Language of document : ECLI:EU:T:2018:180

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

11 ta’ April 2018 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Aġent nazzjonali kkollokat mal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid – Kompetenza tal-Kap tal-EUPM li jiddeċiedi dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ aġent nazzjonali kkollokat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Użu ħażin ta’ poter – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Fastidju psikoloġiku”

Fil-Kawża T‑271/10 RENV,

H, irrappreżentata minn M. Velardo, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u F. Naert, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-persunal tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina, li permezz tagħha r-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser Prosecutor mal-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina), u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-EUPM imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2009, dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (ĠU 2009, L 322, p. 22), li tikkonferma d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, u, fit-tieni lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għal ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofriet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn G. Berardis, President tal-Awla, S. Papasavvas u O. Spineanu-Matei (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 fuq il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea (2002/210/PESK) (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 278), ġiet stabbilita l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) biex tiġi żgurata l-kontinwità tat-Task Force Internazzjonali tal-Pulizija tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Bosnja-Ħerzegovina.

2        L-EUPM, li bdiet fl-1 ta’ Jannar 2003, ġiet estiża diversi drabi, b’mod partikolari permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK, tat-8 ta’ Diċembru 2009, dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH) (ĠU 2009, L 322, p. 22), u ntemmet fit-30 ta’ Ġunju 2012.

3        H hija maġistrat Taljana li ġiet ikkollokata mal-EUPM f’Sarajevo (il-Bosnja-Ħerzegovina) permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Ġustizzja Taljan tas-16 ta’ Ottubru 2008, sabiex hemmhekk teżerċita l-funzjonijiet ta’ Criminal Justice Unit Adviser, b’effett mill-14 ta’ Novembru 2008.

4        Permezz ta’ digrieti tal-Ministru tal-Ġustizzja Taljan tas-7 ta’ April 2009 u tad-9 ta’ Diċembru 2009, il-kollokament tar-rikorrenti ġie estiż rispettivament sal-31 ta’ Diċembru 2009 u sal-31 ta’ Diċembru 2010, sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ Chief Legal Officer.

[omissis]

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-EUPM, ir-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid “għal raġunijiet operattivi” fil-pożizzjoni Criminal Justice Adviser – Prosecutor fi ħdan l-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina) b’effett mid-19 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010”).

[omissis]

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-EUPM imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2009/906, l-imsemmi kap ikkonferma d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010. F’din l-okkażjoni, huwa ppreċiża li d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 kienet ittieħdet minnu stess u li r-raġuni operattiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kienet imsejsa fuq il-ħtieġa li l-uffiċċju ta’ Banja Luka jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu konsulenti fil-qasam kriminali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010”).

[omissis]

II.    Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma l-kawża ntbagħtet lura

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni u l-EUPM li hija intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas-7 u tat-30 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”).

[omissis]

12      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Lulju 2014, H vs Il-Kunsill et (T‑271/10, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet inizjali”, EU:T:2014:702), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għaliex inammissibbli, sa fejn qieset li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors.

[omissis]

14      Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C 455/14 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza fl-appell”, EU:C:2016:569), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet inizjali, ċaħdet ir-rikors għaliex inammissibbli sa fejn dan kien ġie ppreżentat kontra l-Kummissjoni u l-EUPM, bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat kontra l-Kunsill u rriżervat l-ispejjeż.

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 58 u 59 tas-sentenza fl-appell, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi, sa fejn assenjaw mill-ġdid lir-rikorrenti fi ħdan l-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina, jikkostitwixxu atti ta’ ġestjoni tal-persunal li għandhom l-għan li jassenjaw mill-ġdid lill-membri tal-missjoni fuq il-post. Hija qieset li dawn id-deċiżjonijiet, għalkemm ġew adottati fil-kuntest tal-PESK, ma jikkostitwixxux atti li jaqgħu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE jew taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Hija qieset li, konsegwentement, dawn jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni u ppreċiżat li din il-ġurisdizzjoni tirriżulta, rispettivament, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija atti, mill-Artikolu 263 TFUE, u, fir-rigward tat-tilwim dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali, mill-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

