Language of document : ECLI:EU:T:2014:1064

Kawża T‑102/13

Heli-Flight GmbH & Co. KG

vs

Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA)

“ Avjazzjoni ċivili — Talba għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir għal ħelikopter tat-tip Robinson R66 — Deċiżjoni ta’ ċaħda mill-EASA — Rikors għal annullament — Portata tal-istħarriġ tal-Bord tal-Appell — Portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali — Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2014

1.      Aġenziji tal-Unjoni Ewropea — Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Stħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell — Proċedura tali li tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt ta’ smigħ

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1592/2002, Artikolu 41(1), u Nru 216/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 1108/2009, premessa 26 u Artikoli 49 u 50(2))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ

(Artikolu 296 TFUE)

3.      Trasport — Trasport bl-ajru — Regoli komuni għall-operazzjoni ta’ servizzi bl-ajru fl-Unjoni — Proċedura ta’ approvazzjoni ta’ kundizzjonijiet tat-titjir — Verifika mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) tal-kapaċità tal-inġenju tal-ajru li jtir b’mod sigur — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ riżervi li saru fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni — Ammissibbiltà — Effett ta’ aprovazzjoni mogħtija minn inġenju ieħor tal-ajru li għandu karatteristiċi simili — Assenza — Natura vinkolanti ta’ ċertifikat ta’ tip mogħti minn Stat terz — Assenza

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1702/2003, Anness, punt 21A.710(c) ; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 216/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 216/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 1108/2009, Artikolu 2(1))

4.      Trasport — Trasport bl-ajru — Regoli komuni għall-operazzjoni ta’ servizzi bl-ajru fl-Unjoni — Proċedura ta’ approvazzjoni ta’ kundizzjonijiet tat-titjir — Deċiżjoni li ma taqax f’kompetenza marbuta tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) — Deċiżjoni li teħtieġ evalwazzjoni teknika kumplessa — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1702/2003, Anness, punt 21A.710(a) u (c))

5.      Trasport — Trasport bl-ajru — Regoli komuni għall-operazzjoni ta’ servizzi bl-ajru fl-Unjoni Proċedura ta’ approvazzjoni ta’ kundizzjonijiet tat-titjir — Verifika mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) tal-kapaċità tal-inġenju tal-ajru li jtir b’mod sigur — Setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kontroll — Obbligu li jsiru spezzjonijiet jew testijiet — Assenza

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1702/2003, Anness, punti 21A.709(b)(2) u 21A.710(a) u (c))

6.      Trasport — Trasport bl-ajru — Regoli komuni għall-operazzjoni ta’ servizzi bl-ajru fl-Unjoni — Proċedura ta’ approvazzjoni ta’ kundizzjonijiet tat-titjir — Oneru tal-prova — Portata

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1702/2003, Anness, punt 21A.708(b),(2), u (c))

7.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Dikjarazzjoni astratta — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

8.      Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Intimazzjoni ta’ korp jew organu tal-Unjon — Assenza — Inammissibbiltà

(Artikolu 265 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 216/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 1108/2009, Artikolu 50(1))

9.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet tal-premessa 26 u tal-Artikoli 49 u 50(2) tar-Regolament Nru 216/2008, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670, ir-Regolament Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36, kif ukoll mill-Artikolu 41(1) tal-imsemmi Regolament Nru 1592/2002, kemm fir-rigward tal-formulazzjoni tagħhom kif ukoll l-iskop tagħhom, li jikkonsisti, minn naħa, li jippermetti lill-Bord tal-Appell li jilqa’, jekk ikun il-każ, talba li ġiet irrifjutata mill-korpi l-oħra tal-EASA u, min-naħa l-oħra, fil-każ li jinżamm ir-rifjut mill-imsemmi bord, li dan tal-aħħar jispjega b’mod ċar il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jwasslu għall-imsemmi rifjut, b’tali mod li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ hija stess tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni li tesprimi dan ir-rifjut, li, bħal ma hemm il-kontinwità funzjonali bejn il-korpi differenti ta’ eżami tal-Uffiċċju għall-Armionizazzjoni fis-Suq Intern u l-Bordijiet tal-Appell ta’ dan tal-aħħar, hemm kontinwità funzjonali bejn il-korpi differenti ta’ eżami tal-EASA u l-Bord tal-Appell ta’ din tal-aħħar.

Barra minn hekk, il-proċess deċiżjonali tal-EASA huwa maħsub speċifikament sabiex id-dritt għal smigħ, kif iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġi osservat. Fil-fatt, hija biss id-deċiżjoni finali, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li tista’ tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali u, qabel dan, il-Bord tal-Appell jiġbor kemm l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata kif ukoll is-sottomissjonijiet orali waqt is-seduta.

