Language of document : ECLI:EU:T:2012:112

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

8 ta’ Marzu 2012 (*)

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna li tippermetti l-ammortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju fil-każ ta’ akkwist ta’ ishma barranin — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna — Att li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑221/10,

Iberdrola, SA, stabbilita f’Bilbao (Spanja), irrappreżentata minn J. Ruiz Calzado, M. Núñez-Müller u J. Domínguez Pérez, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48),

IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża),

komposta minn L. Truchot (Relatur), President, M. E. Martins Ribeiro, N. Wahl, S. Soldevila Fragoso u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ diversi domandi bil-miktub magħmula fl-2005 u fl-2006 (E‑4431/05, E‑4772/05, E‑5800/06 u P‑5509/06), xi membri tal-Parlament Ewropew staqsew lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tad-dispożittiv previst mill-Artikolu 12(5) introdott fil-liġi Spanjola dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji mil-Ley 24/2001, de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social (Liġi 24/2001, li tadotta miżuri fiskali, amministrattivi u ta’ natura soċjali), tas-27 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2001, p. 50493), u riprodott mir-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (Digriet Irjali 4/2004, li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61, tal-11 ta’ Marzu 2004, p. 10951) (iktar ’il quddiem l-“iskema kkontestata”). Il-Kummissjoni essenzjalment irrispondiet li, skont informazzjoni li kellha, l-iskema kkontestata ma kinitx tidher li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

2        Permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Jannar u tas-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdulha informazzjoni sabiex tevalwa l-portata u l-effetti tal-iskema kkontestata. Permezz ta’ ittri tas-16 ta’ Frar u tal-4 ta’ Ġunju 2007, ir-Renju ta’ Spanja kkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni li talbitu.

3        Permezz ta’ faks tat-28 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni rċeviet ilment minn operatur privat li sostna li l-iskema kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007 (sunt fil-ĠU 311, p. 21), il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-iskema kkontestata.

5        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja dwar din id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Bejn it-18 ta’ Jannar u s-16 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni rċeviet ukoll l-osservazzjonijiet ta’ 32 terz interessat, fosthom dawk tar-rikorrenti, Iberdrola, SA. Permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Ġunju 2008 u tat-22 ta’ April 2009, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-osservazzjonijiet ta’ terzi interessati.

6        Fit-18 ta’ Frar 2008, fit-12 ta’ Mejju u fit-8 ta’ Ġunju 2009 ġew organizzati laqgħat tekniċi mal-awtoritajiet Spanjoli. Ġew organizzati wkoll laqgħat tekniċi oħrajn ma’ wħud mit-32 terz interessat.

7        Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2008 u permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ Ġunju 2009, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

8        Il-Kummissjoni temmet il-proċedura għal dak li jikkonċerna l-akkwist ta’ ishma mwettaq fi ħdan l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9        Id-deċiżjoni kkontestata tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-iskema kkontestata, li tikkonsisti f’vantaġġ fiskali li jippermetti li jiġi ammortizzat l-avvjament, mill-kumpanniji Spanjoli, li jirriżulta minn akkwist ta’ ishma f’impriżi barranin filwaqt li dan japplika għal akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji stabbiliti fi ħdan l-Unjoni.

10      Madankollu, l-Artikolu 1(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti lill-iskema kkontestata li tkompli tapplika, taħt il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, għall-akkwisti ta’ ishma mwettqa qabel il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li seħħet fil-21 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll għall-akkwisti ta’ ishma li dwarhom kien sar impenn irrevokabbli qabel il-21 ta’ Diċembru 2007 li jitwettqu, suġġett għal awtorizzazzjoni ta’ awtorità regolatorja li lilha kienet giet innotifikata l-operazzjoni qabel din id-data.

 Il-proċedura u t‑talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-30 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

13      Fis-16 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

14      Fit-8 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrinvija l-kawża preżenti quddiem il-kulleġġ ġudikanti estiż, skont l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tat-Tmien Awla.

15      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It‑Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali sabiex tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u tagħmel xi mistoqsijiet lill-partijiet. Dawn tal-aħħar wieġbu fit‑termini stabbiliti.

16      It‑trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2011.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni;

–        tordna li titkompla l-proċedura u timponi terminu, li ma tistax issir proroga tiegħu fid-dawl tad-dewmien indebitament sostnut mill-proċedura, fuq il-Kummissjoni għall-preżentata tar-risposta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jinkludu wkoll talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, intiża sabiex il-Qorti Ġenerali titlob lill-Kummissjoni, minn naħa, li tikkomunikalha t-talbiet għal informazzjoni addizzjonali dwar il-kontribwenti li użaw l-iskema kkontestata li din indirizzat lir-Renju ta’ Spanja waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kif ukoll ir-risposti li din irċiviet mingħand dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, tindika jekk hija setgħetx tkun taf in-numru eżatt u l-identità tal-benefiċjarji tal-iskema kkontestata sa Ottubru 2009.