[omissis]

V.      Id-dritt

[omissis]

B.      Fuq it-talba għal annullament

[omissis]

2.      Fuq il-mertu

[omissis]

a)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/906

[omissis]

1)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kap tal-EUPM biex jadotta deċiżjonijiet marbuta mal-assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal

[omissis]

46      Fl-ewwel lok, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni 2009/906 ma tinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-kompetenza ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal tal-EUPM.

47      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni 2009/906 la tiddefinixxi l-espressjonijiet “kontroll operattiv”, “livell strateġiku” jew “fuq il-post”, u lanqas ma tiddefinixxi t-termini “kmand” jew “kontroll”, għalkemm tużahom.

48      F’dan ir-rigward, mill-istruttura ġenerali tad-Deċiżjoni 2009/906 jirriżulta biss li l-Kap tal-EUPM għandu jeżerċita, inkwantu persuna responsabbli għal din l-EUPM “fuq il-post”, il-“kmand” u l-“kontroll” tal-imsemmija missjoni, b’mod partikolari fuq il-persunal, il-gruppi u l-unitajiet ipprovduti “minn Stati kontribwenti” li kienu ġew “allokati” mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili. Barra minn hekk, il-Kap tal-EUPM kien inkarigat li jiżgura l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina, billi jagħti l-istruzzjonijiet kollha neċessarji lill-persunal “kollu”, għat-twettiq effikaċi tal-imsemmija missjoni fuq il-post (ara, f’dan is-sens, is-sentenza fl-appell, punt 52).

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat min huwa awtorizzat iwettaq l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal tal-EUPM, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tad-Deċiżjoni 2009/906, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tifforma parti.

50      Fir-rigward tal-kuntest, huwa paċifiku li l-EUPM, stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2002/210, kienet l-ewwel missjoni ċivili tal-Unjoni organizzata fil-kuntest tal-politika Ewropea tagħha ta’ sigurtà u ta’ difiża (PESD), li saret il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), inkwantu missjoni mhux eżekuttiva li għandha l-operazzjonijiet militari bħala mudell ta’ pjanifikazzjoni u ta’ kmand.

51      Mill-Azzjoni Konġunta 2002/210 jirriżulta li l-attivitajiet tal-EUPM kellhom jibdew biss fl-1 ta’ Jannar 2003. Il-Kunsill għalhekk ippreveda li Tim tal-Ippjanar kellu jiġi stabbilit sa mhux iktar tard mill-1 ta’ April 2002 u li l-kap ta’ dan it-tim kellu jsir il-Kap tal-EUPM b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003. Dan tal-aħħar kellu, fil-frattemp, jgħin lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ifassal il-Kunċett ta’ Operazzjonijiet (CONOPS) tal-missjoni. Sussegwentement, it-Tim tal-Ippjanar kellu jistabbilixxi l-Pjan ta’ Operazzjonijiet (OPLAN) u jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha meħtieġa biex iwettaq l-EUPM. Il-Kunsill adotta, sussegwentement, il-CONOPS u l-OPLAN sabiex il-missjoni tkun tista’ tibda l-attivitajiet tagħha fid-data prevista.

52      Mill-Azzjoni Konġunta 2002/210 jirriżulta wkoll li, għall-perijodu tal-ewwel mandat tagħha, jiġifieri mill-2003 sal-2005, l-EUPM kienet komposta minn kwartier ġenerali ewlieni f’Sarajevo (il-Bosnja-Ħerzegovina) li fih kienu jaħdmu b’mod partikolari l-Kap tal-EUPM u numru mhux fiss ta’ Liaison Officers inkarigati mill-kuntatti ma organizzazzjonijiet internazzjonali oħra fuq il-post. Barra minn hekk, ġew stabbiliti ukoll unitajiet ta’ sorveljanza fi ħdan il-pulizija tal-Bosnja-Ħerzegovina “f’livell medju-għoli”. Minbarra l-pulizija kkollokati mill-Istati Membri tal-Unjoni, l-EUPM setgħet tirrekluta, fuq bażi kuntrattwali, persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali. L-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jipparteċipaw ukoll fil-missjoni billi jissekondaw persunal ċivili internazzjonali.