(ara l-punti 27, 45, 46)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 41)

3.      Fir-rigward tal-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), skont il-punt 21A.710(c) tal-Anness tar-Regolament Nru 1702/2003, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjon, l-EASA għandha tivverifika, qabel ma’ tapprova l-imsemmija kundizzjonijiet, li l-inġenju tal-ajru jkun jista’ jagħmel titjira sigura taħt il-kundizzjonijiet u restrizzjonijiet speċifikati. Hija kienet għaldaqstant intitolata li tibbaża ruħha fuq riżervi li saru fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni tat-tip jekk dawn kienu tali li jippreġudikaw din il-kapaċità li ttir b’mod siguré. Fil-fatt, riżervi li huma ta’ ostakolu għall-ksib ta’ ċertifikazzjoni tat-tip ma humiex neċessarjament tali li jxejnu l-kapaċità tal-apparat li jtir b’mod sikur u, għaldaqstant, li jista’ jkun hemm approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir.

Barra minn hekk, il-proċedura għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir jippreżumu, skont id-definizzjoni tagħhom, l-assenza ta’ ċertifikat validu li huwa tajjeb għal titjir. Peress li l-ħruġ ta’ approvazzjoni ta’ kundizzjonijiet tat-titjir huwa, min-natura tiegħu, intrinsiku għal kull apparat, il-fatt li apparat ieħor, li għandu karatteristiċi suppost simili għal dawk tal-inġenju tal-ajru suġġett tat-talba ta’ approvazzjoni ta’ kundizzjonijiet tat-titjira, irċieva ċertifikat tat-tip jibqa’ biss irrilevanti għal-legalità tad-deċiżjoni tal-EASA.

Bl-istess mod, l-EASA, li, kif jenfasizza l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 216/2008, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi l-EASA, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670, ir-Regolament Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36, kif emendat bir-Regolament Nru 1108/2009, għandu jistabbilixxi u jżomm livell uniformi għoli ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa, ma huwiex marbut, fir-rigward tar-regoli ta’ sigurtà li hija beħsiebha tipprevali fir-rigward tal-apparat li jappartjeni lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti jew li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, b’eventwali rekwiżiti inqas min-naħa ta’ entitajiet ta’ pajjiżi terzi responsabbli sabiex jirregolaw is-sigurtà tal-avvjazzjoni, bħall-Amministrazzjoni Federali Amerikana tal-Avjazzjoni (FAA). Issa, il-konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944, irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, ma jipprekludux li dawn tal-aħħar jadottaw regoli ta’ sigurtà fuq l-apparat tagħhom stess iktar stretti minn dawk applikati minn Stati Partijiet oħra għall-imsemmija konvenzjoni, bħall-Istati Uniti tal-Amerika. Ċertifikat ta’ tip maħruġ mill-FAA għaldaqstant ma jistax ikun vinkolanti għall-EASA.

(ara l-punti 69, 93, 95, 96)

4.      Fir-rigward tal-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), il-qari tal-punt 21A.710(a) tal-Anness tar-Regolament Nru 1702/2003, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjon, iwassal li jirrileva li l-EASA ma tinsabx f’pożizzjoni ta’ kompetenza marbuta, iżda għandha setgħa li tippermettiha marġni ta’ diskrezzjoni dwar kwistjoni teknika kumplessa, jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk l-inġenju tal-ajru huwiex jew le kapaċi jagħmel titjira b’mod sigur. Issa, il-kliem “għandhom jinħarġu” li jinsabu fil-formulazzjoni ta’ din id-disapożizzjoni ma jirrelatawx mal-approvazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tat-titjir, iżda mal-permessi tat-titjir, minn qabel, approvati. Barra minn hekk, l-obbligu preżunt li għandha l-awtorità kompetenti li ġej mill-kliem inkwistjoni jidher biss wara li dik l-imsemmija awtorità qieset li l-inġenju tal-ajru kkonċernat kien kapaċi jtir b’mod sigur għall-finijiet stipulati fl-imsemmi punt, li jfisser li huwa sempliċement il-konsegwenza tal-evalwazzjoni pożittiva li saret mill-awtorità kompetenti.

Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet tekniċi kumpless ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ limitat tal-qorti tal-Unjoni, dan jimplika li din tal-aħħar tagħmel stħarriġ tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ abbuż ta’ poter. F’dan ir-rigward, peress li l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ inġenju tal-ajru li jtir b’mod sigur tikkostitwixxi evalwazzjoni teknika kumplessa, għandu jiġi deċiż li l-istħarriġ ta’ legalità relatat jaqa’ fl-istħarriġ ristrett tal-qorti tal-Unjoni. Il-formulazzjoni tal-punt 21A.710(c) tal-Anness tar-Regolament Nru 1702/2003, li ma tipprovdi l-ebda dettalji dwar il-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti u l-kriterji li għandhom jiġu adottati mill-EASA sabiex tkun sodisfatta li l-inġenju tal-ajru jkun jista’ jagħmel titjira sigura taħt il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet speċifikati jikkonferma l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjoni wiesgħa tal-EASA. Għaldaqstant hija l-eżistenza ta’ żbalji manifesti eventwali ta’ evalwazzjoni li għandha tiġi kkritikata mill-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 74, 75, 89, 90)

5.      Fir-rigward tal-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta mill-punt 21A.710(a) tal-anness tar-Regolament Nru 1702/2003, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni biex inġenji tal-ajru, prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom, hija favur hemm l-EASA, kif ukoll ta’ organu ta’ disinn awtorizzat kif xieraq, f’kuntest speċifiku, jiġifieri dak ta’ kwistjoni ta’ sigurtà fil-livell tal-disinn, li għaldaqstant huwa diġà identifikat bħala tali fil-waqt li titressaq it-talba għal approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir.

Il-latitudni tal-azzjoni involuta fil-verifika, f’tali kuntest, tal-kapaċità tal-inġenju tal-ajru li jtir b’mod sigur huwa rifless fil-fatt li l-EASA tista’ ġġiegħel jew teżiġi lill-applikant jagħmel l-ispezzjonijiet jew it-testijiet kollha meħtieġa għal dan l-iskop. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut validament li l-EASA għandha twettaq jew iġġiegħel li twettaq l-ispezzjonijiet jew it-testijiet meħtieġa kollha, peress li t-test stess tal-punt 21A.710(c) tal-Anness tar-Regolament Nru 1702/2003 jindika li dan huwa possibbiltà u mhux obbligu. L-EASA tista’ tibbaża ruħha, b’riżerva li tiddikjara dan debitament fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, fuq kull element li għandha li jista’ jagħmel valida l-evalwazzjoni tagħha dwar is-sigurtà tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni, pereżempju toqgħod fuq id-dokumentazzjoni pprovduta insostenn tal-kundizzjonijiet tat-titjir, u ma hijiex obbligata li twettaq jew li ġġiegħel li twettaq spezzjonijiet u testijiet jekk tqis li ġiet suffiċjentement iċċarata.

Għaldaqstant, żball manifest ta’ evalwazzjoni bl-ebda mod ma huwa kkostitwit mill-fatt li l-EASA ma wettqitx spezzjoni jew testijiet. Fil-fatt, huwa aċċettat li l-EASA ma tagħmilx dawn il-verifiki jekk tqis ukoll li tikkonkludi, mingħajr ma tirrikori għal dawn tal-aħħar, fl-assenza ta’ wirja tal-kapaċità tal-apparat li jtir b’mod sigur.

(ara l-punti 77-79, 91)

6.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), min jagħmel talba, li ma’ tali talba ta’ premess ta’ approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir ma jkunx hemm provi suffiċjenti, ma huwiex fondat li jikkritika lill-EASA li tikkonstata din l-insuffiċjenza u li opponietlu l-għarfien tekniku u xjentifiku għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiċħad l-imsemmija talba.

Fil-fatt, fir-rigward tal-oneru tal-prova, il-mekkaniżmu fis-seħħ għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir mill-punt 21A.708(b) u (c) tal-Anness tar-Regolament Nru 1702/2003, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni biex inġenji tal-ajru, prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom, ipoġġi responsabbiltà tal-imsemmi oneru fuq min jagħmel it-talba, li għandu jipproduċi l-provi kollha juru li l-inġenju tal-ajru jista’ jagħmel titjira sikura taħt il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet speċifikati minnu, inkluż il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li għandhom jiġu osservati mill-ekwipaġġ sabiex itir l-inġenju tal-ajru u l-limiti ta’ użu, il-proċeduri speċifiċi jew il-kundizzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu osservati. F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet tat-titjir proposti għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumentazzjoni u minn dikjarazzjoni li tgħid li l-inġenju tal-ajru huwa kapaċi, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ʼil fuq, li jtir b’mod sigur. Huwa għaldaqstant, qabel kollox, abbażi tal-provi pprovdutio mill-persuna li tagħmel it-talba li l-EASA għandha tiddetermina jekk inġenju tal-ajru huwiex kapaċi li jtir b’mod sigur. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-titjir b’deroga għar-rekwiżiti ta’ ċertifikat validu li huwa tajjeb għal titjir għandhom jingħataw interpretazzjoni restrittiva.

(ara l-punti 80-84)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 104-106)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 108, 109, 111)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 116, 117)