-soluzzjoni adottata. Peress li l-inkompatibbiltà kienet ġiet eliminata, kemm l-awtoritajiet Spanjoli kif ukoll il-Kummissjoni nnifisha kienu kkunsidraw il-problema marbuta ma’ din l-għajnuna mill-Istat bħala magħluqa. Ir-rikorrenti hawn fuq imsemmija jsostnu li, għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qatt ma fetħet proċeduri dwar għajnuna mill-Istat jew ressqet oġġezzjonijiet kontra miżuri fiskali simili adottati sussegwentement. Konsegwentement, skond l-istess rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja nisslet aspettattiva leġittima fil-każ ta’ Demesa kif ukoll fil-każ ta’ l-operaturi kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, li l-miżuri fiskali adottati mid-Diputación Foral de Álava kienu awtorizzati mill-Kummissjoni sakemm dawn li ma kinux jinvolvu ksur ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat.

234    Madanakollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, anki jekk l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 1995 kellha tkun interpretata fis-sens li tfisser li n-Norma Foral nru 28/1988 minn dak iż-żmien kienet kompatibbli mas-suq komuni, il-kreditu fiskali, li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata ma ġiex introdott minn din in-Norma Foral u, għaldaqstant, la huwa kopert mid-deċiżjoni nru 93/337 u lanqas mill-ittra tat-3 ta’ Frar 1995. Fil-fatt, il-kreditu fiskali kkonċernat, twaqqaf mid-deċiżjoni min-Norma Foral nru 22/1994. Dan il-kreditu fiskali jikkostitwixxi għalhekk għajnuna ġdida li kellha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Namur-Les assurances du crédit, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 173, punt 13).

235    Mhemmx kontestazzjoni dwar il-fatt li l-kreditu fiskali, li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, kien imwaqqaf mingħajr ma ġie nnotifikat qabel, kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat

236    Dawn il-konstatazzjonijiet huma bażi suffiċjenti sabiex jiġi rrifjutat l-argument preżenti. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rikonoxximent ta’ aspettattiva leġittima jippresupponi, bħala prinċipju, li l-għajnuna kienet mogħtija skond l-Artikolu 93 tat-Trattat, ħaġa li ma saritx fil-każ preżenti. Fil-fatt, huwa kkunsidrat li operatur ekonomiku u awtorità reġjonali, għandhom normalment ikunu jistgħu jassiguraw li din il-proċedura ġiet osservata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C 5/89, Ġabra p I 3437, punt 17; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Kummissjoni, T 126/96 u T 127/96, Ġabra p II 3437, punt 69).

237    Għall-finijiet ta’ kompletezza, jeħtieġ li jkun ukoll ikkonstatat li r-rikorrenti, li ressqu dan l-argument, qraw ħażin id-Deċiżjoni 93/337. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkaratterizzat l-għajnuna in kwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni mhux biss għaliex kienet tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat, iżda wkoll għaliex ma kinitx tirrispetta r-regoli differenti li jikkonċernaw l-għajnuna, bħar-regoli dwar l-għajnuna reġjonali, ir-regoli dwar l-għajnuna settorjali, ir-regoli dwar l-għajnuna lill-SMEs kif ukoll id-dispożizzjonijiet komunitarji li jikkonċernaw il-kumulu ta’ għajnuna differenti (punt V tad-deċiżjoni 93/337). F’dak li jirrigwarda l-ittra tat-3 ta’ Frar 1995, għandu jiġi nnotat li fiha l-Kummissjoni tikkonstata biss li l-iskema fiskali in kwistjoni m’għadiex tikser id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat mingħajr ma tippronunċa ruħha fuq jekk l-istess skema tirrispettax r-regoli differenti dwar għajnuna msemmija fid-Deċiżjoni 93/337.

238    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx nisslet fir-rikorrenti aspettattiva leġittima li l-kreditu fiskali, stabbilit min-Norma Foral nru 22/1994 kien ser ikun meqjus kompatibbli mas-suq komuni anki fil-każ li kellu jiġi stabbilit li kien simili mal-kreditu fiskali introdott mill-miżura fiskali, li kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 93/337 u ta’ l-ittra tagħha tat-3 ta’ Frar 1995.