53      Sussegwentement, l-EUPM kompliet il-missjoni tagħha b’mandat u b’daqs li kienu jinbidlu regolarment.

54      L-EUPM ġiet iddefinita mill-ġdid fl-2009 abbażi tal-Artikolu 28 u tal-Artikolu 43(2) TUE, bħala azzjoni operattiva tal-Unjoni deċiża u mmexxija fil-kuntest tal-PSDK, li tifforma parti integrali mill-PESK, bil-għan, essenzjalment, li tassisti l-Aġenziji għall-Infurzar tal-Liġi tal-Bosnja-Ħerzegovina fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/906.

55      Abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2009/906, il-Kunsill approva l-OPLAN il-ġdid tal-EUPM, li sussegwentement ġie aġġornat u emendat mill-KPS, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE, abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmija deċiżjoni.

56      Fil-kuntest tal-mandat il-ġdid tagħha, l-EUPM kellha b’mod partikolari tenfasizza fuq l-Aġenziji għall-Infurzar tal-Liġi fil-livell Statali, fuq it-tisħiħ tal-interazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuturi u fuq il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali. Barra minn hekk, l-istruttura tal-missjoni ġiet mibdula biex jiżdiedu, fil-Bosnja-Ħerzegovina, erba’ uffiċċji reġjonali f’Sarajevo, Banja Luka, Mostar u Tuzla, minbarra l-kwartier ġenerali u l-unitajiet stabbiliti fi ħdan id-dipartimenti tal-pulizija.

57      Huwa fid-dawl ta’ dan il-kuntest ġenerali, li fih ittieħdet id-Deċiżjoni tal-Kap tal-EUPM, li għandha tiġi evalwata l-kompetenza ta’ dan tal-aħħar biex jassenja mill-ġdid lir-rikorrenti mill-kwartier ġenerali ta’ Sarajevo għall-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka.

58      Għandu qabel kollox jiġi osservat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, “il-[PESK] hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi [u] għandha tkun definita u implimentata mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill li jaġixxu b’mod unanimu”.

59      F’dan ir-rigward u fl-ewwel lok, huwa paċifiku li, fiż-żmien tal-ħolqien tal-EUPM, la l-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC), inkwantu unità inkarigata mill-pjanifikazzjoni, l-istabbiliment, it-tmexxija u l-evalwazzjoni tal-missjonijiet ċivili ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet li taqa taħt il-PSDK, u lanqas il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ma kienu jeżistu fi ħdan l-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni.

60      Kien fit-18 ta’ Ġunju 2007 li l-Kunsill approva il-Linji Gwida għall-Istruttura ta’ Kmand u Kontroll għall-Operazzjonijiet Ċivili ta’ l-UE fl-Immaniġġar ta’ Kriżijiet (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-istruttura ta’ kmand u kontroll”), li kienu b’mod partikolari jipprevedu li Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili kellu jeżerċita l-kmand u l-kontroll fil-livell strateġiku għall-ippjanar u t-tmexxija tal-operazzjonijiet kollha tal-immaniġġar ta’ kriżijiet, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u taħt l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli (RG), u li d-Direttur taċ-CPCC stabbilita fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ser ikun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għal kull operazzjoni ċivili tal-immaniġġar ta’ kriżijiet.