 Id-dritt

20      Il-Kummissjoni ssostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli minħabba li r-rikorrenti la wriet li kellha interess ġuridiku u lanqas li kienet ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

21      Għandu jsir l-ewwel l-eżami tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

22      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

23      Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara t-tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u peress li ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti, l-interess individwali tagħha għandu jiġi evalwat skont il-kriterji ddefiniti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197, 223). Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha turi li d-deċiżjoni kkontestata tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għaliha jew sitwazzjoni fattwali li tiddistingwiha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Prinċipalment, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja tal-iskema kkontestata sabiex turi li hija affettwata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata li tiddikjara l-imsemmija skema illegali u inkompatibbli mas-suq komuni.

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju, impriża ma tistax tkun intitolata tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba li tagħmel parti mis‑settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali impriża, tali deċiżjoni tkun miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jkollha effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza L‑Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2009, Acegas vs Il-Kummissjoni, T‑309/02, Ġabra p. II‑1809, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Madankollu, peress li l-impriża rikorrenti ma hijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni bħala impriża tas-settur ikkonċernat, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha, din l-impriża hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni huwa ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, punti 34 u 35, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2009, Banco Comercial dos Açores vs Il-Kummissjoni, T‑75/03, Ġabra p. II‑143, punt 44).

27      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhiex il-kwalità ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna indivdwali mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna msemmija mid-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I‑4727, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li hija akkwistat ishma fil-grupp Grieg Metal Industry of Arcadia C. Rokas, SA fl-2008 u fl-2009 u li d-deċiżjoni kkontestata timponi l-irkupru, mingħand il-benefiċjarji, tal-għajnuna li tirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ wara l-21 ta’ Diċembru 2007. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija wkoll ikkonċernata individwalment minħabba operazzjonijiet li hija wettqet qabel il-21 ta’ Diċembru 2007.

29      Għal dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ wara l-21 ta’ Diċembru 2007, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova intiża sabiex turi li l-iskema kkontestata kienet applikata għall-akkwisti tagħha ta’ ishma fil-grupp Grieg ikkonċernat. Għalhekk, fl-atti tagħha hija invokat biss intenzjoni li tapplika l-imsemmija skema u matul is-seduta hija kkonfermat li hija ma kienet talbet tali applikazzjoni fl-ebda waħda mid-dikjarazzjonijiet fiskali tagħha.

30      Għaldaqstant, minħabba f’dan, ir-rikorrenti ma tinsabx f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ kwalunkwe impriża li wettqet operazzjonijiet li setgħu jibbenefikaw mill-iskema kkontestata u għaldaqstant hija benefiċjarja potenzjali, u mhux effettiva, tal-imsemmija skema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Acegas vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 sa 54). Konsegwentement, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-operazzjonijiet ta’ wara l-21 ta’ Diċembru 2007.

31      Fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ qabel il-21 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti stabbilixxiet il-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva tal-iskema kkontestata. Fil-fatt, mal-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija hemżet dokument li jikkonferma li hija kienet applikat l-iskema kkontestata għal akkwisti ta’ ishma, wieħed fit-23 ta’ April 2007, f’kumpannija stabbilita fir-Renju Unit u l-oħrajn fl-1 ta’ Diċembru 2004 u l-1 ta’ Diċembru 2005, f’kumpannija stabbilita fil-Greċja. Madankollu, skont l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma hijex koperta mill-obbligu ta’ rkupru previst minn din id-deċiżjoni.

32      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li r-rikonoxximent tal-interess individwali ta’ rikorrent minn att li jiddikjara għajnuna inkompatibbli ma jistax ikun limitat għall-każijiet fejn l-imsemmi att jimponi l-irkupru ta’ din l-għajnuna. F’dan il-każ, ir-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata minħabba li tagħmel parti minn grupp ristrett ta’ benefiċjarji tal-għajnuna li n-numru u l-identità tagħhom huma ddeterminati u verifikabbli matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dwar dan il-punt, hija titlob lill-Qorti Ġenerali tadotta t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrenti fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ikkonfermata b’mod partikolari permezz tal-laqgħa tar-rappreżentanti tagħha mal-Kummissjoni tas-16 ta’ April 2008, imsemmija fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, u bl-istess mod fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata fejn jissemma l-akkwist ta’ ishma fil-kumpannija Scottish Power juru li s-sitwazzjoni partikolari tagħha ttieħdet inkunsiderazzjoni u li għaldaqstant ir-rikorrenti hija kkonċernata individwalment.