239    Għaldaqstant, l-anqas it-tieni motiv ma jista’ jiġi milqugħ.

III –  Fuq it-tielet talba, li tikkonċerna ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat

240    Ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99, T 129/99 u T 148/99 isostnu li l-evalwazzjoni tal-miżuri differenti, li hemm riferenza għalihom fid-deċiżjoni kkontestata, abbażi ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, ma kinitx motivata b’mod adegwat.

241    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 190 tat-Trattat għandha tkun adattata għan-natura tal-miżura in kwistjoni u trid turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni li adottat dik il-miżura b’mod li tippermetti lil kull min hu interessat li jkun jaf il-ġustifikazzjonijiet għal miżura li ttieħdet sabiex ikun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu u li tippermetti lil Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Barra minn dan, mill-ġurisprudenza, jirriżulta li mhuwiex neċessarju li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt, għaliex il-verifika dwar jekk il-motivazzjoni ta’ miżura tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat, trid issir mhux biss b’rigward għall-kliem użati iżda wkoll b’rigward għall-kuntest kif ukoll ir-regoli legali kollha li japplikaw għas-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C 56/93, Ġabra p I 723, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

242    Meta applikat fil-każ tal-karatterizzazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna, in-neċessità ta’ motivazzjoni timplika li għandhom ikunu indikati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura in kwistjoni taqa’ fl-iskop ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar il fuq fil-punt 50, punt 64; tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T 16/96, Ġabra p II 757, punt 66, u CETM vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 144, fil-punt 59).

243    L-ewwel nett, ir-rikorrenti f’kawżi T‑129/99 u T‑148/99 isostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix definizzjoni tas-suq ikkonċernat mill-għajnuna, li allegatament kienet mogħtija mill-Istat lil Demesa. Id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax jekk is-suq ikkonċernat huwiex dak ta’ l-appliances domestiċi, b’mod ġenerali, dak tal-white goods, dak tal-fridges jew suq ieħor. Ir-rikorrenti fil-każ T‑148/99 iżżid li d-definizzjoni tas-suq ikkonċernat hija kundizzjoni indispensabbli sabiex jiġi evalwat l-effett li miżura, li tista’ tkun ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, jista’ jkollha fuq il-kompetizzjoni.

244    Ir-rikorrenti fil-kawżi T 127/99 u T 148/99 jistqarru li Demesa hija l-unika impriża li tiddedika ruħha esklużivament għall-manifattura ta’ fridges “no frost”. Madanakollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix każ ta’ dan il-fatt. Ir-rikorrenti fil-kawża T 129/99 isostnu li s-suq tal-freezers huwa distint minn dak tal-fridges.

245    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, mir-raġunijiet imsemmija tad-deċiżjoni kkontestata (punt V.1), jirriżulta li l-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq tal-fridges u tal-freezers fl-Ewropa bħala s-suq rilevanti. Dan hu suq wieħed minħabba t-“tendenza li fridges u freezers separati jiġu sostitwiti minn appliance kombinat (fridge/freezer)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ir-raba’ paragrafu ta’ punt V.1). Punt V.1 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi deskrizzjoni dettaljata tas-suq ikkonċernat u għaldaqstant tissodisfa r-rekwiżiti mniżżla fl-Artikolu 190 tat-Trattat.

246    It-tieni nett, ir-rikorrent fil-kawża T 127/99 isostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi l-elementi li wassluha sabiex tikkunsidra l-miżuri fiskali li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 1(d) u (e) bħala selettivi. Id-deċiżjoni kkontestata ma tispeċifikax jekk hijiex it-totalità ta’ l-elementi li kienu enfasizzati fil-każ tal-mekkaniżmu tal-kreditu fiskali u tat-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa rispettivament, li tikkontribwixxi sabiex tagħti lil dawn il-miżuri karattru selettiv jew jekk huwiex wieħed biss minn dawn l-elementi li huwa biżżejjed sabiex twassal għall-kwalifika bħala għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

247    Dan l-argument għandu jiġi wkoll miċħud. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta (it-tnax sat-tmintax-il paragrafu ta’ punt V.2.4.1, u s-sittax u s-sbatax-il paragrafu ta’ punt V.2.4.2) li l-eżistenza ta’ elementi li jikkaratterizzaw s-selettività tal-miżura huwa biżżejjed sabiex tipprekludi l-klassifikazzjoni bħala miżura ġenerali.