61      Għalhekk, għall-operazzjonijiet ċivili kollha, il-Kmandant huwa d-Direttur taċ-CPCC u huwa sostnut fuq il-post mill-Kap tal-EUPM, li għandu l-attributi klassiċi kollha ta’ kontroll u ta’ kmand fuq il-persunal mqiegħed taħt l-ordnijiet tiegħu. Il-linja ta’ kmand hija unifikata mal-KPS, li jiżgura d-direzzjoni strateġika u l-kontroll politiku tal-operazzjoni, mqiegħda taħt l-awtorità tal-Kunsill.

62      F’dan il-kuntest, id-Direttur taċ-CPCC ġie maħtur Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-EUPM, fl-Artikolu 5 tal-Azzjoni Konġunta 2007/749/PESK tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2007, dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (ĠU 2007, L 303, p. 40), li permezz tagħha l-EUPM ġiet estiża b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008.

63      Minn qari flimkien tal-Artikoli 5(1) u (4) tal-Azzjoni Konġunta 2007/749 u tad-Deċiżjoni 2009/906 jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali ttrasferixxew lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-EUPM il-“kontroll operattiv” tal-persunal, tal-gruppi u tal-unitajiet tagħhom, li jirrappreżentaw il-kontribuzzjoni tagħhom.

64      Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni 2009/906 jirriżulta li l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili kien jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUPM “fil-livell strateġiku”, filwaqt li l-Kap tal-EUPM kien jeżerċitahom “fuq il-post”.

65      Fit-tieni lok, huwa wkoll paċifiku li, fil-każ tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet klassiċi li jaqgħu taħt il-PSDK, imwettqa abbażi tal-Artikolu 43 TUE, il-pjanifikazzjoni u l-eżekuzzjoni jitwettqu fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), konformement mal-proċeduri ta’ mmaniġġar ta’ kriżi. Abbażi tal-imsemmija proċeduri, huwa s-SEAE li għandu b’mod partikolari jelabora d-dokumenti ta’ pjanifikazzjoni, bħall-Kunċett tal-Operazzjonijiet (CONOPS) u l-OPLAN u li għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni u r-responsabbiltà tal-proċess ta’ kostituzzjoni tal-forzi. Huwa l-Kunsill li għandu, sussegwentement, japprovahom.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, sa fejn id-Deċiżjoni 2009/906 ma tinkludix dispożizzjonijiet espliċiti fir-rigward tal-persuna kompetenti fil-qasam ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal tal-EUPM fi ħdanha, din hija kkompletata mill-OPLAN u mill-Linji gwida għall-istruttura ta’ kmand u kontroll.

67      Issa, skont it-tieni paragrafu tal-punt 5.3 tal-OPLAN tal-2009, hekk kif prodott mill-Kunsill, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, f’verżjoni parzjalment deklassifikata, “il-Kap ta’ missjoni għandu l-awtorità aħħarija biex jaħtar il-persunal u r-responsabbiltà ġenerali biex jallokah” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fit-tielet paragrafu tal-istess punt hemm previsti l-kriterji għall-mili tal-pożizzjonijiet fl-EUPM, li fosthom hemm il-bżonnijiet ta’ din tal-aħħar. Bl-istess mod, il-kompetenza tal-Kap tal-EUPM fir-rigward tal-assenjazzjoni tal-persunal tiegħu tirriżulta wkoll minn qari tal-Anness M tal-OPLAN, intitolat “Amministrazzjoni tal-persunal” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jindika fid-dettall il-kundizzjonijiet tal-impjieg u l-kompetenzi tal-Kap tal-missjoni f’dan ir-rigward, billi jipprevedi li “l-Kap ta’ missjoni għandu l-awtorità aħħarija biex jaħtar il-persunal u r-responsabbiltà ġenerali biex jallokah, it-tnejn li huma fuq livell internazzjonali u fuq livell lokali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar nett, fl-Anness D tal-OPLAN, intitolat “Proċeduri ta’ funzjonament standard” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fit-tielet paragrafu tal-punt 2, li jirrigwarda l-assenjazzjoni, hemm speċifikat li “d-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni u/jew ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fil-missjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kap tal-mission” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