33      Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tas-suġġetti tad-dritt li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma jfisser li dawn is-suġġetti għandhom jiġu kkunsidrati bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, peress li bħal f’dan il-każ, din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs Il-Kunsill, C‑451/98, Ġabra p. I‑8949, punt 52 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2009, Confservizi vs Il‑Kummissjoni, T‑292/02, Ġabra p. II‑1659, punt 53).

34      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċertament irrikonoxxiet li rikorrent seta’ kien individwalment ikkonċernat minħabba l-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-att ikkontestat. Madankollu, kienu mminati sitwazzjonijiet partikolari fejn ir-rikorrent kien jokkupa pożizzjoni ta’ negozjatur stabbilita b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess tad-deċiżjoni, li poġġietu f’sitwazzjoni ta’ fatt li kienet tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C‑319/07 P, Ġabra p. I‑5963, punti 85 sa 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement ippreżentat osservazzjonijiet, bħall-31 parti interessata l-oħra u r-rappreżentanti tagħha pparteċipaw, flimkien ma’ dawk ta’ terzi interessati oħrajn, f’laqgħa mal-Kummissjoni fis-16 ta’ April 2008. Tali ċirkustanzi ma humiex tali li juru li kienet tokkupa pożizzjoni ta’ negozjar li tippermettilha li jiġi rrikonoxxut li għandha interess individwali.

36      Għalkemm ir-rikorrenti ssostni li din il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali kif ukoll l-aċċenn tal-akkwist tagħha tal-ishma ta’ Scottish Power fid-deċiżjoni kkontestata juru li s-sitwazzjoni partikolari tagħha kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet fil-dettall b’tali mod li ġie stabbilit l-interess individwali skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Novembru 2001, Mitteldeutsche Erdöl-Raffinerie vs Il-Kummissjoni (T‑9/98, Ġabra p. II‑3367), hija ma tipprovdix provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni tagħha hija paragunabbli ma’ dik tar-rikorrenti fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza.

37      Fil-fatt, fis-sentenza Mitteldeutsche Erdöl-Raffinerie vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 80 sa 82), l-adozzjoni tad-dispożizzjoni tal-liġi fiskali Ġermaniża ddikjarata inkompatibbli mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni kienet ġiet motivata, b’mod partikolari, mill-partikolaritajiet tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Din is-sitwazzjoni partikolari ma kinitx biss is-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa tal-Gvern Ġermaniż u tal-kumpannija partent tar-rikorrenti, iżda wkoll ta’ diskussjonijiet fid-dettall bejn dan il-Gvern u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż kien issuġġerixxa lill-Kummissjoni sabiex ma tapplikax id-dispożizzjoni kkontestata ħlief għar-rikorrenti u sabiex tinnotifika individwalment il-każijiet possibbli l-oħrajn kollha ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fid-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni kienet eżaminat dan is-suġġeriment u indikat ir-raġunijiet għal xiex dan ma setax jiġi aċċettat.

38      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova tali li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari li kienet is-suġġett ta’ diskussjonjiet fid-dettall bejn il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda dubju li l-adozzjoni tal-iskema kkontestata ma kinitx ġiet motivata mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-allegata sitwazzjoni partikolari tagħha. Il-fatt li l-akkwist ta’ Scottish Power mir-rikorrenti huwa msemmi fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma jfissirx li s-sitwazzjoni partikolari tagħha ttieħdet inkunsiderazzjoni, peress li dan l-aċċenn huwa biss illustrativ.

39      Ir-rikorrenti ssostni, it-tieni nett, li l-esklużjoni tal-operazzjonijiet ta’ qabel il-21 ta’ Diċembru 2007 mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ rkupru skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minn naħa, ma hijiex definittiva, minħabba r-rikors ippreżentat minn Deutsche Telekom fil-Kawża T‑207/10 kontra din il-parti tad-dispożittiva tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ma hijiex imposta fuq il-qrati nazzjonali li huma aditi b’rikorsi ppreżentati mill-kompetituri tagħha.