248    It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-kawżi T-127/99 u T-148/99 isostnu li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-miżuri fiskali kkontestati m’humiex ġġustifikati min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema m’humiex suffiċjentement immotivati. Fil-fatt, il-Kummissjoni m’għamlitx eżami ta’ din il-kwistjoni.

249    F’dan ir-rigward, fit-tmintax-il paragrafu ta’ punt V.2.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata kif il-Kummissjoni tispjega li, meta miżura fiskali għandha għan ta’ politika industrijali, tali miżura ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkonforma man-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali kkonċernata. Għaldaqstant, il-motivazzjonijiet tad-deċiżjoni kienu jippermettu lir-rikorrenti jifhmu għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri fiskali, li saret riferenza għalihom fid-deċiżjoni kkontestata, ma kinux iġġustifikati min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema fiskali in kwistjoni.

250    Barra minn dan, kif il-Kummissjoni tenfasizza, ġustifikazzjoni li tikkonċerna n-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali in kwistjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni mill-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat u, konsegwentement, għandha tkun interpreta b’mod restrittiv. Peress li, matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Spanjoli ma qajmu ebda argument dwar il-konformità tal-miżuri kkontestati mal-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema fiskali kkonċernata, il-Kummissjoni l-anqas ma kienet obbligata li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha fuq dan il-punt (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz Jarabo Colomer dwar is-sentenza mogħtija fid-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar ’il fuq fil-punt 164, punt 27).

251    Għaldaqstant, anki dan l-argument għandu jinċaħad.

252    Minn dak li jippreċedi, jirriżulta li l-anqas it-tielet motiv ma jista’ jintlaqa’.

IV –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

253    Ir-rikorrenti fil-kawża T 148/99 tissottometti li anki jekk proċedura skond l-Artikolu 93(2) mhijiex proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, hija tista’ xorta tinvolvi konsegwenzi ekonomiċi dannużi għall-impriżi benefiċjarji kkonċernati. Filwaqt li rreferiet għall-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffman La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p 461, u tad-29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il-Kummissjoni, C 135/92, Ġabra p I 2885; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Lisrestal et vs Il-Kummissjoni, T 450/93, Ġabra p II 1177, u tad-19 ta’ Ġunju 1997, Air Inter vs Il-Kummissjoni, T 260/94, Ġabra p II 997), hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tinnotifikha bil-ftuħ tal-proċedura skond l-Artikolu 93(2) tat-Trattat u li matul il-proċedura, il-Kummissjoni kellha tagħtiha terminu sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fil-ħin dwar il-verità tal-fatti li ttieħdu in kunsiderazzjoni u ċ-ċirkustanzi invokati kif ukoll id-dokumenti li l-istess Kummissjoni rreferiet għalihom sabiex tibbaża u ssostni l-argumenti tagħha dwar ksur tad-dritt komunitarju. Hija tisħaq li kellha wkoll tingħata smigħ speċjali.