68      Barra minn hekk, skont il-punt 6(1)(ċ) tal-Linji gwida għall-istruttura ta’ kmand u kontroll, il-kontroll operattiv (OPCON) kien iddefinit bħala “l-awtorità mogħtija lil persuna responsabbli għall-PSDK fir-rigward tal-individwi, tal-gruppi u tal-unitajiet allokati sabiex hija tkun tista’ twettaq missjonijiet speċifiċi jew xogħlijiet li huma ġeneralment limitati mill-funzjoni, mill-ħin jew mill-post; sabiex tassenjahom u biex tippreżerva jew tiddelega l-kontroll operattiv jew il-kmand tekniku jew il-kontroll li jista’ jitqies neċessarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

69      Minn dan isegwi li l-kontroll operattiv, eżerċitat “fuq il-post” mill-Kap tal-mission, jimplika neċessarjament il-possibbiltà li dan tal-aħħar jadotta deċiżjonijiet, inklużi dwar assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal, fl-iqsar terminu possibbli, u li jissuġġetta lill-persunal ikkollokat mill-Istati Membri għall-imsemmija deċiżjonijiet, għall-finijiet tat-twettiq tal-missjoni.

70      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 64, 67 sa 69 iktar ’il fuq, għandu jitqies li huwa l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, li jeżerċita, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u taħt l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli (RG), il-kmand u l-kontroll, fil-livell strateġiku, għall-pjanifikazzjoni u t-tmexxija tal-missjonijiet ċivili kollha fil-kuntest tal-PSDK u li huwa l-kmandant ġenerali tal-kapijiet kollha ta’ missjonijiet ċivili, li għandu l-kompetenza li jassenja l-persunal għal kull missjoni ċivili tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2009/906. Min-naħa l-oħra, fi ħdan kull missjoni, huwa biss il-Kap tal-EUPM li għandu l-kompetenza ta’ assenjazzjoni u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal.

[omissis]

2)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ konsultazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini qabel it-teħid tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid

[omissis]

75      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kap tal-EUPM wettaq żball proċedurali meta adotta d-Deċiżjoni 2009/906 mingħajr ma kkonsulta lill-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, għandu qabel kollox jiġi osservat li r-rikorrenti ma tindika l-ebda dispożizzjoni li timponi n-neċessità ta’ tali konsultazzjoni.

76      Wara dan, għandu jiġi kkonstatat li la l-kliem u lanqas l-ispirtu tad-Deċiżjoni 2009/906 u tal-OPLAN ma jimponu fuq il-Kap tal-EUPM l-obbligu li l-ewwel jikkonsulta mal-awtorità tal-oriġini qabel ma jadotta deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal kkollokat mill-Istati Membri.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 7(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2009/906, l-EUPM għandu persunal li huwa jew irreklutat, jew fuq bażi kuntrattwali, jew ikkollokat minn istituzzjoni tal-Unjoni, jew ikkollokat minn Stat Membru. F’dak li jirrigwarda speċifikament il-persunal ikkollokat mill-Istati Membri, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 2009/906, kif ukoll mill-punt 5.2 tal-OPLAN, jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali ttrasferixxew il-kontroll operattiv tal-persunal, tal-gruppi u tal-unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Artikolu 6(2) tal-istess deċiżjoni jirriżulta li l-imsemmi kontroll operattiv kien eżerċitat “fuq il-post” mill-Kap tal-missjoni.

78      Issa, kif ġie espost fil-punt 69 iktar ’il fuq, mill-punt 6(1)(c) tal-Linji gwida għall-istruttura ta’ kmand u kontroll jirriżulta li l-kontroll operattiv jimplika neċessarjament il-possibbiltà li l-Kap tal-EUPM jadotta deċiżjonijiet, inklużi dwar assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal, fl-iqsar terminu possibbli, u li jissuġġetta lill-persunal ikkollokat mill-Istati Membri għall-imsemmija deċiżjonijiet, għall-finijiet tat-twettiq tal-missjoni. Din in-natura operattiva hija, għalhekk, inkompatibbli ma proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-awtorità ta’ oriġini, bħal dik invokata mir-rikorrenti.

