Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ġunju 2010 - Suez Environnement u Lyonnaise des eaux France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-274/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Suez Environnement u Lyonnaise des eaux France (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: P. Zelenko u O. d'Ormesson, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta' spezzjoni kkontestata u/jew il-mandat ta' spezzjoni tas-6 ta' April 2010;

tannulla kull azzjoni meħuda li toriġina mill-ispezzjonijiet li saru abbażi ta' din id-deċiżjoni u tal-mandat irregolari;

tordna, b'mod partikolari, l-għoti lura tad-dokumenti kollha ssekkwestrati fil-kuntest tal-ispezzjonijiet imwettqa, taħt il-piena li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni futura tal-Kummissjoni dwar il-mertu, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża r-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010)1984/4, tat-23 ta' Marzu 2010, li tordna lil Suez Environnement, kif ukoll lill-impriżi kollha kkontrollati minnha, inkuża Lyonnaise des eaux France, sabiex jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, meħuda fil-kuntest ta' proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE dwar il-kuntratti għal provvista ta' servizzi ta' ilma u ta' trattament tal-ilma 1.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti isostnu tliet motivi bbażati fuq:

ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali u, b'mod partikolari, tad-dritt għar-rispett ta' domiċilju, peress li r-rikorrenti ma ġew innotifikati bl-ebda awtorizzazzjoni ġuridika nazzjonali u għalhekk iċċaħħdu minn kwalunkwe garanzija fundamentali bħall-aċċess għal qorti matul it-twettiq tal-ispezzjonijiet u l-possibbilta li jużaw il-mezzi ta' rikors ordinarji kontra tali awtorizzazzjoni;

ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, peress li d-deċiżjoni ta' spezzjoni għandha terminu ta' validita illimitat u peress li għandha kamp ta' applikazzjoni estremament wiesgħa;

minħabba li l-mandat ta' spezzjoni li jinsab flimkien mad-deċiżjoni ta' spezzjoni ma għandhux garanziji suffiċjenti ta' imparzjalità u ta' oġġettività, sa fejn intagħżlu aġenti tal-Kummissjoni li kienu diġà eżaminaw informazzjoni kunfidenzjali trażmessa lill-Kummissjoni mir-rikorrenti Lyonnaise des eaux France fil-kuntest ta' notifika ta' konċentrazzjoni.

____________

1 - Każ COMP/B-1/39.756.