254    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-proċedura amministrattiva li tikkonċerna għajnuna mill-Istat, tinfetaħ biss kontra l-Istat membru kkonċernat. Fil-każ preżenti, Spanja hija d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u l-fatt li d-drittijiet tagħha tad-difiża kienu rispettati matul il-proċedura amministrattiva mhuwiex ikkontestat

255    Il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, bħal ma hija r-rikorrenti fil-kawża T 148/99, hija kkunsidrata biss bħala interessat skond l-Artikolu 93(2) tat-Trattat fi proċedura amministrattiva li tirrigwarda għajnuna mill-Istat. Peró l-interessati m’humiex it-titolari tad-dritt invokat fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, l-interessati, li ma jistgħux igawdu d-drittijiet tad-difiża li għandhom dawk li tinfetaħ proċedura fil-konfront tagħhom, jiddisponu biss mid-dritt li jkunu involuti fil-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et u British Midland Airways vs Il-Kummissjoni, T 371/94 u T 394/94, Ġabra pg II 2405, punti 60 u 61). F’dan ir-rigward, skond l-Artikolu 93(2) tat-Trattat, huma għandhom id-dritt li jissottomettu osservazzjonijiet matul il-fażi ta’ l-eżami prevista minn din id-dispożizzjoni.

256    Mhemmx kontestazzjoni dwar il-fatt li, permezz ta’ żewġ komunikazzjonijiet li kienu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali (ara, aktar ’il fuq, punti 25 u 27), il-Kummissjoni stiednet lill-interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri li hemm riferenza għalihom fid-deċiżjoni kkontestata.

257    Minkejja li r-rikorrenti fil-kawża T-148/99 ma rreaġixxietx għal dawn ik-komunikazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, bħal kull parti oħra interessata, hija kienet mistiedna sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti fil-kawża T 148/99, li joħorġu mill-Artikolu 93(2) tat-Trattat, kienu għalhekk rispettati.

258    Ir-rikorrenti fil-kawża T 129/99 jallegaw ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża li joħroġ mill-fatt li matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma kienet għamlet ebda referenza għal fatt li seta’ kien hemm nuqqas ta’ osservanza ma’ l-Artikolu 7(d) tad-Digriet.

259    Ta’ min ifakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li skond l-Artikolu 7(d) tad-Digriet Ekimen, it-tagħmir li kien ċedut minn Demesa lil terzi, ma setax jibbenefika minn sussidji mogħtija taħt dan id-Digriet (l-aħħar paragrafu ta’ punt V.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

260    Peress li kien diġà kkonstatat li l-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat f’dak li jeskludi dan it-tagħmir mill-ispejjeż ammissibbli skond l-iskema ta’ għajnuna Ekimen (ara aktar ’il fuq, punt 138), dan il-kumment huwa irrilevanti.

261     Minn dak li jippreċedi, jirriżulta li r-raba’ motiv mhuwiex fondat.

V –   Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispozzjonijiet ta’ l-Artikolu 93(2) tat-Trattat

262    L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-kawża T 129/99 isostnu li l-Kummissjoni kellha tort meta rrifjutat li tikkunsidra l-elementi, li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(a) sa (c) tad-deċiżjoni kkontestata bħala għajnuna reġjonali skond l-Artikolu 92(3)(c) tat-Trattat. Għal dan il-għan, huma jenfasizzaw li l-intensità massima ta’ l-għajnuna permessa fil-Pajjiż Bask hija ekwivalenti għal 25 % NGE (it-tielet paragrafu ta’ punt II.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Is-sussidju li jikkorrispondi ma’ 25 % GGE li ngħata lil Demesa jirrappreżenta intensità ta’ 18.76 % GGE (is-sitt paragrafu ta’ punt II.4 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għotja ta’ sussidju ta’ 20 % GGE li l-Kummissjoni ppermettiet li jsir mill-Iskema Ekimen huwa ekwivalenti għal għotja ta’ 15 % NGE, b’mod li, skond l-Artikolu 92(3) tat-Trattat, kellha tkun awtorizzata għotja addizzjonali ta’ 10 % NGE.

263    Għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li “Vitoria Gasteiz qiedgħa f’reġjun li jista’ jibbenefika minn għajnuna ta’ karattru reġjonali skond [l-Artikolu 92(3)(c) tat-Trattat]. L-intensità massima ta’ għajnuna fil-Pajjiż Bask hija ta’ 25 % NGE (35 % fil-każ ta’ SMEs)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (it-tieni paragrafu fil-paġna 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

264    Madanakollu, il-limitu ta’ 25 % NGE iffissat mill-Kummissjoni għal Pajjiż Bask jimplika biss li l-Kummissjoni tkun mistennija li tieħu deċiżjoni favorevoli dwar l-għajnuna reġjonali tal-Pajjiż Bask li taqa’ fl-iskop ta’ l-Artikolu 92(3)(a) jew (c) tat-Trattat u li tirrispetta l-limitu massimu. Ma jfissirx li, bħala konsegwenza, kull għajnuna individwali mogħtija mill-Pajjiż Bask u li hija taħt dan il-limitu massimu hija awtomatikament kompatibbli mas-suq komuni.