79      Barra minn hekk, konformement mar-regoli li jirregolaw il-missjonijiet tal-PSDK, ir-rikorrenti ġiet mitluba tagħti l-kunsens espliċitu tagħha li sservi l-missjoni f’pożizzjoni oħra għajr dik li għaliha hija kienet tefgħet il-kandidatura tagħha u, konsegwentement, l-att ta’ kandidatura li hija kienet imliet u ffirmat fl-10 ta’ Novembru 2008 għall-pożizzjoni li minnha hija kienet ġiet assenjata mill-ġdid jinkludi dan il-kunsens. Bil-kontra ta’ dak li sostniet ir-rikorrenti matul is-seduta, mill-imsemmi att ta’ kandidatura ma jirriżultax li l-kunsens tagħha kien limitat biss għall-funzjonijiet l-oħra eżerċitati fi ħdan il-kwartier ġenerali ewlieni f’Sarajevo u kien jeskludi l-istrutturi l-oħra tal-EUPM.

80      Għandu jiġi kkonstatat li mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/906 jirriżulta li l-membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri u dawk ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu suġġetti għall-istess regoli f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom “fuq il-post” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza fl-appell, punt 50).

81      Konsegwentement, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi deċiż li trattament iddifferenzjat tal-persunal ikkollokat mill-Istati Membri meta mqabbel ma dak ikkollokat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-livell ta’ proċedura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid “fuq il-post”, huwa kompatibbli mal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ kriżi mmexxija mill-EUPM.

82      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li r-rikorrenti ma setgħetx tiġi assenjata mill-ġdid, b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni espliċita tal-Kostituzzjoni Taljana intiża li tiggarantixxi l-imparzjalità tal-imħallfin fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li din ma tindikax fuq liema dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni Taljana hija qed tibbaża dan l-argument. Jekk jitqies li r-rikorrenti qed tagħmel riferiment għall-garanzija ta’ invjolabbiltà tal-imħallfin prevista fl-Artikolu 107 tal-Kostituzzjoni Taljana, li abbażi tagħha mħallef ma jistax jiġi assenjat mill-ġdid mingħajr il-kunsens tiegħu jew mingħajr ma tkun ġiet segwita proċedura speċifika, għandu jitqies li l-imsemmija garanzija ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

83      Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma kinitx assenjata biex teżerċita l-funzjoni tagħha ta’ prokuratur fi ħdan l-EUPM, iżda l-funzjoni ta’ konsulent legali li għaliha l-esperjenza professjonali tagħha bħala prokuratur kienet tqieset rilevanti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti żammet l-istatut ta’ mħallef abbażi tad-dritt nazzjonali biss fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali. Ladarba ġiet ikkollokata mal-EUPM, l-istatus tagħha fi ħdan din tal-aħħar ma kienx l-istatus ta’ mħallef, iżda dak ta’ aġent nazzjonali kkollokat.

84      It-tieni nett, meta r-rikorrenti tefgħet il-kandidatura tagħha għal pożizzjoni f’korp internazzjonali, li l-organizzazzjoni u r-regoli ta’ funzjonament tiegħu huma indipendenti mill-kontroll tal-istat ta’ oriġini tagħha, hija impliċitament tat il-kunsens tagħha li tissuġġetta ruħha għar-regoli speċifiċi tal-imsemmi organiżmu.

85      Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      H hija kkundannata għall-ispejjeż.

Berardis

Papasavvas

Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ April 2018.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

II. Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma l-kawża ntbagħtet lura

V. Id-dritt

B. Fuq it-talba għal annullament

2. Fuq il-mertu

a) Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/906

1) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kap tal-EUPM biex jadotta deċiżjonijiet marbuta mal-assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal

2) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ konsultazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini qabel it-teħid tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.