40      Bħalma tirrileva ġustament il-Kummissjoni, b’dan l-argument, ir-rikorrenti tfixkel il-kundizzjoni għall-ammissibbiltà tal-interess individwali ma’ dik tal-interess ġuridiku. Fil-fatt, għalkemm l-interess ġuridiku jista’ jiġi stabbilit permezz, b’mod partikolari, tal-azzjonijiet mibdija quddiem il-qorti nazzjonali wara l-preżentata tar-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2 vs Id-Danimarka et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, punti 78 sa 82), l-interess individwali ta’ persuna fiżika jew ġuridika huwa evalwat fil-jum tal-preżentata tar-rikors u jiddependi biss fuq id-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, persuna kkonċernata individwalment minn deċiżjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni tibqa’ tali anki jekk sussegwentement jirriżulta li l-irkupru mhux ser jintalab lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak għal din is-sentenza, Ġabra p. I‑4727, punti 81 u 82).

41      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sabiex ikun ikkonċernat individwalment mill-att ikkontestat, ir-rikorrent għandu jistabbilixxi li jagħmel parti minn grupp ristrett, jiġifieri minn grupp li ma jistax jiżdied wara l-adozzjoni tal-att ikkontestat (ara, f’dan, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport Il-Kummissjoni, C‑152/88, Ġabra p. I‑2477, punt 11, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 63).

42      Minn dan jirriżulta, f’dan il-każ, li l-annullament eventwali tal-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti Ġenerali u l-irkupru sussegwenti tal-għajnuna kkontestata mingħand ir-rikorrenti kif ukoll l-azzjonijiet quddiem il-qorti nazzjonali, apparti li huma purament ipotetiċi, peress li r-rikorrenti ammettiet fir-risposti għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali u fis-seduta li ma kien ġie ppreżentat l-ebda rikors quddiem qorti nazzjonali, ma jippermettux li tiġi kkunsidrata bħala kkonċernata individwalment.

43      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑207/10 sabiex tallega li r-rifjut fil-konfront tagħha li tkun permessa tikkontesta l-parti tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li hija sfavorevoli għaliha, filwaqt li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors kontra l-parti tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata li hija favorevoli għaliha, jammonta għal ċaħda tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jitfakkar li l-Unjoni hija Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt fejn l-istituzzjonijet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li minnhom jagħmlu parti d-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jgawdu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma hija bl-ebda mod miċħuda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, anki jekk dan ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, xejn ma jipprekludiha milli tissuġġerixxi lill-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-kawżi quddiem qorti nazzjonali li hija tinvoka l-eżistenza tagħhom, fejn ikunu mqajma motivi tali li jimminaw in-nuqqas ta’ obbligu ta’ rkupru li hija tibbenefika minnu taħt id-deċiżjoni kkontestata, sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, biex tiġi mminata l-validità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonstata l-inkompatibbilta tal-iskema kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, Ġabra p. II‑1311, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma hijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

45      Ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li ma hijiex obbligata turi li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata taħt l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

46      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kklassifikata bħala att li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi l-eżistenza ta’ “miżuri nazzjonali meħuda sabiex [din] tiġi implimentata sakemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema [kkontestata] ikun lest”. L-eżistenza stess ta’ dawn il-miżuri ta’ rkupru, li jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni, tiġġustifika li d-deċiżjoni kkontestata tkun ikkunsidrata bħala att li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, dawn il-miżuri jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qorti nazzjonali mid-destinatarji tagħhom.

47      Barra minn hekk, dawn il-miżuri jistgħu wkoll, jekk ikun il-każ, jiġu kkontestati mir-rikorrenti fil-każ fejn, kif hija tallega (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), l-obbligu ta’ rkupru jkun implementat fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-miżuri ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex limitati għal dawn il-miżuri ta’ rkupru, iżda jinkludu wkoll kull miżura intiża sabiex timplementa d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, fosthom b’mod partikolari dik li tikkonsisti fiċ-ċaħda ta’ talba għal benefiċċju mill-vantaġġ fiskali inkwistjoni, liema ċaħda tista’ wkoll tiġi kkontestata mir-rikorrenti quddiem il-qorti nazzjonali. Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix, u lanqas teħtieġ, miżuri ta’ implementazzjoni sabiex tipproduċi l-effetti tagħha, peress li hija tipprojbixxi awtomatikament li titkompla l-applikazzjoni tal-iskema kkontestata mill-benefiċjarji u mir-Renju ta’ Spanja.

48      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni u li għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar in-natura tal-att regolatorju tal-imsemmija deċiżjoni, l-argument sussidjarju tar-rikorrenti, li huwa bbażat fuq l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi miċħud.

49      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

50      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tmien Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Iberdrola, SA hija kkundannata għll-ispejjeż.

Truchot

Martins Ribeiro

Wahl

Soldevila Fragoso

 

      Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Marzu 2012.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.