265    Ta’ min jinnota li l-unika skema ta’ għajnuna reġjonali, li kienet approvata mill-Kummissjoni u li bbenefikat minnha Demesa fil-każ preżenti, hija s-sistema ta’ għajnuna stabbilita mid-Digriet Ekimen. Madanakollu, parti mis-sussidju li kien mogħti lil Demesa abbażi ta’ dan id-Digriet “huwa kkaratterizzat bħala għajnuna ġdida għaliex ma jaqax taħt sistema li ġiet approvata preċedentement” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (l-erbatax-il paragrafu ta’ punt V.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata). L-għajnuna l-oħra li hemm referenza għaliha fid-deċiżjoni kkontestata ma taqa’ taħt ebda skema ġenerali ta’ għajnuna reġjonali approvata mill-Kummissjoni.

266    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet iġġustikata meta fid-deċiżjoni kkonstestata ddeċidiet (it-tielet u r-raba’ paragrafi ta’ paġna 20), li l-għajnuna, li kellha teżamina sabiex tivverifika l-kompatibilità tagħha mas-suq komuni, għandha karattru ad hoc.

267    Madanakollu, il-fatt li għajnuna hija għajnuna ad hoc ma jeskludix li tali għajnuna tista’ titqies għajnuna reġjonali skond l-Artikolu 92(3) (a) jew (c) tat-Trattat (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C 278/92 sa C 280/92, Ġabra p I 4103, punto 49).

268    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-kawża T-129/99 ma jsostnux li l-għajnuna mogħtija lil Demesa kellha tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 92(3)(a) tat-Trattat. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tikkunsidra l-għajnuna in kwistjoni bħala għajnuna reġjonali li taqa’ fl-iskop ta’ l-Artikolu 92(3)(c) tat-Trattat

269    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għal diversi raġunijiet, l-għajnuna mogħtija lil Demesa ma setgħetx tkun ikkunsidrata bħala għajnuna reġjonali li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 92(3)(c) tat-Trattat. Qabel kollox, hija kkonstatat eċċess ta’ kapaċità produttiva f’livell komunitarju fis-suq tal-fridges/freezers li wassal għal ristrutturazzjonijiet li wassal għal tnaqqis fil-kapaċità jew għal trasferimenti mill-ġdid ta’ produzzjoni b’telf kbir ta’ postijiet ta’ xogħol fil-Komunità. Skond il-Kummissjoni, l-għajnuna mogħtija lil Demesa tikkontribwixxi għal deterjorament tas-sitwazzjoni (il-ħames paragrafu ta’ p 20 tad-deċiżjoni kkontestata). F’kuntest ekonomiku bħal dan, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li l-għajnuna kkonċernata la twassal għall-ħolqien nett ta’ postijiet tax-xogħol, fi Spanja u fil-Pajjiż Bask, u lanqas ma għandha benefiċċji oħra ta’ natura ekonomica (is-sitt paragrafu ta’ p 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni żżid li “[i]l-fatt li matul l-1998 kien osservat żvilupp favorevoli tad-domanda fis-suq komuni ma jbiddel bl-ebda mod il-fatt li s-settur għadu qiegħed jadatta ruħu għal kapacità produttiva żejda installata fil-Komunità permezz ta’ tnaqqis konsiderevoli fil-postijiet tax-xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (is-sitt paragrafu ta’ p 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tirreferi għat-tnaqqis ta’ 120 post tax-xogħol konness mal-manifattura ta’ fridges, mill-grupp MCC, li hu stabbilit fil-Pajjiż Bask, minħabba l-kundizzjonijiet xejn tajba tas-suq (is-sitt paragrafu ta’ p 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

