Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Frar 2013 - Aer Lingus vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-101/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti Aer Lingus Ltd (Dublin, L-Irlanda) (rappreżentanti: D. Piccinin, barrister u A. Burnside, solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-14 ta' Novembru 2012, adottata skont il-klawżola 1.4.9 tal-Impenji assunti minn International Consolidated Airlines Group ("IAG") favur il-Kummissjoni bħala kundizzjoni għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-akkwist minn IAG ta' British Midlands Limited ("bmi") skont ir-Regolament tal-Kunsill 139/2004 2, li tevalwa l-offerti għal slots għal tluq minn u nżul fl-ajruport ta' Heathrow li IAG kienet rikjesta li tillibera ruħha minnhom skont l-Impenji, u li tissovrapożizzjona l-offerta magħmula minn Virgin Atlantic Airways ("Virgin") għal slots għar-rotta London Heathrow - Edinburgh fuq l-offerta magħmula minn Aer Lingus Limited ("Aer Lingus") għal dawk is-slots;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta' żball fl-interpretazzjoni tal-Impenji. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-kriterju għall-evalwazzjoni tal-offerti stabbilit fil-klawżola 1.4.10(c) tal-Impenji, li jikkonċerna l-pjan tal-linja tal-ajru offerenti li tkun ta' benefiċċju għal trasportaturi terzi. Il-Kummissjoni interpretat dan il-kriterju bħala li jinkludi l-pjanijiet ta' Virgin li ġġorr passiġġieri fuq ir-rotta London Heathrow - Edinburgh billi tuża t-titjiriet twal b'konnessjoni lejn postijiet tal-oriġini jew ta' desitinazzjoni, filwaqt li dak il-kriterju huwa fil-fatt limitat għall-provvista ta' passiġġieri b'konnessjoni lil trasportaturi terzi.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta' nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni tal-parir tat-trustee ta' sorveljanza . Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-parir mit-trustee ta' sorveljanza, u/jew li tagħti r-raġunijiet li jkunu wassluha sabiex tiżvija minn dan il-parir minn erba' lati:

Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni jew li tagħti r-raġunijiet li wassluha sabiex tiżvija mill-parir tat-trustee ta' sorveljanza dwar il-vantaġġi ta' Aer Lingus fir-rigward tal-interlining;

Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni jew li tagħti r-raġunijiet li wassluha sabiex tiżvija mill-parir tat-trustee ta' sorveljanza dwar il-vantaġġi ta' Aer Lingus fir-rigward tal-ispejjeż operazzjonali u tal-analiżi dwar is-sensittività;

Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni jew li tagħti r-raġunijiet li wassluha sabiex tiżvija mill-parir tat-trustee ta' sorveljanza dwar kif għandhom jiġu analizzati diversi miżuri b'mod konġunt sabiex tiġi prodotta klassifika globali;

Il-Kummissjoni naqset milli titlob il-parir mit-trustee ta' sorveljanza fir-rigward tal-vantaġġi relattivi li jirriżultaw mill-għoti tal-islots bħala pakkett waħdieni.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta' żball manifest tal-evalwazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta waslet għall-konklużjoni li l-offerta ta' AER Lingus ma kinitx toffri ostakoli kompetittivi li kienu tal-inqas "essenzjalment simili" għal dawk offruti mill-offerta ta' Virgin. Il-Kummissjoni wettqet żball kemm fl-evalwazzjoni tagħha tal-ostakli kompetittivi li l-offerti f'kompetizzjoni jinvolvu fir-rotta London Heathrow - Edinburgh, u fl-evalwazzjoni tagħha tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-għoti tar-rotot kollha lil trasportatur waħdieni meta mqabbla mal-għoti tar-rotta London Heathrow - Edinburgh lil Aer Lingus u r-rotot rimanenti lil Virgin.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta' Jannar 2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40)

2 - Persuna maħtura fil-kuntest tal-akkwist ta' bmi minn IAG sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta' sorveljanza tal-konformità ta' IAG mal-Impenji.