270    Madanakollu, ir-rikorrenti fil-kawża T-129/99 jikkontestaw l-eżami magħmul mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt, li kien il-bażi għall-konklużjoni tagħha dwar l-inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna. Minn naħa, l-analiżi tas-settur ta’ l-appliances domestiċi Spanjol li kienet magħmula minn Master Cadena, l-iktar distributur importanti f’dan is-settur fi Spanja, turi li matul l-1997, is-suq f'durable consumer goods żdied b’5 % mill-1996. Is-suq f’white goods ukoll żdied b’5.1 % filwaqt li s-suq fi fridges/freezers żdied bi 3.8 %. Il-wasla ta’ Demesa fuq is-suq Spanjol setgħet għalhekk tkun assorbita bla diffikultà. Min-naħa l-oħra, serje ta’ data li nbagħtet lill-Kummissjoni dwar is-settur tal-fridges turi li, bejn l-1996 u l-1997, bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja u ta’ l-Awstrija, is-suq Ewropew kiber b’madwar 10 % fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, l-aktar fl-Olanda, fir-Renju Unit, fi Spanja u fin-Norveġja. It-tkabbir medju annwali tas-suq tal-fridges kien ta’ 1.7 %. Is-suq qiegħed jikber b’rata mgħaġġla fl-Iskandinavja u fl-Ewropa tal-Lvant. Bejn l-1995 u l-1997, il-produzzjoni tal-fridges fi Spanja żdiedet b’10 %.

271    Din l-informazzjoni hija konsistenti mad-data fornita minn Eurostat u tikkonferma li kien hemm żieda kbira fil-produzzjoni ta’ fridge-freezers kombinati fi Spanja. Barra minn dan, skond il-previżjonijiet tar-rivista “Consumer europé”, il-bejgħ tal-fridges żdied b’10 % bejn l-1996 u l-2001.

272    Abbażi ta’ dawn l-elementi differenti, ir-rikorrenti fil-kawża T-129/99 jikkonkludu li l-investiment ta’ Demesa huwa ta’ benefiċċju għall-Pajjiż Bask, li hu affaċċjat minn problemi strutturali serji fir-rigward ta’ l-impiegi u tal-kompetittività ta’ l-impriżi tiegħu, u li l-vantaġġi mogħtija lil din il-kumpannija m’għandhomx effett fuq il-kummerċ intra-komunitarju b’tali mod li jmorru kontra l-interess komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 92(3)(c) tat-Trattat. Għaldaqstant, skond din id-dispożizzjoni, l-għajnuna mogħtija lil Demesa għandha tkun iddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

273    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, peress li tinvolvi valutazzjoni ekonomika kumplessa, l-istħarriġ ġudizzjarju dwar deċiżjoni li tikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni għandu jkun limitat għall-verifika dwar jekk ir-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni kinux rispettati, jekk kienx hemm eżatezza materjali fil-każ tal-fatti li fuqhom kienet ibbazata d-deċiżjoni kkontestata, jekk kienx hemm xi żball evidenti fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u jekk kienx hemm xi abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex dritt tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik ta’ l-awtur tad-deċiżjoni (sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’l fuq fil-punt 241, punt 11; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T 380/94, Ġabra p II 2169, punt 56).

274    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni bbażat l-affermazzjonijiet li jinstabu fil-punt 269 aktar ’il fuq, fuq dokumenti li kienu identifikati fid-deċiżjoni kkontestata (punt V.1). Ir-rikorrenti ma jallegawx li l-Kummissjoni biddlet il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti.

275    Għandu wkoll jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-elementi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawża T 129/99 ma jikkontradixxi l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li s-suq tal-fridges/freezers fil-Komunità huwa kkaratterizzat minn kapaċità produttiva żejda. Minn naħa, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-kapaċità produttiva żejda tas-suq hija kkonfermata mill-pjan tan-negozju ta’ Demesa (ara, aktar ’il fuq, punt 218). Min-naħa l-oħra, konstatazzjoni li l-bejgħ fis-suq żdied ma timplikax neċessarjament li l-kapaċità produttiva żejda fl-Ewropa ġiet eliminata. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata wkoll li “[i]l-fatt li matul l-1998 kien osservat żvilupp favorevoli tad-domanda fis-suq komuni ma jbiddel bl-ebda mod il-fatt li s-settur għadu qiegħed jadatta ruħu għal kapacità produttiva żejda installata fil-Komunità, permezz ta’ tnaqqis konsiderevoli fil-postijiet tax-xogħol” (is-sitt paragrafu ta’ p 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

276    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li kien hemm tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol fis-suq ikkonċernat.

277    Għandu għalhekk jiġi konkluż li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża T-129/99 bl-ebda mod ma juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-għajnuna sinjifikanti li ngħatat lil Demesa meta stabbilit faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni fis-suq tal-fridges/freezers kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

278    Għaldaqstant, lanqas il-ħames motiv m’huwa fondat.

 Fuq it-talba għall-produzzjoni tad-dokumenti li jikkonċernaw id-deċiżjoni kkontestata

279    Ir-rikorrenti fil-kawżi T-127/99 u T-148/99 jitolbu sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi d-dokumenti interni tagħha dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-kawża T-129/99, ir-rikorrenti jitolbu l-komunikazzjoni tal-fajl amministrattiv kollu li jirreferi għad-deċiżjoni kkontestata.

280    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jagħtu ebda indikazzjoni li turi li d-dokumenti li jridu jaraw jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-argumentazzjoni tagħhom jew għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

281    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, it-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti għandhom jinċaħdu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq fil-punt 242, punti 102 sa 106).

 Fuq l-ispejjeż

282    Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. F’dan il-każ, peress li kull parti tilfet rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħha, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

283    Skond l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regolamenti tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      Fil-kawża T-129/99, ir-rikors huwa inammissibbli f’dak li hu intiż sabiex jottjeni l-annullament ta’ l-Artikolu 1(d) u (e) ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/718/KE dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat konċessa minn l-Ispanja lil Daewoo Electronics Manufacturing España SA (Demesa) ta’ l-24 ta’ Frar 1999;

2)      Fil-kawżi T-129/99 u T-148/99, l-Artikolu 1(a) ta’ Deċiżjoni 1999/718 huwa annullat;

3)      Fil-kawżi T-129/99 u T-148/99, l-Artikolu 1(b) ta’ Deċiżjoni 1999/718 huwa annullat;

4)      Fil-kawżi T-129/99 u T-148/99, l-Artikolu 1(c) ta’ Deċiżjoni 1999/718 huwa annullat safejn dan jeskludi mill-ispejjeż ammissibbli skond l-iskema ta’ għajnuna Ekimen it-tagħmir li kien stmat li jiswa’ EUR 1 803 036.31;

5)      Fil-kawżi T-129/99 u T-148/99, l-Artikolu 1(e) ta’ Deċiżjoni 1999/718 huwa annullat ;

6)      Fil-kawżi T 129/99 u T 148/99, l-Artikolu 2(1)(a) ta’ Deċiżjoni 1999/718 huwa annullat safejn dan jirreferi għall-Artikolu 1(a) u (b) ta’ dik id-Deċiżjoni u safejn dan jordna lir-Renju ta’ Spanja li jirkupra mingħand Demesa dik l-għajnuna li rċeviet li kienet taqa’ taħt il-parti annullata ta’ l-Artikolu 1(c) ta’ l-istess Deċiżjoni;

7)      Fil-kawżi T 129/99 u T 148/99, l-Artikolu 2(1)(b) ta’ Deċiżjoni 1999/718 huwa annullat safejn dan jirreferi għall-Artikolu 1(e) ta’ dik id-Deċiżjoni;

8)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

9)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Azizi

Lenaerts

Tiili

Moura Ramos

 

      Jaeger

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-6 ta’ Marzu 2002.

H. Jung

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


*“ Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol